search


keyboard_tab Digital Service Act 2022/2065 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2022/2065 MT cercato: 'membru' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index membru:

    KAPITOLU I
    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    KAPITOLU II
    RESPONSABBILTÀ TAL-FORNITURI TAS-SERVIZZI INTERMEDJARJI

    KAPITOLU III
    OBBLIGI TAD-DILIĠENZA DOVUTA GĦAL AMBJENT ONLINE TRASPARENTI U SIKUR

    TAQSIMA 1
    Dispożizzjonijiet applikabbli għall-fornituri kollha ta' servizzi intermedjarji

    TAQSIMA 2
    Dispożizzjonijiet addizzjonali applikabbli għall-fornituri ta' servizzi ta' hosting, inklużi l- pjattaformi online

    TAQSIMA 3
    Dispożizzjonijiet addizzjonali applikabbli għal fornituri ta' pjattaformi online

    TAQSIMA 4
    Dispożizzjonijiet addizzjonali applikabbli għall-fornituri ta' pjattaformi online li jippermettu lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma' kummerċjanti

    TAQSIMA 5
    Obbligi addizzjonali fuq il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għall-ġestjoni tar-riskji sistemiċi

    TAQSIMA 6
    Dispożizzjonijiet oħra dwar l-obbligi ta' diliġenza dovuta

    KAPITOLU IV
    IMPLIMENTAZZJONI, KOOPERAZZJONI, PENALI U INFURZAR

    TAQSIMA 1
    Awtoritajiet kompetenti u Koordinaturi nazzjonali tas-Servizzi Diġitali
  • 1 Artikolu 51 Setgħat tal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali

  • TAQSIMA 2
    Kompetenzi, investigazzjoni koordinata u mekkaniżmi ta' konsistenza

    TAQSIMA 3
    Bord Ewropew għas-Servizzi Diġitali

    TAQSIMA 4
    Superviżjoni, investigazzjoni, infurzar u monitoraġġ fir-rigward tal-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta' magni tat-tiftix online kbar ħafna
  • 2 Artikolu 69 Setgħat biex jitwettqu spezzjonijiet
  • 1 Artikolu 74 Multi

  • TAQSIMA 5
    Dispożizzjonijiet komuni dwar l-infurzar

    TAQSIMA 6
    Atti delegati u atti ta’ implimentazzjoni

    KAPITOLU V
    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI


whereas membru:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 2596

 

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-fini ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

"servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni" tfisser servizz kif definit fl-Artikolu 1(1), punt (b) tad-Direttiva (UE) 2015/1535;

(b)

"riċevitur tas-servizz" tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tuża servizz intermedjarju, b'mod partikolari għall-finijiet ta' tfittix ta' informazzjoni jew biex din issir aċċessibbli;

(c)

"konsumatur" tfisser kwalunkwe persuna fiżika li taġixxi għal finijiet li huma 'l barra min-negozju, mill-kummerċ, mis-sengħa jew mill-professjoni tagħha;

(d)

"biex jiġu offruti servizzi fl-Unjoni" tfisser li persuni fiżiċi jew ġuridiċi fi Stat membru wieħed jew aktar ikunu jistgħu jużaw is-servizzi ta’ fornitur ta' servizzi intermedjarji li jkollu konnessjoni sostanzjali mal-Unjoni;

(e)

"konnessjoni sostanzjali mal-Unjoni" tfisser konnessjoni ta' fornitur ta' servizzi intermedjarji mal-Unjoni li tirriżulta jew mill-istabbiliment tiegħu fl-Unjoni jew minn kriterji fattwali speċifiċi, bħal:

għadd sinifikanti ta' riċevituri tas-servizz fi Stat membru wieħed jew aktar skont il-popolazzjoni tiegħu jew tagħhom; jew

l-immirar ta' attivitajiet lejn Stat membru wieħed jew aktar;

(f)

"kummerċjant" tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, irrispettivament jekk tkunx suġġett pubbliku jew privat, li taġixxi, anki permezz ta' persuna li tkun qed taġixxi f'isimha jew għall-interessi tagħha, għal finijiet relatati mal-kummerċ, man-negozju, mas-sengħa jew mal-professjoni tagħha;

(g)

"servizz intermedjarju" tfisser wieħed mis-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni li ġejjin:

(i)

servizz ta' "sempliċi conduit", li jikkonsisti fit-trażmissjoni f'network tal-komunikazzjoni ta' informazzjoni pprovduta minn riċevitur tas-servizz, jew il-forniment ta' aċċess għal network tal-komunikazzjoni;

(ii)

servizz ta' "caching", li jikkonsisti fit-trażmissjoni f'network tal-komunikazzjoni ta' informazzjoni pprovduta minn riċevitur tas-servizz, li tinvolvi l-ħażna awtomatika, intermedjarja jew temporanja ta' dik l-informazzjoni, imwettqa għall-uniku fini li tagħmel aktar effiċjenti t-trażmissjoni 'l quddiem tal-informazzjoni lil riċevituri oħra meta jitolbuha;

(iii)

servizz ta' "hosting", li jikkonsisti fil-ħażna ta' informazzjoni pprovduta minn riċevitur tas-servizz, u meta jitlobha huwa stess;

(h)

"kontenut illegali" tfisser kwalunkwe informazzjoni, li, fiha nnifisha jew f'relazzjoni għal attività, inklużi l-bejgħ ta' prodotti jew il-forniment ta' servizzi, mhix konformi mal-liġi tal-Unjoni jew mal-liġi ta' kwalunkwe Stat membru, irrispettivament mis-suġġett preċiż jew in-natura ta' dik il-liġi;

(i)

"pjattaforma online" tfisser servizz ta' hosting li, meta jintalab minn riċevitur tas-servizz, jaħżen u jiddissemina informazzjoni lill-pubbliku, sakemm dik l-attività ma tkunx karatteristika minuri u purament anċillari ta' servizz ieħor jew funzjonalità minuri tas-servizz ewlieni u, għal raġunijiet oġġettivi u tekniċi, ma tistax tintuża mingħajr dak is-servizz l-ieħor, u l-integrazzjoni tal-karatteristika jew tal-funzjonalità fis-servizz l-ieħor mhix mezz biex tkun evitata l-applikabbiltà ta' dan ir-Regolament.

(j)

"magna tat-tiftix online" tfisser servizz intermedju li jippermetti lill-utenti jdaħħlu talbiet biex iwettqu tiftix, fil-prinċipju, tas-siti web kollha, jew tas-siti web kollha b'lingwa partikolari, abbażi ta' talba dwar kwalunkwe suġġett fil-forma ta' keyword, talba bil-vuċi, frażi jew input ieħor, u li tagħti lura riżultati fi kwalunkwe format fejn tista' tinstab informazzjoni relatata mal-kontenut mitlub;

(k)

"disseminazzjoni lill-pubbliku" tfisser li l-informazzjoni ssir disponibbli, meta jintalab mir-riċevitur tas-servizz li pprovda l-informazzjoni, għal għadd potenzjalment bla limitu ta' partijiet terzi;

(l)

"kuntratt mill-bogħod" tfisser “kuntratt mill-bogħod” kif definit fl-Artikolu 2, punt (7) tad-Direttiva 2011/83/UE;

(m)

"interfaċċa online" tfisser kwalunkwe software, inkluż sit web jew parti minnu, u applikazzjonijiet, inklużi applikazzjonijiet mobbli;

(n)

"Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment" tfisser il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat membru fejn ikun jinsab l-istabbiliment ewlieni ta' fornitur ta' servizz intermedjarju jew fejn jirrisjedi jew ikun stabbilit ir-rappreżentant legali tiegħu;

(o)

"Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tad-destinazzjoni" tfisser il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat membru fejn jiġi pprovdut is-servizz intermedjarju;

(p)

"riċevitur attiv ta' pjattaforma online" tfisser riċevitur tas-servizz li jkun uża pjattaforma online permezz ta' talba lill-pjattaforma online biex tospita informazzjoni jew billi kien espost għal informazzjoni ospitata mill-pjattaforma online u disseminat permezz tal-interfaċċa online tagħha;

(q)

"riċevitur attiv ta' magna tat-tiftix" tfisser riċevitur tas-servizz li jkun sottometta talba lil magna tat-tiftix online u kien espost għal informazzjoni indiċjata u ppreżentata fl-interfaċċa online tagħha;

(r)

"reklam" tfisser informazzjoni mfassla biex tippromwovi l-messaġġ ta' persuna ġuridika jew fiżika, irrispettivament minn jekk biex tilħaq finijiet kummerċjali jew mhux kummerċjali, u ppreżentata minn pjattaforma online fuq l-interfaċċa online tagħha bi ħlas speċifiku għall-promozzjoni ta' dik l-informazzjoni;

(s)

"sistema ta' rakkomandazzjoni" tfisser sistema kompletament jew parzjalment awtomatizzata użata minn pjattaforma online biex tissuġġerixxi informazzjoni speċifika fl-interfaċċa online tagħha lir-riċevituri tas-servizz jew tagħti prijorità lil dik l-informazzjoni, inkluż bħala riżultat ta' tfittxija mibdija mir-riċevitur tas-servizz jew inkella li tiddetermina l-ordni relattiva jew il-prominenza tal-informazzjoni murija;

(t)

''moderazzjoni tal-kontenut'' tfisser l-attivitajiet, awtomatizzati jew le, imwettqa mill-fornituri ta' servizzi intermedjarji maħsuba, b'mod partikolari, biex jiddetettaw, jidentifikaw u jindirizzaw kontenut illegali jew informazzjoni inkompatibbli mat-termini u l-kondizzjonijiet tagħhom, ipprovduti mir-riċevituri tas-servizz, inkluż il-miżuri meħuda li jaffettwaw id-disponibbiltà, il-viżibbiltà, u l-aċċessibbiltà ta' dak il-kontenut illegali jew ta' dik l-informazzjoni, bħad-dimozzjoni, id-demonetizzazzjoni, u d-diżattivazzjoni tal-aċċess għalihom, jew it-tneħħija tagħhom, jew li jaffettwa l-kapaċità tar-riċevituri tas-servizz li jipprovdu dik l-informazzjoni, bħat-terminazzjoni jew is-sospensjoni ta' kont ta' riċevitur;

(u)

"termini u kondizzjonijiet" tfisser il-klawżoli kollha, irrispettivament mill-isem jew il-forma tagħhom, li jirregolaw ir-relazzjoni kuntrattwali bejn il-fornitur ta' servizzi intermedjarji u r-riċevituri tas-servizz;

(v)

"persuni b'diżabilità" tfisser ‘persuni b'diżabbiltà’ kif imsemmija fl-Artikolu 3, punt (1), tad-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (38);

(w)

“komunikazzjoni kummerċjali” tfisser “komunikazzjoni kummerċjali” kif definit fl-Artikolu 2, punt (f), tad-Direttiva 2000/31/KE;

(x)

"fatturat" tfisser l-ammont derivat minn impriża fit-tifsira tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (39).

KAPITOLU II

RESPONSABBILTÀ TAL-FORNITURI TAS-SERVIZZI INTERMEDJARJI

Artikolu 4

"Sempliċi conduit"

1.   Meta jiġi pprovdut servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni li jkun jikkonsisti fit-trażmissjoni f'network tal-komunikazzjoni ta' informazzjoni pprovduta minn riċevitur tas-servizz, jew fl-għoti ta' aċċess għal network tal-komunikazzjoni, il-fornitur tas-servizz ma għandux ikun responsabbli għall-informazzjoni trażmessa jew aċċessata, diment li l-fornitur:

(a)

ma jkunx beda t-trażmissjoni;

(b)

ma jkunx għażel ir-riċevitur tat-trażmissjoni; u

(c)

ma jkunx għażel jew immodifika l-informazzjoni li hemm fit-trażmissjoni.

2.   L-atti tat-trażmissjoni u tal-għoti tal-aċċess imsemmija fil-paragrafu 1 jinkludu l-ħażna awtomatika, intermedjarja u tranżitorja tal-informazzjoni trażmessa, diment li din issir għall-uniku fini li titwettaq it-trażmissjoni fin-network tal-komunikazzjoni, u diment li l-informazzjoni ma tkunx maħżuna għal perjodu itwal milli raġonevolment ikun meħtieġ għat-trażmissjoni.

3.   Dan l-Artikolu ma għandux jaffettwa l-possibbiltà li awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva, f'konformità ma’ sistema legali ta’ Stat membru, teżiġi li l-fornitur tas-servizz jittermina jew jipprevjeni xi ksur.

Artikolu 9

Ordnijiet għal azzjoni kontra kontenut illegali

1.   Malli jirċievu ordni biex jaġixxu kontra oġġett speċifiku wieħed jew aktar ta' kontenut illegali, maħruġa mill-awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi nazzjonali rilevanti, abbażi tal-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali applikabbli, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni, jinformaw lill-awtorità li toħroġ l-ordni jew lil kwalunkwe awtorità oħra speċifikata fl-ordni dwar kwalunkwe effett mogħti lill-ordni, mingħajr dewmien żejjed, u jispeċifikaw jekk u meta ngħata effett lill-ordni.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta ordni msemmija fil-paragrafu 1 tiġi trażmessa lill-fornitur, din tkun tissodisfa mill-inqas il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

dik l-ordni jkun fiha l-elementi li ġejjin:

(i)

referenza għall-bażi legali skont il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali għall-ordni;

(ii)

dikjarazzjoni tar-raġunijiet li tispjega għalfejn l-informazzjoni hija kontenut illegali, b'referenza għal dispożizzjoni speċifika waħda jew aktar tal-liġi tal-Unjoni jew tal-liġi nazzjonali f'konformità mal-liġi tal-Unjoni;

(iii)

informazzjoni dwar identifikazzjoni tal-awtorità emittenti;

(iv)

informazzjoni ċara li tippermetti lill-fornitur tas-servizzi intermedjarji jidentifika u jillokalizza l-kontenut illegali kkonċernat, bħal URL preċiż wieħed jew aktar u, fejn meħtieġ, informazzjoni addizzjonali;

(v)

informazzjoni dwar mekkaniżmi ta' rimedju disponibbli għall-fornitur tas-servizzi intermedjarji u għar-riċevitur tas-servizz li pprovda l-kontenut;

(vi)

fejn applikabbli, informazzjoni dwar liema awtorità tirċievi l-informazzjoni dwar l-effett mogħti lill-ordnijiet;

(b)

il-kamp ta' applikazzjoni territorjali ta’ dik l-ordni, abbażi tar-regoli applikabbli tal-liġi tal-Unjoni u nazzjonali, inkluża l-Karta, u, meta rilevanti, il-prinċipji ġenerali tal-liġi internazzjonali, ikun limitat għal dak meħtieġ strettament biex jintlaħaq l-objettiv tiegħu;

(c)

dik l-ordni tiġi trażmessa b'waħda mil-lingwi ddikjarati mill-fornitur ta’ servizzi intermedjarji skont l-Artikolu 11(3) jew b'lingwa uffiċjali oħra tal-Istati Membri, maqbula bejn l-awtorità li toħroġ l-ordni u dak l-fornitur, u tintbagħat lill-punt ta' kuntatt elettroniku, iddeżinjat minn dak il-fornitur, f'konformità mal-Artikolu 11; meta l-ordni ma tkunx abbozzata bil-lingwa ddikjarata mill-fornitur ta’ servizzi intermedjarji jew b'lingwa oħra maqbula bilateralment, l-ordni tista' tiġi trażmessa bil-lingwa tal-awtorità li toħroġ l-ordni, diment li tkun akkumpanjata minn traduzzjoni f’tali lingwa ddikjarata jew maqbula bilateralment ta' mill-inqas l-elementi stipulati fil-punti (a) u (b) ta' dan il-paragrafu.

3.   L-awtorità li toħroġ l-ordni jew, fejn applikabbli, l-awtorità speċifikata fl-ordni, għandha tittrażmetti dik l-ordni, flimkien ma’ kwalunkwe informazzjoni riċevuta mill-fornitur tas-servizzi intermedjarji dwar l-effett mogħti lil dik l-ordni lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali mill-Istat membru tal-awtorità emittenti.

4.   Wara li jirċievi l-ordni mill-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat membru kkonċernat għandu, mingħajr dewmien żejjed, jibgħat kopja tal-ordni imsemmija fil-paragrafu 1 lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali l-oħra kollha permezz tas-sistema stabbilita f'konformità mal-Artikolu 85.

