search


keyboard_tab Digital Service Act 2022/2065 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2022/2065 MT cercato: 'fl-unjoni' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index fl-unjoni:

    KAPITOLU I
    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    KAPITOLU II
    RESPONSABBILTÀ TAL-FORNITURI TAS-SERVIZZI INTERMEDJARJI

    KAPITOLU III
    OBBLIGI TAD-DILIĠENZA DOVUTA GĦAL AMBJENT ONLINE TRASPARENTI U SIKUR

    TAQSIMA 1
    Dispożizzjonijiet applikabbli għall-fornituri kollha ta' servizzi intermedjarji

    TAQSIMA 2
    Dispożizzjonijiet addizzjonali applikabbli għall-fornituri ta' servizzi ta' hosting, inklużi l- pjattaformi online

    TAQSIMA 3
    Dispożizzjonijiet addizzjonali applikabbli għal fornituri ta' pjattaformi online

    TAQSIMA 4
    Dispożizzjonijiet addizzjonali applikabbli għall-fornituri ta' pjattaformi online li jippermettu lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma' kummerċjanti

    TAQSIMA 5
    Obbligi addizzjonali fuq il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għall-ġestjoni tar-riskji sistemiċi

    TAQSIMA 6
    Dispożizzjonijiet oħra dwar l-obbligi ta' diliġenza dovuta

    KAPITOLU IV
    IMPLIMENTAZZJONI, KOOPERAZZJONI, PENALI U INFURZAR

    TAQSIMA 1
    Awtoritajiet kompetenti u Koordinaturi nazzjonali tas-Servizzi Diġitali

    TAQSIMA 2
    Kompetenzi, investigazzjoni koordinata u mekkaniżmi ta' konsistenza

    TAQSIMA 3
    Bord Ewropew għas-Servizzi Diġitali

    TAQSIMA 4
    Superviżjoni, investigazzjoni, infurzar u monitoraġġ fir-rigward tal-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta' magni tat-tiftix online kbar ħafna

    TAQSIMA 5
    Dispożizzjonijiet komuni dwar l-infurzar

    TAQSIMA 6
    Atti delegati u atti ta’ implimentazzjoni

    KAPITOLU V
    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI


whereas fl-unjoni:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 1715

 

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għas-servizzi intermedjarji offruti lir-riċevituri tas-servizz li jkollhom il-post ta' stabbiliment tagħhom jew ikunu jinsabu fl-unjoni, irrispettivament minn fejn il-fornituri ta' dawk is-servizzi intermedjarji jkollhom il-post ta' stabbiliment tagħhom.

2.   Dan ir-Regolament ma għandu japplika għall-ebda servizz li ma jkunx servizz intermedjarju u għall-ebda rekwiżit impost fir-rigward ta' tali servizz, irrispettivament minn jekk is-servizz jiġix ipprovdut permezz tal-użu ta' servizz intermedjarju.

3.   Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa l-applikazzjoni tad-Direttiva 2000/31/KE.

4.   Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għar-regoli stipulati minn atti legali oħra tal-Unjoni li jirregolaw aspetti oħra tal-forniment ta' servizzi intermedjarji fis-suq intern jew li jispeċifikaw u jikkomplementaw dan ir-Regolament, b'mod partikolari, dawn li ġejjin:

(a)

id-Direttiva 2010/13/UE;

(b)

il-liġi tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati;

(c)

ir-Regolament (UE) 2021/784;

(d)

ir-Regolament (UE) 2019/1148;

(e)

ir-Regolament (UE) 2019/1150;

(f)

il-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur u s-sikurezza tal-prodotti, inklużi r-Regolamenti (UE) 2017/2394 u (UE) 2019/1020 u d-Direttivi 2001/95/KE u 2013/11/UE;

(g)

il-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali, b'mod partikolari r-Regolament (UE) 2016/679 u d-Direttiva 2002/58/KE;

(h)

il-liġi tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili, b'mod partikolari r-Regolament (UE) Nru 1215/2012 jew kwalunkwe att legali tal-Unjoni li jistabbilixxi regoli dwar il-liġi applikabbli għal obbligi kuntrattwali u mhux kuntrattwali;

