search


keyboard_tab Digital Service Act 2022/2065 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2022/2065 MT cercato: 'rappurtar' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index rappurtar:

    KAPITOLU I
    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    KAPITOLU II
    RESPONSABBILTÀ TAL-FORNITURI TAS-SERVIZZI INTERMEDJARJI

    KAPITOLU III
    OBBLIGI TAD-DILIĠENZA DOVUTA GĦAL AMBJENT ONLINE TRASPARENTI U SIKUR

    TAQSIMA 1
    Dispożizzjonijiet applikabbli għall-fornituri kollha ta' servizzi intermedjarji

    TAQSIMA 2
    Dispożizzjonijiet addizzjonali applikabbli għall-fornituri ta' servizzi ta' hosting, inklużi l- pjattaformi online
  • 2 Artikolu 15 Obbligi ta' rappurtar ta' trasparenza għall-fornituri tas-servizzi intermedjarji

  • TAQSIMA 3
    Dispożizzjonijiet addizzjonali applikabbli għal fornituri ta' pjattaformi online
  • 1 Artikolu 24 Obbligi ta' rappurtar ta' trasparenza għall-fornituri ta’ pjattaformi online

  • TAQSIMA 4
    Dispożizzjonijiet addizzjonali applikabbli għall-fornituri ta' pjattaformi online li jippermettu lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma' kummerċjanti

    TAQSIMA 5
    Obbligi addizzjonali fuq il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għall-ġestjoni tar-riskji sistemiċi
  • 1 Artikolu 42 Obbligi ta' rappurtar ta' trasparenza

  • TAQSIMA 6
    Dispożizzjonijiet oħra dwar l-obbligi ta' diliġenza dovuta
  • 2 Artikolu 45 Kodiċijiet ta' kondotta

  • KAPITOLU IV
    IMPLIMENTAZZJONI, KOOPERAZZJONI, PENALI U INFURZAR

    TAQSIMA 1
    Awtoritajiet kompetenti u Koordinaturi nazzjonali tas-Servizzi Diġitali
  • 1 Artikolu 48 Protokolli ta' kriżi

  • TAQSIMA 2
    Kompetenzi, investigazzjoni koordinata u mekkaniżmi ta' konsistenza

    TAQSIMA 3
    Bord Ewropew għas-Servizzi Diġitali

    TAQSIMA 4
    Superviżjoni, investigazzjoni, infurzar u monitoraġġ fir-rigward tal-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta' magni tat-tiftix online kbar ħafna

    TAQSIMA 5
    Dispożizzjonijiet komuni dwar l-infurzar

    TAQSIMA 6
    Atti delegati u atti ta’ implimentazzjoni

    KAPITOLU V
    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI


whereas rappurtar:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 671

 

Artikolu 15

Obbligi ta' rappurtar ta' trasparenza għall-fornituri tas-servizzi intermedjarji

1.   Il-fornituri tas-servizzi intermedjarji għandhom jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, f'format li jinqara mill-magni u b'mod faċilment aċċessibbli, mill-inqas darba fis-sena, rapporti ċari, li jinftiehmu faċilment dwar kull moderazzjoni tal-kontenut li tkun saret tul il-perjodu rilevanti. Dawk ir-rapporti għandhom jinkludu, b'mod partikolari, informazzjoni dwar dan li ġej, kif applikabbli:

(a)

għall-fornituri ta' servizzi intermedjarji, l-għadd ta' ordnijiet riċevuti mill-awtoritajiet tal-Istati Membri, inkluż l-ordnijiet maħruġa f'konformità mal-Artikoli 9 u 10, ikkategorizzati skont it-tip ta' kontenut illegali kkonċernat, l-Istat Membru li joħroġ l-ordni, u ż-żmien medjan meħtieġ biex jinforma lill-awtorità li toħroġ l-ordni, jew kwalunkwe awtorità oħra speċifikata fl-ordni, bir-riċevuta tiegħu u biex jagħti effett lill-ordni;

(b)

għall-fornituri ta' servizzi ta' hosting, l-għadd ta' notifiki sottomessi f'konformità mal-Artikolu 16, ikkategorizzati skont it-tip ta' kontenut illegali allegat ikkonċernat, l-għadd ta' notifiki sottomessi minn sinjalaturi fdati, kull azzjoni meħuda skont in-notifiki billi ssir distinzjoni bejn l-azzjonijiet meħuda abbażi tal-liġi u l-azzjonijiet meħuda abbażi tat-termini u l-kondizzjonijiet tal-fornitur, l-għadd ta' notifiki pproċessati esklużivament bl-użu ta' mezzi awtomatizzati u ż-żmien medjan meħtieġ biex tittieħed l-azzjoni;

