(18) Jenħtieġ li din id-Direttiva ma taffettwax il-liġi nazzjonali sal-punt li l-kwistjonijiet ikkonċernati mhumiex irregolati minn din id-Direttiva, b’mod partikolari fir-rigward tal-legalità tal-oġġetti, id-danni u aspetti ġenerali relatati mal-liġi kuntrattwali bħall-formazzjoni, il-validità, in-nullità jew l-effetti tal-kuntratti.
L-istess jenħtieġ li japplika b’relazzjoni mal-konsegwenzi tat-terminazzjoni tal-kuntratt u għal ċerti aspetti dwar it-tiswija u s-sostituzzjoni, li mhumiex irregolati f’din id-Direttiva.
Fir-regolamentazzjoni tad-drittijiet tal-partijiet biex iżommu t-twettiq tal-obbligi tagħhom jew parti minnhom sa ma l-parti l-oħra twettaq l-obbligi tagħha, jenħtieġ li l-Istati Membri jibqgħu liberi li jirregolaw il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet dwar iż-żamma tal-ħlas tal-prezz mill-konsumatur.
Jenħtieġ ukoll li l-Istati Membri jibqgħu liberi li jirregolaw id-dritt tal-konsumatur għal kumpens għad-danni mġarrba b’konsegwenza ta’ ksur ta’ din id-Direttiva min-naħa tal-bejjiegħ.
Jenħtieġ li din id-Direttiva ma taffettwax ir-regoli nazzjonali li ma jikkonċernawx b’mod speċifiku l-kuntratti tal-konsumatur u li jipprovdu għal rimedji speċifiċi għal ċerti tipi ta’ difetti li ma kinux immanifestaw ruħhom fil-mument li ġie konkluż il-kuntratt tal-bejgħ, jiġifieri dispożizzjonijiet nazzjonali li jistgħu jistabbilixxu regoli speċifiċi għar-responsabbiltà tal-bejjiegħ għal kwalunkwe difett moħbi.
Jenħtieġ ukoll li din id-Direttiva ma taffettwax il-liġijiet nazzjonali li jipprevedu rimedji mhux kuntrattwali għall-konsumatur, fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità tal-oġġetti, kontra persuni f’ħoloq preċedenti tal-katina ta-tranżazzjonijiet, pereżempju l-manifatturi, jew persuni oħra li jissodisfaw l-obbligi ta’ tali persuni.
- = -
(29) Sabiex ikunu f’konformità, jenħtieġ li l-oġġetti jkunu konformi mhux biss mar-rekwiżiti soġġettivi għall-konformità iżda jenħtieġ li barra minn hekk ikunu konformi mar-rekwiżiti oġġettivi għall-konformità stabbiliti f’din id-Direttiva.
Jenħtieġ li l-konformità tiġi vvalutata, fost l-oħrajn, b’kunsiderazzjoni tal-iskop li għalih oġġetti tal-istess tip jintużaw normalment, jekk dawn l-oġġetti jkunux pprovduti bl-aċċessorji u l-istruzzjonijiet li l-konsumatur jista’ raġonevolment jistenna li jirċievi jew jekk ikunux jikkorrispondu mal-kampjun jew mal-mudell li l-bejjiegħ ikun qiegħed għad-dispożizzjoni tal-konsumatur.
Jenħtieġ li l-oġġetti jkollhom ukoll il-kwalitajiet u l-elementi li normalment ikunu jinsabu għal oġġetti tal-istess tip u li l-konsumatur jista’ raġonevolment jistenna fid-dawl tan-natura tal-oġġetti u ta’ kwalunkwe dikjarazzjoni pubblika magħmula mill-bejjiegħ, f’ismu jew minn persuni oħra f’ħoloq aktar bikrija tal-katina tat-tranżazzjonijiet.
- = -
(32) L-assigurazzjoni ta’ durabbiltà itwal tal-oġġetti hija importanti sabiex jinkisbu mudelli ta’ konsum aktar sostenibbli u ekonomija ċirkolari.
Bl-istess mod, iż-żamma ta’ prodotti mhux konformi barra mis-suq tal-Unjoni billi tissaħħaħ is-sorveljanza tas-suq u jiġu pprovduti l-inċentivi t-tajbin lill-operaturi ekonomiċi hija essenzjali sabiex tiżdied il-fiduċja fil-funzjonament tas-suq intern.
Għal dawk l-għanijiet, leġiżlazzjoni tal-Unjoni speċifika għall-prodott hija l-aktar mezz xieraq sabiex jiddaħħlu rekwiżiti ta’ durabbiltà u rekwiżiti oħrajn marbutin mal-prodott fir-rigward ta’ tipi jew gruppi speċifiċi ta’ prodotti, u għal dan il-għan jintużaw kriterji addattati.
Jenħtieġ għalhekk li din id-Direttiva tkun komplementari għall-objettivi fil-mira f’leġiżlazzjoni tal-Unjoni speċifika bħal din, u jenħtieġ li tinkludi d-durabbiltà bħala kriterju oġġettiv għall-valutazzjoni tal-konformità tal-oġġetti.
Jenħtieġ li d-durabbiltà f’din id-Direttiva tirreferi għall-kapaċità tal-oġġetti li jżommu l-funzjonijiet u l-prestazzjoni meħtieġa tagħhom f’kondizzjonijiet normali ta’ użu.