(i)

il-liġi tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali, b'mod partikolari r-Regolament dwar l-Ordnijiet ta' Produzzjoni u ta' Preservazzjoni Ewropej għall-evidenza elettronika f'materji kriminali;

(j)

Direttiva li tistabbilixxi regoli armonizzati dwar il-ħatra ta' rappreżentanti legali għall-finijiet tal-ġbir tal-evidenza fi proċeduri kriminali.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-fini ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

"servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni" tfisser servizz kif definit fl-Artikolu 1(1), punt (b) tad-Direttiva (UE) 2015/1535;

(b)

"riċevitur tas-servizz" tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tuża servizz intermedjarju, b'mod partikolari għall-finijiet ta' tfittix ta' informazzjoni jew biex din issir aċċessibbli;

(c)

"konsumatur" tfisser kwalunkwe persuna fiżika li taġixxi għal finijiet li huma 'l barra min-negozju, mill-kummerċ, mis-sengħa jew mill-professjoni tagħha;

(d)

"biex jiġu offruti servizzi fl-unjoni" tfisser li persuni fiżiċi jew ġuridiċi fi Stat Membru wieħed jew aktar ikunu jistgħu jużaw is-servizzi ta’ fornitur ta' servizzi intermedjarji li jkollu konnessjoni sostanzjali mal-Unjoni;

(e)

"konnessjoni sostanzjali mal-Unjoni" tfisser konnessjoni ta' fornitur ta' servizzi intermedjarji mal-Unjoni li tirriżulta jew mill-istabbiliment tiegħu fl-unjoni jew minn kriterji fattwali speċifiċi, bħal:

għadd sinifikanti ta' riċevituri tas-servizz fi Stat Membru wieħed jew aktar skont il-popolazzjoni tiegħu jew tagħhom; jew

l-immirar ta' attivitajiet lejn Stat Membru wieħed jew aktar;

(f)

"kummerċjant" tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, irrispettivament jekk tkunx suġġett pubbliku jew privat, li taġixxi, anki permezz ta' persuna li tkun qed taġixxi f'isimha jew għall-interessi tagħha, għal finijiet relatati mal-kummerċ, man-negozju, mas-sengħa jew mal-professjoni tagħha;

(g)

"servizz intermedjarju" tfisser wieħed mis-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni li ġejjin:

(i)

servizz ta' "sempliċi conduit", li jikkonsisti fit-trażmissjoni f'network tal-komunikazzjoni ta' informazzjoni pprovduta minn riċevitur tas-servizz, jew il-forniment ta' aċċess għal network tal-komunikazzjoni;

(ii)

servizz ta' "caching", li jikkonsisti fit-trażmissjoni f'network tal-komunikazzjoni ta' informazzjoni pprovduta minn riċevitur tas-servizz, li tinvolvi l-ħażna awtomatika, intermedjarja jew temporanja ta' dik l-informazzjoni, imwettqa għall-uniku fini li tagħmel aktar effiċjenti t-trażmissjoni 'l quddiem tal-informazzjoni lil riċevituri oħra meta jitolbuha;

(iii)

servizz ta' "hosting", li jikkonsisti fil-ħażna ta' informazzjoni pprovduta minn riċevitur tas-servizz, u meta jitlobha huwa stess;

(h)

"kontenut illegali" tfisser kwalunkwe informazzjoni, li, fiha nnifisha jew f'relazzjoni għal attività, inklużi l-bejgħ ta' prodotti jew il-forniment ta' servizzi, mhix konformi mal-liġi tal-Unjoni jew mal-liġi ta' kwalunkwe Stat Membru, irrispettivament mis-suġġett preċiż jew in-natura ta' dik il-liġi;

(i)

"pjattaforma online" tfisser servizz ta' hosting li, meta jintalab minn riċevitur tas-servizz, jaħżen u jiddissemina informazzjoni lill-pubbliku, sakemm dik l-attività ma tkunx karatteristika minuri u purament anċillari ta' servizz ieħor jew funzjonalità minuri tas-servizz ewlieni u, għal raġunijiet oġġettivi u tekniċi, ma tistax tintuża mingħajr dak is-servizz l-ieħor, u l-integrazzjoni tal-karatteristika jew tal-funzjonalità fis-servizz l-ieħor mhix mezz biex tkun evitata l-applikabbiltà ta' dan ir-Regolament.

