search


keyboard_tab Digital Service Act 2022/2065 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2022/2065 MT cercato: 'għall-fornituri' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index għall-fornituri:


whereas għall-fornituri:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 756

 

Artikolu 10

Ordnijiet għall-għoti ta' informazzjoni

1.   Malli jirċievu ordni biex jipprovdu informazzjoni speċifika dwar riċevitur individwali speċifiku wieħed jew aktar tas-servizz, maħruġa mill-awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi nazzjonali rilevanti, abbażi tal-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali applikabbli, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni, il-fornituri ta' servizzi intermedjarji għandhom jinformaw, mingħajr dewmien żejjed, lill-awtorità li toħroġ l-ordni jew lil kwalunkwe awtorità oħra speċifikata fl-ordni, bil-wasla tagħha u bl-effett mogħti lill-ordni, filwaqt li jispeċifikaw jekk u meta jingħata effett lill-ordni.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta ordni imsemmija fil-paragrafu 1 hija trażmessa lill-fornitur, din tissodisfa mill-inqas il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

dik l-ordni jkun fiha l-elementi li ġejjin:

(i)

referenza għall-bażi legali skont il-liġi nazzjonali jew tal-Unjoni għall-ordni;

(ii)

informazzjoni dwar identifikazzjoni tal-awtorità emittenti;

(iii)

informazzjoni ċara li tippermetti lill-fornitur tas-servizzi intermedjarji jidentifika r-riċevitur jew ir-riċevituri speċifiċi li dwarhom tintalab l-informazzjoni, bħal isem tal-kont wieħed jew aktar jew identifikaturi uniċi;

(iv)

dikjarazzjoni tar-raġunijiet li tispjega l-objettiv għalfejn hemm bżonn l-informazzjoni u għalfejn ir-rekwiżit li tiġi pprovduta l-informazzjoni huwa meħtieġ u proporzjonat biex tiġi determinata l-konformità tar-riċevituri tas-servizzi intermedjarji mal-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali applikabbli f'konformità mal-liġi tal-Unjoni, sakemm din id-dikjarazzjoni ma tkunx tista' tiġi pprovduta għal raġunijiet relatati mal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, id-detezzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali;

(v)

informazzjoni dwar mekkaniżmi ta' rimedju disponibbli għall-fornitur u għar-riċevitur tas-servizz ikkonċernat;

(vi)

fejn applikabbli, informazzjoni dwar liema awtorità għandha tirċievi ntbagħat l-informazzjoni dwar l-effett mogħti lill-ordnijiet;

(b)

dik l-ordni teżiġi biss li l-fornitur jipprovdi informazzjoni diġà miġbura għall-finijiet tal-forniment tas-servizz u li hija fil-kontroll tiegħu;

(c)

dik l-ordni tiġi trażmessa b'waħda mil-lingwi ddikjarati mill-fornitur tas-servizzi intermedjarji skont l-Artikolu 11(3) jew b'lingwa uffiċjali oħra tal-Istati Membri, maqbula bejn l-awtorità li toħroġ l-ordni u l-fornitur, u tintbagħat lill-punt ta' kuntatt elettroniku, iddeżinjat minn dak il-fornitur, f'konformità mal-Artikolu 11; meta l-ordni ma tkunx abbozzata bil-lingwa ddikjarata mill-fornitur tas-servizzi intermedjarji jew b'lingwa oħra maqbula bilateralment, l-ordni tista' tiġi trażmessa bil-lingwa tal-awtorità li toħroġ l-ordni, diment li tkun akkumpanjata minn traduzzjoni f’tali lingwa ddikjarata jew maqbula bilateralment ta' mill-inqas l-elementi stipulati fil-punti (a) u (b) ta' dan il-paragrafu.

