(25) Sabiex tiġi pprovduta ċarezza dwar dak li konsumatur jista’ jistenna mill-oġġetti u dak li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-bejjiegħ f’każ li ma jitwassalx dak li jkun mistenni, huwa essenzjali li jiġu kompletament armonizzati r-regoli li jippermettu li jiġi determinat jekk l-oġġetti humiex f’konformità.
Jenħtieġ li kwalunkwe referenza għall-konformità f’din id-Direttiva tirreferi għall-konformità tal-oġġetti skont il-kuntratt tal-bejgħ.
Sabiex jitħarsu l-interessi leġittimi taż-żewġ partijiet f’kuntratt ta’ bejgħ, il-konformità jenħtieġ li tiġi vvalutata abbażi ta’ rekwiżiti għall-konformità soġġettivi kif ukoll oġġettivi.
- = -
(29) Sabiex ikunu f’konformità, jenħtieġ li l-oġġetti jkunu konformi mhux biss mar-rekwiżiti soġġettivi għall-konformità iżda jenħtieġ li barra minn hekk ikunu konformi mar-rekwiżiti oġġettivi għall-konformità stabbiliti f’din id-Direttiva.
Jenħtieġ li l-konformità tiġi vvalutata, fost l-oħrajn, b’kunsiderazzjoni tal-iskop li għalih oġġetti tal-istess tip jintużaw normalment, jekk dawn l-oġġetti jkunux pprovduti bl-aċċessorji u l-istruzzjonijiet li l-konsumatur jista’ raġonevolment jistenna li jirċievi jew jekk ikunux jikkorrispondu mal-kampjun jew mal-mudell li l-bejjiegħ ikun qiegħed għad-dispożizzjoni tal-konsumatur.
Jenħtieġ li l-oġġetti jkollhom ukoll il-kwalitajiet u l-elementi li normalment ikunu jinsabu għal oġġetti tal-istess tip u li l-konsumatur jista’ raġonevolment jistenna fid-dawl tan-natura tal-oġġetti u ta’ kwalunkwe dikjarazzjoni pubblika magħmula mill-bejjiegħ, f’ismu jew minn persuni oħra f’ħoloq aktar bikrija tal-katina tat-tranżazzjonijiet.
- = -
(30) Minbarra aġġornamenti miftiehma kuntrattwalment, jenħtieġ li l-bejjiegħ jipprovdi wkoll aġġornamenti, fosthom aġġornamenti tas-sigurtà, sabiex jiġi żgurat li l-oġġetti b’elementi diġitali jibqgħu konformi.
Jenħtieġ li l-obbligu tal-bejjiegħ ikun limitat għall-aġġornamenti li huma meħtieġa biex tali oġġetti jżommu l-konformità tagħhom mar-rekwiżiti oġġettivi u soġġettivi tal-konformità stabbiliti f’din id-Direttiva.
Sakemm il-partijiet ma jkunux ftehmu kuntrattwalment mod ieħor, jenħtieġ li l-bejjiegħ ma jkunx obbligat jipprovdi verżjonijiet aġġornati tal-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali tal-oġġetti jew li jtejjeb jew jestendi l-funzjonalitajiet tal-oġġetti apparti r-rekwiżiti relatati mal-konformità.
Jekk aġġornament ipprovdut mill-bejjiegħ jew minn parti terza li tipprovdi l-kontenut jew is-servizz diġitali taħt il-kuntratt tal-bejgħ jikkawża nuqqas ta’ konformità fl-oġġett b’elementi diġitali, jenħtieġ li l-bejjiegħ ikun responsabbli biex l-oġġett jerġa’ jinġieb f’konformità.
Il-konsumatur jenħtieġ li jibqa’ liberu li jagħżel jekk jinstallax l-aġġornamenti pprovduti.