5.   Sa mhux aktar tard minn meta jingħata effett lill-ordni jew, fejn applikabbli, fil-ħin stipulat mill-awtorità emittenti fl-ordni tagħha, il-fornituri ta' servizzi intermedjarji għandhom jinfurmaw lir-riċevitur tas-servizz ikkonċernat dwar l-ordni riċevuta u l-effett mogħti lilha. Tali informazzjoni provduta lir-riċevitur tas-servizz għandha tinkludi dikjarazzjoni tar-raġunijiet, il-possibbiltajiet ta' rimedju li jeżistu, u deskrizzjoni tal-kamp ta' applikazzjoni territorjali tal-ordni, f’konformità mal-paragrafu 2.

6.   Il-kondizzjonijiet u r-rekwiżiti stabbiliti f'dan l-Artikolu għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għal-liġi proċedurali ċivili u kriminali nazzjonali.

Artikolu 10

Ordnijiet għall-għoti ta' informazzjoni

1.   Malli jirċievu ordni biex jipprovdu informazzjoni speċifika dwar riċevitur individwali speċifiku wieħed jew aktar tas-servizz, maħruġa mill-awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi nazzjonali rilevanti, abbażi tal-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali applikabbli, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni, il-fornituri ta' servizzi intermedjarji għandhom jinformaw, mingħajr dewmien żejjed, lill-awtorità li toħroġ l-ordni jew lil kwalunkwe awtorità oħra speċifikata fl-ordni, bil-wasla tagħha u bl-effett mogħti lill-ordni, filwaqt li jispeċifikaw jekk u meta jingħata effett lill-ordni.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta ordni imsemmija fil-paragrafu 1 hija trażmessa lill-fornitur, din tissodisfa mill-inqas il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

dik l-ordni jkun fiha l-elementi li ġejjin:

(i)

referenza għall-bażi legali skont il-liġi nazzjonali jew tal-Unjoni għall-ordni;

(ii)

informazzjoni dwar identifikazzjoni tal-awtorità emittenti;

(iii)

informazzjoni ċara li tippermetti lill-fornitur tas-servizzi intermedjarji jidentifika r-riċevitur jew ir-riċevituri speċifiċi li dwarhom tintalab l-informazzjoni, bħal isem tal-kont wieħed jew aktar jew identifikaturi uniċi;

(iv)

dikjarazzjoni tar-raġunijiet li tispjega l-objettiv għalfejn hemm bżonn l-informazzjoni u għalfejn ir-rekwiżit li tiġi pprovduta l-informazzjoni huwa meħtieġ u proporzjonat biex tiġi determinata l-konformità tar-riċevituri tas-servizzi intermedjarji mal-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali applikabbli f'konformità mal-liġi tal-Unjoni, sakemm din id-dikjarazzjoni ma tkunx tista' tiġi pprovduta għal raġunijiet relatati mal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, id-detezzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali;

(v)

informazzjoni dwar mekkaniżmi ta' rimedju disponibbli għall-fornitur u għar-riċevitur tas-servizz ikkonċernat;

(vi)

fejn applikabbli, informazzjoni dwar liema awtorità għandha tirċievi ntbagħat l-informazzjoni dwar l-effett mogħti lill-ordnijiet;

(b)

dik l-ordni teżiġi biss li l-fornitur jipprovdi informazzjoni diġà miġbura għall-finijiet tal-forniment tas-servizz u li hija fil-kontroll tiegħu;

(c)

dik l-ordni tiġi trażmessa b'waħda mil-lingwi ddikjarati mill-fornitur tas-servizzi intermedjarji skont l-Artikolu 11(3) jew b'lingwa uffiċjali oħra tal-Istati Membri, maqbula bejn l-awtorità li toħroġ l-ordni u l-fornitur, u tintbagħat lill-punt ta' kuntatt elettroniku, iddeżinjat minn dak il-fornitur, f'konformità mal-Artikolu 11; meta l-ordni ma tkunx abbozzata bil-lingwa ddikjarata mill-fornitur tas-servizzi intermedjarji jew b'lingwa oħra maqbula bilateralment, l-ordni tista' tiġi trażmessa bil-lingwa tal-awtorità li toħroġ l-ordni, diment li tkun akkumpanjata minn traduzzjoni f’tali lingwa ddikjarata jew maqbula bilateralment ta' mill-inqas l-elementi stipulati fil-punti (a) u (b) ta' dan il-paragrafu.

3.   L-awtorità li toħroġ l-ordni jew, fejn applikabbli, l-awtorità speċifikata fl-ordni, għandha tittrażmetti l-ordni, flimkien ma’ kwalunkwe informazzjoni riċevuta mill-fornitur tas-servizzi intermedjarji dwar l-effett mogħti lil dik l-ordni lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali mill-Istat membru tal-awtorità emittenti.

4.   Wara li jirċievi l-ordni mill-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat membru kkonċernat għandu, mingħajr dewmien żejjed, jibgħat kopja tal-ordni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali kollha permezz tas-sistema stabbilita f'konformità mal-Artikolu 85.

5.   Sa mhux aktar tard minn meta jingħata effett lill-ordni jew, fejn applikabbli, fil-ħin stipulat mill-awtorità emittenti fl-ordni tagħha, il-fornituri tas-servizzi intermedjarji għandhom jinfurmaw lir-riċevitur tas-servizz ikkonċernat dwar l-ordni riċevuta u l-effett mogħti lilha. Tali informazzjoni provduta lir-riċevitur tas-servizz għandha tinkludi dikjarazzjoni tar-raġunijiet u l-possibbiltajiet ta' rimedju li jeżistu, f’konformità mal-paragrafu 2.

6.   Il-kondizzjonijiet u r-rekwiżiti stabbiliti f’dan l-Artikolu għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għal-liġi proċedurali ċivili u kriminali nazzjonali.

KAPITOLU III

OBBLIGI TAD-DILIĠENZA DOVUTA GĦAL AMBJENT ONLINE TRASPARENTI U SIKUR

TAQSIMA 1

Dispożizzjonijiet applikabbli għall-fornituri kollha ta' servizzi intermedjarji

Artikolu 11

Punti ta' kuntatt għall-awtoritajiet tal-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-Bord

1.   Il-fornituri tas-servizzi intermedjarji għandhom jiddeżinjaw punt uniku ta' kuntatt li jippermettilhom jikkomunikaw direttament, b'mezzi elettroniċi, mal-awtoritajiet tal-Istati Membri, mal-Kummissjoni u mal-Bord imsemmi fl-Artikolu 61 għall-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

2.   Il-fornituri tas-servizzi intermedjarji għandhom jippubblikaw l-informazzjoni meħtieġa biex jidentifikaw u jikkomunikaw faċilment mal-punti uniċi ta' kuntatt tagħhom. Dik l-informazzjoni għandha tkun faċilment aċċessibbli, u għandha tinżamm aġġornata.

3.   Fl-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, il-fornituri tas-servizzi intermedjarji għandhom jispeċifikaw, il-lingwa jew il-lingwi uffiċjali tal-Istati Membri li, flimkien ma' lingwa mifhuma b'mod wiesa' mill-akbar numru possibbli ta' ċittadini tal-Unjoni, jistgħu jintużaw biex jikkomunikaw mal-punt ta' kuntatt tagħhom, u li għandhom jinkludu mill-inqas waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat membru li fih il-fornitur tas-servizzi intermedjarji jkollu l-istabbiliment ewlieni tiegħu, jew fejn jirrisjedi jew ikun stabbilit ir-rappreżentant legali tiegħu.

Artikolu 13

Rappreżentanti legali

1.   Il-fornituri tas-servizzi intermedjarji li ma għandhomx stabbiliment fl-Unjoni iżda li joffru servizzi fl-Unjoni jistgħu jiddeżinjaw, bil-miktub, persuna ġuridika jew fiżika biex taġixxi bħala r-rappreżentant legali tagħhom f'wieħed mill-Istati Membri fejn il-fornitur joffri s-servizzi tiegħu.

2.   Il-fornituri tas-servizzi intermedjarji għandhom jagħtu mandat lir-rappreżentanti legali tagħhom biex jiġu indirizzati flimkien ma’ dawk il-fornituri jew minflokhom, min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, tal-Kummissjoni u tal-Bord, fejn jidħlu l-kwistjonijiet kollha meħtieġa għall-wasla, għall-konformità jew għall-infurzar tad-deċiżjonijiet maħruġa fir-rigward ta' dan ir-Regolament. Il-fornituri tas-servizzi intermedjarji għandhom jipprovdu s-setgħat meħtieġa u biżżejjed riżorsi lir-rappreżentant legali tagħhom biex jiggarantixxu kooperazzjoni effiċjenti u fil-ħin mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, mal-Kummissjoni u mal-Bord u biex jikkonformaw ma' dawk id-deċiżjonijiet.

3.   Għandu jkun possibbli li r-rappreżentant legali deżinjat jinżamm responsabbli għal nuqqas ta' konformità mal-obbligi skont dan ir-Regolament, mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà u għal azzjonijiet legali li jistgħu jinbdew kontra l-fornitur tas-servizzi intermedjarji.

4.   Il-fornituri tas-servizzi intermedjarji għandhom jinnotifikaw l-isem, l-indirizz tal-posta, l-indirizz tal-email u n-numru tat-telefown tar-rappreżentant legali tagħhom lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali fl-Istat membru fejn jirrisjedi jew ikun stabbilit dak ir-rappreżentant legali. Dawn għandhom jiżguraw li dik l-informazzjoni tkun disponibbli għall-pubbliku, faċilment aċċessibbli, preċiża u aġġornata.

5.   Id-deżinjazzjoni ta' rappreżentant legali fl-Unjoni skont il-paragrafu 1 ma għandhiex tikkostitwixxi stabbiliment fl-Unjoni.

Artikolu 15

Obbligi ta' rappurtar ta' trasparenza għall-fornituri tas-servizzi intermedjarji

1.   Il-fornituri tas-servizzi intermedjarji għandhom jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, f'format li jinqara mill-magni u b'mod faċilment aċċessibbli, mill-inqas darba fis-sena, rapporti ċari, li jinftiehmu faċilment dwar kull moderazzjoni tal-kontenut li tkun saret tul il-perjodu rilevanti. Dawk ir-rapporti għandhom jinkludu, b'mod partikolari, informazzjoni dwar dan li ġej, kif applikabbli:

(a)

għall-fornituri ta' servizzi intermedjarji, l-għadd ta' ordnijiet riċevuti mill-awtoritajiet tal-Istati Membri, inkluż l-ordnijiet maħruġa f'konformità mal-Artikoli 9 u 10, ikkategorizzati skont it-tip ta' kontenut illegali kkonċernat, l-Istat membru li joħroġ l-ordni, u ż-żmien medjan meħtieġ biex jinforma lill-awtorità li toħroġ l-ordni, jew kwalunkwe awtorità oħra speċifikata fl-ordni, bir-riċevuta tiegħu u biex jagħti effett lill-ordni;

(b)

għall-fornituri ta' servizzi ta' hosting, l-għadd ta' notifiki sottomessi f'konformità mal-Artikolu 16, ikkategorizzati skont it-tip ta' kontenut illegali allegat ikkonċernat, l-għadd ta' notifiki sottomessi minn sinjalaturi fdati, kull azzjoni meħuda skont in-notifiki billi ssir distinzjoni bejn l-azzjonijiet meħuda abbażi tal-liġi u l-azzjonijiet meħuda abbażi tat-termini u l-kondizzjonijiet tal-fornitur, l-għadd ta' notifiki pproċessati esklużivament bl-użu ta' mezzi awtomatizzati u ż-żmien medjan meħtieġ biex tittieħed l-azzjoni;

(c)

għall-fornituri ta' servizzi intermedjarji, informazzjoni sinifikanti u komprensibbli dwar il-moderazzjoni tal-kontenut li ssir bl-inizjattiva proprja tal-fornitur, inkluż l-użu ta' għodod awtomatizzati, il-miżuri meħuda biex jipprovdu taħriġ u assistenza lill-persuni inkarigati mill-moderazzjoni tal-kontenut, l-għadd u t-tip ta' miżuri meħuda li jaffettwaw id-disponibbiltà, il-viżibbiltà u l-aċċessibbiltà tal-informazzjoni pprovduta mir-riċevituri tas-servizz u l-kapaċità tar-riċevituri li jipprovdu informazzjoni permezz tas-servizz, u restrizzjonijiet relatati oħra tas-servizz; l-informazzjoni rrapportata għandha tiġi kkategorizzata skont it-tip ta' kontenut illegali jew ksur tat-termini u l-kondizzjonijiet tal-fornitur ta' servizz, skont il-metodu ta' detezzjoni u skont it-tip ta' restrizzjoni applikata;

(d)

għall-fornituri ta' servizzi intermedjarji, l-għadd ta' lmenti riċevuti permezz tas-sistemi interni tat-trattament tal-ilmenti f'konformità mat-termini u l-kondizzjonijiet tal-fornitur, kif ukoll, għall-fornituri ta' pjattaformi online, f'konformità mal-Artikolu 20 ukoll, il-bażi għal dawk l-ilmenti, id-deċiżjonijiet meħuda fir-rigward ta' dawk l-ilmenti, iż-żmien medjan meħtieġ għat-teħid ta' dawk id-deċiżjonijiet u l-għadd ta' każijiet fejn dawk id-deċiżjonijiet ikunu nqalbu;

(e)

kull użu li jsir minn mezzi awtomatizzati għall-fini ta' moderazzjoni tal-kontenut, inklużi deskrizzjoni kwalitattiva, speċifikazzjoni tal-finijiet preċiżi, indikaturi tal-eżattezza u r-rata ta' żball possibbli tal-mezzi awtomatizzati fit-twettiq ta' dawk il-finijiet u kull salvagwardja applikata.

2.   Il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu ma għandux japplika għal fornituri ta' servizzi intermedjarji li jikkwalifikaw bħala intrapriżi mikro jew żgħar kif definit fir-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE u li ma jkunux pjattaformi online kbar ħafna fit-tifsira tal-Artikolu 33 ta' dan ir-Regolament.

3.   Il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni biex tistabbilixxi mudelli dwar il-forma, il-kontenut u dettalji oħra tar-rapporti skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, inkluż perjodi ta' rappurtar armonizzati. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' konsulenza msemmija fl-Artikolu 88.

TAQSIMA 2

Dispożizzjonijiet addizzjonali applikabbli għall-fornituri ta' servizzi ta' hosting, inklużi l- pjattaformi online

Artikolu 18

Notifika ta' suspetti ta' reati kriminali

1.   Meta fornitur ta' servizzi ta' hosting isir jaf b'xi informazzjoni li twassal għal suspett li jkun seħħ, li qed iseħħ jew li aktarx se jseħħ reat kriminali li jinvolvi theddida għall-ħajja jew għas-sikurezza ta' persuna jew persuni, dan għandu jinforma minnufih lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jew lill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat membru jew tal-Istati Membri kkonċernati bis-suspett tiegħu u jipprovdi l-informazzjoni rilevanti kollha disponibbli.

2.   Meta l-fornitur ta' servizzi ta' hosting ma jkunx jista' jidentifika b'ċertezza raġonevoli l-Istat membru kkonċernat, dan għandu jinforma lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istat membru fejn ikun stabbilit jew fejn jirrisjedi jew ikun stabbilit ir-rappreżentant legali tiegħu jew jinforma lill-Europol, jew lit-tnejn.

Għall-fini ta' dan l-Artikolu, l-Istat membru kkonċernat għandu jkun l-Istat membru li fih huwa suspettat li jkun seħħ, li qed iseħħ jew li aktarx se jseħħ ir-reat, jew l-Istat membru fejn jirrisjedi jew jinsab is-suspettat awtur tar-reat, jew l-Istat membru fejn tirrisjedi jew tinsab il-vittma tas-suspettat reat.

TAQSIMA 3

Dispożizzjonijiet addizzjonali applikabbli għal fornituri ta' pjattaformi online

Artikolu 21

Soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti

1.   Ir-riċevituri tas-servizz, inklużi individwi jew entitajiet li jkunu ssottomettew avviżi, indirizzati bid-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 20(1), għandhom ikunu intitolati li jagħżlu kwalunkwe korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti li jkun ġie ċċertifikat f'konformità mal-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu sabiex isolvu tilwim relatat ma' dawk id-deċiżjonijiet, inkluż ilmenti li ma ssolvewx bis-sistema interna tat-trattament tal-ilmenti msemmija f'dak l-Artikolu.

Il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom jiżguraw li l-informazzjoni dwar il-possibbiltà tar-riċevituri tas-servizz li jkollhom aċċess għal soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti, kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu, tkun aċċessibbli faċilment fuq l-interfaċċa online tagħhom, ċara u faċli biex tintuża.