Sabiex l-oġġetti jkunu konformi jenħtieġ li jkollhom id-durabbiltà normali għal oġġetti tal-istess tip u li l-konsumatur jista’ raġonevolment jistenna fid-dawl tan-natura tal-oġġetti speċifiċi, inkluż il-bżonn ta’ manutenzjoni raġonevoli tal-oġġetti, bħall-ispezzjoni regolari jew it-tibdil tal-filtri f’karozza, u ta’ kwalunkwe dikjarazzjoni pubblika magħmula minn jew f’isem kwalunkwe persuna li tikkostitwixxi ħolqa fil-katina tat-tranżazzjonijiet.
Jenħtieġ li l-valutazzjoni tqis ukoll iċ-ċirkustanzi rilevanti l-oħra kollha, bħall-prezz tal-oġġetti u l-intensità jew il-frekwenza tal-użu li l-konsumatur jagħmel mill-oġġetti.
Barra minn hekk, sa fejn ikun hemm indikata informazzjoni speċifika dwar id-durabbiltà f’kull dikjarazzjoni prekuntrattwali li tifforma parti mill-kuntratt tal-bejgħ, jenħtieġ li l-konsumatur ikun jista’ jiddependi fuqha bħala parti mir-rekwiżiti soġġettivi għall-konformità.
- = -
(39) Jenħtieġ li oġġetti b’elementi diġitali jitqiesu konsenjati lill-konsumatur meta l-komponent fiżiku tal-oġġetti jkun ġie konsenjat u l-att uniku ta’ provvista tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali jkun twettaq jew il-provvista kontinwa tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali fuq perjodu ta’ żmien tkun bdiet.
Dan ifisser li l-bejjiegħ jenħtieġ li jagħmel ukoll il-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali disponibbli jew aċċessibbli għall-konsumatur b’tali mod li l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali, jew kwalunkwe mezz adattat biex iniżżlu jew jaċċedi għalih, ikun laħaq l-isfera tal-konsumatur u ma tkun meħtieġa l-ebda azzjoni ulterjuri mill-bejjiegħ sabiex il-konsumatur ikun jista’ juża l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali skont il-kuntratt, pereżempju billi tiġi pprovduta link jew għażla għat-tniżżil.
Għaldaqstant, jenħtieġ li l-mument rilevanti biex tiġi stabbilita l-konformità jkun il-ħin meta l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali jiġi fornut, jekk il-komponent fiżiku ikun ġie konsenjat qabel.
B’riżultat ta’ dan, jista’ jiġi żgurat li jkun hemm punt ta’ tluq uniformi għall-perjodu ta’ responsabbiltà għall-komponent fiżiku, minn naħa waħda, u għall-element diġitali, min-naħa l-oħra.
Barra minn hekk, f’ħafna każijiet il-konsumatur ma jkunx kapaċi jinnota difett fil-komponent fiżiku qabel ma jkun fornut il-kontenut jew is-servizz diġitali.
- = -
(48) Fir-rigward li l-oġġetti jinġiebu f’konformità jenħtieġ li l-konsumatur igawdi minn għażla bejn tiswija jew sostituzzjoni.
Il-fatt li l-konsumaturi jkunu jistgħu jitolbu tiswija għandu jinkoraġġixxi konsum sostenibbli u jista’ jikkontribwixxi għal durabbiltà akbar tal-prodotti.
L-għażla tal-konsumatur bejn tiswija u sostituzzjoni jenħtieġ li tkun limitata biss fejn l-opzjoni magħżula tkun legalment jew fattwalment impossibbli jew, timponi spejjeż sproporzjonati fuq il-bejjiegħ, meta mqabbla mal-opzjoni l-oħra disponibbli.
Pereżempju, jista’ jkun sproporzjonat li titlob is-sostituzzjoni ta’ oġġetti minħabba barxa żgħira, meta tali sostituzzjoni toħloq spejjeż sinifikanti u, l-barxa tista’ tissewwa faċilment.
- = -
(58) Sabiex id-dritt ta’ terminazzjoni jkun effettiv għall-konsumaturi, f’sitwazzjonijiet fejn il-konsumatur jakkwista diversi oġġetti u n-nuqqas ta’ konformità jaffettwa biss uħud biss mill-oġġetti kkonsenjati skont il-kuntratt, il-konsumatur jenħtieġ li jkollu d-dritt li jittermina l-kuntratt anki b’rabta mal-oġġetti l-oħra akkwistati flimkien mal-oġġetti mhux konformi, anki jekk dawk l-oġġetti l-oħra jkunu konformi, jekk il-konsumatur ma jistax ikun raġonevolment mistenni li jaċċetta li jżomm biss l-oġġetti konformi.
- = -
(70) Minħabba li l-għan ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li tikkontribwixxi għall-funzjonament tas-suq intern billi tindirizza b’mod konsistenti l-ostakli marbutin mal-liġi dwar il-kuntratti għall-bejgħ transfruntier ta’ oġġetti fl-Unjoni, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, minħabba l-fatt li kull Stat Membru individwalment mhuwiex f’pożizzjoni li jindirizza l-qafas legali frammentat eżistenti billi jiżgura l-koerenza tal-liġi tiegħu mal-liġijiet tal-Istati Membri l-oħra, iżda jista’, billi jitneħħew l-ostakli prinċipali relatati mad-dritt tal-kuntratti permezz ta’ armonizzazzjoni sħiħa jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri f’konformità mal-prinċipji ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.
F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.
- = -