(j)

"magna tat-tiftix online" tfisser servizz intermedju li jippermetti lill-utenti jdaħħlu talbiet biex iwettqu tiftix, fil-prinċipju, tas-siti web kollha, jew tas-siti web kollha b'lingwa partikolari, abbażi ta' talba dwar kwalunkwe suġġett fil-forma ta' keyword, talba bil-vuċi, frażi jew input ieħor, u li tagħti lura riżultati fi kwalunkwe format fejn tista' tinstab informazzjoni relatata mal-kontenut mitlub;

(k)

"disseminazzjoni lill-pubbliku" tfisser li l-informazzjoni ssir disponibbli, meta jintalab mir-riċevitur tas-servizz li pprovda l-informazzjoni, għal għadd potenzjalment bla limitu ta' partijiet terzi;

(l)

"kuntratt mill-bogħod" tfisser “kuntratt mill-bogħod” kif definit fl-Artikolu 2, punt (7) tad-Direttiva 2011/83/UE;

(m)

"interfaċċa online" tfisser kwalunkwe software, inkluż sit web jew parti minnu, u applikazzjonijiet, inklużi applikazzjonijiet mobbli;

(n)

"Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment" tfisser il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat Membru fejn ikun jinsab l-istabbiliment ewlieni ta' fornitur ta' servizz intermedjarju jew fejn jirrisjedi jew ikun stabbilit ir-rappreżentant legali tiegħu;

(o)

"Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tad-destinazzjoni" tfisser il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat Membru fejn jiġi pprovdut is-servizz intermedjarju;

(p)

"riċevitur attiv ta' pjattaforma online" tfisser riċevitur tas-servizz li jkun uża pjattaforma online permezz ta' talba lill-pjattaforma online biex tospita informazzjoni jew billi kien espost għal informazzjoni ospitata mill-pjattaforma online u disseminat permezz tal-interfaċċa online tagħha;

(q)

"riċevitur attiv ta' magna tat-tiftix" tfisser riċevitur tas-servizz li jkun sottometta talba lil magna tat-tiftix online u kien espost għal informazzjoni indiċjata u ppreżentata fl-interfaċċa online tagħha;

(r)

"reklam" tfisser informazzjoni mfassla biex tippromwovi l-messaġġ ta' persuna ġuridika jew fiżika, irrispettivament minn jekk biex tilħaq finijiet kummerċjali jew mhux kummerċjali, u ppreżentata minn pjattaforma online fuq l-interfaċċa online tagħha bi ħlas speċifiku għall-promozzjoni ta' dik l-informazzjoni;

(s)

"sistema ta' rakkomandazzjoni" tfisser sistema kompletament jew parzjalment awtomatizzata użata minn pjattaforma online biex tissuġġerixxi informazzjoni speċifika fl-interfaċċa online tagħha lir-riċevituri tas-servizz jew tagħti prijorità lil dik l-informazzjoni, inkluż bħala riżultat ta' tfittxija mibdija mir-riċevitur tas-servizz jew inkella li tiddetermina l-ordni relattiva jew il-prominenza tal-informazzjoni murija;

(t)

''moderazzjoni tal-kontenut'' tfisser l-attivitajiet, awtomatizzati jew le, imwettqa mill-fornituri ta' servizzi intermedjarji maħsuba, b'mod partikolari, biex jiddetettaw, jidentifikaw u jindirizzaw kontenut illegali jew informazzjoni inkompatibbli mat-termini u l-kondizzjonijiet tagħhom, ipprovduti mir-riċevituri tas-servizz, inkluż il-miżuri meħuda li jaffettwaw id-disponibbiltà, il-viżibbiltà, u l-aċċessibbiltà ta' dak il-kontenut illegali jew ta' dik l-informazzjoni, bħad-dimozzjoni, id-demonetizzazzjoni, u d-diżattivazzjoni tal-aċċess għalihom, jew it-tneħħija tagħhom, jew li jaffettwa l-kapaċità tar-riċevituri tas-servizz li jipprovdu dik l-informazzjoni, bħat-terminazzjoni jew is-sospensjoni ta' kont ta' riċevitur;