L-ewwel subparagrafu huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt tar-riċevitur tas-servizz ikkonċernat li jiftaħ proċedimenti biex jikkontesta d-deċiżjonijiet tal-fornituri ta' pjattaformi online quddiem qorti f'konformità mal-liġi applikabbli.

2.   Iż-żewġ partijiet għandhom jiddjalogaw, in bona fide, mal-korp ċertifikat magħżul għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti bil-għan li tissolva t-tilwima.

Il-fornituri ta’ pjattaformi online jistgħu jirrifjutaw li jiġu involuti ma’ tali korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti jekk t-tilwima li tikkonċerna l-istess informazzjoni u l-istess raġunijiet ta' illegalità jew inkompatibbiltà allegata tal-kontenut tkun diġà ġiet solvuta.

Il-korp iċċertifikat għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti ma għandux ikollu s-setgħa li jimponi soluzzjoni tat-tilwim vinkolanti fuq il-partijiet.

3.   Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat membru fejn huwa stabbilit il-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti għandu, għal perjodu massimu ta' ħames snin li jista' jiġġedded, jiċċertifika l-korp, fuq talba tiegħu, meta l-korp ikun wera li jissodisfa l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

ikun imparzjali u indipendenti, inkluż finanzjarjament indipendenti, mill-fornituri ta' pjattaformi online u mir-riċevituri tas-servizz ipprovdut mill-fornituri ta' pjattaformi online, inkluż minn individwi jew entitajiet li jkunu ssottomettew avviżi;

(b)

ikollu l-għarfien espert meħtieġ rigward il-kwistjonijiet li jinqalgħu f'qasam partikolari wieħed jew aktar ta' kontenut illegali, jew b'rabta mal-applikazzjoni u l-infurzar tat-termini u l-kondizzjonijiet ta' tip wieħed jew aktar ta' pjattaformi online, li jippermettu lill-korp jikkontribwixxi b'mod effettiv għas-soluzzjoni ta' tilwima;

(c)

il-membri tiegħu jitħallsu b'mod li ma jkunx marbut mal-eżitu tal-proċedura;

(d)

is-soluzzjoni għat-tilwim barra mill-qorti tkun aċċessibbli faċilment permezz tat-teknoloġija tal-komunikazzjoni elettronika u tipprevedi l-possibbiltà li t-talba ta' soluzzjoni għat-tilwim u d-dokumenti ta' sostenn meħtieġa jitressqu online;

(e)

ikun kapaċi jsolvi t-tilwim b'mod rapidu, effiċjenti u kosteffettiv u b'mill-inqas waħda mil-lingwi uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni;

(f)

is-soluzzjoni għat-tilwim barra mill-qorti ssir f'konformità ma' regoli ta' proċedura ċari u ġusti li jkunu aċċessibbli faċilment u pubblikament, u li jikkonformaw mal-liġi applikabbli, inkluż dan l-Artikolu.

Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali għandu, meta applikabbli, jispeċifika fiċ-ċertifikat:

(a)

il-kwistjonijiet partikolari li magħhom jirrelata l-għarfien espert tal-korp, kif imsemmi fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu; u

(b)

il-lingwa jew il-lingwi uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li bihom il-korp kapaċi jsolvi t-tilwim, kif imsemmi fil-punt (e) tal-ewwel subparagrafu.

4.   Korpi ċċertifikati għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti għandhom jirrapportaw lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li jkun iċċertifikahom, fuq bażi annwali, dwar il-funzjonament tagħhom, filwaqt li jispeċifikaw mill-inqas l-għadd ta' tilwimiet li jkunu rċevew, informazzjoni dwar l-eżiti ta' dak it-tilwim, il-medja ta' żmien meħuda biex jissolvew u kwalunkwe nuqqas jew diffikultà li jkunu sabu. Huma għandhom jipprovdu informazzjoni addizzjonali fuq talba ta' dak il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali.

Kull sentejn, il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għandhom ifasslu rapport dwar il-funzjonament tal-korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti ċċertifikati minnhom. Dak ir-rapport għandu, b'mod partikolari:

(a)

jelenka l-għadd ta' tilwimiet li kull korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti ċċertifikat ikun irċieva kull sena;

(b)

tindika r-riżultati tal-proċeduri miġjuba quddiem dawk il-korpi u l-medja ta' żmien meħud biex jissolva t-tilwim;

(c)

jidentifika u jispjega kwalunkwe nuqqas jew diffikultà li jkunu sabu mil-lat sistematiku jew settorjali fir-rigward tal-funzjonament ta' dawk il-korpi;

(d)

jidentifika l-aħjar prattiki li jikkonċernaw dak il-funzjonament;

(e)

jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar kif jista' jittejjeb dak il-funzjonament, fejn xieraq.

Korpi ċċertifikati għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti għandhom iqiegħdu d-deċiżjonijiet tagħhom għad-dispożizzjoni tal-partijiet f'perjodu raġonevoli u mhux aktar tard minn 90 jum tal-kalendarju wara l-wasla tal-ilment. Fil-każ ta' tilwimiet kumplessi ħafna, il-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti ċċertifikat jista', fid-diskrezzjoni tiegħu, jestendi l-perjodu ta' 90 jum tal-kalendarju, għal perjodu addizzjonali li ma għandu jeċċedi 90 jum, li jirriżulta f’ massimu ta' 180 jum.

5.   Jekk il-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti jiddeċiedi t-tilwima favur ir-riċevitur tas-servizz, inkluż favur l-individwu jew l-entità li jkunu ssottomettew avviż, il-fornitur ta’ pjattaforma online għandu jħallas it-tariffi kollha mitluba mill-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti, u jirrimborża lil dak ir-riċevitur, inkluż l-individwu jew l-entità, għal kwalunkwe spiża raġonevoli oħra li jkun ħallas b'rabta mas-soluzzjoni tat-tilwim. Jekk il-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti jiddeċiedi t-tilwima favur il-fornitur ta' pjattaforma online, ir-riċevitur tas-servizz, inkluż l-individwu jew l-entità, ma għandux jintalab jirrimborża xi tariffa jew spiża oħra li l-fornitur ta' pjattaforma online ikun ħallas jew għandu jħallas b'rabta mas-soluzzjoni tat-tilwim, sakemm il-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti ma jsibx li dak ir-riċevitur jkun aġixxa manifestament in mala fide.

It-tariffi imposti mill-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti lill-fornituri tal-pjattaformi online għas-soluzzjoni tat-tilwim għandhom ikunu raġonevoli u fi kwalunkwe każ ma għandhomx jaqbżu l-ispejjeż imġarrba mill-korp. Għar-riċevituri tas-servizz, is-soluzzjoni tat-tilwim għandha tkun disponibbli bla ħlas jew b’tariffa nominali.

Il-korpi ċċertifikati għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti għandhom jgħarrfu t-tariffi, jew il-mekkaniżmi użati biex jiddeterminaw it-tariffi, lir-riċevitur tas-servizz, inkluż lill-individwi jew lill-entitajiet li jkunu ssottomettew avviż, u lill-fornitur ta’ pjattaforma online kkonċernata qabel ma jinvolvu ruħhom fis-soluzzjoni tat-tilwim.

6.   L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti għall-finijiet tal-paragrafu 1 jew jappoġġaw l-attivitajiet ta' wħud mill-korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti li jkunu ċċertifikaw, jew kollha kemm huma, f'konformità mal-paragrafu 3.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull attività tagħhom imwettqa skont l-ewwel subparagrafu ma taffettwax il-kapaċità tal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali tagħhom li jiċċertifikaw il-korpi kkonċernati f'konformità mal-paragrafu 3.

7.   Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li jkun iċċertifika l-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti għandu jirrevoka dik iċ-ċertifikazzjoni jekk, wara investigazzjoni fuq inizjattiva tiegħu stess jew abbażi ta' informazzjoni mingħand partijiet terzi, jiddetermina li l-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti ma jkunx għadu jissodisfa l-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 3. Qabel jirrevoka dik iċ-ċertifikazzjoni, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali għandu jagħti l-opportunità lil dak il-korp biex jirreaġixxi għall-konklużjonijiet tal-investigazzjoni tiegħu u l-intenzjoni tiegħu li jirrevoka ċ-ċertifikazzjoni tal-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti.

8.   Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti li jkunu ċċertifikaw f'konformità mal-paragrafu 3, inkluż, meta applikabbli, l-ispeċifikazzjonijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu ta' dak il-paragrafu, kif ukoll il-korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti li ċ-ċertifikazzjoni tagħhom tkun ġiet irrevokata. Il-Kummissjoni għandha tippubblika lista ta' dawk il-korpi, inkluż dawk l-ispeċifikazzjonijiet, fuq sit web apposta li jkun faċilment aċċessibbli, u żżommha aġġornata.

9.   Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2013/11/UE u l-proċeduri ta' soluzzjoni alternattiva għat-tilwim u l-entitajiet għall-konsumaturi stabbiliti skont dik id-Direttiva.

Artikolu 22

Sinjalaturi fdati

1.   Il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom jieħdu l-miżuri tekniċi u organizzattivi meħtieġa biex jiżguraw li l-avviżi sottomessi minn sinjalaturi fdati, li jaġixxu fil-qasam deżinjat tal-għarfien espert tagħhom, permezz ta’ mekkaniżmi msemmija fl-Artikolu 16, jingħataw prijorità u jiġu pproċessati u deċiżi mingħajr dewmien żejjed.

2.   L-istatus ta' sinjalaturi fdati skont dan ir-Regolament għandu jingħata, wara applikazzjoni minn kwalunkwe entità, mill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat membru fejn ikun stabbilit l-applikant, lil applikant li jkun wera li jissodisfa l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

ikollu għarfien espert u kompetenza partikolari għall-finijiet tad-detezzjoni, l-identifikazzjoni u l-avviż ta' kontenut illegali;

(b)

ikun indipendenti minn kwalunkwe fornitur ta' pjattaformi online;

(c)

ikun iwettaq l-attivitajiet tiegħu għall-finijiet ta' sottomissjoni tal-avviżi fil-ħin, b'mod diliġenti, preċiż u oġġettiv.

3.   Is-sinjalaturi fdati għandhom jippubblikaw, mill-inqas darba fis-sena, rapporti dettaljati li jinftiehmu faċilment dwar avviżi sottomessi skont l-Artikolu 16 matul il-perjodu rilevanti. Ir-rapport għandu jelenka mill-inqas l-għadd ta' avviżi kkategorizzati skont:

(a)

l-identità tal-fornitur ta' servizzi ta' hosting,

(b)

it-tip ta' kontenut allegatament illegali nnotifikat,

(c)

l-azzjoni meħuda mill-fornitur.

Dawk ir-rapporti għandhom jinkludu spjegazzjoni tal-proċeduri fis-seħħ biex jiġi żgurat li s-sinjalatur fdat iżomm l-indipendenza tiegħu.

Is-sinjalaturi fdati għandhom jibagħtu dawk ir-rapporti lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li jkun tahom l-istatus u għandhom jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku mis-sinjalaturi fdati. L-informazzjoni f'dawk ir-rapporti ma għandhiex tinkludi data personali.

4.   Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni u lill-Bord l-ismijiet, l-indirizzi u l-indirizzi tal-email tal-entitajiet li lilhom ikunu taw l-istatus ta' sinjalatur fdat f'konformità mal-paragrafu 2 jew li jkunu ssospendew l-istatus ta’ sinjalatur fdat f’konformità mal-paragrafu 6 jew irrevokawh skont il-paragrafu 7.

5.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 4 f'bażi tad-data disponibbli għall-pubbliku, b'format aċċessibbli faċilment u li jinqara mill-magni, u għandha żżommha aġġornata.

6.   Meta fornitur ta' pjattaformi online jkollu informazzjoni li tindika li sinjalatur fdat issottometta għadd sinifikanti ta' avviżi mhux preċiżi biżżejjed, ineżatti jew mhux sostanzjati kif xieraq bil-mekkaniżmi msemmija fl-Artikolu 16, inkluż informazzjoni miġbura b'rabta mal-ipproċessar tal-ilmenti permezz tas-sistemi interni għat-trattament tal-ilmenti msemmija fl-Artikolu 20(4), dan għandu jikkomunika dik l-informazzjoni lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li jkun ta l-istatus ta' sinjalatur fdat lill-entità kkonċernata, filwaqt li jipprovdi l-ispjegazzjonijiet u d-dokumenti ġustifikattivi meħtieġa. Malli jirċievi l-informazzjoni mingħand il-fornitur ta' pjattaformi online u jekk il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jqis li hemm raġunijiet leġittimi biex tinfetaħ investigazzjoni, l-istatus ta' sinjalatur fdat għandu jiġi sospiż matul il-perjodu tal-investigazzjoni. Dik l-investigazzjoni għandha ssir mingħajr dewmien żejjed.

7.   Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li ta l-istatus ta' sinjalatur fdat lil entità għandu jirrevoka dak l-istatus jekk jiddetermina, wara investigazzjoni fuq inizjattiva tiegħu stess jew abbażi ta' informazzjoni riċevuta mingħand partijiet terzi, inkluża informazzjoni pprovduta minn fornitur ta' pjattaformi online skont il-paragrafu 6, li l-entità ma għadhiex tissodisfa l-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 2. Qabel jirrevoka dak l-istatus, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali għandu jagħti l-opportunità lill-entità biex tirreaġixxi għall-konklużjonijiet tal-investigazzjoni tiegħu u l-intenzjoni tiegħu li jirrevoka l-istatus tal-entità bħala sinjalatur fdat.

8.   Il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta lill-Bord, għandha, fejn meħtieġ, toħroġ linji gwida biex tassisti lill-fornituri ta' pjattaformi online u lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali fl-applikazzjoni tal-paragrafi 2, 6 u 7.

Artikolu 30

Traċċabbiltà tal-kummerċjanti

1.   Il-fornituri ta’ pjattaformi online li jippermettu lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma' kummerċjanti għandhom jiżguraw li l-kummerċjanti jkunu jistgħu jużaw dawk il-pjattaformi online biex jippromwovu messaġġi dwar prodotti jew servizzi jew biex joffru prodotti jew servizzi lill-konsumaturi li jinsabu fl-Unjoni jekk, qabel l-użu tas-servizzi tagħhom għal dawk l-iskopijiet, huma jkunu kisbu l-informazzjoni li ġejja, fejn applikabbli lill-kummerċjant:

(a)

l-isem, l-indirizz, in-numru tat-telefown u l-indirizz tal-email tal-kummerċjant;

(b)

kopja tad-dokument tal-identifikazzjoni tal-kummerċjant jew xi identifikazzjoni elettronika oħra kif definit fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (40);

(c)

id-dettalji tal-kont tal-ħlas tal-kummerċjant;

(d)

meta l-kummerċjant ikun irreġistrat f'reġistru tal-kummerċ jew f'reġistru pubbliku simili, ir-reġistru tal-kummerċ li fih ikun irreġistrat il-kummerċjant u n-numru tar-reġistrazzjoni tiegħu, jew mezzi ekwivalenti ta' identifikazzjoni f'dak ir-reġistru;

(e)

awtoċertifikazzjoni mill-kummerċjant li jimpenja ruħu li joffri biss prodotti jew servizzi li jikkonformaw mar-regoli applikabbli tal-liġi tal-Unjoni.

2.   Malli jirċievi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, u qabel ma jippermetti lill-kummerċjant ikkonċernat juża s-servizzi tiegħu, il-fornitur ta’ pjattaforma online li tippermetti lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma' kummerċjanti għandu, permezz tal-użu ta' xi bażi tad-data online uffiċjali aċċessibbli mingħajr ħlas jew interfaċċa online li ssir disponibbli minn Stat membru jew mill-Unjoni jew permezz ta' talbiet lill-kummerċjant biex jipprovdi dokumenti ġustifikattivi mingħand sorsi affidabbli, jagħmel l-almu tiegħu biex jivvaluta jekk l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, punti (a) sa (e), hix affidabbli u kompluta. Għall-fini ta' dan ir-Regolament, il-kummerċjanti għandhom jinżammu responsabbli għall-eżattezza tal-informazzjoni pprovduta.

