search


keyboard_tab Digital Service Act 2022/2065 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2022/2065 MT cercato: 'tal-Ġustizzja' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index tal-Ġustizzja:

    KAPITOLU I
    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    KAPITOLU II
    RESPONSABBILTÀ TAL-FORNITURI TAS-SERVIZZI INTERMEDJARJI

    KAPITOLU III
    OBBLIGI TAD-DILIĠENZA DOVUTA GĦAL AMBJENT ONLINE TRASPARENTI U SIKUR

    TAQSIMA 1
    Dispożizzjonijiet applikabbli għall-fornituri kollha ta' servizzi intermedjarji

    TAQSIMA 2
    Dispożizzjonijiet addizzjonali applikabbli għall-fornituri ta' servizzi ta' hosting, inklużi l- pjattaformi online

    TAQSIMA 3
    Dispożizzjonijiet addizzjonali applikabbli għal fornituri ta' pjattaformi online

    TAQSIMA 4
    Dispożizzjonijiet addizzjonali applikabbli għall-fornituri ta' pjattaformi online li jippermettu lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma' kummerċjanti

    TAQSIMA 5
    Obbligi addizzjonali fuq il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għall-ġestjoni tar-riskji sistemiċi

    TAQSIMA 6
    Dispożizzjonijiet oħra dwar l-obbligi ta' diliġenza dovuta

    KAPITOLU IV
    IMPLIMENTAZZJONI, KOOPERAZZJONI, PENALI U INFURZAR

    TAQSIMA 1
    Awtoritajiet kompetenti u Koordinaturi nazzjonali tas-Servizzi Diġitali

    TAQSIMA 2
    Kompetenzi, investigazzjoni koordinata u mekkaniżmi ta' konsistenza

    TAQSIMA 3
    Bord Ewropew għas-Servizzi Diġitali

    TAQSIMA 4
    Superviżjoni, investigazzjoni, infurzar u monitoraġġ fir-rigward tal-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta' magni tat-tiftix online kbar ħafna
  • 1 Artikolu 67 Talbiet għal informazzjoni
  • 2 Artikolu 69 Setgħat biex jitwettqu spezzjonijiet
  • 1 Artikolu 77 Perjodi ta' preskrizzjoni għall-impożizzjoni ta' penali
  • 1 Artikolu 78 Perjodi ta' preskrizzjoni għall-infurzar ta' penali
  • 2 Artikolu 81 Rieżami mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

  • TAQSIMA 5
    Dispożizzjonijiet komuni dwar l-infurzar

    TAQSIMA 6
    Atti delegati u atti ta’ implimentazzjoni

    KAPITOLU V
    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI


whereas tal-Ġustizzja:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 486

 

Artikolu 67

Talbiet għal informazzjoni

1.   Biex twettaq il-kompiti assenjati lilha skont din it-Taqsima, il-Kummissjoni tista', b'talba sempliċi jew b'deċiżjoni, titlob lill-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat, kif ukoll kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika oħra, li jaġixxu għal finijiet relatati mal-kummerċ, man-negozju, mas-sengħa jew mal-professjoni tagħhom u li jaf b'mod raġonevoli li jkollhom konoxxenza ta' informazzjoni relatata mal-ksur suspettat inkluż l-organizzazzjonijiet li jwettqu l-awditi msemmija fl-Artikolu 37 u l-Artikolu 75(2), biex jipprovdu tali informazzjoni f’perjodu raġonevoli.

2.   Meta tibgħat talba sempliċi għall-informazzjoni lill-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat jew persuna oħra msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tindika l-bażi ġuridika u l-fini tat-talba, tispeċifika liema informazzjoni hija meħtieġa u tistabbilixxi l-perjodu li fih għandha tingħata l-informazzjoni, u l-multi previsti fl-Artikolu 74 għall-għoti ta' informazzjoni skorretta, mhux kompluta jew qarrieqa.