(c)

għall-fornituri ta' servizzi intermedjarji, informazzjoni sinifikanti u komprensibbli dwar il-moderazzjoni tal-kontenut li ssir bl-inizjattiva proprja tal-fornitur, inkluż l-użu ta' għodod awtomatizzati, il-miżuri meħuda biex jipprovdu taħriġ u assistenza lill-persuni inkarigati mill-moderazzjoni tal-kontenut, l-għadd u t-tip ta' miżuri meħuda li jaffettwaw id-disponibbiltà, il-viżibbiltà u l-aċċessibbiltà tal-informazzjoni pprovduta mir-riċevituri tas-servizz u l-kapaċità tar-riċevituri li jipprovdu informazzjoni permezz tas-servizz, u restrizzjonijiet relatati oħra tas-servizz; l-informazzjoni rrapportata għandha tiġi kkategorizzata skont it-tip ta' kontenut illegali jew ksur tat-termini u l-kondizzjonijiet tal-fornitur ta' servizz, skont il-metodu ta' detezzjoni u skont it-tip ta' restrizzjoni applikata;

(d)

għall-fornituri ta' servizzi intermedjarji, l-għadd ta' lmenti riċevuti permezz tas-sistemi interni tat-trattament tal-ilmenti f'konformità mat-termini u l-kondizzjonijiet tal-fornitur, kif ukoll, għall-fornituri ta' pjattaformi online, f'konformità mal-Artikolu 20 ukoll, il-bażi għal dawk l-ilmenti, id-deċiżjonijiet meħuda fir-rigward ta' dawk l-ilmenti, iż-żmien medjan meħtieġ għat-teħid ta' dawk id-deċiżjonijiet u l-għadd ta' każijiet fejn dawk id-deċiżjonijiet ikunu nqalbu;

(e)

kull użu li jsir minn mezzi awtomatizzati għall-fini ta' moderazzjoni tal-kontenut, inklużi deskrizzjoni kwalitattiva, speċifikazzjoni tal-finijiet preċiżi, indikaturi tal-eżattezza u r-rata ta' żball possibbli tal-mezzi awtomatizzati fit-twettiq ta' dawk il-finijiet u kull salvagwardja applikata.

2.   Il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu ma għandux japplika għal fornituri ta' servizzi intermedjarji li jikkwalifikaw bħala intrapriżi mikro jew żgħar kif definit fir-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE u li ma jkunux pjattaformi online kbar ħafna fit-tifsira tal-Artikolu 33 ta' dan ir-Regolament.

3.   Il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni biex tistabbilixxi mudelli dwar il-forma, il-kontenut u dettalji oħra tar-rapporti skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, inkluż perjodi ta' rappurtar armonizzati. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' konsulenza msemmija fl-Artikolu 88.

TAQSIMA 2

Dispożizzjonijiet addizzjonali applikabbli għall-fornituri ta' servizzi ta' hosting, inklużi l- pjattaformi online

Artikolu 24

Obbligi ta' rappurtar ta' trasparenza għall-fornituri ta’ pjattaformi online

1.   Minbarra l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 15, il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom jinkludu, fir-rapporti msemmija f'dak l-Artikolu, informazzjoni dwar dan li ġej:

(a)

l-għadd ta' tilwimiet sottomessi lill-korpi għas-soluzzjoni barra mill-qorti għat-tilwim imsemmija fl-Artikolu 21, l-eżiti tas-soluzzjoni għat-tilwim, iż-żmien medjan meħtieġ għat-tlestija tal-proċeduri għas-soluzzjoni tat-tilwim, kif ukoll il-proporzjon ta' tilwimiet fejn il-pjattaforma tkun implimentat id-deċiżjonijiet tal-korp;

(b)

l-għadd ta' sospensjonijiet imposti skont l-Artikolu 23, li jiddistingwu bejn sospensjonijiet promulgati għall-forniment ta' kontenut manifestament illegali, is-sottomissjoni ta' avviżi manifestament infondati u s-sottomissjoni ta' lmenti manifestament infondati;

2.   Sas-17 ta’ Frar 2023 u mill-inqas darba kull sitt xhur minn hemm 'il quddiem, il-fornituri għandhom jippubblikaw għal kull pjattaforma online jew magna tat-tiftix online, f'taqsima tal-interfaċċa online tagħhom disponibbli għall-pubbliku, informazzjoni dwar ir-riċevituri attivi medji fix-xahar tas-servizz fl-Unjoni, ikkalkulata bħala medja matul il-perjodu tal-aħħar sitt xhur u, f'konformità mal-metodoloġija stipulata fl-atti delegati msemmija fl-Artikolu 33(3), fejn dawk l-atti delegati ġew adottati.