3.   L-awtorità li toħroġ l-ordni jew, fejn applikabbli, l-awtorità speċifikata fl-ordni, għandha tittrażmetti l-ordni, flimkien ma’ kwalunkwe informazzjoni riċevuta mill-fornitur tas-servizzi intermedjarji dwar l-effett mogħti lil dik l-ordni lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali mill-Istat Membru tal-awtorità emittenti.

4.   Wara li jirċievi l-ordni mill-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat Membru kkonċernat għandu, mingħajr dewmien żejjed, jibgħat kopja tal-ordni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali kollha permezz tas-sistema stabbilita f'konformità mal-Artikolu 85.

5.   Sa mhux aktar tard minn meta jingħata effett lill-ordni jew, fejn applikabbli, fil-ħin stipulat mill-awtorità emittenti fl-ordni tagħha, il-fornituri tas-servizzi intermedjarji għandhom jinfurmaw lir-riċevitur tas-servizz ikkonċernat dwar l-ordni riċevuta u l-effett mogħti lilha. Tali informazzjoni provduta lir-riċevitur tas-servizz għandha tinkludi dikjarazzjoni tar-raġunijiet u l-possibbiltajiet ta' rimedju li jeżistu, f’konformità mal-paragrafu 2.

6.   Il-kondizzjonijiet u r-rekwiżiti stabbiliti f’dan l-Artikolu għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għal-liġi proċedurali ċivili u kriminali nazzjonali.

KAPITOLU III

OBBLIGI TAD-DILIĠENZA DOVUTA GĦAL AMBJENT ONLINE TRASPARENTI U SIKUR

TAQSIMA 1

Dispożizzjonijiet applikabbli għall-fornituri kollha ta' servizzi intermedjarji

Artikolu 15

Obbligi ta' rappurtar ta' trasparenza għall-fornituri tas-servizzi intermedjarji

1.   Il-fornituri tas-servizzi intermedjarji għandhom jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, f'format li jinqara mill-magni u b'mod faċilment aċċessibbli, mill-inqas darba fis-sena, rapporti ċari, li jinftiehmu faċilment dwar kull moderazzjoni tal-kontenut li tkun saret tul il-perjodu rilevanti. Dawk ir-rapporti għandhom jinkludu, b'mod partikolari, informazzjoni dwar dan li ġej, kif applikabbli:

(a)

għall-fornituri ta' servizzi intermedjarji, l-għadd ta' ordnijiet riċevuti mill-awtoritajiet tal-Istati Membri, inkluż l-ordnijiet maħruġa f'konformità mal-Artikoli 9 u 10, ikkategorizzati skont it-tip ta' kontenut illegali kkonċernat, l-Istat Membru li joħroġ l-ordni, u ż-żmien medjan meħtieġ biex jinforma lill-awtorità li toħroġ l-ordni, jew kwalunkwe awtorità oħra speċifikata fl-ordni, bir-riċevuta tiegħu u biex jagħti effett lill-ordni;

(b)

għall-fornituri ta' servizzi ta' hosting, l-għadd ta' notifiki sottomessi f'konformità mal-Artikolu 16, ikkategorizzati skont it-tip ta' kontenut illegali allegat ikkonċernat, l-għadd ta' notifiki sottomessi minn sinjalaturi fdati, kull azzjoni meħuda skont in-notifiki billi ssir distinzjoni bejn l-azzjonijiet meħuda abbażi tal-liġi u l-azzjonijiet meħuda abbażi tat-termini u l-kondizzjonijiet tal-fornitur, l-għadd ta' notifiki pproċessati esklużivament bl-użu ta' mezzi awtomatizzati u ż-żmien medjan meħtieġ biex tittieħed l-azzjoni;