3.   Meta l-Kummissjoni titlob lill-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat jew persuna oħra msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jagħtu l-informazzjoni permezz ta' deċiżjoni, din għandha tindika l-bażi ġuridika u l-fini tat-talba, tispeċifika liema informazzjoni hija meħtieġa u tistabbilixxi l-perjodu li matulu trid tingħata. Għandha tindika wkoll il-multi previsti fl-Artikolu 74 u tindika jew timponi l-pagamenti perjodiċi tal-penali previsti fl-Artikolu 76. Għandha tindika wkoll id-dritt għal rieżami tad-deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

4.   Il-fornituri tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernati jew persuna oħra msemmija fil-paragrafu 1 jew ir-rappreżentanti tagħhom u, fil-każ ta' persuni ġuridiċi, kumpanniji jew ditti, jew meta ma jkollhom ebda personalità ġuridika, il-persuni awtorizzati biex jirrappreżentawhom bil-liġi jew bil-kostituzzjoni tagħhom għandhom jipprovdu l-informazzjoni mitluba f'isem il-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat jew persuna oħra msemmija fil-paragrafu 1. L-avukati awtorizzati debitament biex jaġixxu jistgħu jipprovdu l-informazzjoni f'isem il-klijenti tagħhom. Dawn tal-aħħar għandhom jibqgħu responsabbli għalkollox jekk l-informazzjoni mogħtija tkun mhux kompluta, skorretta jew qarrieqa.

5.   Meta jintalbu mill-Kummissjoni, il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali u awtoritajiet kompetenti oħra għandhom jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa lill-Kummissjoni biex twettaq il-kompiti assenjati lilha skont din it-Taqsima.

6.   Il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien żejjed wara li tkun bagħtet it-talba sempliċi jew id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, tibgħat kopja tagħha lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, permezz tas-sistema ta' kondiviżjoni tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 85.

Artikolu 69

Setgħat biex jitwettqu spezzjonijiet

1.   Sabiex twettaq il-kompiti assenjati lilha taħt din it-Taqsima, il-Kummissjoni tista' twettaq l-ispezzjonijiet kollha meħtieġa fil-post fl-istabbiliment tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat jew persuna oħra msemmija fl-Artikolu 67(1).

2.   L-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom li huma awtorizzati mill-Kummissjoni biex iwettqu spezzjoni, għandhom jingħataw is-setgħa li:

(a)

jidħlu fi kwalunkwe bini, art u mezz tat-trasport tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat jew tal-persuna l-oħra kkonċernata;

(b)

jeżaminaw il-kotba u rekords oħra relatati mal-forniment tas-servizz ikkonċernat, irrispettivament mill-mezz li fuqu jkunu maħżuna;

(c)

jieħdu jew jiksbu fi kwalunkwe forma kopji ta' jew siltiet minn tali kotba jew rekords oħra;

(d)

jesiġu li l-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna jew tal-persuna l-oħra kkonċernata jipprovdu aċċess għall-organizzazzjoni, il-funzjonament, is-sistema tal-IT, l-algoritmi, it-trattament tad-data u l-prattiki kummerċjali tagħhom u spjegazzjonijiet dwarhom u jirreġistraw jew jiddokumentaw l-ispjegazzjonijiet mogħtija;

(e)

jissiġillaw kwalunkwe bini użat għal skopijiet relatati mal-kummerċ, man-negozju, mas-sengħa jew mal-professjoni tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna jew tal-persuna l-oħra kkonċernata, kif ukoll kotba jew rekords oħra, għall-perjodu u sa fejn ikun meħtieġ għall-ispezzjoni;

(f)

jitolbu lil kwalunkwe rappreżentant jew membru tal-persunal tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna jew tal-persuna l-oħra kkonċernata għal spjegazzjonijiet dwar fatti jew dokumenti relatati mas-suġġett u l-iskop tal-ispezzjoni u jirreġistraw it-tweġibiet;

(g)

jindirizzaw mistoqsijiet lil kwalunkwe rappreżentant jew membru tal-persunal fir-rigward tas-suġġett u tal-iskop tal-ispezzjoni u jirreġistraw it-tweġibiet.

3.   L-ispezzjonijiet jistgħu jsiru bl-assistenza ta' awdituri jew esperti maħtura mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 72(2), kif ukoll mal-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jew awtoritajiet nazzjonali kompetenti oħra tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha titwettaq l-ispezzjoni.