(u)

"termini u kondizzjonijiet" tfisser il-klawżoli kollha, irrispettivament mill-isem jew il-forma tagħhom, li jirregolaw ir-relazzjoni kuntrattwali bejn il-fornitur ta' servizzi intermedjarji u r-riċevituri tas-servizz;

(v)

"persuni b'diżabilità" tfisser ‘persuni b'diżabbiltà’ kif imsemmija fl-Artikolu 3, punt (1), tad-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (38);

(w)

“komunikazzjoni kummerċjali” tfisser “komunikazzjoni kummerċjali” kif definit fl-Artikolu 2, punt (f), tad-Direttiva 2000/31/KE;

(x)

"fatturat" tfisser l-ammont derivat minn impriża fit-tifsira tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (39).

KAPITOLU II

RESPONSABBILTÀ TAL-FORNITURI TAS-SERVIZZI INTERMEDJARJI

Artikolu 13

Rappreżentanti legali

1.   Il-fornituri tas-servizzi intermedjarji li ma għandhomx stabbiliment fl-unjoni iżda li joffru servizzi fl-unjoni jistgħu jiddeżinjaw, bil-miktub, persuna ġuridika jew fiżika biex taġixxi bħala r-rappreżentant legali tagħhom f'wieħed mill-Istati Membri fejn il-fornitur joffri s-servizzi tiegħu.

2.   Il-fornituri tas-servizzi intermedjarji għandhom jagħtu mandat lir-rappreżentanti legali tagħhom biex jiġu indirizzati flimkien ma’ dawk il-fornituri jew minflokhom, min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, tal-Kummissjoni u tal-Bord, fejn jidħlu l-kwistjonijiet kollha meħtieġa għall-wasla, għall-konformità jew għall-infurzar tad-deċiżjonijiet maħruġa fir-rigward ta' dan ir-Regolament. Il-fornituri tas-servizzi intermedjarji għandhom jipprovdu s-setgħat meħtieġa u biżżejjed riżorsi lir-rappreżentant legali tagħhom biex jiggarantixxu kooperazzjoni effiċjenti u fil-ħin mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, mal-Kummissjoni u mal-Bord u biex jikkonformaw ma' dawk id-deċiżjonijiet.

3.   Għandu jkun possibbli li r-rappreżentant legali deżinjat jinżamm responsabbli għal nuqqas ta' konformità mal-obbligi skont dan ir-Regolament, mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà u għal azzjonijiet legali li jistgħu jinbdew kontra l-fornitur tas-servizzi intermedjarji.

4.   Il-fornituri tas-servizzi intermedjarji għandhom jinnotifikaw l-isem, l-indirizz tal-posta, l-indirizz tal-email u n-numru tat-telefown tar-rappreżentant legali tagħhom lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali fl-Istat Membru fejn jirrisjedi jew ikun stabbilit dak ir-rappreżentant legali. Dawn għandhom jiżguraw li dik l-informazzjoni tkun disponibbli għall-pubbliku, faċilment aċċessibbli, preċiża u aġġornata.

5.   Id-deżinjazzjoni ta' rappreżentant legali fl-unjoni skont il-paragrafu 1 ma għandhiex tikkostitwixxi stabbiliment fl-unjoni.