Fir-rigward tal-kummerċjanti li diġà jużaw is-servizzi tal-fornituri ta’ pjattaformi online li jippermettu lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma' kummerċjanti għall-finijiet imsemmija fil-paragrafu 1 fis-17 ta’ Frar 2024, il-fornituri għandhom jagħmlu l-almu tagħhom biex jiksbu l-informazzjoni elenkata mingħand il-kummerċjanti kkonċernati fi żmien 12-il xahar. Meta kummerċjanti jonqsu milli jipprovdu l-informazzjoni sa dik l-iskadenza, il-fornituri għandhom jissospendu l-forniment tas-servizzi tagħhom lil dawk il-kummerċjanti sakemm jipprovdu l-informazzjoni kollha.

3.   Meta l-fornitur tal- pjattaformai online li tippermetti lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma’ kummerċjanti jikseb biżżejjed indikazzjonijiet jew ikollu raġuni biex jemmen li xi element tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 miksub mingħand il-kummerċjant ikkonċernat ma jkunx preċiż, ikun inkomplut jew ma jkunx aġġornat, dak il-fornitur għandu jitlob lil dak il-kummerċjant jirrimedja dik is-sitwazzjoni mingħajr dewmien jew fil-perjodu ta' żmien stabbilit mil-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali.

Meta l-kummerċjant jonqos milli jikkoreġi jew jikkompleta dik l-informazzjoni, il-fornitur tal-pjattaforma online li tippermetti lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma’ kummerċjanti għandu jissospendi malajr il-forniment tas-servizz tiegħu lil dak il-kummerċjant fir-rigward tal-offerta ta' prodotti jew servizzi lill-konsumaturi li jinsabu fl-Unjoni sakemm it-talba tkun ġiet issodisfata bis-sħiħ.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2019/1150, jekk fornitur ta' pjattaforma online li jippermetti lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma' kummerċjanti jirrifjuta li jippermetti lil kummerċjant li juża s-servizz skont il-paragrafu 1, jew jissospendi l-forniment tas-servizz tiegħu skont il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, il-kummerċjant ikkonċernat għandu jkollu d-dritt li jressaq ilment kif previst fl-Artikoli 20 u 21 ta' dan ir-Regolament.

5.   Il-fornitur tal-pjattaforma online li jippermetti lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma' kummerċjanti għandu jaħżen l-informazzjoni miksuba skont il-paragrafi 1 u 2 b'mod sigur għal perjodu ta’ sitt xhur wara t-tmiem tar-relazzjoni kuntrattwali mal-kummerċjant ikkonċernat. Dawn għandhom sussegwentement iħassru l-informazzjoni.

6.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, il-fornitur ta’ pjattaforma online għandu jiżvela biss l-informazzjoni lil partijiet terzi meta jkun meħtieġ f'konformità mal-liġi applikabbli, inkluż l-ordnijiet imsemmija fl-Artikolu 10 kwalunkwe ordni maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jew mill-Kummissjoni għat-twettiq tal-kompiti tagħhom skont dan ir-Regolament.

7.   Il-fornitur tal-pjattaforma online li jippermetti lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma' kummerċjanti għandu jagħmel l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, punti (a), (d) u (e) disponibbli fuq il-pjattaforma online tiegħu għar-riċevituri tas-servizz b'mod ċar, aċċessibbli faċilment u komprensibbli. Dik l-informazzjoni għandha tkun disponibbli mill-inqas fuq l-interfaċċa online tal-pjattaforma online meta l-informazzjoni dwar il-prodott jew is-servizz tiġi ppreżentata.

Artikolu 33

Pjattaformi online kbar ħafna u magni tat-tiftix online kbar ħafna

1.   Din it-Taqsima għandha tapplika għall-pjattaformi online u magni tat-tiftix online li jilħqu għadd ta' riċevituri attivi medji fix-xahar tas-servizz fl-Unjoni li jilħaq il-45 miljun jew iżjed, u li jkunu ddeżinjati bħala pjattaformi online kbar ħafna jew magni tat-tiftix online kbar ħafna skont il-paragrafu 4.

2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 87 biex taġġusta l-għadd ta' riċevituri attivi medji fix-xahar tas-servizz fl-Unjoni msemmi fil-paragrafu 1, meta l-popolazzjoni tal-Unjoni tiżdied jew tonqos b'mill-anqas 5 % fir-rigward tal-popolazzjoni tagħha fl-2020 jew, tal-popolazzjoni tagħha wara aġġustament b'att delegat fis-sena meta jkun ġie adottat l-aħħar att delegat. F'tali każ, din għandha taġġusta l-għadd biex ikun jikkorrispondi għal 10 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni fis-sena meta tadotta l-att delegat, aġġustat 'il fuq jew 'l isfel biex l-għadd ikun jista' jiġi espress f'miljuni.

3.   Il-Kummissjoni tista' tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 87, wara konsultazzjoni mal-Bord, biex tissupplimenta d-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament billi tistabbilixxi l-metodoloġija għall-kalkolu tal-għadd ta' riċevituri attivi medji fix-xahar tas-servizz fl-Unjoni, għall-finijiet tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u l-Artikolu 24(2), filwaqt li tiżgura li l-metodoloġija tqis l-iżviluppi teknoloġiċi u tas-suq.

4.   Il-Kummissjoni għandha, wara li tkun ikkonsultat l-Istat membru tal-istabbiliment jew wara li tqis l-informazzjoni pprovduta mill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment skont l-Artikolu 24(4), tadotta deċiżjoni li tiddeżinja bħala pjattaforma online kbira ħafna jew magna tat-tiftix online kbira ħafna għall-finijiet ta' dan ir-Regolament il-pjattaforma online jew il-magna tat-tiftix online li jkollha għadd ta' riċevituri attivi medji fix-xahar tas-servizz daqs jew iżjed mill-għadd imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu. Il-Kummissjoni għandha tieħu d-deċiżjoni tagħha abbażi tad-data rrapportata mill-fornitur tal-pjattaforma online jew tal-magna tat-tiftix online skont l-Artikolu 24(2), u, fejn applikabbli, informazzjoni addizzjonali mitluba skont l-Artikolu 24(3) u kwalunkwe informazzjoni oħra għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni.

In-nuqqas tal-fornitur tal-pjattaforma online jew tal-magna tat-tiftix online li josserva l-Artikolu 24(2) jew li jirrispetta t-talba tal-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment jew mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 24(3) ma għandux iwaqqaf lill-Kummissjoni milli taħtar lil dak il-fornitur bħala fornitur ta' pjattaforma online kbira ħafna jew ta’ magna tat-tiftix online kbira ħafna skont dan il-paragrafu.

Fejn il-Kummissjoni tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq informazzjoni oħra disponibbli għall-Kummissjoni skont l-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu jew abbażi tal-informazzjoni addizzjonali mitluba skont l-Artikolu 24(3), il-Kummissjoni għandha tagħti lill-fornitur tal-pjattaforma online jew tal-magna tat-tiftix online kkonċernat 10 ijiem tax-xogħol biex jissottometti l-fehmiet tiegħu dwar il-konklużjonijiet preliminari tal-Kummissjoni u dwar l-intenzjoni tieħu li jiddeżinja l-pjattaforma online jew il-magna tat-tiftix online bħala pjattaforma online kbira ħafna jew bħala magna tat-tiftix online kbira ħafna. Il-Kummissjoni għandha tqis kif xieraq il-fehmiet sottomessi mill-fornitur ikkonċernat.

In-nuqqas t tal-fornitur ta’ pjattaforma online jew tal-magna tat-tiftix online kkonċernat li jissottometti l-fehmiet tiegħu skont it-tielet subparagrafu ma għandux iwaqqaf lill-Kummissjoni milli tiddeżinja dik il-pjattaforma online jew dik il-magna tat-tiftix online bħala pjattaforma online kbira ħafna jew bħala magna tat-tiftix online kbira ħafna, rispettivament, abbażi ta' informazzjoni oħra li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha.

5.   Il-Kummissjoni għandha ttemm id-deżinjazzjoni jekk, f'perjodu ta' sena mingħajr interruzzjoni, il-pjattaforma online jew il-magna tat-tiftix online ma jkollhiex għadd ta' riċevituri tas-servizz attivi medji fix-xahar ekwivalenti jew superjuri għall-għadd imsemmi fil-paragrafu 1.

6.   Il-Kummissjoni għandha tinnotifika d-deċiżjonijiet tagħha skont il-paragrafi 4 u 5, mingħajr dewmien żejjed, lill-fornitur ta’ pjattaforma online jew ta’ magna tat-tiftix online kkonċernat, lill-Bord u lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment.

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-lista tal-pjattaformi online kbar ħafna deżinjati tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u għandha żżommha aġġornata. L-obbligi stipulati f'din it-Taqsima għandhom japplikaw, jew jieqfu japplikaw, għall-pjattaformi online kbar ħafna u magni tat-tiftix online kbar ħafna kkonċernati fi żmien erba' xhur wara n-notifika lill-fornitur ikkonċernat kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu.

Artikolu 34

Valutazzjoni tar-riskju

1.   Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jidentifikaw, janalizzaw u jivvalutaw b'mod diliġenti kwalunkwe riskju sistemiku fl-Unjoni li jirriżulta mid-disinn jew il-funzjonament tas-servizzi tagħhom u s-sistemi relatati tagħhom, inklużi s-sistemi algoritmiċi, jew mill-użu li jsir mis-servizzi tagħhom.

Huma għandhom iwettqu l-valutazzjonijiet tar-riskju sad-data tal-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 33(6), it-tieni subparagrafu, u, mill-inqas darba fis-sena minn hemm 'il quddiem, u fi kwalunkwe każ qabel l-introduzzjoni ta' funzjonalitajiet li x'aktarx ikollhom impatt kritiku fuq ir-riskji identifikati skont dan l-Artikolu. Din il-valutazzjoni tar-riskju għandha tkun speċifika għas-servizzi tagħhom u tkun proporzjonata għar-riskji sistemiċi, b’kont meħud tas-severità u l-probabbiltà tagħhom, u għandha tinkludi r-riskji sistemiċi li ġejjin:

(a)

id-disseminazzjoni ta' kontenut illegali permezz tas-servizzi tagħhom;

(b)

kull effett negattiv reali jew prevedibbli għall-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali, partikolarment id-drittijiet fundamentali għad-dinjità tal-bniedem minquxa fl-Artikolu 1 tal-Karta, għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja minquxa fl-Artikolu 7 tal-Karta, għall-protezzjoni tad-data personali minquxa fl-Artikolu 8 tal-Karta, għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, inklużi l-libertà u l-pluraliżmu tal-midja, minquxa fl-Artikolu 11 tal-Karta, għan-non-diskriminazzjoni minquxa fl-Artikolu 21 tal-Karta, għar-rispett għad-drittijiet tat-tfal minquxa fl-Artikolu 24 tal-Karta u għal-livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur minquxa fl-Artikolu 38 tal-Karta;

(c)

kwalunkwe effetti negattiv attwali jew prevedibbli fuq id-diskors ċiviku, il-proċessi elettorali u s-sigurtà pubblika;

(d)

kwalunkwe effett negattiv attwali jew prevedibbli fir-rigward tal-vjolenza sessista, il-protezzjoni tas-saħħa pubblika u l-minorenni u konsegwenzi negattivi serji għall-benessri fiżiku u mentali tal-persuna.

2.   Meta jwettqu valutazzjonijiet tar-riskju, il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom iqisu, b'mod partikolari, jekk u kif il-fatturi li ġejjin jinfluwenzaw xi wieħed mir-riskji sistemiċi msemmija fil-paragrafu 1:

(a)

id-disinn tas-sistemi ta' rakkomandazzjoni tagħhom u kwalunkwe sistema algoritmika rilevanti oħra;

(b)

is-sistemi ta' moderazzjoni tal-kontenut tagħhom;

(c)

it-termini u l-kondizzjonijiet applikabbli u l-infurzar tagħhom;

(d)

is-sistemi għall-għażla u l-preżentazzjoni tar-reklami;

(e)

il-prattiki tal-fornitur relatati mad-data.

Il-valutazzjonijiet għandhom janalizzaw ukoll jekk u kif ir-riskji msemmija fil-paragrafu 1 huma influwenzati mill-manipulazzjoni intenzjonata tas-servizz tagħhom, inkluż b'użu mhux awtentiku bi jew sfruttament awtomatizzat tas-servizz, kif ukoll l-amplifikazzjoni u d-disseminazzjoni potenzjalment rapida u wiesgħa ta' kontenut illegali u ta' informazzjoni li hija inkompatibbli mat-termini u l-kondizzjonijiet tagħhom.

Il-valutazzjoni għandha tqis aspetti reġjonali jew lingwistiċi speċifiċi, inkluż meta jkunu speċifiċi għal Stat membru.

3.   Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jippreservaw id-dokumenti ġustifikattivi tal-valutazzjonijiet tar-riskju għal mill-inqas tliet snin wara t-twettiq tal-valutazzjonijiet tar-riskju, u għandhom, fuq talba, jikkomunikawhom lill-Kummissjoni u lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment.

Artikolu 35

Mitigazzjoni tar-riskji

1.   Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom idaħħlu fis-seħħ miżuri ta' mitigazzjoni raġonevoli, proporzjonati u effettivi, imfassla għar-riskji sistemiċi speċifiċi identifikati skont l-Artikolu 34, b'kunsiderazzjoni partikolari għall-impatti ta' tali miżuri fuq id-drittijiet fundamentali. Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu, meta applikabbli:

(a)

l-adattament tad-disinn, il-karatteristiċi jew il-funzjonament tas-servizzi tagħhom, inklużi l-interfaċċi online tagħhom;

(b)

l-adattament tat-termini u l-kondizzjonijiet u l-infurzar tagħhom;

(c)

l-adattament tal-proċessi tal-moderazzjoni tal-kontenut, inkluż il-ħeffa u l-kwalità tal-avviżi tal-ipproċessar relatati ma' tipi speċifiċi ta' kontenut illegali u, fejn xieraq, it-tneħħija rapida tal-kontenut notifikat jew id-diżattivazzjoni tal-aċċess għalih, b'mod partikolari fir-rigward ta’ diskors ta' mibegħda illegali jew vjolenza ċibernetika; kif ukoll l-adattament ta' kwalunkwe proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet rilevanti u riżorsi ddedikati għall-moderazzjoni tal-kontenut;

(d)

l-ittestjar u l-adattament tas-sistemi algoritmiċi tagħhom, inklużi s-sistemi ta' rakkomandazzjoni tagħhom;

(e)

l-adattament tas-sistemi ta' reklamar tagħhom u l-adozzjoni ta' miżuri mmirati bil-għan li jillimitaw jew jaġġustaw il-preżentazzjoni tar-reklami flimkien mas-servizz li jipprovdu;

(f)

it-tisħiħ tal-proċessi interni, ir-riżorsi, l-ittestjar, id-dokumentazzjoni jew is-superviżjoni ta' kull waħda mill-attivitajiet tagħhom b'mod partikolari fir-rigward tad-detezzjoni ta' riskju sistemiku;

(g)

il-bidu jew l-aġġustament tal-kooperazzjoni ma' sinjalaturi fdati f'konformità mal-Artikolu 22 u l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet ta' korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti skont l-Artikolu 21;

(h)

il-bidu jew l-aġġustament tal-kooperazzjoni ma' fornituri ta' pjattaformi online jew ta’ magni tat-tiftix online oħra permezz tal-kodiċijiet ta' kondotta u l-protokolli ta' kriżi msemmija fl-Artikoli 45 u 48 rispettivament;

(i)

it-teħid ta' miżuri ta' sensibilizzazzjoni u l-adattament tal-interfaċċa online tagħhom biex ir-riċevituri tas-servizz jingħataw aktar informazzjoni;

(j)

it-teħid ta' miżuri mmirati għall-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal, inkluż għodod ta' verifika tal-età u ta' kontroll min-naħa tal-ġenituri, jew għodod immirati biex jgħinu lill-minorenni jissinjalaw abbuż jew isibu għajnuna, skont il-każ;

(k)

garanzija li element ta' informazzjoni, sew jekk jikkostitwixxi immaġni, awdjo jew vidjo ġġenerat jew immanipulat li jixbah apprezzabbilment persuni, oġġetti, postijiet, entitajiet jew avvenimenti oħra ta' veru u li f'għajnejn persuna jidher awtentiku jew veritier meta ma jkunx, ikun distingwibbli permezz ta' mmarkar prominenti meta ppreżentat fuq l-interfaċċi online tagħhom,; u, barra minn hekk, id-disponibbiltà ta' funzjonalità li tkun faċli biex tintuża u li tippermetti lir-riċevituri tas-servizz jindikaw informazzjoni bħal din.