4.   Fejn il-preżentazzjoni tal-kotba u r-rekords l-oħra meħtieġa relatati mal-għoti tas-servizz ma tkunx kompluta jew meta t-tweġibiet għall-mistoqsijiet mitluba skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu jkunu skorretti, mhux kompluti jew qarrieqa, l-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni biex iwettqu spezzjoni għandhom jeżerċitaw is-setgħat tagħhom mal-preżentazzjoni ta' awtorizzazzjoni bil-miktub li tispeċifika s-suġġett u l-għan tal-ispezzjoni u l-penali previsti fl-Artikoli 74 u 76. F'ħin debitu qabel l-ispezzjoni, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha titwettaq l-ispezzjoni dwarha.

5.   Waqt l-ispezzjonijiet, l-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni, l-awdituri u l-esperti maħtura mill-Kummissjoni, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jew l-awtoritajiet kompetenti l-oħra tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu titwettaq l-ispezzjoni jistgħu jirrikjedu li l-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna jew ta' persuna oħra kkonċernata jipprovdu spjegazzjonijiet dwar l-organizzazzjoni, il-funzjonament, is-sistema tal-IT, l-algoritmi, it-trattament tad-data u l-imġiba kummerċjali tagħha, u jistgħu jindirizzaw mistoqsijiet lill-persunal ewlieni tagħhom.

6.   Il-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna jew persuna fiżika jew ġuridika oħra kkonċernata għandhom jissottomettu ruħhom għal spezzjoni ordnata b'deċiżjoni tal-Kummissjoni. Id-deċiżjoni għandha tispeċifika s-suġġett u l-fini tal-ispezzjoni, tistabbilixxi d-data tal-bidu u tindika l-penali previsti fl-Artikoli 74 u 76 u d-dritt għal rieżami tad-deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun se ssir l-ispezzjoni qabel ma tittieħed dik id-deċiżjoni.

7.   L-uffiċjali, u persuni oħra awtorizzati jew maħtura, mill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun se ssir l-ispezzjoni għandhom,fuq talba ta’ dak il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jew tal-Kummissjoni, jgħinu b'mod attiv lill-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni għal dak li jikkonċerna l-ispezzjoni. Għal dan il-għan, għandhom jingħataw is-setgħat elenkati fil-paragrafu 2.

8.   Meta l-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni jikkonstataw li l-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna jew il-persuna l-oħra kkonċernata jopponu spezzjoni ordnata skont dan l-Artikolu, l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun se ssir l-ispezzjoni għandu, fuq talba ta' dawk l-uffiċjali jew persuni oħra li jakkumpanjawhom u f'konformità mal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru, jagħtihom l-assistenza meħtieġa, inkluż, fejn xieraq skont il-liġi nazzjonali, fil-forma ta’ miżuri koerċittivi meħuda minn awtorità kompetenti tal-infurzar tal-liġi, sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-ispezzjoni.

9.   Jekk l-assistenza prevista fil-paragrafu 8 tkun teħtieġ awtorizzazzjoni minn awtorità ġudizzjarja nazzjonali f'konformità mal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, din l-awtorizzazzjoni għandha tintalab mill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali ta' dak l-Istat Membru fuq talba tal-uffiċjali u ta' persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni. Tali awtorizzazzjoni tista' wkoll tintalab bħala miżura ta' prekawzjoni.

10.   Meta tkun intalbet l-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 9, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali adita mill-kawża għandha tivverifika li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tordna l-ispezzjoni tkun awtentika u li l-miżuri koerċittivi previsti la jkunu arbitrarji u lanqas eċċessivi wara li jkun tqies is-suġġett tal-investigazzjonijiet. Meta twettaq din il-verifika, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali tista' titlob lill-Kummissjoni, direttament jew permezz tal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali tal-Istat Membru kkonċernat, għal spjegazzjonijiet dettaljati, b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw ir-raġunijiet li abbażi tagħhom il-Kummissjoni tissuspetta ksur ta' dan ir-Regolament, li jikkonċernaw is-serjetà tal-ksur suspettat u li jikkonċernaw in-natura tal-involviment tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna jew tal-persuna l-oħra kkonċernata. Madankollu, l-awtorità ġuridika nazzjonali ma għandhiex tidħol fil-mertu tal-ħtieġa li ssir l-ispezzjoni u lanqas ma tista' titlob informazzjoni mill-fajl tal-każ tal-Kummissjoni. Il-legalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha tkun soġġetta għal rieżami mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea biss.

