search


keyboard_tab Contratti di vendita di beni conformi 2019/0771 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2019/0771 MT cercato: 'normalment' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl




whereas normalment:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 437

 

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“kuntratt ta’ bejgħ” tfisser kull kuntratt li bih il-bejjiegħ jittrasferixxi jew jimpenja ruħu li jittrasferixxi sjieda ta’ oġġetti lil konsumatur, u l-konsumatur iħallas jew jimpenja ruħu li jħallas il-prezz tagħhom;

(2)

“konsumatur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika, li, b’rabta ma’ kuntratti koperti minn din id-Direttiva, qed taġixxi għal skopijiet li jmorru lil hinn mill-kummerċ, in-negozju, is-sengħa jew il-professjoni ta’ dik il-persuna;

(3)

“bejjiegħ” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, irrispettivament mill-fatt jekk hijiex ta’ sjieda privata jew pubblika, li qed taġixxi, inkluż permezz ta’ kwalunkwe persuna oħra li taġixxi f’isem dik il-persuna fiżika jew ġuridika jew għan-nom ta’ dik il-persuna, għal skopijiet relatati mal-kummerċ, man-negozju, mas-sengħa jew mal-professjoni ta’ dik il-persuna, fir-rigward ta’ kuntratti koperti minn din id-Direttiva;

(4)

“produttur” tfisser manifattur tal-oġġetti, importatur tal-oġġetti fl-Unjoni jew kwalunkwe persuna li ssostni li hija produttur billi tqiegħed isimha, it-trademark jew sinjal distintiv ieħor fuq l-oġġetti;

(5)

“oġġetti” tfisser:

(a)

kwalunkwe oġġett tanġibbli mobbli; l-ilma, il-gass u l-elettriku għandhom jitqiesu bħala oġġetti fis-sens ta’ din id-Direttiva meta jitpoġġew għall-bejgħ f’volum limitat jew fi kwantità fissa;

(b)

kwalunkwe oġġett tanġibbli mobbli li jinkorpora jew li huwa interkonness ma’ kontenut diġitali jew servizz diġitali b’tali mod li l-assenza ta’ dak il-kontenut diġitali jew servizz diġitali ma tippermettix li l-oġġett iwettaq il-funzjonijiet tiegħu (“oġġetti b’elementi diġitali”);

(6)

“kontenut diġitali” tfisser data li tiġi prodotta u pprovduta f’forma diġitali;

(7)

“servizz diġitali” tfisser:

(a)

servizz li jippermetti lill-konsumatur joħloq, jipproċessa, jaħżen jew li jkollu aċċess għal data f’forma diġitali; jew

(b)

servizz li jippermetti l-kondiviżjoni ta’ data f’format diġitali jew il-kondiviżjoni magħha, li tkun imtellgħa jew maħluqa mill-konsumatur jew utenti oħra ta’ dak is-servizz;

(8)

“kompatibbiltà” tfisser il-kapaċità tal-oġġetti li jiffunzjonaw b’hardware jew software li normalment jintużaw magħhom oġġetti tal-istess tip, mingħajr il-bżonn li l-oġġetti, hardware jew software jiġu kkonvertiti;

(9)

“funzjonalità” tfisser il-kapaċità tal-oġġetti li jwettqu l-funzjonijiet tagħhom fid-dawl tal-iskop tagħhom;

(10)

“interoperabbiltà” tfisser il-kapaċità tal-oġġetti li jiffunzjonaw b’hardware jew software differenti minn dawk li magħhom normalment jintużaw oġġetti tal-istess tip;

(11)

“mezz durabbli” tfisser kwalunkwe strument li jippermetti li l-konsumatur jew il-bejjiegħ jaħżen informazzjoni indirizzata personalment lil dik il-persuna b’mod li hu aċċessibbli għal referenza futura, għal perjodu ta’ żmien adegwat għall-iskopijiet tal-informazzjoni, u li jippermetti r-riproduzzjoni mhux mibdula tal-informazzjoni maħżuna;

(12)

“garanzija kummerċjali” tfisser kull impenn mill-bejjiegħ jew minn produttur (il-garanti) lill-konsumatur, flimkien mal-obbligu legali tal-bejjiegħ dwar il-garanzija ta’ konformità, ta’ rimborż tal-prezz imħallas jew ta’ sostituzzjoni, tiswija jew manutenzjoni ta’ oġġetti bi kwalunkwe mod jekk ma jissodisfawx l-ispeċifikazzjonijiet jew kull rekwiżit ieħor mhux relatat mal-konformità, stipulati fid-dikjarazzjoni tal-garanzija jew fir-reklamar relevanti disponibbli fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, jew qablu;

(13)

“durabbiltà” tfisser il-kapaċità tal-oġġetti li jżommu l-funzjonijiet u l-prestazzjoni tagħhom f’użu normali;

(14)

“mingħajr ħlas” tfisser ħielsa mill-ispejjeż neċessarji magħmula sabiex l-oġġetti jinġiebu f’konformità, b’mod partikolari l-ispejjeż tal-posta, tal-ġarr, tax-xogħol jew tal-materjali;

(15)

“irkant pubbliku” tfisser metodu ta’ bejgħ fejn oġġetti u servizzi jkunu offruti minn bejjiegħ lill-konsumaturi, li jattendu jew jingħataw il-possibbiltà li jattendu l-irkant fiżikament, permezz ta’ proċedura ta’ offerti trasparenti u kompetittiva mmexxija minn irkantatur u fejn l-offerent rebbieħ ikun obbligat li jixtri l-oġġetti jew is-servizzi.

