search


keyboard_tab EIDAS 2014/0910 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2014/0910 MT cercato: 'tal-ħin' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


just index tal-ħin:


whereas tal-ħin:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 476

 

Artikolu 1

Suġġett

Bil-ħsieb li jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern filwaqt li jkun hemm l-għan ta’ livell adegwat ta’ sigurtà tal-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika u servizzi fiduċjarji dan ir-Regolament:

(a)

jistipula l-kondizzjonijiet li skonthom l-Istati Membri jirrikonoxxu l-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi li jaqgħu taħt skema ta’ identifikazzjoni elettronika notifikata ta’ Stat Membru ieħor,

(b)

jistipula r-regoli għas-servizzi fiduċjarji, b’mod partikolari għal transazzjonijiet elettroniċi u

(c)

jistabbilixxi qafas legali għall-firem elettroniċi, is-siġilli elettroniċi, it-timbri tal-ħin elettroniċi, id-dokumenti elettroniċi, is-servizzi elettroniċi ta’ konsenja rreġistrati u s-servizzi ta’ ċertifikat tal-awtentikazzjoni ta’ siti elettroniċi.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

‘identifikazzjoni elettronika’ tfisser il-proċess tal-użu ta’ data ta’ identifikazzjoni ta’ persuna f’forma elettronika li tkun tirrapreżenta b’mod esklussiv jew persuna fiżika jew ġuridika, jew persuna fiżika li tkun qed tirrappreżenta persuna ġuridika;

(2)

‘mezz ta’ identifikazzjoni elettronika’ tfisser unità fiżika u/jew mhux fiżika li jkun fiha data ta’ identifikazzjoni ta’ persuna, u li tintuża għall-awtentikazzjoni ta’ servizzi online;

(3)

‘data ta’ identifikazzjoni ta’ persuna’ tfisser sett ta’ data li permezz tagħha tkun tista’ tiġi stabbilita l-identità ta’ persuna fiżika jew ġuridika jew ta’ persuna fiżika li tkun qed tirrappreżenta persuna ġuridika;

(4)

‘skema ta’ identifikazzjoni elettronika’ tfisser sistema għall-identifikazzjoni elettronika li skontha jinħarġu mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika lil persuni jew persuni ġuridiċi, jew persuni fiżiċi li jkunu qed jirrappreżentaw persuni ġuridiċi;

(5)

‘awtentikazzjoni’ tfisser proċess elettroniku li jippermetti l-konferma tal-identifikazzjoni elettronika ta’ persuna fiżika jew ġuridika; jew tal-oriġini u l-integrità ta’ data f’forma elettronika;

(6)

‘parti dipendenti’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tiddependi fuq l-identifikazzjoni elettronika jew servizz fiduċjarju;

(7)

‘korp tas-settur pubbliku’ tfisser Stat, awtorità reġjonali jew lokali, korp irregolat bid-dritt pubbliku jew assoċjazzjoni magħmula minn awtorità jew diversi tali awtoritajiet jew korp jew diversi tali korpi, jew entità privata mogħtija mandat minn tal-inqas waħda minn dawk l-awtoritajiet, il-korpi jew l-assoċjazzjonijiet biex tipprovdi servizzi pubbliċi meta taġixxi skont tali mandat;

(8)

‘korp irregolat mid-dritt pubbliku’ tfisser korp iddefinit fil-punt (4) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15);

(9)

‘firmatarju’ tfisser persuna fiżika li toħloq firma elettronika;

(10)

‘firma elettronika’ tfisser data f’forma elettronika li tinhemeż ma’ data elettronika oħra jew tiġi assoċjata b’mod loġiku magħha u li tintuża mill-firmatarju biex jiffirma;

(11)

‘firma elettronika avvanzata’ tfisser firma elettronika li tissodisfa r-rekwiżitistabbiliti fl-Artikolu 26;

(12)

‘firma elettronika kwalifikata’ tfisser firma elettronika avvanzata li tkun maħluqa minn apparat għall-ħolqien tal-firem elettroniċi kwalifikati, u li tkun ibbażata fuq ċertifikat kwalifikat għall-firem elettroniċi;