2.   Il-Bord, b'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, għandu jippubblika rapporti komprensivi, darba fis-sena. Ir-rapporti għandhom jinkludu dan li ġej:

(a)

l-identifikazzjoni u l-valutazzjoni tal-aktar riskji sistemiċi prominenti u rikorrenti rrapportati mill-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna jew identifikati permezz ta' sorsi oħra ta' informazzjoni, b'mod partikolari dawk ipprovduti f'konformità mal-Artikoli 39, 40 u 42;

(b)

l-aqwa prattiki għall-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna biex jittaffu r-riskji sistemiċi identifikati.

Dawk ir-rapporti għandhom jippreżentaw ir-riskji sistemiċi mqassmin għal kull Stat membru fejn ikunu seħħew u fl-Unjoni kollha kemm hi, kif applikabbli.

3.   Il-Kummissjoni, b'kooperazzjoni mal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, tista' toħroġ linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-paragrafu 1 fir-rigward ta' riskji speċifiċi, b'mod partikolari biex tippreżenta l-aqwa prattiki u tirrakkomanda miżuri possibbli, b'kunsiderazzjoni xierqa tal-konsegwenzi possibbli tal-miżuri fuq id-drittijiet fundamentali minquxa fil-Karta tal-partijiet kollha involuti. Meta tħejji dawk il-linji gwida, il-Kummissjoni għandha torganizza konsultazzjonijiet pubbliċi.

Artikolu 39

Trasparenza addizzjonali fir-reklamar online

1.   Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna li jippreżentaw reklamar fuq l-interfaċċi online tagħhom għandhom jikkompilaw u jagħmlu disponibbli għall-pubbliku f'taqsima speċifika tal-interfaċċa online tagħhom, permezz ta' għodda konsultabbli u affidabbli li tippermetti tfittxijiet b'diversi kriterji, u permezz tal-interfaċċi tal-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet, repożitorju li jkun fih l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, għall-perjodu sħiħ li fih jippreżentaw reklam u sa sena wara li r-reklam ikun ġie ppreżentat għall-aħħar darba fuq l-interfaċċi online tagħhom. Għandhom jiżguraw li r-repożitorju ma jkun fih l-ebda data personali tar-riċevituri tas-servizz li lilhom ikun ġie ppreżentat jew seta' ġie ppreżentat ir-reklam, u għandhom jagħmlu sforzi raġonevoli biex jiżguraw li l-informazzjoni tkun eżatta u kompluta.

2.   Ir-repożitorju għandu jinkludi mill-inqas l-informazzjoni kollha li ġejja:

(a)

il-kontenut tar-reklam, inkluż l-isem tal-prodott, is-servizz jew il-marka u s-suġġett tar-reklam;

(b)

il-persuna fiżika jew ġuridika li f'isimha jkun qed jiġi ppreżentat ir-reklam;

(c)

il-persuna fiżika jew ġuridika li tkun ħallset għar-reklam, jekk dik il-persuna tkun differenti mill-persuna msemmija fil-punt (b);

(d)

il-perjodu li matulu jkun ġie ppreżentat ir-reklam;

(e)

jekk ir-reklam kienx maħsub biex jiġi ppreżentat speċifikament lil grupp wieħed jew aktar ta' riċevituri tas-servizz u, jekk iva, il-parametri ewlenin użati għal dak il-għan, fosthom, fejn applikabbli, il-parametri ewlenin użati għall-esklużjoni ta' wieħed jew aktar minn dawn il-gruppi partikolari;

(f)

il-komunikazzjonijiet kummerċjali ppubblikati fuq il-pjattaformi online kbar ħafna u identifikati skont l-Artikolu 26(2);

(g)

l-għadd totali ta' riċevituri tas-servizz milħuq u, meta applikabbli, numri aggregati mqassmin għal kull Stat membru għall-grupp jew għall-gruppi ta' riċevituri li għalihom kien immirat speċifikament ir-reklam.

3.   Fir-rigward tal-paragrafu 2, punti (a), (b) u (c), meta fornitur ta' pjattaforma online kbira ħafna u ta’ magna tat-tiftix online kbira ħafna jkun neħħa jew iddiżattiva l-aċċess għal reklam speċifiku abbażi tal-allegata illegalità jew inkompatibbiltà mat-termini u l-kondizzjonijiet tiegħu, ir-repożitorju ma għandux jinkludi l-informazzjoni msemmija f'dawk il-punti. F'dak il-każ, ir-repożitorju għandu jinkludi, għar-reklam speċifiku kkonċernat, l-informazzjoni msemmija, fl-Artikolu 17(3), punti (a) sa (e), jew fl-Artikolu 9(2), punt (a)(i), kif applikabbli.

Il-Kummissjoni tista', wara konsultazzjoni mal-Bord, ir-riċerkaturi verifikati rilevanti msemmija fl-Artikolu 40 u l-pubbliku, toħroġ linji gwida dwar l-istruttura, l-organizzazzjoni u l-funzjonalitajiet tar-repożitorji msemmija f'dan l-Artikolu.

Artikolu 40

Aċċess u skrutinju tad-data

1.   Fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jipprovdu lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment jew lill-Kummissjoni, fuq talba motivata tagħhom u fi żmien raġonevoli, kif speċifikat f’dik it-talba, aċċess għad-data meħtieġa għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-konformità ma' dan ir-Regolament.

2.   Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment u l-Kummissjoni għandhom jużaw id-data aċċessata skont il-paragrafu 1 biss għall-fini tal-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-konformità ma' dan ir-Regolament u għandhom iqisu kif xieraq id-drittijiet u l-interessi tal-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna u r-riċevituri tas-servizz ikkonċernati, inkluż il-protezzjoni tad-data personali, il-protezzjoni ta' informazzjoni kunfidenzjali, b'mod partikolari s-sigrieti kummerċjali, u ż-żamma tas-sigurtà tas-servizz tagħhom.

3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom, fuq talba tal-Koordinatur tas-Servizz Diġitali tal-istabbiliment jew tal-Kummissjoni, jispjegaw id-disinn, il-loġika, il-funzjonament u l-ittestjar tas-sistemi algoritmiċi tagħhom, inklużi s-sistemi ta' rakkomandazzjoni tagħhom.

4.   Fuq talba motivata mill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment jew mill-Kummissjoni, il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom, fi żmien raġonevoli, kif speċifikat fit-talba, jipprovdu aċċess għad-data lir-riċerkaturi verifikati li jkunu jissodisfaw ir-rekwiżiti fil-paragrafu 8 ta' dan l-Artikolu, għall-uniku fini biex titwettaq riċerka li tikkontribwixxi għad-detezzjoni, l-identifikazzjoni u l-fehim tar-riskji sistemiċi fl-Unjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 34(1), u għall-valutazzjoni tal-adegwatezza, l-effiċjenza u l-impatti tal-miżuri ta' mitigazzjoni tar-riskju skont l-Artikolu 35.

5.   Fi żmien 15-il jum mill-wasla ta' talba kif imsemmi fil-paragrafu 4, il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna jistgħu jitolbu lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment, biex it-talba tiġi emendata, meta jqisu li ma jkunux jistgħu jagħtu aċċess għad-data mitluba minħabba xi waħda miż-żewġ raġunijiet li ġejjin:

(a)

ma jkollhomx aċċess għad-data;

(b)

l-għoti ta' aċċess għad-data jkun se jwassal għal vulnerabbiltajiet sinifikanti fis-sigurtà tas-servizz tagħhom jew għall-protezzjoni ta' informazzjoni kunfidenzjali, b'mod partikolari s-sigrieti kummerċjali.

6.   It-talbiet għal emenda skont il-paragrafu 5 għandu jkun fihom proposti għal mezz alternattiv wieħed jew aktar li permezz tagħhom ikun jista' jingħata aċċess għad-data mitluba jew għal data oħra li tkun xierqa u suffiċjenti għall-fini tat-talba.

Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment għandu jiddeċiedi dwar it-talba għal emenda fi żmien 15-il jum u jikkomunika d-deċiżjoni lill-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna u, meta rilevanti, it-talba emendata u l-iskadenza l-ġdida għall-konformità mat-talba.

7.   Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jiffaċilitaw u jipprovdu aċċess għad-data skont il-paragrafi 1 u 4 permezz ta' interfaċċi xierqa speċifikati fit-talba, inklużi bażijiet tad-data online jew interfaċċi għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet.

8.   Fuq applikazzjoni sostanzjata kif xieraq mir-riċerkaturi, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment għandu jagħti lil tali riċerkaturi għal riċerka speċifika l-istatus ta’ “riċerkaturi verifikati” għar-riċerka speċifika msemmija fl-applikazzjoni u joħroġ talba motivata għall-aċċess tad-data lil fornitur ta’ pjattaforma online kbira ħafna jew ta’ magna tat-tiftix online kbira ħafna skont il-paragrafu 4, fejn ir-riċerkaturi juru li jissodisfaw il-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

ikunu affiljati ma' organizzazzjoni tar-riċerka kif definita fl-Artikolu 2, punt (1) tad-Direttiva (UE) 2019/790;

(b)

ikunu indipendenti minn interessi kummerċjali;

(c)

l-applikazzjoni tagħhom tiżvela kif se tiġi ffinanzjata r-riċerka;

(d)

ikunu kapaċi li jissodifaw ir-rekwiżiti speċifiċi tas-sigurtà u l-kunfidenzjalità tad-data li jikkorrispondu għal kull talba u li jipproteġu d-data personali, u fit-talba tagħhom jiddeskrivu l-miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa li jkunu implimentaw għal dan il-għan;

(e)

l-applikazzjoni tagħhom turi li l-aċċess għad-data u l-iskadenzi mitluba huma neċessarji u proporzjonati għall-finijiet tar-riċerka tagħhom u li r-riżultati mistennija ta’ dik ir-riċerka se jikkontribwixxu għall-finijiet stipulati fil-paragrafu 4;

(f)

l-attivitajiet ta' riċerka ppjanati jkunu se jitwettqu għall-finijiet stabbiliti fil-paragrafu 4;

(g)

ikunu jimpenjaw ruħhom li jqiegħdu r-riżultati tar-riċerka tagħhom għad-dispożizzjoni tal-pubbliku mingħajr ħlas, fi żmien raġonevoli wara t-tlestija tar-riċerka suġġett għad-drittijiet u l-interessi tar-riċevituri tas-servizz ikkonċernat, f'konformità mar-Regolament (UE) 2016/679.

Mal-wasla tal-applikazzjoni skont dan il-paragrafu, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment għandu jinforma u lill-Kummissjoni u lill-Bord.

9.   Ir-riċerkaturi jistgħu wkoll jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat membru tal-organizzazzjoni tar-riċerka li jkunu affiljati magħha. Malli jirċievi l-applikazzjoni skont dan il-paragrafu, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali għandu jwettaq valutazzjoni inizjali dwar jekk ir-riċerkaturi rispettivi jissodisfawx il-kondizzjonijiet kollha stabbiliti fil-paragrafu 8. Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali rispettiv għandu sussegwentement jibgħat l-applikazzjoni, flimkien mad-dokumenti ġustifikattivi ppreżentati mir-riċerkaturi rispettivi u l-valutazzjoni inizjali, lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment. Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment għandu jieħu deċiżjoni dwar l-għoti tal-istatus ta “riċerkatur verifikat” lil riċerkatur mingħajr dewmien żejjed.

Filwaqt li titqies il-valutazzjoni inizjali pprovduta, id-deċiżjoni finali li r-riċerkatur jingħata l-istatus ta' riċerkatur verifikat hija kompetenza tal-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment, skont il-paragrafu 8.

10.   Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li jkun ta l-istatus ta' riċerkatur verifikat u ħareġ it-talba motivata għall-aċċess għad-data lill-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna favur riċerkatur verifikat għandu joħroġ deċiżjoni li tittermina l-aċċess jekk, wara investigazzjoni fuq inizjattiva tiegħu jew abbażi ta' informazzjoni li tkun waslet mingħand partijiet terzi, jiddetermina li r-riċerkatur verifikat ma jkunx għadu jissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 8, u għandu jinforma lill-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat bid-deċiżjoni. Qabel jagħlaq l-aċċess, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali għandu jippermetti lir-riċerkatur verifikat jirreaġixxi għall-konklużjonijiet tal-investigazzjoni u għall-intenzjoni tiegħu li jagħlaq l-aċċess.

11.   Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment għandhom jikkomunikaw lill-Bord l-ismijiet u l-informazzjoni ta' kuntatt tal-persuni fiżiċi jew l-entitajiet li lilhom ikunu taw l-istatus ta' “riċerkatur verifikat” f’konformità mal-paragrafu 8, kif ukoll il-fini tar-riċerka li rigward tagħha tkun saret l-applikazzjoni jew, fejn jkunu tterminaw l-aċċess għad-data skont il-paragrafu 10, jikkomunikaw dik l-informazzjoni lill-Bord.

12.   Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jagħtu aċċess mingħajr dewmien żejjed għad-data, fejn ikun teknikament possibbli, f'ħin reali, dment li d-data tkun aċċessibbli għall-pubbliku fl-interfaċċa online tagħhom mir-riċerkaturi, inklużi dawk affiljati ma' korpi, organizzazzjonijiet u assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ, li jirrispettaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 8, punti (b), (c), (d) u (e) u li jużaw id-data esklużivament biex iwettqu riċerka li tikkontribwixxi għad-detezzjoni, l-identifikazzjoni u l-fehim tar-riskji sistemiċi fl-Unjoni skont l-Artikolu 34(1).

13.   Il-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta lill-Bord, tadotta atti delegati li jissupplimentaw dan ir-Regolament billi jistabbilixxu l-kondizzjonijiet tekniċi li skonthom il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jikkondividu d-data skont il-paragrafi 1 u 4 u l-iskopijiet li għalihom tista' tintuża d-data. Dawk l-atti delegati għandhom jistipulaw il-kondizzjonijiet speċifiċi li abbażi tagħhom ssir il-kondiviżjoni tad-data mar-riċerkaturi f'konformità mar-Regolament (UE) 2016/679, kif ukoll indikaturi oġġettivi rilevanti, proċeduri u, fejn neċessarju, mekkaniżmi ta' konsulenza indipendenti b’appoġġ tal-kondiviżjoni tad-data, filwaqt li jitqiesu d-drittijiet u l-interessi tal-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna u tar-riċevituri tas-servizz ikkonċernati, inkluż il-protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali, b'mod partikolari s-sigrieti kummerċjali, u ż-żamma tas-sigurtà tas-servizz tagħhom.

Artikolu 42

Obbligi ta' rappurtar ta' trasparenza

1.   Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jippubblikaw ir-rapporti msemmija fl-Artikolu 15 mhux aktar tard minn fi żmien xahrejn mid-data tal-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 33(6), it-tieni subparagrafu, u mill-inqas kull sitt xhur minn hemm 'il quddiem.

2.   Ir-rapporti msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu ppubblikati mill-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna għandhom, minbarra l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 15 u fl-Artikolu 24(1), jispeċifikaw:

(a)

ir-riżorsi umani li l-fornitur ta’ pjattaformi online kbar ħafna jiddedika għall-moderazzjoni tal-kontenut fir-rigward tas-servizz offrut fl-Unjoni, mqassmin għal kull lingwa uffiċjali applikabbli tal-Istati Membri, inkluż għall-konformità mal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 16 u 22, kif ukoll għall-konformità mal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 20;

(b)

il-kwalifiki u l-kompetenza lingwistika tal-persuni li jwettqu l-attivitajiet imsemmija fil-punt (a), kif ukoll it-taħriġ u l-appoġġ mogħti lil tali persunal;

(c)

l-indikaturi tal-eżattezza u l-informazzjoni relatata msemmija fl-Artikolu 15(1), punt (e), mqassmin għal kull lingwa uffiċjali tal-Istati Membri.

Ir-rapporti għandhom jiġu ppubblikati mill-inqas b'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istati Membri.

3.   Minbarra l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 24(2), il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jinkludu fir-rapporti msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu l-informazzjoni dwar il-medja ta' riċevituri tas-servizz kull xahar għal kull Stat membru.