Artikolu 24

Obbligi ta' rappurtar ta' trasparenza għall-fornituri ta’ pjattaformi online

1.   Minbarra l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 15, il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom jinkludu, fir-rapporti msemmija f'dak l-Artikolu, informazzjoni dwar dan li ġej:

(a)

l-għadd ta' tilwimiet sottomessi lill-korpi għas-soluzzjoni barra mill-qorti għat-tilwim imsemmija fl-Artikolu 21, l-eżiti tas-soluzzjoni għat-tilwim, iż-żmien medjan meħtieġ għat-tlestija tal-proċeduri għas-soluzzjoni tat-tilwim, kif ukoll il-proporzjon ta' tilwimiet fejn il-pjattaforma tkun implimentat id-deċiżjonijiet tal-korp;

(b)

l-għadd ta' sospensjonijiet imposti skont l-Artikolu 23, li jiddistingwu bejn sospensjonijiet promulgati għall-forniment ta' kontenut manifestament illegali, is-sottomissjoni ta' avviżi manifestament infondati u s-sottomissjoni ta' lmenti manifestament infondati;

2.   Sas-17 ta’ Frar 2023 u mill-inqas darba kull sitt xhur minn hemm 'il quddiem, il-fornituri għandhom jippubblikaw għal kull pjattaforma online jew magna tat-tiftix online, f'taqsima tal-interfaċċa online tagħhom disponibbli għall-pubbliku, informazzjoni dwar ir-riċevituri attivi medji fix-xahar tas-servizz fl-unjoni, ikkalkulata bħala medja matul il-perjodu tal-aħħar sitt xhur u, f'konformità mal-metodoloġija stipulata fl-atti delegati msemmija fl-Artikolu 33(3), fejn dawk l-atti delegati ġew adottati.

3.   Il-fornituri ta' pjattaformi online jew ta’ magni tat-tiftix online għandhom jikkomunikaw lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment u lill-Kummissjoni, fuq talba tagħhom u mingħajr dewmien żejjed, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, aġġornata sal-mument ta' din it-talba. Dak il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jew il-Kummissjoni jistgħu jitolbu lill-fornitur ta’ pjattaforma online jew tal-magna tat-tiftix online jipprovdi informazzjoni addizzjonali rigward il-kalkolu msemmi f'dak il-paragrafu, inklużi spjegazzjonijiet u sostanzjar fir-rigward tad-data użata. Dik l-informazzjoni ma għandhiex tinkludi data personali.

4.   Meta l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment jkollu raġunijiet biex jikkunsidra, abbażi tal-informazzjoni li tkun waslitlu skont il-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu, li fornitur ta' pjattaformi online jew ta’ magni tat-tiftix online jissodisfa l-livell limitu ta' riċevituri medji attivi fix-xahar tas-servizz fl-unjoni, stabbilit fl-Artikolu 33(1), għandu jinforma lill-Kummissjoni b'dan.

5.   Il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom, mingħajr dewmien żejjed, jippreżentaw lill-Kummissjoni d-deċiżjonijiet u d-dikjarazzjonijiet tar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 17(1) sabiex jiġu inklużi f'bażi ta' data aċċessibbli pubblikament u ġestita mill-Kummissjoni. Il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom jiżguraw li l-informazzjoni ppreżentata ma jkunx fiha data personali.

6.   Il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni biex tistipula mudelli dwar il-forma, il-kontenut u dettalji oħra tar-rapporti skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' konsulenza msemmija fl-Artikolu 88.

Artikolu 30

Traċċabbiltà tal-kummerċjanti

1.   Il-fornituri ta’ pjattaformi online li jippermettu lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma' kummerċjanti għandhom jiżguraw li l-kummerċjanti jkunu jistgħu jużaw dawk il-pjattaformi online biex jippromwovu messaġġi dwar prodotti jew servizzi jew biex joffru prodotti jew servizzi lill-konsumaturi li jinsabu fl-unjoni jekk, qabel l-użu tas-servizzi tagħhom għal dawk l-iskopijiet, huma jkunu kisbu l-informazzjoni li ġejja, fejn applikabbli lill-kummerċjant:

(a)

l-isem, l-indirizz, in-numru tat-telefown u l-indirizz tal-email tal-kummerċjant;

(b)

kopja tad-dokument tal-identifikazzjoni tal-kummerċjant jew xi identifikazzjoni elettronika oħra kif definit fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (40);

(c)

id-dettalji tal-kont tal-ħlas tal-kummerċjant;

(d)

meta l-kummerċjant ikun irreġistrat f'reġistru tal-kummerċ jew f'reġistru pubbliku simili, ir-reġistru tal-kummerċ li fih ikun irreġistrat il-kummerċjant u n-numru tar-reġistrazzjoni tiegħu, jew mezzi ekwivalenti ta' identifikazzjoni f'dak ir-reġistru;

(e)

awtoċertifikazzjoni mill-kummerċjant li jimpenja ruħu li joffri biss prodotti jew servizzi li jikkonformaw mar-regoli applikabbli tal-liġi tal-Unjoni.