(13)

‘data għall-ħolqien ta’ firma elettronika’ tfisser data unika li tintuża mill-firmatarju biex joħloq firma elettronika;

(14)

‘ċertifikat għall-firma elettronika’ tfisser attestazzjoni elettronika li tikkollega data ta’ validazzjoni tal-firma elettronika ma’ persuna fiżika u tikkonferma mill-inqas l-isem jew il-psewdonimu ta’ dik il-persuna;

(15)

‘ċertifikat kwalifikat għall-firma elettronika’ tfisser ċertifikat għall-firem elettroniċi, li jinħareġ minn fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat u jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Anness I;

(16)

‘servizz fiduċjarju’ tfisser servizz elettroniku normalment fornut għal remunerazzjoni li jikkonsisti minn:

(a)

il-ħolqien, il-verifika, u l-validazzjoni ta’ firem elettroniċi, siġilli elettroniċi jew timbri tal-ħin elettroniċi, servizzi elettroniċi ta’ konsenja li huma reġistrati u ċertifikati marbuta ma’ dawk is-servizzi, jew

(b)

il-ħolqien, il-verifika u l-validazzjoni ta’ ċertifikati għall-awtentikazzjoni ta’ siti elettroniċi, jew

(c)

il-preservazzjoni ta’ firem, siġilli jew ċertifikati elettroniċi marbuta ma’ dawn is-servizzi;

(17)

‘servizz fiduċjarju kwalifikat’ tfisser servizz fiduċjarju li jkun jissodisfa r-rekwiżiti applikabbli stipulati f’dan ir-Regolament;

(18)

‘korp tal-valutazzjoni tal-konformità’ tfisser korp definit fil-punt 13 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008, li huwa akkreditat f’konformità ma’ dak ir-Regolament bħala kompetenti biex iwettaq valutazzjoni tal-konformità ta’ fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat u s-servizzi fiduċjarji kwalifikati li jipprovdi;

(19)

‘fornitur ta’ servizzi fiduċjarji’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tipprovdi servizz fiduċjarju wieħed jew aktar, jew bħala fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati jew mhux kwalifikati;

(20)

‘fornitur ta’ servizz fiduċjarju kwalifikat’ tfisser fornitur ta’ servizz fiduċjarj li jipprovdi servizz fiduċjarju kwalifikat wieħed jew aktar u li jingħata lilu l-istatus kwalifikat mill-korp superviżorju;

(21)

‘prodott’ tfisser hardware jew software, jew komponenti rilevanti ta’ hardware jew software, li jkunu maħsuba biex jintużaw għal forniment ta’ servizzi fiduċjarji;

(22)

‘apparat għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi’ tfisser software jew hardware konfigurat użat għall-ħolqien ta’ firma elettronika;

(23)

‘apparat kwalifikat għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi’ tfisser apparat għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi li jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Anness II;

(24)

‘kreatur ta’ siġill’ tfisser persuna ġuridika li toħloq siġill elettroniku;

(25)

‘siġill elettroniku’ tfisser id-data fil-forma elettronika li tiġi mehmuża jew assoċjata loġikament ma’ data oħra f’forma elettronika biex jiġu żgurati l-oriġini u l-integrità ta’ din tal-aħħar;

(26)

‘siġill elettroniku avvanzat’ tfisser siġill elettroniku, li jkun jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 36;

(27)

‘siġill elettroniku kwalifikat’ tfisser siġill elettroniku avvanzat, li jinħoloq minn apparat għall-ħolqien ta’ siġilli elettroniċi kwalifikat, u li jkun ibbażat fuq ċertifikat kwalifikat ta’ siġill elettroniku;

(28)

‘data għall-ħolqien ta’ siġill elettroniku’ tfisser data unika, li tintuża mill-kreatur tas-siġill elettroniku biex joħloq siġill elettroniku;

(29)

‘ċertifikat għas-siġill elettroniku’ tfisser attestazzjoni elettronika li tikkollega data ta’ validazzjoni ta’ siġill elettroniku ma’ persuna fiżika u tikkonferma l-isem ta’ dik il-persuna;

(30)