4.   Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jittrażmettu lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment u lill-Kummissjoni, mingħajr dewmien żejjed mat-tlestija, u jagħmlu disponibbli għall-pubbliku mhux aktar tard minn fi żmien tliet xhur wara l-wasla ta' kull rapport tal-awditu previst fl-Artikolu 37(4):

(a)

rapport li jistabbilixxi r-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju skont l-Artikolu 34;

(b)

il-miżuri ta' mitigazzjoni speċifiċi stabbiliti skont l-Artikolu 35(1);

(c)

ir-rapport tal-awditu previst fl-Artikolu 37(4);

(d)

ir-rapport ta' implimentazzjoni tal-awditu previst fl-Artikolu 37(6);

(e)

fejn applikabbli, informazzjoni dwar il-konsultazzjonijiet imwettqa mill-fornitur b'appoġġ għall-valutazzjonijiet tar-riskju u t-tfassil tal-miżuri ta' mitigazzjoni tar-riskju.

5.   Meta fornitur ta' pjattaforma online kbira ħafna jew ta’ magna tat-tiftix online kbira ħafna jqis li l-pubblikazzjoni ta' informazzjoni skont il-paragrafu 4 tista' twassal fid-divulgazzjoni ta' informazzjoni kunfidenzjali ta' dak il-fornitur jew tar-riċevituri tas-servizz, tista' tikkawża vulnerabbiltajiet sinifikanti għas-sigurtà tas-servizz tagħha, timmina s-sigurtà pubblika jew tagħmel ħsara lir-riċevituri, il-fornitur jista' jneħħi din l-informazzjoni mir-rapporti disponibbli pubblikament. F'dak il-każ, il-fornitur għandu jibgħat ir-rapporti kompluti lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment u lill-Kummissjoni, flimkien ma' dikjarazzjoni tar-raġunijiet għat-tneħħija tal-informazzjoni mir-rapporti disponibbli pubblikament.

Artikolu 49

Awtoritajiet kompetenti u Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali

1.   L-Istati Membri għandhom jiddeżinjaw awtorità kompetenti waħda jew aktar b’responsabbiltà għas-superviżjoni tal-fornituri ta' servizzi intermedjarji u l-infurzar ta' dan ir-Regolament ("awtoritajiet kompetenti").

2.   L-Istati Membri għandhom jiddeżinjaw waħda mill-awtoritajiet kompetenti bħala l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tagħhom. Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali għandu jkun responsabbli għall-kwistjonijiet kollha relatati mas-superviżjoni u l-infurzar ta' dan ir-Regolament f'dak l-Istat membru, sakemm l-Istat membru kkonċernat ma jkunx assenja ċerti kompiti jew setturi speċifiċi lil awtoritajiet kompetenti oħra. Fi kwalunkwe każ, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali għandu jkun responsabbli biex jiżgura l-koordinazzjoni fil-livell nazzjonali fir-rigward ta' dawk il-kwistjonijiet u biex jikkontribwixxi għas-superviżjoni u l-infurzar effettivi u konsistenti ta' dan ir-Regolament madwar l-Unjoni kollha.

Għal dak il-għan, il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għandhom jikkooperaw bejniethom, ma' awtoritajiet nazzjonali kompetenti oħra, mal-Bord u mal-Kummissjoni, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-Istati Membri jipprevedu mekkaniżmi ta' kooperazzjoni u skambji regolari tal-fehmiet bejn il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali u awtoritajiet nazzjonali oħra meta rilevanti għat-twettiq tal-kompiti rispettivi tagħhom.

Meta Stat membru jiddeżinja awtorità kompetenti waħda jew aktar minbarra l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali, dan għandu jiżgura li l-kompiti rispettivi ta' dawk l-awtoritajiet u tal-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jkunu definiti b'mod ċar u li dawn jikkooperaw mill-qrib u b'mod effettiv meta jwettqu l-kompiti tagħhom.

3.   L-Istati Membri għandhom jiddeżinjaw il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali sas-17 ta’ Frar 2024.

L-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli pubblikament, u jikkomunikaw lill-Kummissjoni u lill-Bord, l-isem tal-awtorità kompetenti tagħhom deżinjata bħala l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali u jagħtu l-informazzjoni ta' kuntatt tagħha. L-Istat membru kkonċernat għandu jikkomunika lill-Kummissjoni u lill-Bord l-isem tal-awtoritajiet kompetenti l-oħra msemmija fil-paragrafu 2, kif ukoll il-kompiti rispettivi tagħhom.

4.   Id-dispożizzjonijiet applikabbli għall-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali stabbiliti fl-Artikoli 50, 51 u 56 għandhom japplikaw ukoll għal kull awtorità kompetenti oħra li l-Istati Membri jiddeżinjaw skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 50

Rekwiżiti għall-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali tagħhom iwettqu l-kompiti tagħhom skont dan ir-Regolament b'mod imparzjali, trasparenti u fil-ħin. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali tagħhom ikollhom ir-riżorsi kollha meħtieġa biex iwettqu l-kompiti tagħhom, inkluż biżżejjed riżorsi tekniċi, finanzjarji u umani biex jissorveljaw b'mod adegwat il-fornituri kollha tas-servizzi intermedjarji li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħhom. Kull Stat membru għandu jiżgura li l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tiegħu jkollu biżżejjed awtonomija fil-ġestjoni tal-baġit tiegħu fil-limiti ġenerali tal-baġit, sabiex ma jaffettwax b’mod negattiv l-indipendenza tal-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali.

2.   Meta jwettqu l-kompiti tagħhom u jeżerċitaw is-setgħat tagħhom f'konformità ma' dan ir-Regolament, il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għandhom jaġixxu b'indipendenza sħiħa. Għandhom jibqgħu ħielsa minn kull influwenza esterna, kemm diretta kif ukoll indiretta, u la għandhom ifittxu u lanqas jieħdu struzzjonijiet mingħand xi awtorità pubblika oħra jew mingħand xi parti privata oħra.

3.   Il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għall-kompiti tal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali fis-sistema ta' superviżjoni u infurzar prevista f'dan ir-Regolament u l-kooperazzjoni ma' awtoritajiet kompetenti oħra f'konformità mal-Artikolu 49(2). Il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu ma għandux jipprevjeni l-eżerċizzju tal-istħarriġ ġudizzjarju u għandu japplika wkoll mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti proporzjonati tal-obbligu ta' rendikont fir-rigward tal-attivitajiet ġenerali tal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, bħan-nefqa finanzjarja jew ir-rapportar lill-parlamenti nazzjonali, dment li dawk ir-rekwiżiti ma jdgħajfux il-kisba tal-objettivi ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 51

Setgħat tal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali

1.   Meta meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tagħhom fl-ambitu ta' dan ir-Regolament, il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għandu jkollhom is-setgħat ta' investigazzjoni li ġejjin, fir-rigward tal-kondotta minn fornituri tas-servizzi intermedjarji li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istat membru tagħhom:

(a)

is-setgħa li jitolbu li dawk il-fornituri, u kull persuna oħra li taġixxi għal finijiet relatati mal-kummerċ, man-negozju, mas-sengħa jew mal-professjoni tagħhom li jaf b'mod raġonevoli jkollha konoxxenza ta' informazzjoni relatata ma' suspettat ksur ta' dan ir-Regolament, inkluż organizzazzjonijiet li jwettqu l-awditi msemmija fl-Artikoli 37 u l-Artikolu 75(2), biex jipprovdu din l-informazzjoni mingħajr dewmien żejjed;

(b)

is-setgħa li jwettqu, jew li jitolbu awtorità ġudizzjarja fl-Istat membru tagħhom biex tordna, spezzjonijiet fuq il-post ta' xi stabbiliment li jintuża minn dawk il-fornituri jew minn dawk il-persuni għal finijiet relatati mal-kummerċ, man-negozju, mas-sengħa jew mal-professjoni tagħhom, jew li jitolbu lil awtoritajiet pubbliċi oħra biex jagħmlu dan, biex jeżaminaw, jikkonfiskaw, jieħdu jew jiksbu kopji ta' informazzjoni relatata ma' suspettat ksur ta' xi forma, irrispettivament mill-mezz tal-ħżin;

(c)

is-setgħa li jitolbu lil xi membru tal-persunal jew rappreżentant ta' dawk il-fornituri jew dawk il-persuni biex jagħtu spjegazzjonijiet dwar xi informazzjoni relatata ma' suspettat ksur u biex jirreġistraw it-tweġibiet bil-kunsens tagħhom bi kwalunkwe mezz tekniku.

2.   Meta meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tagħhom fl-ambitu ta' dan ir-Regolament, il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għandu jkollhom is-setgħat ta' infurzar li ġejjin, fir-rigward tal-fornituri ta' servizzi intermedjarji li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istat membru tagħhom:

(a)

is-setgħa li jaċċettaw l-impenji offruti minn dawk il-fornituri b'rabta mal-konformità tagħhom ma' dan ir-Regolament u li jagħmlu dawk l-impenji vinkolanti;

(b)

is-setgħa li jordnaw il-waqfien ta' ksur u, meta xieraq, li jimponu rimedji proporzjonati għall-ksur u meħtieġa biex itemmu l-ksur b'mod effettiv, jew li jitolbu awtorità ġudizzjarja fl-Istat membru tagħhom biex tagħmel dan;

(c)

is-setgħa li jimponu multi, jew li jitolbu awtorità ġudizzjarja fl-Istat membru tagħhom tagħmel dan, f'konformità mal-Artikolu 52 għal nuqqas ta' konformità ma' dan ir-Regolament, inkluż ma' xi ordni investigattiva maħruġa skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu;

(d)

is-setgħa li jimponu pagament perjodiku ta' penali, jew li jitolbu awtorità ġudizzjarja fl-Istat membru tagħhom tagħmel dan, f'konformità mal-Artikolu 52 biex jiżguraw li ksur jintemm f'konformità ma' ordni maħruġa skont il-punt (b) ta' dan is-subparagrafu jew għal nuqqas ta' konformità ma' xi ordni investigattiva maħruġa skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu;

(e)

is-setgħa li jadottaw miżuri interim, jew li jitolbu awtorità ġudizzjarja fl-Istat membru tagħhom tagħmel dan, biex ikun evitat ir-riskju ta' ħsara serja.

Fir-rigward tal-punti (c) u (d) tal-ewwel subparagrafu, il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għandu jkollhom ukoll is-setgħat ta' infurzar stabbiliti f'dawk il-punti fir-rigward tal-persuni l-oħra msemmija fil-paragrafu 1 għal nuqqas ta' konformità ma' xi ordni maħruġa lilhom skont dak il-paragrafu. Dawn għandhom jeżerċitaw dawk is-setgħat ta' infurzar biss wara li jkunu pprovdew lil dawk il-persuni l-oħra fi żmien xieraq l-informazzjoni rilevanti kollha relatata ma' dawn l-ordnijiet, inkluż il-perjodu applikabbli, il-multi jew il-pagamenti perjodiċi li jistgħu jiġu imposti għal nuqqas ta' konformità, u l-possibbiltajiet ta' rimedju.

3.   Meta jkun meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tagħhom fl-ambitu ta' dan ir-Regolament, il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, fir-rigward tal-fornituri tas-servizzi intermedjarji li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istat membru tagħhom, meta jkunu ġew eżawriti s-setgħat l-oħra kollha skont dan l-Artikolu li jwasslu għall-waqfien ta' ksur u l-ksur ma jkunx ġie rimedjat jew qed ikompli u jkun qed jikkawża ħsara serja li ma tistax tkun evitata bl-eżerċizzju ta' setgħat oħra disponibbli skont il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali, għandu jkollhom ukoll is-setgħa li jieħdu l-miżuri li ġejjin:

(a)

li jeżiġu li l-korp maniġerjali ta' dawk il-fornituri, mingħajr dewmien żejjed, jeżamina s-sitwazzjoni, jadotta u jippreżenta pjan ta' azzjoni li jistabbilixxi l-miżuri meħtieġa biex jintemm il-ksur, jiżgura li l-fornitur jieħu dawk il-miżuri, u jirrapporta dwar il-miżuri meħuda;

(b)

meta l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jidhirlu li fornitur ta' servizzi intermedjarji ma kkonformax biżżejjed mar-rekwiżiti msemmija fil-punt (a), li l-ksur għadu ma jkunx ġie rimedjat jew qed jitkompla u qed jikkawża ħsara serja, u li dak l-ksur jinvolvi reat kriminali li jinvolvi theddida għall-ħajja jew għas-sigurtà tal-persuni, li jitlob li l-awtorità ġudizzjarja kompetenti tal-Istat membru tiegħu tordna r-restrizzjoni temporanja tal-aċċess tar-riċevituri għas-servizz ikkonċernat mill-ksur jew, biss meta dan ma jkunx fattibbli teknikament, għall-interfaċċa online tal-fornitur tas-servizzi intermedjarji li fuqhom iseħħ il-ksur.

Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali għandu, għajr meta jaġixxi skont it-talba tal-Kummissjoni msemmija fl-Artikolu 82, qabel ma jippreżenta t-talba msemmija fl-ewwel subparagrafu, punt (b), ta’ dan il-paragrafu jistieden lill-partijiet interessati biex jissottomettu osservazzjonijiet bil-miktub f'perjodu li ma għandux ikun inqas minn ġimagħtejn, ħalli jiddeskrivu l-miżuri li jkun beħsiebhom jitolbu u jidentifikaw id-destinatarju jew id-destinatarji intenzjonati tagħhom. Il-fornitur ta' servizzi intermedjarji, id-destinatarju jew id-destinatarji maħsuba u kull parti terza oħra li turi interess leġittimu għandhom ikunu intitolati biex jieħdu sehem fil-proċedimenti quddiem l-awtorità ġudizzjarja kompetenti. Kull miżura ordnata għandha tkun proporzjonata man-natura, mal-gravità, mar-rikorrenza u mat-tul tal-ksur, mingħajr ma tillimita bla bżonn l-aċċess għal informazzjoni legali mir-riċevituri tas-servizz ikkonċernat.

Ir-restrizzjoni ta' aċċess għandha tkun għal perjodu ta' erba' ġimgħat, soġġetta għall-possibbiltà li l-awtorità ġudizzjarja kompetenti, fl-ordni tagħha, tippermetti lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jestendi dak il-perjodu għal perijodi oħra tal-istess tul, soġġetti għal għadd massimu ta' estensjonijiet stabbiliti minn dik l-awtorità ġudizzjarja. Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali għandu jestendi biss il-perjodu meta, fid-dawl tad-drittijiet u tal-interessi tal-partijiet kollha affettwati minn dik ir-restrizzjoni u ċ-ċirkostanzi rilevanti kollha, inkluż kull informazzjoni li l-fornitur ta' servizzi intermedjarji, id-destinatarju jew id-destinatarji u kull parti terza oħra li tkun uriet interess leġittimu tista' tipprovdilu, jqis li ġew issodisfati ż-żewġ kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-fornitur ta' servizzi intermedjarji jkun naqas milli jieħu l-miżuri meħtieġa biex itemm il-ksur;

(b)

ir-restrizzjoni temporanja ma tillimitax indebitament l-aċċess għal informazzjoni legali mir-riċevituri tas-servizz, filwaqt li jitqies l-għadd ta' riċevituri affettwati u jekk jeżistux alternattivi adegwati u aċċessibbli faċilment.

Meta l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jidhirlu li l-kondizzjonijiet stabbiliti fit-tielet subparagrafu, punti (a) u (b), dawk iż-żewġ kondizzjonijiet ġew issodisfati iżda ma jkunx jista' jibqa' jestendi l-perjodu skont it-tielet subparagrafu, dan għandu jissottometti talba ġdida lill-awtorità ġudizzjarja kompetenti, kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu, punt (b).

4.   Is-setgħat elenkati fil-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għat-Taqsima 3.

5.   Il-miżuri meħuda mill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom elenkati fil-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom ikunu effettivi, dissważivi u proporzjonati, filwaqt li jqisu, b'mod partikolari, in-natura, il-gravità, ir-rikorrenza u t-tul tal-ksur jew tas-suspettat ksur li miegħu jirrelataw dawk il-miżuri, kif ukoll il-kapaċità ekonomika, teknika u operazzjonali tal-fornitur tas-servizzi intermedjarji kkonċernat, meta rilevanti.

6.   L-Istati Membri għandhom jistipulaw kondizzjonijiet u proċeduri speċifiċi għall-eżerċizzju tas-setgħat skont il-paragrafi 1, 2 u 3 u għandhom jiżguraw li kwalunkwe eżerċizzju ta' dawk is-setgħat ikun soġġett għal salvagwardji adegwati stipulati fil-liġi nazzjonali applikabbli f'konformità mal-Karta u mal-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Unjoni. B'mod partikolari, dawk il-miżuri għandhom jittieħdu biss f'konformità mad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u d-drittijiet tad-difiża, inkluż id-drittijiet ta' smigħ u ta' aċċess għall-fajl, u soġġetti għad-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv tal-partijiet affettwati kollha.