Artikolu 77

Perjodi ta' preskrizzjoni għall-impożizzjoni ta' penali

1.   Is-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni mill-Artikoli 74 u 76 għandhom ikunu soġġetti għal perjodu ta' preskrizzjoni ta' ħames snin.

2.   Iż-żmien għandu jibda jiddekorri mill-jum meta jitwettaq il-ksur. Iżda fil-każ ta' ksur kontinwu u ripetut, iż-żmien għandu jibda jiddekorri mill-jum meta jieqaf il-ksur.

3.   Kull azzjoni meħuda mill-Kummissjoni jew mill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali għall-fini tal-investigazzjoni jew tal-proċedimenti fir-rigward ta' ksur għandha tinterrompi l-perjodu ta' limitazzjoni għall-impożizzjoni ta' multi jew pagamenti perjodiċi ta' penali. L-azzjonijiet li jinterrompu l-perjodu ta' limitazzjoni għandhom jinkludu, b'mod partikolari, dawn li ġejjin:

(a)

talbiet għal informazzjoni mill-Kummissjoni jew minn Koordinatur tas-Servizzi Diġitali;

(b)

l-ispezzjoni;

(c)

il-ftuħ ta' proċediment mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 66(1).

4.   Ma' kull interruzzjoni, id-dekorrenza ta' żmien għandha terġa' tibda mill-bidu. Iżda l-perjodu ta' preskrizzjoni għall-impożizzjoni ta' multi jew pagamenti perjodiċi ta' penali għandu jiskadi sa mhux aktar tard mill-jum meta jkun għadda perjodu daqs id-doppju tal-perjodu ta' preskrizzjoni mingħajr ma l-Kummissjoni tkun imponiet multa jew pagament perjodiku ta' penali. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż biż-żmien li matulu l-perjodu ta' preskrizzjoni jkun ġie sospiż skont il-paragrafu 5.

5.   Il-perjodu ta' preskrizzjoni għall-impożizzjoni ta' multi jew pagamenti perjodiċi ta' penali għandu jiġi sospiż sakemm id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tkun is-suġġett ta' proċedimenti pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 78

Perjodi ta' preskrizzjoni għall-infurzar ta' penali

1.   Is-setgħa tal-Kummissjoni li tinforza deċiżjonijiet meħuda skont l-Artikoli 74 u 76 għandha tkun soġġetta għal perjodu ta' preskrizzjoni ta' ħames snin.

2.   Iż-żmien għandu jibda jiddekorri fil-jum meta d-deċiżjoni ssir finali.

3.   Il-perjodu ta' preskrizzjoni għall-infurzar ta' penali għandu jiġi interrott:

(a)

b'notifika ta' deċiżjoni li tvarja l-ammont oriġinali tal-multa jew tal-pagament perjodiku ta' penali jew li tirrifjuta applikazzjoni għall-varjazzjoni;

(b)

b'xi azzjoni tal-Kummissjoni, jew ta' Stat Membru li jaġixxi kif mitlub mill-Kummissjoni, imfassla biex tinforza pagament tal-multa jew pagament perjodiku ta' penali.

4.   Ma' kull interruzzjoni, id-dekorrenza ta' żmien għandha terġa' tibda mill-bidu.

5.   Il-perjodu ta' preskrizzjoni għall-infurzar ta' penali għandu jiġi sospiż sakemm:

(a)

jingħata l-ħin għall-pagament;

(b)

jiġi sospiż l-infurzar ta' pagament skont deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jew deċiżjoni ta' qorti nazzjonali.

Artikolu 81

Rieżami mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

F'konformità mal-Artikolu 261 tat-TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha ġuriżdizzjoni bla limiti biex tirrieżamina deċiżjonijiet li permezz tagħhom il-Kummissjoni tkun imponiet multi jew pagamenti perjodiċi ta' penali. Hi tista' tikkanċella, tnaqqas jew iżżid il-multa imposta jew il-pagament perjodiku ta' penali imposti.


whereas









keyboard_arrow_down