(c)

għall-fornituri ta' servizzi intermedjarji, informazzjoni sinifikanti u komprensibbli dwar il-moderazzjoni tal-kontenut li ssir bl-inizjattiva proprja tal-fornitur, inkluż l-użu ta' għodod awtomatizzati, il-miżuri meħuda biex jipprovdu taħriġ u assistenza lill-persuni inkarigati mill-moderazzjoni tal-kontenut, l-għadd u t-tip ta' miżuri meħuda li jaffettwaw id-disponibbiltà, il-viżibbiltà u l-aċċessibbiltà tal-informazzjoni pprovduta mir-riċevituri tas-servizz u l-kapaċità tar-riċevituri li jipprovdu informazzjoni permezz tas-servizz, u restrizzjonijiet relatati oħra tas-servizz; l-informazzjoni rrapportata għandha tiġi kkategorizzata skont it-tip ta' kontenut illegali jew ksur tat-termini u l-kondizzjonijiet tal-fornitur ta' servizz, skont il-metodu ta' detezzjoni u skont it-tip ta' restrizzjoni applikata;

(d)

għall-fornituri ta' servizzi intermedjarji, l-għadd ta' lmenti riċevuti permezz tas-sistemi interni tat-trattament tal-ilmenti f'konformità mat-termini u l-kondizzjonijiet tal-fornitur, kif ukoll, għall-fornituri ta' pjattaformi online, f'konformità mal-Artikolu 20 ukoll, il-bażi għal dawk l-ilmenti, id-deċiżjonijiet meħuda fir-rigward ta' dawk l-ilmenti, iż-żmien medjan meħtieġ għat-teħid ta' dawk id-deċiżjonijiet u l-għadd ta' każijiet fejn dawk id-deċiżjonijiet ikunu nqalbu;

(e)

kull użu li jsir minn mezzi awtomatizzati għall-fini ta' moderazzjoni tal-kontenut, inklużi deskrizzjoni kwalitattiva, speċifikazzjoni tal-finijiet preċiżi, indikaturi tal-eżattezza u r-rata ta' żball possibbli tal-mezzi awtomatizzati fit-twettiq ta' dawk il-finijiet u kull salvagwardja applikata.

2.   Il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu ma għandux japplika għal fornituri ta' servizzi intermedjarji li jikkwalifikaw bħala intrapriżi mikro jew żgħar kif definit fir-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE u li ma jkunux pjattaformi online kbar ħafna fit-tifsira tal-Artikolu 33 ta' dan ir-Regolament.

3.   Il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni biex tistabbilixxi mudelli dwar il-forma, il-kontenut u dettalji oħra tar-rapporti skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, inkluż perjodi ta' rappurtar armonizzati. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' konsulenza msemmija fl-Artikolu 88.

TAQSIMA 2

Dispożizzjonijiet addizzjonali applikabbli għall-fornituri ta' servizzi ta' hosting, inklużi l- pjattaformi online

Artikolu 19

Esklużjoni għall-intrapriżi mikro u żgħar

1.   Din it-Taqsima, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 24(3) tagħha, ma għandhiex tapplika għall-fornituri ta' pjattaformi online li jikkwalifikaw bħala intrapriżi mikro jew żgħar kif definit fir-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE.

Din it-Taqsima, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 24(3) tagħha, ma għandhiex tapplika għall-intrapriżi li qabel kienu jikkwalifikaw għall-istatus ta' intrapriża mikro jew żgħira kif definit fir-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE matul it-12-il xahar ta' wara li jkunu tilfu dak l-istatus skont l-Artikolu 4(2) tagħha, ħlief meta jkunu pjattaformi online kbar ħafna skont l-Artikolu 33.

2.   B'deroga mill-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, din it-Taqsima għandha tapplika għall-fornituri ta' pjattaformi online li jkunu ġew iddeżinjati bħala pjattaformi online kbar ħafna f'konformità mal-Artikolu 33, irrispettivament minn jekk jikkwalifikawx bħala intrapriżi mikro jew żgħar.