3.   Il-fornituri ta' pjattaformi online jew ta’ magni tat-tiftix online għandhom jikkomunikaw lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment u lill-Kummissjoni, fuq talba tagħhom u mingħajr dewmien żejjed, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, aġġornata sal-mument ta' din it-talba. Dak il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jew il-Kummissjoni jistgħu jitolbu lill-fornitur ta’ pjattaforma online jew tal-magna tat-tiftix online jipprovdi informazzjoni addizzjonali rigward il-kalkolu msemmi f'dak il-paragrafu, inklużi spjegazzjonijiet u sostanzjar fir-rigward tad-data użata. Dik l-informazzjoni ma għandhiex tinkludi data personali.

4.   Meta l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment jkollu raġunijiet biex jikkunsidra, abbażi tal-informazzjoni li tkun waslitlu skont il-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu, li fornitur ta' pjattaformi online jew ta’ magni tat-tiftix online jissodisfa l-livell limitu ta' riċevituri medji attivi fix-xahar tas-servizz fl-Unjoni, stabbilit fl-Artikolu 33(1), għandu jinforma lill-Kummissjoni b'dan.

5.   Il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom, mingħajr dewmien żejjed, jippreżentaw lill-Kummissjoni d-deċiżjonijiet u d-dikjarazzjonijiet tar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 17(1) sabiex jiġu inklużi f'bażi ta' data aċċessibbli pubblikament u ġestita mill-Kummissjoni. Il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom jiżguraw li l-informazzjoni ppreżentata ma jkunx fiha data personali.

6.   Il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni biex tistipula mudelli dwar il-forma, il-kontenut u dettalji oħra tar-rapporti skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' konsulenza msemmija fl-Artikolu 88.

Artikolu 42

Obbligi ta' rappurtar ta' trasparenza

1.   Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jippubblikaw ir-rapporti msemmija fl-Artikolu 15 mhux aktar tard minn fi żmien xahrejn mid-data tal-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 33(6), it-tieni subparagrafu, u mill-inqas kull sitt xhur minn hemm 'il quddiem.

2.   Ir-rapporti msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu ppubblikati mill-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna għandhom, minbarra l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 15 u fl-Artikolu 24(1), jispeċifikaw:

(a)

ir-riżorsi umani li l-fornitur ta’ pjattaformi online kbar ħafna jiddedika għall-moderazzjoni tal-kontenut fir-rigward tas-servizz offrut fl-Unjoni, mqassmin għal kull lingwa uffiċjali applikabbli tal-Istati Membri, inkluż għall-konformità mal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 16 u 22, kif ukoll għall-konformità mal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 20;

(b)

il-kwalifiki u l-kompetenza lingwistika tal-persuni li jwettqu l-attivitajiet imsemmija fil-punt (a), kif ukoll it-taħriġ u l-appoġġ mogħti lil tali persunal;

(c)

l-indikaturi tal-eżattezza u l-informazzjoni relatata msemmija fl-Artikolu 15(1), punt (e), mqassmin għal kull lingwa uffiċjali tal-Istati Membri.

Ir-rapporti għandhom jiġu ppubblikati mill-inqas b'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istati Membri.

3.   Minbarra l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 24(2), il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jinkludu fir-rapporti msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu l-informazzjoni dwar il-medja ta' riċevituri tas-servizz kull xahar għal kull Stat Membru.

4.   Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jittrażmettu lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment u lill-Kummissjoni, mingħajr dewmien żejjed mat-tlestija, u jagħmlu disponibbli għall-pubbliku mhux aktar tard minn fi żmien tliet xhur wara l-wasla ta' kull rapport tal-awditu previst fl-Artikolu 37(4):

(a)

rapport li jistabbilixxi r-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju skont l-Artikolu 34;

(b)

il-miżuri ta' mitigazzjoni speċifiċi stabbiliti skont l-Artikolu 35(1);

(c)

ir-rapport tal-awditu previst fl-Artikolu 37(4);

(d)

ir-rapport ta' implimentazzjoni tal-awditu previst fl-Artikolu 37(6);

(e)

fejn applikabbli, informazzjoni dwar il-konsultazzjonijiet imwettqa mill-fornitur b'appoġġ għall-valutazzjonijiet tar-riskju u t-tfassil tal-miżuri ta' mitigazzjoni tar-riskju.