Artikolu 7

Rekwiżiti oġġettivi għall-konformità

1.   Minbarra li jikkonforma ma’ kwalunkwe rekwiżit soġġettiv għall-konformità, l-oġġetti għandhom:

(a)

ikunu adattati għall-iskopijiet li għalihom normalment jintużaw oġġetti tal-istess tip, b’kont meħud, jekk applikabbli, ta’ kwalunkwe liġi tal-Unjoni u nazzjonali eżistenti, ta’ kwalunkwe standard tekniku jew, fin-nuqqas ta’ tali standards tekniċi, il-kodiċi ta’ kondotta industrijali speċifiċi għas-settur applikabbli;

(b)

fejn applikabbli, ikunu ta’ kwalità tal-kampjun jew il-mudell li l-bejjiegħ ikun qiegħed għad-dispożizzjoni tal-konsumatur qabel il-konklużjoni tal-kuntratt u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni tiegħu;

(c)

jekk applikabbli, jiġu pprovduti flimkien ma’ tali aċċessorji, li jinkludu l-imballaġġ, l-istruzzjonijiet għall-installazzjoni jew struzzjonijiet oħra, kif il-konsumatur jista’ raġonevolment jistenna li jirċievi; u

(d)

jikkorrispondu għall-kwantità u jkollhom il-kwalitajiet u karatteristiċi oħrajn, inkluż f’termini ta’ durabbiltà, funzjonalità, kompatibbiltà u sigurtà, normali għal oġġetti tal-istess tip u li l-konsumatur jista’ raġonevolment jistenna fid-dawl tan-natura tal-oġġetti u ta’ kull dikjarazzjoni pubblika magħmula minn jew f’isem il-bejjiegħ jew persuni oħra f’ħoloq aktar preċedenti tal-katina tat-tranżazzjonijiet, inkluż il-produttur, partikolarment fir-reklamar jew fuq it-tikkettar.

2.   Il-bejjiegħ ma għandux ikun marbut b’dikjarazzjonijiet pubbliċi, kif imsemmi fil-punt (d) tal-paragrafu 1 jekk il-bejjiegħ juri li:

(a)

il-bejjiegħ ma kienx, u ma setax raġonevolment ikun, konxju tad-dikjarazzjoni pubblika inkwistjoni;

(b)

sal-mument li fih ikun ġie konkluż il-kuntratt, id-dikjarazzjoni pubblika kienet ġiet korretta bl-istess mod jew b’mod komparabbli bħal kif kienet saret; jew

(c)

id-deċiżjoni li jinxtraw l-oġġetti ma setgħetx ġiet influwenzata mid-dikjarazzjoni pubblika.

3.   F’każ ta’ oġġetti b’elementi diġitali, il-bejjiegħ għandu jiżgura li l-konsumatur jiġi infurmat bl-aġġornamenti u jiġi fornut bihom, inklużi l-aġġornamenti tas-sigurtà meħtieġa biex dawk l-oġġetti jinżammu f’konformità, għall-perjodu ta’ żmien:

(a)

li konsumatur jista’ raġonevolment jistenna, fid-dawl tat-tip u l-iskop tal-oġġetti u l-elementi diġitali, u b’kont meħud taċ-ċirkustanzi u n-natura tal-kuntratt, meta l-kuntratt tal-bejgħ jipprevedi att ta’ provvista wieħed għall-kontenut jew is-servizz diġitali; jew

(b)

indikat fl-Artikolu 10(2) jew (5), kif applikabbli, meta l-kuntratt tal-bejgħ jipprevedi l-forniment kontinwu tal-kontenut jew is-servizz diġitali fuq tul ta’ żmien.

4.   Jekk il-konsumatur jonqos milli jinstalla l-aġġornamenti pprovduti f’konformità mal-paragrafu 3 fi żmien raġonevoli, il-bejjiegħ ma għandu jkun responsabbli għall-ebda nuqqas ta’ konformità li jirriżulta biss min-nuqqas tal-aġġornament rilevanti, dment li:

(a)

il-bejjiegħ ikun informa lill-konsumatur dwar id-disponibbiltà tal-aġġornament u l-konsegwenzi tan-nuqqas tal-konsumatur li jinstallah; u

(b)

in-nuqqas tal-konsumatur li jinstalla jew l-installazzjoni ħażina mill-konsumatur tal-aġġornament ma kinux dovuti għal nuqqasijiet fl-istruzzjonijiet tal-installazzjoni pprovduti lilu.

5.   Ma għandu jkun hemm l-ebda nuqqas ta’ konformità fis-sens tal-paragrafu 1 jew 3 jekk, fil-mument meta jkun ġie konkluż il-kuntratt tal-bejgħ, il-konsumatur ikun ġie infurmat b’mod speċifiku li karatteristika partikolari tal-oġġetti kienet qed tiddevja mir-rekwiżiti oġġettivi għall-konformità stabbiliti fil-paragrafu 1 jew 3 u l-konsumatur aċċetta dik id-devjazzjoni espliċitament u separatament fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt tal-bejgħ.


whereas









keyboard_arrow_down