Artikolu 24

Obbligi ta' rappurtar ta' trasparenza għall-fornituri ta’ pjattaformi online

1.   Minbarra l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 15, il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom jinkludu, fir-rapporti msemmija f'dak l-Artikolu, informazzjoni dwar dan li ġej:

(a)

l-għadd ta' tilwimiet sottomessi lill-korpi għas-soluzzjoni barra mill-qorti għat-tilwim imsemmija fl-Artikolu 21, l-eżiti tas-soluzzjoni għat-tilwim, iż-żmien medjan meħtieġ għat-tlestija tal-proċeduri għas-soluzzjoni tat-tilwim, kif ukoll il-proporzjon ta' tilwimiet fejn il-pjattaforma tkun implimentat id-deċiżjonijiet tal-korp;

(b)

l-għadd ta' sospensjonijiet imposti skont l-Artikolu 23, li jiddistingwu bejn sospensjonijiet promulgati għall-forniment ta' kontenut manifestament illegali, is-sottomissjoni ta' avviżi manifestament infondati u s-sottomissjoni ta' lmenti manifestament infondati;

2.   Sas-17 ta’ Frar 2023 u mill-inqas darba kull sitt xhur minn hemm 'il quddiem, il-fornituri għandhom jippubblikaw għal kull pjattaforma online jew magna tat-tiftix online, f'taqsima tal-interfaċċa online tagħhom disponibbli għall-pubbliku, informazzjoni dwar ir-riċevituri attivi medji fix-xahar tas-servizz fl-Unjoni, ikkalkulata bħala medja matul il-perjodu tal-aħħar sitt xhur u, f'konformità mal-metodoloġija stipulata fl-atti delegati msemmija fl-Artikolu 33(3), fejn dawk l-atti delegati ġew adottati.

3.   Il-fornituri ta' pjattaformi online jew ta’ magni tat-tiftix online għandhom jikkomunikaw lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment u lill-Kummissjoni, fuq talba tagħhom u mingħajr dewmien żejjed, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, aġġornata sal-mument ta' din it-talba. Dak il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jew il-Kummissjoni jistgħu jitolbu lill-fornitur ta’ pjattaforma online jew tal-magna tat-tiftix online jipprovdi informazzjoni addizzjonali rigward il-kalkolu msemmi f'dak il-paragrafu, inklużi spjegazzjonijiet u sostanzjar fir-rigward tad-data użata. Dik l-informazzjoni ma għandhiex tinkludi data personali.

4.   Meta l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment jkollu raġunijiet biex jikkunsidra, abbażi tal-informazzjoni li tkun waslitlu skont il-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu, li fornitur ta' pjattaformi online jew ta’ magni tat-tiftix online jissodisfa l-livell limitu ta' riċevituri medji attivi fix-xahar tas-servizz fl-Unjoni, stabbilit fl-Artikolu 33(1), għandu jinforma lill-Kummissjoni b'dan.

5.   Il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom, mingħajr dewmien żejjed, jippreżentaw lill-Kummissjoni d-deċiżjonijiet u d-dikjarazzjonijiet tar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 17(1) sabiex jiġu inklużi f'bażi ta' data aċċessibbli pubblikament u ġestita mill-Kummissjoni. Il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom jiżguraw li l-informazzjoni ppreżentata ma jkunx fiha data personali.

6.   Il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni biex tistipula mudelli dwar il-forma, il-kontenut u dettalji oħra tar-rapporti skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' konsulenza msemmija fl-Artikolu 88.

Artikolu 28

Protezzjoni tal-minorenni online

1.   Il-fornituri ta’ pjattaformi online aċċessibbli għall-minorenni għandhom jistabbilixxu miżuri xierqa u proporzjonati biex jiżguraw li s-servizzi tagħhom ikollhom livell għoli ta' privatezza, sikurezza u sigurtà fir-rigward tal-minorenni.

2.   Fuq l-interfaċċa tagħhom, il-fornituri ta' pjattaformi online ma għandhomx jippreżentaw reklami bbażat fuq it-tfassil tal-profili kif definit fl-Artikolu 4, punt (4), tar-Regolament (UE) 2016/679 bl-użu ta' data personali tar-riċevitur tas-servizz meta jkunu konxji b'ċertezza raġonevoli li r-riċevitur tas-servizz ikun minorenni.