5.   Meta fornitur ta' pjattaforma online kbira ħafna jew ta’ magna tat-tiftix online kbira ħafna jqis li l-pubblikazzjoni ta' informazzjoni skont il-paragrafu 4 tista' twassal fid-divulgazzjoni ta' informazzjoni kunfidenzjali ta' dak il-fornitur jew tar-riċevituri tas-servizz, tista' tikkawża vulnerabbiltajiet sinifikanti għas-sigurtà tas-servizz tagħha, timmina s-sigurtà pubblika jew tagħmel ħsara lir-riċevituri, il-fornitur jista' jneħħi din l-informazzjoni mir-rapporti disponibbli pubblikament. F'dak il-każ, il-fornitur għandu jibgħat ir-rapporti kompluti lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment u lill-Kummissjoni, flimkien ma' dikjarazzjoni tar-raġunijiet għat-tneħħija tal-informazzjoni mir-rapporti disponibbli pubblikament.

Artikolu 45

Kodiċijiet ta' kondotta

1.   Il-Kummissjoni u l-Bord għandhom jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw it-tfassil ta' kodiċijiet ta' kondotta volontarji fil-livell tal-Unjoni biex jikkontribwixxu għall-applikazzjoni xierqa ta' dan ir-Regolament, filwaqt li jitqiesu b'mod partikolari l-isfidi speċifiċi li jiġu indirizzati tipi differenti ta' kontenut illegali u riskji sistemiċi, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni b'mod partikolari dwar il-kompetizzjoni u l-protezzjoni tad-data personali.

2.   Meta jirriżulta riskju sistemiku sinifikanti skont it-tifsira tal-Artikolu 34(1) u dan jikkonċerna diversi pjattaformi online kbar ħafna jew magni tat-tiftix online kbar ħafna, il-Kummissjoni tista' tistieden lill-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna jew il-fornituri ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna kkonċernati, u lil fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna oħra, ta’ fornituri ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna, ta' pjattaformi online u ta' servizzi intermedjarji oħrajn, kif xieraq, kif ukoll lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u partijiet interessati rilevanti oħra, biex jieħdu sehem fit-tfassil ta' kodiċijiet ta' kondotta, inkluż billi jistabbilixxu impenji biex jittieħdu miżuri speċifiċi ta' mitigazzjoni tar-riskju, kif ukoll qafas ta' rappurtar regolari dwar il-miżuri meħuda u l-eżiti tagħhom.

3.   Meta jagħtu effett lill-paragrafi 1 u 2, il-Kummissjoni u l-Bord u, fejn rilevanti, korpi oħra għandu jkollhom l-għan li jiżguraw li l-kodiċijiet ta' kondotta jistabbilixxu l-objettivi speċifiċi tagħhom b'mod ċar, ikun fihom indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni biex ikejlu l-kisba ta' dawk l-objettivi u jqisu kif xieraq il-ħtiġijiet u l-interessi tal-partijiet interessati kollha, u b'mod partikolari ċ-ċittadini, fil-livell tal-Unjoni. Il-Kummissjoni u l-Bord għandu jkollhom l-għan li jiżguraw li l-parteċipanti jirrappurtaw regolarment lill-Kummissjoni u lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali rispettivi tagħhom dwar il-miżuri meħuda u l-eżiti tagħhom, kif imkejla skont l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni li jkun fihom. L-indikaturi ewlenin ta' prestazzjoni u l-impenji tar-rappurtar għandhom iqisu d-differenzi fid-daqs u fil-kapaċità bejn parteċipanti differenti.

4.   Il-Kummissjoni u l-Bord għandhom jivvalutaw jekk il-kodiċijiet ta' kondotta jissodisfawx l-għanijiet speċifikati fil-paragrafi 1 u 3, u għandhom jimmonitorjaw u jevalwaw b'mod regolari l-kisba tal-objettivi tagħhom, hekk kif iqisu l-indikaturi ewlenin ta' prestazzjoni li jku fihom. Dawn għandhom jippubblikaw il-konklużjonijiet tagħhom.

Il-Kummissjoni u l-Bord għandhom jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw ukoll ir-rieżami u l-adattament regolari tal-Kodiċijiet ta' Kondotta.

Fil-każ ta' nuqqas sistematiku ta' konformità mal-Kodiċijiet ta' Kondotta, il-Kummissjoni u l-Bord jistgħu jistiednu lill-firmatarji għall-kodiċijiet ta' kondotta biex jieħdu l-azzjoni meħtieġa.