‘ċertifikat kwalifikat għas-siġill elettroniku’ tfisser ċertifikat għal siġill elettroniku, li jinħareġ minn fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat u jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Anness III;

(31)

‘apparat għall-ħolqien ta’ siġill elettroniku’ tfisser software jew hardware konfigurat użat għall-ħolqien ta’ siġill elettroniku;

(32)

‘apparat kwalifikat għall-ħolqien ta’ siġill elettroniku’ tfisser apparat għall-ħolqien ta’ siġill elettroniku li jissodisfa mutatis mutandis ir-rekwiżiti stipulati fl-Anness II;

(33)

‘timbru tal-ħin elettroniku’ tfisser data fil-forma elettronika li torbot data oħra f’forma elettronika ma’ ħin partikolari u b’hekk tiġi stabbilita evidenza li din tal-aħħar kienet teżisti f’dak il-ħin;

(34)

‘timbru tal-ħin elettroniku kwalifikat’ tfisser timbru tal-ħin elettroniku li jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 42;

(35)

‘dokument elettroniku’ tfisser kwalunkwe kontenut maħżun f’forma elettronika, b’mod partikolari bħala test jew reġistrazzjoni awdjo, viżiva jew awdjoviżiva;

(36)

‘servizz elettroniku ta’ konsenja rreġistrat’ tfisser servizz li permezz tiegħu tkun possibbli t-trasmissjoni ta’ data bejn partijiet terzi b’mezzi elettroniċi u jipprovdi evidenza relatata mal-ġestjoni tad-data trasmessa, inkluż prova li d-data ntbagħtet u ġiet riċevuta, u li jipproteġi d-data trasmessa kontra r-riskju ta’ telf, serq, ħsara jew kwalunkwe bidla mhux awtorizzata;

(37)

‘servizz elettroniku kwalifikat ta’ konsenja rreġistrat’ tfisser servizz elettroniku ta’ konsenja elettronika rreġistrat li jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 44;

(38)

’ ċertifikat tal-awtentikazzjoni ta’ siti elettroniċi’ tfisser attestazzjoni li permezz tagħha tkun possibbli l-awtentikazzjoni ta’ sit elettroniku u jorbot is-sit elettroniku mal-persuna fiżika jew ġuridika li lilha jkun inħareġ iċ-ċertifikat;

(39)

‘ċertifikat kwalifikat għall-awtentikazzjoni ta’ sit elettroniku’ tfisser ċertifikat għall-awtentikazzjoni ta’ sit elettroniku, li jinħareġ minn fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat u jissodisfa r-rekwiżiti stipulat fl-Anness IV;

(40)

‘data ta’ validazzjoni’ tfisser data li tintuża għall-validazzjoni ta’ firma elettronika jew ta’ siġill elettroniku;

(41)

‘validazzjoni’ tfisser il-proċess ta’ verifika u konferma li firma elettronika jew siġill huwa validu.

Artikolu 40

Validazzjoni u preservazzjoni tas-siġilli elettroniċi kwalifikati

L-Artikoli 32, 33 u 34 għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-validazzjoni u l-preservazzjoni tas-siġilli elettroniċi kwalifikati.

TAQSIMA 6

Timbri tal-ħin elettroniċi

Artikolu 41

Effett legali tat-timbri tal-ħin elettroniċi

1.   Timbru tal-ħin elettroniku ma għandux jiġi miċħud effett legali u ammissibbiltà bħala evidenza fi proċedimenti legali għas-sempliċi raġuni li jkun f’forma elettronika jew li ma jissodisfax ir-rekwiżiti tat-timbru tal-ħin elettroniku kwalifikat.

2.   Timbru tal-ħin elettroniku kwalifikat għandu jgawdi l-preżunzjoni tal-eżattezza tad-data u l-ħin li jindika u l-integrità tad-data li magħha huma marbuta d-data u l-ħin

3.   Timbru tal-ħin elettroniku kwalifikat maħruġ f’wieħed mill-Istati Membri għandu jiġi rikonoxxut bħala timbru tal-ħin elettroniku kwalifikat fl-Istati Membri kollha.