2.   Malli jirċievi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, u qabel ma jippermetti lill-kummerċjant ikkonċernat juża s-servizzi tiegħu, il-fornitur ta’ pjattaforma online li tippermetti lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma' kummerċjanti għandu, permezz tal-użu ta' xi bażi tad-data online uffiċjali aċċessibbli mingħajr ħlas jew interfaċċa online li ssir disponibbli minn Stat Membru jew mill-Unjoni jew permezz ta' talbiet lill-kummerċjant biex jipprovdi dokumenti ġustifikattivi mingħand sorsi affidabbli, jagħmel l-almu tiegħu biex jivvaluta jekk l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, punti (a) sa (e), hix affidabbli u kompluta. Għall-fini ta' dan ir-Regolament, il-kummerċjanti għandhom jinżammu responsabbli għall-eżattezza tal-informazzjoni pprovduta.

Fir-rigward tal-kummerċjanti li diġà jużaw is-servizzi tal-fornituri ta’ pjattaformi online li jippermettu lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma' kummerċjanti għall-finijiet imsemmija fil-paragrafu 1 fis-17 ta’ Frar 2024, il-fornituri għandhom jagħmlu l-almu tagħhom biex jiksbu l-informazzjoni elenkata mingħand il-kummerċjanti kkonċernati fi żmien 12-il xahar. Meta kummerċjanti jonqsu milli jipprovdu l-informazzjoni sa dik l-iskadenza, il-fornituri għandhom jissospendu l-forniment tas-servizzi tagħhom lil dawk il-kummerċjanti sakemm jipprovdu l-informazzjoni kollha.

3.   Meta l-fornitur tal- pjattaformai online li tippermetti lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma’ kummerċjanti jikseb biżżejjed indikazzjonijiet jew ikollu raġuni biex jemmen li xi element tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 miksub mingħand il-kummerċjant ikkonċernat ma jkunx preċiż, ikun inkomplut jew ma jkunx aġġornat, dak il-fornitur għandu jitlob lil dak il-kummerċjant jirrimedja dik is-sitwazzjoni mingħajr dewmien jew fil-perjodu ta' żmien stabbilit mil-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali.

Meta l-kummerċjant jonqos milli jikkoreġi jew jikkompleta dik l-informazzjoni, il-fornitur tal-pjattaforma online li tippermetti lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma’ kummerċjanti għandu jissospendi malajr il-forniment tas-servizz tiegħu lil dak il-kummerċjant fir-rigward tal-offerta ta' prodotti jew servizzi lill-konsumaturi li jinsabu fl-unjoni sakemm it-talba tkun ġiet issodisfata bis-sħiħ.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2019/1150, jekk fornitur ta' pjattaforma online li jippermetti lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma' kummerċjanti jirrifjuta li jippermetti lil kummerċjant li juża s-servizz skont il-paragrafu 1, jew jissospendi l-forniment tas-servizz tiegħu skont il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, il-kummerċjant ikkonċernat għandu jkollu d-dritt li jressaq ilment kif previst fl-Artikoli 20 u 21 ta' dan ir-Regolament.

5.   Il-fornitur tal-pjattaforma online li jippermetti lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma' kummerċjanti għandu jaħżen l-informazzjoni miksuba skont il-paragrafi 1 u 2 b'mod sigur għal perjodu ta’ sitt xhur wara t-tmiem tar-relazzjoni kuntrattwali mal-kummerċjant ikkonċernat. Dawn għandhom sussegwentement iħassru l-informazzjoni.

