(14) It-terminu “oġġetti” kif previst f’din id-Direttiva jenħtieġ li jinftiehem li jinkludi “oġġetti b’elementi diġitali”, u għaldaqstant jirreferi wkoll għal kwalunkwe kontenut jew servizz diġitali li jkun inkorporat f’dawn l-oġġetti jew interkonness magħhom b’tali mod li n-nuqqas ta’ tali kontenut jew servizz diġitali jimpedixxi lill-oġġetti milli jwettqu l-funzjonijiet tagħhom.
Il-kontenut diġitali inkorporat f’oġġett jew interkonness miegħu jista’ jkun kwalunkwe data li tiġi prodotta u fornuta f’forma diġitali, bħal sistemi operattivi, applikazzjonijiet u kwalunkwe software ieħor.
Il-kontenut diġitali jista’ jkun installat minn qabel meta jiġi konkluż il-kuntratt tal-bejgħ jew, f’każ li dak il-kuntratt jipprovdi dan, jista’ jiġi installat wara.
Servizzi diġitali interkonnessi ma’ oġġett jistgħu jinkludu servizzi li jippermettu l-ħolqien, l-ipproċessar jew il-ħżin ta’ data f’forma diġitali, jew aċċess għaliha, bħal software bħala servizz offrut fl-ambjent tal-cloud computing, il-provvista kontinwa ta’ data dwar it-traffiku f’sistema ta’ navigazzjoni, jew il-provvista kontinwa ta’ pjanijiet ta’ taħriġ adattati individwalment fil-każ ta’ arloġġ intelliġenti.
- = -
(28) Peress li l-kontenut jew is-servizzi diġitali inkorporati fl-oġġetti, jew interkonnessi magħhom, qegħdin jiżviluppaw kontinwament, il-bejjiegħa jistgħu jaqblu mal-konsumaturi li jipprovdu aġġornamenti għal tali oġġetti.
L-aġġornamenti, kif miftiehem fil-kuntratt tal-bejgħ, jistgħu jtejbu u jsaħħu l-element tal-kontenut jew is-servizz diġitali tal-oġġetti, jestendu l-funzjonalitajiet tagħhom, jadattawhom għall-iżviluppi tekniċi, jipproteġuhom minn theddid ġdid għas-sigurtà jew iservu skopijiet oħra.
Jenħtieġ li l-konformità tal-oġġetti b’kontenut diġitali jew servizzi diġitali inkorporati jew interkonnessi fl-oġġetti, għalhekk, tiġi vvalutata wkoll b’rabta ma’ jekk l-element tal-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali ta’ oġġetti bħal dawn ikunx ġie aġġornat f’konformità mal-kuntratt tal-bejgħ.
In-nuqqas ta’ provvista ta’ aġġornamenti li kienu ġew miftiehma fil-kuntratt tal-bejgħ jenħtieġ li jitqies bħala nuqqas ta’ konformità fl-oġġetti.
Barra minn hekk, jenħtieġ li l-aġġornamenti difettużi jew inkompleti jitqiesu wkoll bħala nuqqas ta’ konformità tal-oġġetti, billi b’hekk dan ikun ifisser li ma twettqux tali aġġornamenti bil-mod stipulat fil-kuntratt tal-bejgħ.
- = -
(31) Bħala prinċipju, fil-każ ta’ oġġetti b’elementi diġitali fejn il-kontenut jew is-servizz diġitali inkorporati fl-oġġetti, jew interkonnessi magħhom, ikunu pprovduti f’att ta’ provvista wieħed, il-bejjiegħ jenħtieġ li jkun responsabbli biss għan-nuqqas ta’ konformità eżistenti fil-mument tal-konsenja.
Madankollu, jenħtieġ li fl-obbligu li jingħataw aġġornamenti jirriflettu l-fatt li l-ambjent diġitali ta’ kwalunkwe oġġett bħal dan jinbidel kontinwament.
Għalhekk, l-aġġornamenti huma għodda meħtieġa sabiex jiġi żgurat li l-oġġetti jkunu jistgħu jiffunzjonaw bl-istess mod kif kienu fil-mument tal-konsenja.