Artikolu 42

Rekwiżiti għal timbri tal-ħin elettroniċi kwalifikati

1.   Timbru tal-ħin elettroniku kwalifikat għandu jissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

ikun jorbot id-data u l-ħin mad-data b’tali mod li jipprekludi b’mod raġonevoli l-possibbiltà li d-data tinbidel mingħajr ma dan jiġi skopert;

(b)

ikun ibbażat fuq sors ta’ ħin preċiż marbut mal-Ħin Universali Kkoordinat; u

(c)

ikun iffirmat bl-użu ta’ firma elettronika avvanzata jew issiġillati b’siġill elettroniku avvanzat tal-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat, jew minn metodu ekwivalenti.

2.   Il-Kummissjoni, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tista’ tistabbilixxi numri ta’ referenza ta’ standards għall-konnessjoni tad-data u l-ħin mad-data u għas-sorsi ta’ ħin preċiż. Għandu jitqies li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1 meta l-konnessjoni tad-data u l-ħin mad-data u s-sors tal-ħin preċiż tissodisfa dawk l-istandards. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

TAQSIMA 7

Servizzi elettroniċi ta’ konsenja rreġistrati

Artikolu 43

Effett legali ta’ servizz elettroniku ta’ konsenja li huwa reġistrat

1.   Data li tiġi trasmessa u riċevuta bl-użu ta’ servizz elettroniku reġistrat ta’ konsenja ma għandhiex tiġi miċħuda l-effett legali u ammissibbiltà bħala evidenza fi proċedimenti legali għas-sempliċi raġuni li tkun f’forma elettronika jew li ma tissodisfax ir-rekwiżiti tas-servizz elettroniku ta’ konsenja rreġistrat.

2.   Data trasmessa u riċevuta bl-użu ta’ servizz elettroniku kwalifikat ta’ konsenja li huwa reġistrat għandha tgawdi l-preżunzjoni tal-integrità tad-data, tat-trażmissjoni ta’ dik id-data mill-emittent identifikat, tar-riċeviment tagħha mid-destinatarju identifikat u tal-eżattezza tad-data u tal-ħin tat-trasmissjoni u tar-riċeviment indikati mis-servizz elettroniku kwalifikat ta’ konsenja rreġistrat.

Artikolu 44

Rekwiżiti għal servizzi elettroniċi kwalifikati ta’ konsenja li huma reġistrati

1.   Is-servizzi elettroniċi kwalifikati ta’ konsenja li huma reġistrati għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

jingħataw minn wieħed mill-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati jew aktar;

(b)

jiżguraw livell għoli ta’ fiduċja l-identifikazzjoni tal-emittent;

(c)

jiżguraw l-identifikazzjoni tad-destinatarju qabel ma jikkonsenjaw id-data;

(d)

it-trasmissjoni u r-riċevuta tad-data isiru b’mod sikur b’firma elettronika avvanzata jew b’siġill elettroniku avvanzat ta’ fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat b’tali mod li jipprekludi l-possibbiltà li d-data tinbidel mingħajr ma dan jiġi skopert;

(e)

kwalunkwe bidla fid-data meħtieġa għall-fini tat-trasmissjoni jew ir-riċevuta tad-data hija indikata b’mod ċar lill-emittent u lid-destinatarju tad-data;

(f)

id-data u l-ħin tat-trasmissjoni, ir-riċevuta u kwalunkwe bidla tad-data huma indikati b’timbru tal-ħin elettroniku kwalifikat.

Fil-każ li d-data tiġi trasferita bejn żewġ fornituri kwalifikati ta’ servizzi fiduċjarji jew aktar, ir-rekwiżiti fil-punti (a) sa (f) għandhom japplikaw għall-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati kollha.

2.   Il-Kummissjoni, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tista’ tistabbilixxi numri ta’ referenza ta’ standards għal proċessi ta’ trasmissjoni u riċevuta ta’ data. Għandu jitqies li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1 meta l-proċess għat-trasmissjoni u r-riċevuta tad-data jkun jissodisfa dawk l-istandards. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

TAQSIMA 8

Awtentikazzjoni ta’ sit elettroniku


whereas









keyboard_arrow_down