Artikolu 53

Dritt li jitressaq ilment

Ir-riċevituri tas-servizz, u kull korp, organizzazzjoni jew assoċjazzjoni li ngħataw is-setgħa li biex jeżerċitaw id-drittijiet ikkonferiti minn dan ir-Regolament f'isimhom, għandu jkollhom id-dritt li jressqu lment kontra l-fornituri tas-servizzi intermedjarji biex jallegaw ksur ta' dan ir-Regolament mal-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat membru fejn jinsab jew ikun stabbilit ir-riċevitur tas-servizz. Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali għandu jivvaluta l-ilment u, meta xieraq, jgħaddih lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment, flimkien, meta meqjus xieraq, ma' opinjoni. Meta l-ilment ikun fir-responsabbiltà ta' awtorità kompetenti oħra fl-Istat membru tiegħu, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li jirċievi l-ilment għandu jgħaddih lil dik l-awtorità. Matul dawn il-proċedimenti, iż-żewġ partijiet għandu jkollhom id-dritt li jinstemgħu u jirċievu informazzjoni xierqa dwar l-istatus tal-ilment, b'mod konformi mal-liġi nazzjonali.

Artikolu 55

Rapporti dwar l-attività

1.   Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għandhom ifasslu rapporti annwali dwar l-attivitajiet tagħhom skont dan ir-Regolament, inkluż l-għadd ta' lmenti li jaslu fis-sens tal-Artikolu 53 u ħarsa ġenerali lejn is-segwitu tagħhom. Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għandhom jagħmlu r-rapporti annwali disponibbli għall-pubbliku f'format li jinqara mill-magni, soġġett għar-regoli applikabbli dwar il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni fis-sens tal-Artikolu 84, u għandhom jikkomunikawhom lill-Kummissjoni u lill-Bord.

2.   Ir-rapport annwali għandu jinkludi wkoll l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-għadd u s-suġġett tal-ordnijiet għal azzjoni kontra kontenut illegali u tal-ordnijiet għal għoti tal-informazzjoni maħruġa f'konformità mal-Artikoli 9 u 10 minn xi awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva nazzjonali tal-Istat membru tal-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali kkonċernat;

(b)

l-effetti mogħtija lil dawk l-ordnijiet, kif ikkomunikati lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali skont l-Artikoli 9 u 10.

3.   Meta Stat membru jkun iddeżinja bosta awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 49, dan għandu jiżgura li l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jfassal rapport uniku li jkopri l-attivitajiet tal-awtoritajiet kompetenti kollha u li l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jirċievi l-informazzjoni u l-appoġġ rilevanti kollha meħtieġa għal dak il-għan mingħand l-awtoritajiet kompetenti l-oħra kkonċernati.

TAQSIMA 2

Kompetenzi, investigazzjoni koordinata u mekkaniżmi ta' konsistenza

Artikolu 56

Kompetenzi

1.   L-Istat membru li fih jinsab l-istabbiliment ewlieni tal-fornitur ta' servizzi intermedjarji għandu jkollu setgħat esklużivi għas-sorveljanza u l-infurzar dan ir-Regolament, ħlief għas-setgħat previsti fil-paragrafi 2, 3 u 4.

2.   Il-Kummissjoni għandu jkollha setgħat esklużivi ta' superviżjoni u infurzar tat-Taqsima 5 tal-Kapitolu III.

3.   Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħat ta' superviżjoni u infurzar ta’ dan ir-Regolament, għajr dawk stabbiliti fit-Taqsima 5 tal-Kapitolu III tiegħu, kontra fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta' magni tat-tiftix online kbar ħafna.

4.   Fejn il-Kummissjoni ma tkunx bdiet proċedimenti għall-istess ksur, l-Istat membru li fih jinsab l-istabbiliment ewlieni tal-fornitur ta' pjattaforma online kbira ħafna jew ta' magna tat-tiftix online kbira ħafna għandu jkollu s-setgħat ta' superviżjoni u infurzar tal-obbligi stipulati f’dan ir-Regolament, għajr dawk stabbiliti fit-Taqsima 5 tal-Kapitolu III, fir-rigward ta’ dawk il-fornituri.

5.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jissorveljaw u jinfurzaw id-dispożizzjoni ta' dan ir-Regolament f'kooperazzjoni mill-qrib.

6.   Fejn fornitur tas-servizzi intermedjarji ma jkollux stabbiliment fl-Unjoni, l-Istat membru fejn jirrisjedi jew ikun stabbilit ir-rappreżentant legali tiegħu jew il-Kummissjoni għandu jkollhom is-setgħat, kif applikabbli, f'konformità mal-paragrafi 1 u 4 ta' dan l-Artikolu, ta' superviżjoni u infurzar tal-obbligi rilevanti stipulati f’dan ir-Regolament.

7.   Meta fornitur tas-servizzi intermedjarji jonqos milli jaħtar rappreżentant legali f'konformità mal-Artikolu 13, l-Istati Membri kollha u, fil-każ ta' fornitur ta' pjattaforma online kbira ħafna jew ta' magna tat-tiftix online kbira ħafna, il-Kummissjoni għandu jkollhom is-setgħat ta' superviżjoni u infurzar f'konformità ma' dan l-Artikolu.

Meta Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jkollu l-ħsieb li jeżerċita s-setgħat tiegħu skont dan il-paragrafu, huwa għandu jinnotifika lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali l-oħra kollha u lill-Kummissjoni, u jiżgura li jiġu rrispettati s-salvagwardji applikabbli mogħtija mill-Karta, b'mod partikolari biex jiġi evitat li l-istess kondotta tiġi sanzjonata aktar minn darba għall-ksur tal-obbligi stabbilit f'dan ir-Regolament. Meta l-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni li teżerċita s-setgħat tagħha skont dan il-paragrafu, hija għandha tinnotifika lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali l-oħra kollha dwar dik l-intenzjoni. Wara n-notifika fis-sens ta' dan il-paragrafu, l-Istati Membri oħra ma għandhomx jibdew proċedimenti għall-istess ksur bħal dak imniżżel fin-notifika.

Artikolu 57

Assistenza reċiproka

1.   Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali u l-Kummissjoni għandhom jikkooperaw mill-qrib u jipprovdu lil xulxin b'assistenza reċiproka sabiex japplikaw dan ir-Regolament b'mod konsistenti u effiċjenti. L-assistenza reċiproka għandha tinkludi, b'mod partikolari, l-iskambju ta' informazzjoni f'konformità ma' dan l-Artikolu u d-dmir tal-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment li jinforma lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali tad-destinazzjoni, lill-Bord u lill-Kummissjoni dwar il-ftuħ ta' investigazzjoni u l-intenzjoni li jieħu deċiżjoni finali, inkluż il-valutazzjoni tiegħu, fir-rigward ta' fornitur speċifiku ta' servizzi intermedjarji.

2.   Għall-fini ta' investigazzjoni, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment jista' jitlob lil Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali oħra biex jipprovdu informazzjoni speċifika fil-pussess tagħhom fir-rigward ta' fornitur partikolari ta' servizzi intermedjarji jew biex jeżerċitaw is-setgħat ta’ investigazzjoni tagħhom imsemmija fil-Artikolu 51(1) fir-rigward ta' informazzjoni speċifika li tinsab fl-Istat membru tagħhom. Meta xieraq, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li jirċievi t-talba jista' jinvolvi awtoritajiet kompetenti oħra jew awtoritajiet pubbliċi oħra tal-Istat membru inkwistjoni.

3.   Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li jirċievi t-talba skont il-paragrafu 2 għandu jikkonforma ma' din it-talba u jinforma lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment dwar l-azzjoni meħuda, mingħajr dewmien żejjed u mhux aktar tard minn xahrejn wara li jirċeviha, sakemm:

(a)

l-ambitu tas-suġġett tat-talba ma jkunx speċifikat, ġustifikat jew proporzjonat biżżejjed fid-dawl tal-finijiet investigattivi; jew

(b)

la l-Koordinatur tas-Servizz Diġitali mitlub u lanqas awtorità kompetenti jew awtorità pubblika oħra f'dak l-Istat membru ma jkollhom fil-pussess tagħhom l-informazzjoni mitluba u lanqas ma jkun jista' jkollhom l-aċċess għaliha; jew

(c)

it-talba ma tistax tiġi eżegwita mingħajr ma tinkiser l-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali.

Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li jirċievi t-talba għandu jiġġustifika r-rifjut tiegħu billi jissottometti tweġiba motivata, fil-perjodu stabbilit fl-ewwel subparagrafu.

Artikolu 58

Kooperazzjoni transfruntiera bejn il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali

1.   Sakemm il-Kummissjoni ma tkunx bdiet investigazzjoni għall-istess ksur allegat, meta Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tad-destinazzjoni jkollu raġunijiet biex jissuspetta li fornitur ta' servizz intermedjarju kiser dan ir-Regolament b'mod li jaffettwa negattivament ir-riċevituri tas-servizz fl-Istat membru ta' dak il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali, huwa jista' jitlob lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment biex jivvaluta l-kwistjoni u biex jieħu l-miżuri investigattivi u ta' infurzar meħtieġa biex jiżgura l-konformità ma' dan ir-Regolament.

2.   Sakemm il-Kummissjoni ma tkunx bdiet investigazzjoni għall-istess ksur allegat, u fuq talba ta' mill-inqas tliet Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali tad-destinazzjoni li jkollhom raġuni biex jissuspettaw li fornitur speċifiku ta' servizzi intermedjarji jkun kiser dan ir-Regolament b'mod li jaffettwa negattivament ir-riċevituri fl-Istati Membri tagħhom, il-Bord jista' jitlob lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment biex jivvaluta l-kwistjoni u jieħu l-miżuri investigattivi u ta' infurzar meħtieġa biex jiżgura l-konformità ma' dan ir-Regolament.

3.   Talba skont il-paragrafi 1 jew 2 għandha tkun debitament motivata u għandha mill-inqas tindika:

(a)

il-punt ta' kuntatt tal-fornitur tas-servizzi intermedjarji kkonċernati kif previst fl-Artikolu 11;

(b)

deskrizzjoni tal-fatti rilevanti, id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament ikkonċernati u r-raġunijiet għalfejn il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li bagħat it-talba, jew il-Bord, jissuspetta li l-fornitur kiser dan ir-Regolament, inkluż id-deskrizzjoni tal-effetti negattivi tal-ksur allegat;

(c)

kull informazzjoni oħra li l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li bagħat it-talba, jew il-Bord, jidhirlu li hija rilevanti, inkluż, meta xieraq, informazzjoni miġbura b'inizjattiva tiegħu stess jew suġġerimenti għal miżuri investigattivi jew ta' infurzar speċifiċi li jridu jittieħdu, inkluż miżuri interim.

4.   Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment għandu jqis it-talba bl-akbar reqqa skont il-paragrafi 1 jew 2 ta' dan l-Artikolu. Meta jidhirlu li ma hemmx biżżejjed informazzjoni biex jaġixxi fuq it-talba u jkollu raġunijiet biex iqis li l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li bagħat it-talba, jew il-Bord, jistgħu jipprovdu informazzjoni addizzjonali, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment jista' jew jitlob din l-informazzjoni f'konformità mal-Artikolu 57 jew, inkella, jista' jniedi investigazzjoni konġunta skont l-Artikolu 60(1) li tinvolvi mill-inqas il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali rikjedenti. Il-perjodu stabbilit fil-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu għandu jiġi sospiż sakemm tiġi tingħata l-informazzjoni addizzjonali jew sakemm tiġi rrifjutata l-istedina għal parteċipazzjoni fl-investigazzjoni konġunta.

5.   Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment għandu, mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ sa mhux aktar tard minn xahrejn mill-wasla tat-talba jew tar-rakkomandazzjoni skont il-paragrafu 1 jew 2, jikkomunika lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li bagħat it-talba, u lill-Bord, il-valutazzjoni tal-ksur suspettat u spjegazzjoni ta' kwalunkwe miżura investigattiva jew ta' infurzar meħuda jew prevista b'rabta ma' dan biex tkun żgurata l-konformità ma' dan ir-Regolament.

Artikolu 62

Struttura tal-Bord

1.   Il-Bord għandu jkun magħmul mill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali li għandhom ikunu rrappreżentati minn uffiċjali ta' livell għoli. In-nuqqas minn Stat membru wieħed jew aktar li jiddeżinjaw Koordinatur tas-Servizzi Diġitali ma għandux jipprevjeni lill-Bord milli jwettaq il-kompiti tiegħu skont dan ir-Regolament. Meta previst mil-liġi nazzjonali, fil-Bord jistgħu jipparteċipaw awtoritajiet kompetenti oħra fdati b'responsabbiltajiet operazzjonali speċifiċi għall-applikazzjoni u l-infurzar ta' dan ir-Regolament flimkien mal-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali. Awtoritajiet nazzjonali oħra jistgħu jiġu mistiedna għal-laqgħat, meta l-kwistjonijiet diskussi jkunu rilevanti għalihom.

2.   Il-Kummissjoni għandha tippresjedi fuq il-Bord. Il-Kummissjoni għandha ssejjaħ il-laqgħat u tħejji l-aġenda f'konformità mal-kompiti tal-Bord skont dan ir-Regolament u skont ir-regoli ta' proċedura tiegħu. Meta l-Bord jintalab jadotta rakkomandazzjoni skont dan ir-Regolament, huwa għandu immedjatament irendi t-talba disponibbli għall-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali l-oħra permezz tas-sistema ta' kondiviżjoni tal-informazzjoni stipulata fl-Artikolu 85.

3.   Kull Stat membru għandu jkollu vot wieħed. Il-Kummissjoni ma għandux ikollha drittijiet tal-vot.

Il-Bord għandu jadotta l-atti tiegħu b'maġġoranza sempliċi. Meta jadotta rakkomandazzjoni lill-Kummissjoni msemmija fl-Artikolu 36(1), l-ewwel paragrafu, il-Bord għandu jivvota fi żmien 48 siegħa wara t-talba tal-President tal-Bord.

4.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi appoġġ amministrattiv u analitiku għall-attivitajiet tal-Bord skont dan ir-Regolament.

5.   Il-Bord jista' jistieden esperti u osservaturi biex jattendu l-laqgħat tiegħu, u jista' jikkoopera ma' korpi, uffiċċji, aġenziji u gruppi konsultattivi oħra tal-Unjoni, kif ukoll ma' esperti esterni kif xieraq. Il-Bord għandu jagħmel ir-riżultati ta' din il-kooperazzjoni disponibbli għall-pubbliku.

6.   Il-Bord jista' jikkonsulta mal-partijiet ikkonċernati u għandu jagħmel ir-riżultati ta' tali konsultazzjoni disponibbli għall-pubbliku.

7.   Il-Bord għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu, wara l-kunsens tal-Kummissjoni.

Artikolu 65

Infurzar tal-obbligi tal-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u magni tat-tiftix online kbar ħafna

1.   Għall-finijiet tal-investigazzjoni tal-konformità tal-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta' magni tat-tiftix online kbar ħafna mal-obbligi stabbilitii f'dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista' teżerċita s-setgħat ta’ investigazzjoni stipulati f'din it-Taqsima saħansitra qabel ma' tibda l-proċedimenti skont l-Artikolu 66(2). Hija tista' teżerċita dawn is-setgħat fuq inizjattiva tagħha stess jew wara talba fis-sens tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.

2.   Meta Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jkollu raġunijiet biex jissuspetta li fornitur ta' pjattaforma online kbira ħafna jew ta' magna tat-tiftix online kbira ħafna kisret id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 5 tal-Kapitolu III jew b'mod sistematiku xi waħda mid-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament li taffettwa serjament ir-riċevituri tas-servizz fl-Istat membru tiegħu, jista' jibgħat, permezz tas-sistema ta' kondiviżjoni tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 85, talba lill-Kummissjoni biex tivvaluta l-kwistjoni.

3.   Talba skont il-paragrafu 2 għandha tkun debitament motivata u tal-inqas tindika:

(a)

il-punt ta' kuntatt tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat kif previst fl-Artikolu 11;

(b)

deskrizzjoni tal-fatti rilevanti, id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament ikkonċernati u r-raġunijiet għalfejn il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li bagħat it-talba jissuspetta li l-fornitur tal-pjattaformi online kbar ħafna u ta' magni tat-tiftix online kbar ħafna kiser dan ir-Regolament, flimkien ma' deskrizzjoni tal-fatti li l-ksur suspettat huwa ta' natura sistemika;

(c)

kwalunkwe informazzjoni oħra li l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li bagħat it-talba jqis rilevanti, inkluż, fejn xieraq, informazzjoni miġbura fuq inizjattiva tiegħu stess.

