(15) Jenħtieġ li din id-Direttiva tapplika għal kuntratti għall-bejgħ ta’ oġġetti, inkluż oġġetti b’elementi diġitali meta l-assenza tal-kontenut jew is-servizz diġitali inkorporat jew interkonness timpedixxi lill-oġġetti milli jwettqu l-funzjonijiet tagħhom u meta tali kontenut jew servizz diġitali jkun ipprovdut mal-oġġetti skont il-kuntratt tal-bejgħ li jikkonċerna dawn l-oġġetti.
Jenħtieġ li l-kwistjoni ta’ jekk il-provvista tal-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali inkorporat jew interkonness tiffurmax parti mill-kuntratt tal-bejgħ mal-bejjiegħ tiddependi mill-kontenut ta’ dan il-kuntratt.
Dan jenħtieġ li jinkludi kontenut jew servizzi diġitali inkorporati jew interkonnessi li l-provvista tagħhom tkun meħtieġ b’mod espliċitu fil-kuntratt.
Jenħtieġ li jinkludi wkoll kuntratti ta’ bejgħ li jistgħu jiġu interpretati li jkopru l-provvista ta’ kontenut diġitali speċifiku jew servizz diġitali speċifiku għaliex ikunu normali f’oġġetti tal-istess tip u li l-konsumatur jista’ raġonevolment jistenna li jkunu hemm fid-dawl tan-natura tal-oġġetti u ta’ kwalunkwe dikjarazzjoni pubblika magħmula mill-bejjiegħ, f’ismu jew minn persuni oħra f’ħoloq preċedenti tal-katina tat-tranżazzjonijiet, inkluż il-produttur.
Jekk, pereżempju, sett tat-televiżjoni intelliġenti jkun ġie reklamat bħala li jinkludi applikazzjoni partikolari tal-video, dik l-applikazzjoni tkun meqjusa bħala parti mill-kuntratt tal-bejgħ.
Dan jenħtieġ li japplika irrispettivament minn jekk il-kontenut jew is-servizz diġitali jkunx installat minn qabel fl-oġġett innifsu jew jekk ikollux jitniżżel sussegwentement fuq apparat ieħor u jkun biss interkonness mal-oġġett.
Pereżempju, smartphone jista’ jinbiegħ b’applikazzjoni standardizzata installata minn qabel u pprovduta taħt il-kuntratt tal-bejgħ, pereżempju alarm jew kamera.
Eżempju ieħor possibbli huwa dak ta’ arloġġ intelliġenti.
tali każ, l-arloġġ stess ikun meqjus bħala l-oġġett b’elementi diġitali li jista’ jaqdi l-funzjonijiet tiegħu esklużivament b’applikazzjoni pprovduta skont il-kuntratt tal-bejgħ iżda li trid titniżżel mill-konsumatur fuq smartphone; l-applikazzjoni f’dan il-każ tkun l-element diġitali interkonness.
Jenħtieġ li dan japplika wkoll jekk il-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali inkorporat jew interkonness ma jkunx fornut mill-bejjiegħ innifsu iżda pprovdut, minn parti terza, taħt il-kuntratt tal-bejgħ.
Sabiex tiġi evitata l-inċertezza kemm għall-bejjiegħa kif ukoll għall-konsumaturi, f’każ ta’ dubju dwar jekk il-provvista tal-kontenut jew is-servizz diġitali tkunx parti mill-kuntratt tal-bejgħ, jenħtieġ li japplikaw ir-regoli ta’ din id-Direttiva.
Barra minn hekk, jenħtieġ li r-relazzjoni kuntrattwali bilaterali, bejn il-bejjiegħ u l-konsumatur, li tkopri l-provvista tal-kontenut jew is-servizz diġitali inkorporat jew interkonness ma tkunx affettwata mis-sempliċi fatt li l-konsumatur għandu jagħti l-kunsens tiegħu għal ftehim ta’ liċenzjar ma’ parti terza sabiex jibbenefika mill-kontenut jew is-servizz diġitali.
- = -
(26) Għaldaqstant jenħtieġ li l-oġġetti jkunu konformi mar-rekwiżiti miftiehma bejn il-bejjiegħ u l-konsumatur fil-kuntratt tal-bejgħ.
Dawn ir-rekwiżiti jistgħu jkopru, inter alia, il-kwantità, il-kwalità, it-tip u d-deskrizzjoni tal-oġġetti, l-idoneità tagħhom għal skop speċifiku, kif ukoll il-konsenja tal-oġġetti bl-aċċessorji miftiehma u kwalunkwe istruzzjoni.
Jenħtieġ li r-rekwiżiti tal-kuntratt tal-bejgħ jinkludu dawk li jirriżultaw mill-informazzjoni prekuntrattwali, li, f’konformità mad-Direttiva 2011/83/UE, tifforma parti integrali mill-kuntratt tal- bejgħ.
- = -
(28) Peress li l-kontenut jew is-servizzi diġitali inkorporati fl-oġġetti, jew interkonnessi magħhom, qegħdin jiżviluppaw kontinwament, il-bejjiegħa jistgħu jaqblu mal-konsumaturi li jipprovdu aġġornamenti għal tali oġġetti.
L-aġġornamenti, kif miftiehem fil-kuntratt tal-bejgħ, jistgħu jtejbu u jsaħħu l-element tal-kontenut jew is-servizz diġitali tal-oġġetti, jestendu l-funzjonalitajiet tagħhom, jadattawhom għall-iżviluppi tekniċi, jipproteġuhom minn theddid ġdid għas-sigurtà jew iservu skopijiet oħra.
Jenħtieġ li l-konformità tal-oġġetti b’kontenut diġitali jew servizzi diġitali inkorporati jew interkonnessi fl-oġġetti, għalhekk, tiġi vvalutata wkoll b’rabta ma’ jekk l-element tal-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali ta’ oġġetti bħal dawn ikunx ġie aġġornat f’konformità mal-kuntratt tal-bejgħ.
In-nuqqas ta’ provvista ta’ aġġornamenti li kienu ġew miftiehma fil-kuntratt tal-bejgħ jenħtieġ li jitqies bħala nuqqas ta’ konformità fl-oġġetti.
Barra minn hekk, jenħtieġ li l-aġġornamenti difettużi jew inkompleti jitqiesu wkoll bħala nuqqas ta’ konformità tal-oġġetti, billi b’hekk dan ikun ifisser li ma twettqux tali aġġornamenti bil-mod stipulat fil-kuntratt tal-bejgħ.
- = -