6.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, il-fornitur ta’ pjattaforma online għandu jiżvela biss l-informazzjoni lil partijiet terzi meta jkun meħtieġ f'konformità mal-liġi applikabbli, inkluż l-ordnijiet imsemmija fl-Artikolu 10 kwalunkwe ordni maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jew mill-Kummissjoni għat-twettiq tal-kompiti tagħhom skont dan ir-Regolament.

7.   Il-fornitur tal-pjattaforma online li jippermetti lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma' kummerċjanti għandu jagħmel l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, punti (a), (d) u (e) disponibbli fuq il-pjattaforma online tiegħu għar-riċevituri tas-servizz b'mod ċar, aċċessibbli faċilment u komprensibbli. Dik l-informazzjoni għandha tkun disponibbli mill-inqas fuq l-interfaċċa online tal-pjattaforma online meta l-informazzjoni dwar il-prodott jew is-servizz tiġi ppreżentata.

Artikolu 31

Konformità sa mit-tfassil

1.   Fornituri ta’ pjattaformi online li jippermetti lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod mal-kummerċjanti għandu jfassal u jorganizza l-interfaċċa online tiegħu b'mod li l-kummerċjanti jkunu jistgħu jikkonformaw mal-obbligi tagħhom rigward l-informazzjoni prekuntrattwali, il-konformità u l-informazzjoni dwar is-sikurezza tal-prodott skont il-liġi applikabbli tal-Unjoni.

B'mod partikolari, il-fornitur kkonċernat għandu jiżgura li l-interfaċċa online tiegħu tippermetti lill-kummerċjanti jipprovdu informazzjoni dwar l-isem, l-indirizz, in-numru tat-telefon u l-indirizz tal-email tal-operatur ekonomiku, kif definit fl-Artikolu 3, punt (13) tar-Regolament (UE) 2019/1020 u f'liġi oħra tal-Unjoni.

2.   Fornitur ta’ pjattaformi online li jippermettu lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod mal-kummerċjanti għandu jiżgura li l-interfaċċa online tiegħu hija mfassla u organizzata b'mod li tippermetti lill-kummerċjanti jipprovdu mill-inqas dawn li ġejjin:

(a)

l-informazzjoni meħtieġa għall-identifikazzjoni ċara u mhux ambigwa tal-prodotti jew tas-servizzi promossi jew offruti lil konsumaturi li jinsabu fl-unjoni permezz tas-servizzi tal-fornituri;

(b)

kwalunkwe sinjal li jidentifika lill-kummerċjant, bħal trademark, simbolu jew logo; u

(c)

fejn applikabbli, l-informazzjoni dwar it-tikkettar u l-immarkar f'konformità mar-regoli tal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni dwar is-sikurezza u l-konformità tal-prodotti.

3.   Meta Il-fornituri ta’ pjattaformi online li jippermettu lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod mal-kummerċjanti għandhom jagħmlu l-almu tagħhom biex jivvalutaw jekk tali kummerċjanti jkunux ipprovdew l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 qabel ma jippermettilhom joffru l-prodotti jew is-servizzi tagħhom fuq dawk il-pjattaformi. Wara li jippermettu l-kummerċjant joffri prodotti jew servizzi fuq il-pjattaforma online tiegħu li tippermetti lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod mal-kummerċjanti, il-fornitur għandu jagħmel sforzi raġonevoli biex jivverifikaw b'mod aleatorju f'xi bażi tad-data online jew interfaċċa online uffiċjali, aċċessibbli liberament u li tinqara minn magna jekk il-prodotti jew is-servizzi offruti jkunux ġew identifikati bħala illegali.

Artikolu 32

Dritt għall-informazzjoni

1.   Meta fornitur ta' pjattaforma online li tippermetti lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma' kummerċjanti jsir konxju, irrispettivament mill-mezzi użati, li prodott jew servizz illegali ġie offrut minn kummerċjant lil konsumaturi li jinsabu fl-unjoni permezz tas-servizzi tiegħu, dak il-fornitur għandu jinforma, dment li jkollu d-dettalji ta' kuntatt tagħhom, lill-konsumaturi li jkunu xtraw il-prodott jew is-servizz illegali permezz tas-servizzi tiegħu dwar dan li ġej:

(a)

il-fatt li l-prodott jew is-servizz huwa illegali;

(b)

l-identità tal-kummerċjant; u

(c)

kwalunkwe mezz rilevanti ta' rimedju.