Barra minn hekk, b’differenza minn oġġetti tradizzjonali, l-oġġetti b’elementi diġitali mhumiex kompletament separati mill-isfera tal-bejjiegħ peress li l-bejjiegħ, jew persuna terza li tipprovdi l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali taħt il-kuntratt tal-bejgħ, tista’ taġġorna l-oġġetti mill-bogħod, ġeneralment permezz tal-Internet.
Għalhekk, jekk il-kontenut jew is-servizz diġitali jkunu fornuti permezz ta’ att uniku ta’ provvista, jenħtieġ li l-bejjiegħ ikun responsabbli li jipprovdi l-aġġornamenti meħtieġa biex l-oġġetti b’elementi diġitali jinżammu f’konformità fil-perjodu li l-konsumatur jista’ jistenna raġonevolment, anki jekk l-oġġetti kienu f’konformità fil-mument tal-konsenja.
Jenħtieġ li l-perjodu ta’ żmien li fih il-konsumatur jista’ raġonevolment jistenna li jirċievi aġġornamenti jiġi vvalutat abbażi tat-tip u l-iskop tal-oġġetti u l-elementi diġitali, u filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkustanzi u n-natura tal-kuntratt tal-bejgħ.
Konsumatur normalment jistenna li jirċievi aġġornamenti għal mhux inqas mit-tul ta’ żmien li matulu l-bejjiegħ ikun responsabbli għal nuqqas ta’ konformità, waqt li f’xi każijiet l-istennija raġonevoli tal-konsumatur tista’ testendi lil hinn minn dak il-perjodu, kif jista’ jkun il-każ partikolarment fir-rigward tal-aġġornamenti tas-sigurtà.
F’każijiet oħra, pereżempju fir-rigward ta’ oġġetti b’elementi diġitali li l-għan tagħhom huwa limitat fiż-żmien, l-obbligu tal-bejjiegħ li jipprovdi aġġornamenti normalment ikun limitat għal dak iż-żmien.
- = -
(37) Ċertezza legali akbar kemm għall-konsumaturi kif ukoll għall-bejjiegħa tirrikjedi indikazzjoni ċara taż-żmien meta jenħtieġ li tiġi vvalutata l-konformità.
Jenħtieġ li ż-żmien rilevanti sabiex tiġi vvalutata l-konformità tal-oġġetti jkun iż-żmien meta l-oġġetti jiġu kkonsenjati.
Jenħtieġ li dan japplika wkoll għal oġġetti li jinkorporaw kontenut jew servizz diġitali, jew ikunu interkonnessi miegħu, u fornuti permezz ta’ att uniku ta’ provvista.
Madankollu, jekk il-kontenut jew is-servizz diġitali inkorporat fl-oġġetti, jew interkonness miegħu, ikun se jiġi fornut kontinwament tul perjodu ta’ żmien, jenħtieġ li ż-żmien rilevanti għall-iskop tal-istabbiliment tal-konformità ta’ dak l-element tal-kontenut jew is-servizz diġitali ma jkunx mument wieħed speċifiku fiż-żmien iżda pjuttost perjodu ta’ żmien, li jibda mill-mument tal-konsenja.
Jenħtieġ li, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, dak il-perjodu ta’ żmien ikun daqs il-perjodu li matulu l-bejjiegħ ikun responsabbli għal nuqqas ta’ konformità.
- = -
(39) Jenħtieġ li oġġetti b’elementi diġitali jitqiesu konsenjati lill-konsumatur meta l-komponent fiżiku tal-oġġetti jkun ġie konsenjat u l-att uniku ta’ provvista tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali jkun twettaq jew il-provvista kontinwa tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali fuq perjodu ta’ żmien tkun bdiet.
Dan ifisser li l-bejjiegħ jenħtieġ li jagħmel ukoll il-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali disponibbli jew aċċessibbli għall-konsumatur b’tali mod li l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali, jew kwalunkwe mezz adattat biex iniżżlu jew jaċċedi għalih, ikun laħaq l-isfera tal-konsumatur u ma tkun meħtieġa l-ebda azzjoni ulterjuri mill-bejjiegħ sabiex il-konsumatur ikun jista’ juża l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali skont il-kuntratt, pereżempju billi tiġi pprovduta link jew għażla għat-tniżżil.
Għaldaqstant, jenħtieġ li l-mument rilevanti biex tiġi stabbilita l-konformità jkun il-ħin meta l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali jiġi fornut, jekk il-komponent fiżiku ikun ġie konsenjat qabel.