3.   Il-konformità mal-obbligi stabbiliti f'dan l-Artikolu ma għandhiex tobbliga lill-fornituri ta’ pjattaformi online jipproċessaw data personali addizzjonali sabiex jivvalutaw jekk ir-riċevitur tas-servizz ikunx minorenni.

4.   Il-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-Bord, tista' toħroġ linji gwida biex tassisti lill-fornituri ta' pjattaformi online fl-applikazzjoni tal-paragrafu 1.

TAQSIMA 4

Dispożizzjonijiet addizzjonali applikabbli għall-fornituri ta' pjattaformi online li jippermettu lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma' kummerċjanti

Artikolu 29

Esklużjoni għall-intrapriżi mikro u żgħar

1.   Din it-Taqsima ma għandhiex tapplika għall-fornituri ta' pjattaformi online li jippermettu lil konsumaturi li jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma’ kummerċjanti li jikkwalifikaw bħala intrapriżi mikro jew żgħar kif definit fir-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE.

Din it-Taqsima ma għandhiex tapplika għal fornituri ta’ pjattaformi online li jippermettu lil konsumaturi li jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma’ kummerċjanti li qabel kienu jikkwalifikaw għall-istatus ta' intrapriża mikro jew żgħira kif definit fir-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE matul it-12-il xahar wara li jkunu tilfu dak l-istatus skont l-Artikolu 4(2) tagħha, ħlief meta jkunu pjattaformi online kbar ħafna f’konformità mal-Artikolu 33.

2.   B'deroga mill-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, din it-Taqsima għandha tapplika għall-fornituri ta' pjattaformi online li jippermettu lil konsumaturi li jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma’ kummerċjanti li jkunu ġew iddeżinjati bħala pjattaformi online kbar ħafna f'konformità mal-Artikolu 33, irrispettivament minn jekk jikkwalifikawx bħala intrapriżi mikro jew żgħar.

Artikolu 35

Mitigazzjoni tar-riskji

1.   Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom idaħħlu fis-seħħ miżuri ta' mitigazzjoni raġonevoli, proporzjonati u effettivi, imfassla għar-riskji sistemiċi speċifiċi identifikati skont l-Artikolu 34, b'kunsiderazzjoni partikolari għall-impatti ta' tali miżuri fuq id-drittijiet fundamentali. Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu, meta applikabbli:

(a)

l-adattament tad-disinn, il-karatteristiċi jew il-funzjonament tas-servizzi tagħhom, inklużi l-interfaċċi online tagħhom;

(b)

l-adattament tat-termini u l-kondizzjonijiet u l-infurzar tagħhom;

(c)

l-adattament tal-proċessi tal-moderazzjoni tal-kontenut, inkluż il-ħeffa u l-kwalità tal-avviżi tal-ipproċessar relatati ma' tipi speċifiċi ta' kontenut illegali u, fejn xieraq, it-tneħħija rapida tal-kontenut notifikat jew id-diżattivazzjoni tal-aċċess għalih, b'mod partikolari fir-rigward ta’ diskors ta' mibegħda illegali jew vjolenza ċibernetika; kif ukoll l-adattament ta' kwalunkwe proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet rilevanti u riżorsi ddedikati għall-moderazzjoni tal-kontenut;

(d)

l-ittestjar u l-adattament tas-sistemi algoritmiċi tagħhom, inklużi s-sistemi ta' rakkomandazzjoni tagħhom;

(e)

l-adattament tas-sistemi ta' reklamar tagħhom u l-adozzjoni ta' miżuri mmirati bil-għan li jillimitaw jew jaġġustaw il-preżentazzjoni tar-reklami flimkien mas-servizz li jipprovdu;