Artikolu 66

Bidu ta' proċedimenti mill-Kummissjoni u kooperazzjoni fl-investigazzjonijiet

1.   Il-Kummissjoni tista' tibda proċedimenti bil-ħsieb tal-adozzjoni possibbli ta' deċiżjonijiet skont l-Artikoli 73 u 74 fir-rigward tal-kondotta rilevanti mill-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna li fil-konfront tiegħu l-Kummissjoni tissuspetta li kiser xi waħda mid-dispożizzjonijiet stipulati f'dan ir-Regolament.

2.   Meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li tibda proċedimenti skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, din għandha tinnotifika lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali kollha u lill-Bord permezz tas-sistema ta' kondiviżjoni tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 85, kif ukoll lill-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat.

Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għandhom, mingħajr dewmien żejjed wara li jkunu ġew infurmati dwar il-bidu tal-proċedimenti, jibagħtu lill-Kummissjoni kwalunkwe informazzjoni li jkollhom dwar il-ksur inkwistjoni.

Il-bidu ta' proċedimenti skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu mill-Kummissjoni għandha teħles lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali, jew kwalunkwe awtorità kompetenti fejn applikabbli, mis-setgħat ta’ superviżjoni u infurzar previsti f'dan ir-Regolament skont l-Artikolu 56(4).

3.   Fl-eżerċizzju tas-setgħat ta' investigazzjoni tagħha skont dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista' titlob l-appoġġ individwali jew konġunt ta' kwalunkwe Koordinatur tas-Servizzi Diġitali kkonċernat mill-ksur suspettat, inkluż il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment. Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali li jkunu rċevew tali talba, u, meta jkunu involuti mill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali, kwalunkwe awtorità kompetenti oħra, għandhom jikkooperaw b'mod sinċier u fil-ħin mal-Kummissjoni u għandhom ikunu intitolati jeżerċitaw is-setgħat ta’ investigazzjoni tagħhom msemmija fl-Artikolu 51(1) fir-rigward tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna inkwistjoni, għal dak li jikkonċerna l-informazzjoni, il-persuni u l-bini li jinsabu fit-territorju tal-Istat membru tagħhom u f'konformità mat-talba.

4.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment u lill-Bord informazzjoni rilevanti kollha dwar l-eżerċizzju tas-setgħat imsemmija fl-Artikoli 67 sa 72 u dwar is-sejbiet preliminari tagħha imsemmija l-Artikolu 79(1). Il-Bord għandu jissottometti l-fehmiet tiegħu dwar dawk is-sejbiet preliminari lill-Kummissjoni fil-perjodu stipulat skont l-Artikolu 79(2). Il-Kummissjoni għandha tqis bis-sħiħ kwalunkwe fehma tal-Bord fid-deċiżjoni tagħha.

Artikolu 68

Setgħa li jsiru intervisti u dikjarazzjonijiet

1.   Biex twettaq il-kompiti assenjati lilha f'din it-Taqsima, il-Kummissjoni tista' tintervista lil persuna fiżika jew ġuridika li tagħti l-kunsens għal intervista għall-fini tal-ġbir ta' informazzjoni, relatata mas-suġġett ta' investigazzjoni, b'rabta mal-ksur issuspettat. Il-Kummissjoni għandha tkun intitolata li tirreġistra tali intervista permezz ta' mezz tekniku xieraq.

2.   Jekk l-intervista msemmija fil-paragrafu 1 issir f'bini ieħor għajr dak tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat membru li fit-territorju tiegħu ssir l-intervista. Jekk ikun mitlub minn dak il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali, l-uffiċjali tiegħu jistgħu jassistu lill-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni biex iwettqu l-intervista.

Artikolu 69

Setgħat biex jitwettqu spezzjonijiet

1.   Sabiex twettaq il-kompiti assenjati lilha taħt din it-Taqsima, il-Kummissjoni tista' twettaq l-ispezzjonijiet kollha meħtieġa fil-post fl-istabbiliment tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat jew persuna oħra msemmija fl-Artikolu 67(1).

2.   L-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom li huma awtorizzati mill-Kummissjoni biex iwettqu spezzjoni, għandhom jingħataw is-setgħa li:

(a)

jidħlu fi kwalunkwe bini, art u mezz tat-trasport tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat jew tal-persuna l-oħra kkonċernata;

(b)

jeżaminaw il-kotba u rekords oħra relatati mal-forniment tas-servizz ikkonċernat, irrispettivament mill-mezz li fuqu jkunu maħżuna;

(c)

jieħdu jew jiksbu fi kwalunkwe forma kopji ta' jew siltiet minn tali kotba jew rekords oħra;

(d)

jesiġu li l-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna jew tal-persuna l-oħra kkonċernata jipprovdu aċċess għall-organizzazzjoni, il-funzjonament, is-sistema tal-IT, l-algoritmi, it-trattament tad-data u l-prattiki kummerċjali tagħhom u spjegazzjonijiet dwarhom u jirreġistraw jew jiddokumentaw l-ispjegazzjonijiet mogħtija;

(e)

jissiġillaw kwalunkwe bini użat għal skopijiet relatati mal-kummerċ, man-negozju, mas-sengħa jew mal-professjoni tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna jew tal-persuna l-oħra kkonċernata, kif ukoll kotba jew rekords oħra, għall-perjodu u sa fejn ikun meħtieġ għall-ispezzjoni;

(f)

jitolbu lil kwalunkwe rappreżentant jew membru tal-persunal tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna jew tal-persuna l-oħra kkonċernata għal spjegazzjonijiet dwar fatti jew dokumenti relatati mas-suġġett u l-iskop tal-ispezzjoni u jirreġistraw it-tweġibiet;

(g)

jindirizzaw mistoqsijiet lil kwalunkwe rappreżentant jew membru tal-persunal fir-rigward tas-suġġett u tal-iskop tal-ispezzjoni u jirreġistraw it-tweġibiet.

3.   L-ispezzjonijiet jistgħu jsiru bl-assistenza ta' awdituri jew esperti maħtura mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 72(2), kif ukoll mal-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jew awtoritajiet nazzjonali kompetenti oħra tal-Istat membru li fit-territorju tiegħu għandha titwettaq l-ispezzjoni.

4.   Fejn il-preżentazzjoni tal-kotba u r-rekords l-oħra meħtieġa relatati mal-għoti tas-servizz ma tkunx kompluta jew meta t-tweġibiet għall-mistoqsijiet mitluba skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu jkunu skorretti, mhux kompluti jew qarrieqa, l-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni biex iwettqu spezzjoni għandhom jeżerċitaw is-setgħat tagħhom mal-preżentazzjoni ta' awtorizzazzjoni bil-miktub li tispeċifika s-suġġett u l-għan tal-ispezzjoni u l-penali previsti fl-Artikoli 74 u 76. F'ħin debitu qabel l-ispezzjoni, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat membru li fit-territorju tiegħu għandha titwettaq l-ispezzjoni dwarha.

5.   Waqt l-ispezzjonijiet, l-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni, l-awdituri u l-esperti maħtura mill-Kummissjoni, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jew l-awtoritajiet kompetenti l-oħra tal-Istat membru li fit-territorju tiegħu titwettaq l-ispezzjoni jistgħu jirrikjedu li l-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna jew ta' persuna oħra kkonċernata jipprovdu spjegazzjonijiet dwar l-organizzazzjoni, il-funzjonament, is-sistema tal-IT, l-algoritmi, it-trattament tad-data u l-imġiba kummerċjali tagħha, u jistgħu jindirizzaw mistoqsijiet lill-persunal ewlieni tagħhom.

6.   Il-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna jew persuna fiżika jew ġuridika oħra kkonċernata għandhom jissottomettu ruħhom għal spezzjoni ordnata b'deċiżjoni tal-Kummissjoni. Id-deċiżjoni għandha tispeċifika s-suġġett u l-fini tal-ispezzjoni, tistabbilixxi d-data tal-bidu u tindika l-penali previsti fl-Artikoli 74 u 76 u d-dritt għal rieżami tad-deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat membru li fit-territorju tiegħu tkun se ssir l-ispezzjoni qabel ma tittieħed dik id-deċiżjoni.

7.   L-uffiċjali, u persuni oħra awtorizzati jew maħtura, mill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat membru li fit-territorju tiegħu tkun se ssir l-ispezzjoni għandhom,fuq talba ta’ dak il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jew tal-Kummissjoni, jgħinu b'mod attiv lill-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni għal dak li jikkonċerna l-ispezzjoni. Għal dan il-għan, għandhom jingħataw is-setgħat elenkati fil-paragrafu 2.

8.   Meta l-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni jikkonstataw li l-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna jew il-persuna l-oħra kkonċernata jopponu spezzjoni ordnata skont dan l-Artikolu, l-Istat membru li fit-territorju tiegħu tkun se ssir l-ispezzjoni għandu, fuq talba ta' dawk l-uffiċjali jew persuni oħra li jakkumpanjawhom u f'konformità mal-liġi nazzjonali tal-Istat membru, jagħtihom l-assistenza meħtieġa, inkluż, fejn xieraq skont il-liġi nazzjonali, fil-forma ta’ miżuri koerċittivi meħuda minn awtorità kompetenti tal-infurzar tal-liġi, sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-ispezzjoni.

9.   Jekk l-assistenza prevista fil-paragrafu 8 tkun teħtieġ awtorizzazzjoni minn awtorità ġudizzjarja nazzjonali f'konformità mal-liġi nazzjonali tal-Istat membru kkonċernat, din l-awtorizzazzjoni għandha tintalab mill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali ta' dak l-Istat membru fuq talba tal-uffiċjali u ta' persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni. Tali awtorizzazzjoni tista' wkoll tintalab bħala miżura ta' prekawzjoni.

10.   Meta tkun intalbet l-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 9, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali adita mill-kawża għandha tivverifika li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tordna l-ispezzjoni tkun awtentika u li l-miżuri koerċittivi previsti la jkunu arbitrarji u lanqas eċċessivi wara li jkun tqies is-suġġett tal-investigazzjonijiet. Meta twettaq din il-verifika, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali tista' titlob lill-Kummissjoni, direttament jew permezz tal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali tal-Istat membru kkonċernat, għal spjegazzjonijiet dettaljati, b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw ir-raġunijiet li abbażi tagħhom il-Kummissjoni tissuspetta ksur ta' dan ir-Regolament, li jikkonċernaw is-serjetà tal-ksur suspettat u li jikkonċernaw in-natura tal-involviment tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna jew tal-persuna l-oħra kkonċernata. Madankollu, l-awtorità ġuridika nazzjonali ma għandhiex tidħol fil-mertu tal-ħtieġa li ssir l-ispezzjoni u lanqas ma tista' titlob informazzjoni mill-fajl tal-każ tal-Kummissjoni. Il-legalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha tkun soġġetta għal rieżami mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea biss.

Artikolu 74

Multi

1.   Fid-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 73, il-Kummissjoni tista' timponi multi fuq il-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat li ma jaqbżux is-6 % tal-fatturat dinji totali tiegħu fis-sena finanzjarja preċedenti meta ssib li dak il-fornitur, intenzjonalment jew b'negliġenza:

(a)

tikser id-dispożizzjonijiet rilevanti ta' dan ir-Regolament;

(b)

tonqos milli tikkonforma ma' deċiżjoni li tordna miżuri interim skont l-Artikolu 70; jew

(c)

jonqos milli jikkonforma ma' impenn magħmul vinkolanti b'deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 71;

2.   Il-Kummissjoni tista' deċiżjoni li timponi multi fuq il-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat jew persuna fiżika jew ġuridika oħra msemmija fl-Artikolu 67(1) li ma jaqbżux il-1 % tad-dħul annwali jew tal-fatturat totali dinji fis-sena finanzjarja preċedenti, meta dawn intenzjonalment jew b'negliġenza:

(a)

jipprovdu informazzjoni skorretta, mhux kompluta jew qarrieqa bi tweġiba għal talba sempliċi jew talba b'deċiżjoni skont l-Artikolu 67;

(b)

jonqsu milli jwieġbu għat-talba għal informazzjoni b'deċiżjoni fil-perjodu stabbilit;

(c)

jonqsu milli jirrettifikaw informazzjoni skorretta, mhux kompluta jew qarrieqa fil-perjodu stabbilit mill-Kummissjoni, mogħtija minn membru tal-persunal, jew jonqsu jew jirrifjutaw li jagħtu informazzjoni kompluta;

(d)

jirrifjutaw li jissottomettu ruħhom għal spezzjoni skont l-Artikolu 69;

(e)

jonqsu milli jikkonformaw mal-miżuri adottati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 72; jew

(f)

jonqsu milli jikkonformaw mal-kondizzjonijiet għal aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 79(4).

3.   Qabel ma tadotta d-deċiżjoni skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tikkomunika s-sejbiet preliminari tagħha lill-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat jew persuna oħra msemmija fl-Artikolu 67(1).

4.   Meta tiffissa l-ammont tal-multa, il-Kummissjoni għandha tqis in-natura, il-gravità, it-tul ta' żmien u r-rikorrenza tal-ksur u, għall-multi imposti skont il-paragrafu 2, id-dewmien ikkawżat lill-proċedimenti.

Artikolu 78

Perjodi ta' preskrizzjoni għall-infurzar ta' penali

1.   Is-setgħa tal-Kummissjoni li tinforza deċiżjonijiet meħuda skont l-Artikoli 74 u 76 għandha tkun soġġetta għal perjodu ta' preskrizzjoni ta' ħames snin.

2.   Iż-żmien għandu jibda jiddekorri fil-jum meta d-deċiżjoni ssir finali.

3.   Il-perjodu ta' preskrizzjoni għall-infurzar ta' penali għandu jiġi interrott:

(a)

b'notifika ta' deċiżjoni li tvarja l-ammont oriġinali tal-multa jew tal-pagament perjodiku ta' penali jew li tirrifjuta applikazzjoni għall-varjazzjoni;

(b)

b'xi azzjoni tal-Kummissjoni, jew ta' Stat membru li jaġixxi kif mitlub mill-Kummissjoni, imfassla biex tinforza pagament tal-multa jew pagament perjodiku ta' penali.

4.   Ma' kull interruzzjoni, id-dekorrenza ta' żmien għandha terġa' tibda mill-bidu.

5.   Il-perjodu ta' preskrizzjoni għall-infurzar ta' penali għandu jiġi sospiż sakemm:

(a)

jingħata l-ħin għall-pagament;

(b)

jiġi sospiż l-infurzar ta' pagament skont deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jew deċiżjoni ta' qorti nazzjonali.

Artikolu 86

Rappreżentanza

1.   Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva (UE) 2020/1828 jew għal kwalunkwe tip ieħor ta' rappreżentanza fil-liġi nazzjonali, ir-riċevituri tas-servizzi intermedjarji għandu jkollhom mill-inqas id-dritt li jagħtu mandat lil korp, organizzazzjoni jew assoċjazzjoni biex jeżerċitaw id-drittijiet ikkonferiti minn dan ir-Regolament f'isimhom, dment li l-korp, l-organizzazzjoni jew l-assoċjazzjoni tkun tissodisfa kull kondizzjoni li ġejja:

(a)

ikunu joperaw mhux għall-profitt;

(b)

ikunu twaqqfu kif xieraq f'konformità mal-liġi ta' Stat membru;

(c)

l-objettivi statutorji tagħhom jkunu jinkludu interess leġittimu li tkun żgurata konformità ma' dan ir-Regolament.

2.   Il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom jieħdu l-miżuri tekniċi u organizzattivi meħtieġa biex jiżguraw li l-ilmenti sottomessi minn korpi, organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, f'isem ir-riċevituri tas-servizz permezz tal-mekkaniżmi msemmija fl-Artikolu 20(1) jiġu pproċessati u deċiżi bi prijorità u mingħajr dewmien żejjed.

TAQSIMA 6

Atti delegati u atti ta’ implimentazzjoni

Artikolu 87

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikoli 24, 33, 37, 40 u 43 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal ħames snin mis-16 ta’ Novembru 2022. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux aktar tard minn disa' xhur qabel tmiem tal-perjodu ta' ħames snin. Id-delega ta' setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta' żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perjodu.

3.   Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikoli 24, 33, 37, 40 u 43 tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma’ tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikoli 24, 33, 37, 40 u 43 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien tliet xhur min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.


whereas









keyboard_arrow_down