B’riżultat ta’ dan, jista’ jiġi żgurat li jkun hemm punt ta’ tluq uniformi għall-perjodu ta’ responsabbiltà għall-komponent fiżiku, minn naħa waħda, u għall-element diġitali, min-naħa l-oħra.
Barra minn hekk, f’ħafna każijiet il-konsumatur ma jkunx kapaċi jinnota difett fil-komponent fiżiku qabel ma jkun fornut il-kontenut jew is-servizz diġitali.
- = -
(41) Sabiex tiġi żgurata li jkun hemm ċertezza legali għall-bejjiegħa u l-fiduċja ġenerali tal-konsumaturi fix-xiri transfruntier, hemm bżonn li jiġi previst perjodu li fih il-konsumatur ikun intitolat għar-rimedji għal kwalunkwe nuqqas ta’ konformità eżistenti fil-mument rilevanti biex tiġi stabbilita l-konformità.
Peress li, meta implimentaw id-Direttiva 1999/44/KE, il-maġġoranza kbira tal-Istati Membri pprevedew perjodu ta’ sentejn, u fil-prattika dak il-perjodu huwa meqjus raġonevoli mill-parteċipanti fis-suq, jenħtieġ li dak il-perjodu jinżamm.
Jenħtieġ li l-istess perjodu japplika fil-każ ta’ oġġetti b’elementi diġitali.
Madankollu, jekk il-kuntratt jipprevedi l-provvista kontinwa għal aktar minn sentejn, jenħtieġ li l-konsumatur ikollu d-dritt jitlob rimedju għal kwalunkwe nuqqas ta’ konformità tal-kontenut jew is-servizz diġitali li jseħħ jew jimmanifesta ruħu fil-perjodu li matulu l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali irid ikun fornut skont il-kuntratt.
Sabiex tiġi żgurata li jkun hemm l-flessibbiltà għall-Istati Membri biex iżidu l-livell ta’ protezzjoni tal-konsumatur fil-liġi nazzjonali tagħhom, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu liberi li jipprevedu limiti ta’ żmien itwal għar-responsabbiltà tal-bejjiegħ minn dawk stipulati f’din id-Direttiva.
- = -
(45) Jenħtieġ li għal perjodu ta’ sena jew, għal perjodu ta’ sentejn jekk l-Istati Membri jagħżlu li japplikaw perjodu ta’ sentejn, il-konsumatur ikun obbligat jipprova biss li l-oġġett mhuwiex f’konformità, bla ma jkollu wkoll jagħti prova li n-nuqqas ta’ konformità kien fil-fatt jeżisti fiż-żmien rilevanti għall-istabbiliment tal-konformità.
Sabiex jirribatti t-talba tal-konsumatur, il-bejjiegħ irid jipprova li n-nuqqas ta’ konformità ma kienx jeżisti f’dak il-mument.
Barra minn hekk, f’xi każijiet il-preżunzjoni li n-nuqqas ta’ konformità kien jeżisti fil-mument rilevanti għall-istabbiliment tal-konformità tista’ tkun inkompatibbli man-natura tal-oġġetti jew in-natura tan-nuqqas ta’ konformità.
Tal-ewwel jista’ jkun il-każ b’oġġetti li, min-natura tagħhom jiddeterjoraw, bħal prodotti li jitħassru, pereżempju fjuri, jew oġġetti maħsuba biex jintużaw darba biss.
Eżempju ta’ dan tal-aħħar jkun nuqqas ta’ konformità, li jista’ jkun biss riżultat ta’ azzjoni mill-konsumatur jew ta’ kawża esterna evidenti li tkun seħħet wara li l-oġġetti jkunu ġew ikkonsenjati lill-konsumatur.
F’każ ta’ oġġetti b’elementi diġitali meta l-kuntratt jipprevedi provvista kontinwa tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali, jenħtieġ li l-konsumatur ma jkollux għalfejn jagħti prova li l-kontenut jew is-servizz diġitali ma kienx f’konformità tul il-perjodu ta’ żmien rispettiv biex tiġi stabbilita l-konformità.
Sabiex jirribatti t-talba tal-konsumatur, il-bejjiegħ ikun irid jipprova li l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali kien konformi tul dak il-perjodu.
- = -