(f)

it-tisħiħ tal-proċessi interni, ir-riżorsi, l-ittestjar, id-dokumentazzjoni jew is-superviżjoni ta' kull waħda mill-attivitajiet tagħhom b'mod partikolari fir-rigward tad-detezzjoni ta' riskju sistemiku;

(g)

il-bidu jew l-aġġustament tal-kooperazzjoni ma' sinjalaturi fdati f'konformità mal-Artikolu 22 u l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet ta' korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti skont l-Artikolu 21;

(h)

il-bidu jew l-aġġustament tal-kooperazzjoni ma' fornituri ta' pjattaformi online jew ta’ magni tat-tiftix online oħra permezz tal-kodiċijiet ta' kondotta u l-protokolli ta' kriżi msemmija fl-Artikoli 45 u 48 rispettivament;

(i)

it-teħid ta' miżuri ta' sensibilizzazzjoni u l-adattament tal-interfaċċa online tagħhom biex ir-riċevituri tas-servizz jingħataw aktar informazzjoni;

(j)

it-teħid ta' miżuri mmirati għall-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal, inkluż għodod ta' verifika tal-età u ta' kontroll min-naħa tal-ġenituri, jew għodod immirati biex jgħinu lill-minorenni jissinjalaw abbuż jew isibu għajnuna, skont il-każ;

(k)

garanzija li element ta' informazzjoni, sew jekk jikkostitwixxi immaġni, awdjo jew vidjo ġġenerat jew immanipulat li jixbah apprezzabbilment persuni, oġġetti, postijiet, entitajiet jew avvenimenti oħra ta' veru u li f'għajnejn persuna jidher awtentiku jew veritier meta ma jkunx, ikun distingwibbli permezz ta' mmarkar prominenti meta ppreżentat fuq l-interfaċċi online tagħhom,; u, barra minn hekk, id-disponibbiltà ta' funzjonalità li tkun faċli biex tintuża u li tippermetti lir-riċevituri tas-servizz jindikaw informazzjoni bħal din.

2.   Il-Bord, b'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, għandu jippubblika rapporti komprensivi, darba fis-sena. Ir-rapporti għandhom jinkludu dan li ġej:

(a)

l-identifikazzjoni u l-valutazzjoni tal-aktar riskji sistemiċi prominenti u rikorrenti rrapportati mill-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna jew identifikati permezz ta' sorsi oħra ta' informazzjoni, b'mod partikolari dawk ipprovduti f'konformità mal-Artikoli 39, 40 u 42;

(b)

l-aqwa prattiki għall-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna biex jittaffu r-riskji sistemiċi identifikati.

Dawk ir-rapporti għandhom jippreżentaw ir-riskji sistemiċi mqassmin għal kull Stat Membru fejn ikunu seħħew u fl-Unjoni kollha kemm hi, kif applikabbli.

3.   Il-Kummissjoni, b'kooperazzjoni mal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, tista' toħroġ linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-paragrafu 1 fir-rigward ta' riskji speċifiċi, b'mod partikolari biex tippreżenta l-aqwa prattiki u tirrakkomanda miżuri possibbli, b'kunsiderazzjoni xierqa tal-konsegwenzi possibbli tal-miżuri fuq id-drittijiet fundamentali minquxa fil-Karta tal-partijiet kollha involuti. Meta tħejji dawk il-linji gwida, il-Kummissjoni għandha torganizza konsultazzjonijiet pubbliċi.

Artikolu 92

Applikazzjoni antiċipata ta’ fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna

Dan ir-Regolament għandu japplika għall-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta' magni tat-tiftix online kbar ħafna ddeżinjati fis-sens tal-Artikolu 33(4) minn erba' xhur wara n-notifika lill-fornitur ikkonċernat imsemmija fl-Artikolu 33(6) fejn dik id-data tkun qabel is-17 ta’ Frar 2024.


whereas









keyboard_arrow_down