Jekk il-konsumatur jiddeċiedi li ma jinstallax l-aġġornamenti meħtieġa għall-oġġetti b’elementi diġitali biex tinżamm il-konformità tagħhom, jenħtieġ li l-konsumatur, madankollu, ma jistenniex li tali oġġetti jibqgħu konformi.
Jenħtieġ li l-bejjiegħ jinforma lill-konsumatur li d-deċiżjoni tal-konsumatur li ma jinstallax l-aġġornamenti meħtieġa biex il-kontenut jew is-servizz diġitali jinżamm f’konformità, inklużi aġġornamenti tas-sigurtà, ser taffettwa r-responsabbiltà tal-bejjiegħ għall-konformità ta’ dawk il-karatteristiċi tal-kontenut jew is-servizz diġitali li l-aġġornamenti rilevanti suppost li jżommu f’konformità.
Jenħtieġ li din id-Direttiva ma taffettwax l-obbligi li jiġu pprovduti l-aġġornamenti tas-sigurtà stabbiliti f’liġi oħra tal-Unjoni jew fil-liġi nazzjonali.
- = -
(32) L-assigurazzjoni ta’ durabbiltà itwal tal-oġġetti hija importanti sabiex jinkisbu mudelli ta’ konsum aktar sostenibbli u ekonomija ċirkolari.
Bl-istess mod, iż-żamma ta’ prodotti mhux konformi barra mis-suq tal-Unjoni billi tissaħħaħ is-sorveljanza tas-suq u jiġu pprovduti l-inċentivi t-tajbin lill-operaturi ekonomiċi hija essenzjali sabiex tiżdied il-fiduċja fil-funzjonament tas-suq intern.
Għal dawk l-għanijiet, leġiżlazzjoni tal-Unjoni speċifika għall-prodott hija l-aktar mezz xieraq sabiex jiddaħħlu rekwiżiti ta’ durabbiltà u rekwiżiti oħrajn marbutin mal-prodott fir-rigward ta’ tipi jew gruppi speċifiċi ta’ prodotti, u għal dan il-għan jintużaw kriterji addattati.
Jenħtieġ għalhekk li din id-Direttiva tkun komplementari għall-objettivi fil-mira f’leġiżlazzjoni tal-Unjoni speċifika bħal din, u jenħtieġ li tinkludi d-durabbiltà bħala kriterju oġġettiv għall-valutazzjoni tal-konformità tal-oġġetti.
Jenħtieġ li d-durabbiltà f’din id-Direttiva tirreferi għall-kapaċità tal-oġġetti li jżommu l-funzjonijiet u l-prestazzjoni meħtieġa tagħhom f’kondizzjonijiet normali ta’ użu.
Sabiex l-oġġetti jkunu konformi jenħtieġ li jkollhom id-durabbiltà normali għal oġġetti tal-istess tip u li l-konsumatur jista’ raġonevolment jistenna fid-dawl tan-natura tal-oġġetti speċifiċi, inkluż il-bżonn ta’ manutenzjoni raġonevoli tal-oġġetti, bħall-ispezzjoni regolari jew it-tibdil tal-filtri f’karozza, u ta’ kwalunkwe dikjarazzjoni pubblika magħmula minn jew f’isem kwalunkwe persuna li tikkostitwixxi ħolqa fil-katina tat-tranżazzjonijiet.
Jenħtieġ li l-valutazzjoni tqis ukoll iċ-ċirkustanzi rilevanti l-oħra kollha, bħall-prezz tal-oġġetti u l-intensità jew il-frekwenza tal-użu li l-konsumatur jagħmel mill-oġġetti.
Barra minn hekk, sa fejn ikun hemm indikata informazzjoni speċifika dwar id-durabbiltà f’kull dikjarazzjoni prekuntrattwali li tifforma parti mill-kuntratt tal-bejgħ, jenħtieġ li l-konsumatur ikun jista’ jiddependi fuqha bħala parti mir-rekwiżiti soġġettivi għall-konformità.
- = -