Artikolu 48

Protokolli ta' kriżi

1.   Il-Bord jista' jirrakkomanda li l-Kummissjoni tibda t-tfassil, f'konformità mal-paragrafi 2, 3 u 4, ta' protokolli ta' kriżi volontarji biex jiġu indirizzati sitwazzjonijiet ta' kriżi. Dawk is-sitwazzjonijiet għandhom ikunu strettament limitati għal ċirkostanzi straordinarji li jaffettwaw is-sigurtà pubblika jew is-saħħa pubblika.

2.   Il-Kummissjoni għandha tħeġġeġ u tiffaċilita lill-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna, ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna u, meta xieraq, lill-fornituri ta’ pjattaformi online jew ta’ magni tat-tiftix online oħra, jieħdu sehem fit-tfassil, fl-ittestjar u fl-applikazzjoni ta' dawk il-protokolli ta' kriżi. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li dawk il-protokolli ta’ kriżi jinkludu waħda jew aktar mill-miżuri li ġejjin:

(a)

il-wiri prominenti ta' informazzjoni dwar is-sitwazzjoni ta' kriżi pprovduta mill-awtoritajiet tal-Istati Membri jew fil-livell tal-Unjoni, jew, skont il-kuntest tal-kriżi, minn korpi affidabbli rilevanti oħra;

(b)

l-iżgurar li l-fornitur ta' servizzi intermedjarji jiddeżinja punt ta' kuntatt speċifiku għall-ġestjoni ta' kriżijiet; fejn rilevanti, dan jista' jkun il-punt ta' kuntatt elettroniku msemmi fl-Artikolu 11 jew, fil-każ ta' fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta' magni tat-tiftix online kbar ħafna, l-uffiċjal għall-verifika tal-konformità msemmi fl-Artikolu 41;

(c)

meta applikabbli, l-adattament tar-riżorsi dedikati għall-konformità mal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 16, 20, 22, 23 u 35 għall-ħtiġijiet li jirriżultaw mis-sitwazzjoni ta' kriżi.

3.   Il-Kummissjoni għandha tinvolvi, kif xieraq, lill-awtoritajiet tal-Istati Membri u tista' tinvolvi wkoll lill-korpi, lill-uffiċċji u lill-aġenziji tal-Unjoni fit-tfassil, fl-ittestjar u fis-superviżjoni tal-applikazzjoni tal-protokolli ta' kriżi. Meta meħtieġ u xieraq, fit-tfassil tal-protokolli ta' kriżi, il-Kummissjoni tista' tinvolvi wkoll lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jew organizzazzjonijiet rilevanti oħra.

4.   Il-Kummissjoni għandu jkollha l-għan li tiżgura li l-protokolli ta' kriżi jistabbilixxu b'mod ċar dan kollu li ġej:

(a)

il-parametri speċifiċi biex jiġi determinat x'jikkostitwixxi ċ-ċirkostanza straordinarja speċifika li l-protokoll ta' kriżi jipprova jindirizza u l-objettivi li jsegwi;

(b)

ir-rwol ta' kull parteċipant u l-miżuri li jridu jiġu stabbiliti waqt it-tħejjija u ladarba jiġi attivat il-protokoll ta' kriżi;

(c)

proċedura ċara biex jiġi determinat meta għandu jiġi attivat il-protokoll ta' kriżi;

(d)

proċedura ċara biex jiġi determinat il-perjodu li matulu għandhom jittieħdu l-miżuri li jridu jittieħdu ladarba jiġi attivat il-protokoll ta' kriżi, li tkun strettament limitata għal dak meħtieġ biex jiġu indirizzati ċ-ċirkostanzi straordinarji speċifiċi kkonċernati;

(e)

salvagwardji biex jindirizzaw kull effett negattiv fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali minquxa fil-Karta, b'mod partikolari l-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni u d-dritt għal nondiskriminazzjoni;

(f)

proċess ta' rappurtar pubbliku dwar il-miżuri meħuda, it-tul ta' żmien u l-eżiti tagħhom, fi tmiem is-sitwazzjoni ta' kriżi.

5.   Jekk il-Kummissjoni jkun jidhrilha li protokoll ta' kriżi jonqos milli jindirizza b'mod effettiv is-sitwazzjoni ta' kriżi, jew milli jissalvagwardja l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali msemmi fil-punt (e) tal-paragrafu 4, din għandha titlob lill-parteċipanti biex jirrevedu l-protokoll ta' kriżi, inkluż billi jieħdu miżuri addizzjonali.

KAPITOLU IV

IMPLIMENTAZZJONI, KOOPERAZZJONI, PENALI U INFURZAR

TAQSIMA 1

Awtoritajiet kompetenti u Koordinaturi nazzjonali tas-Servizzi Diġitali


whereas









keyboard_arrow_down