L-obbligu stabbilit fl-ewwel subparagrafu għandu jkun limitat għax-xiri ta’ prodotti jew servizzi illegali li jsir fi żmien sitt xhur qabel il-mument li fih il-fornitur ikun sar konxju tal-illegalità.

2.   Meta, fis-sitwazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-fornitur tal-pjattaformi online li jippermettu lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma' kummerċjanti ma jkollux id-dettalji ta' kuntatt tal-konsumaturi kollha kkonċernati, dak il-fornitur għandu jagħmel disponibbli għall-pubbliku u aċċessibbli faċilment fuq l-interfaċċa online tiegħu l-informazzjoni dwar il-prodott jew is-servizz illegali, l-identità tal-kummerċjant u kwalunkwe mezz ta' rimedju.

TAQSIMA 5

Obbligi addizzjonali fuq il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għall-ġestjoni tar-riskji sistemiċi

Artikolu 33

Pjattaformi online kbar ħafna u magni tat-tiftix online kbar ħafna

1.   Din it-Taqsima għandha tapplika għall-pjattaformi online u magni tat-tiftix online li jilħqu għadd ta' riċevituri attivi medji fix-xahar tas-servizz fl-unjoni li jilħaq il-45 miljun jew iżjed, u li jkunu ddeżinjati bħala pjattaformi online kbar ħafna jew magni tat-tiftix online kbar ħafna skont il-paragrafu 4.

2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 87 biex taġġusta l-għadd ta' riċevituri attivi medji fix-xahar tas-servizz fl-unjoni msemmi fil-paragrafu 1, meta l-popolazzjoni tal-Unjoni tiżdied jew tonqos b'mill-anqas 5 % fir-rigward tal-popolazzjoni tagħha fl-2020 jew, tal-popolazzjoni tagħha wara aġġustament b'att delegat fis-sena meta jkun ġie adottat l-aħħar att delegat. F'tali każ, din għandha taġġusta l-għadd biex ikun jikkorrispondi għal 10 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni fis-sena meta tadotta l-att delegat, aġġustat 'il fuq jew 'l isfel biex l-għadd ikun jista' jiġi espress f'miljuni.

3.   Il-Kummissjoni tista' tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 87, wara konsultazzjoni mal-Bord, biex tissupplimenta d-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament billi tistabbilixxi l-metodoloġija għall-kalkolu tal-għadd ta' riċevituri attivi medji fix-xahar tas-servizz fl-unjoni, għall-finijiet tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u l-Artikolu 24(2), filwaqt li tiżgura li l-metodoloġija tqis l-iżviluppi teknoloġiċi u tas-suq.

4.   Il-Kummissjoni għandha, wara li tkun ikkonsultat l-Istat Membru tal-istabbiliment jew wara li tqis l-informazzjoni pprovduta mill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment skont l-Artikolu 24(4), tadotta deċiżjoni li tiddeżinja bħala pjattaforma online kbira ħafna jew magna tat-tiftix online kbira ħafna għall-finijiet ta' dan ir-Regolament il-pjattaforma online jew il-magna tat-tiftix online li jkollha għadd ta' riċevituri attivi medji fix-xahar tas-servizz daqs jew iżjed mill-għadd imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu. Il-Kummissjoni għandha tieħu d-deċiżjoni tagħha abbażi tad-data rrapportata mill-fornitur tal-pjattaforma online jew tal-magna tat-tiftix online skont l-Artikolu 24(2), u, fejn applikabbli, informazzjoni addizzjonali mitluba skont l-Artikolu 24(3) u kwalunkwe informazzjoni oħra għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni.

In-nuqqas tal-fornitur tal-pjattaforma online jew tal-magna tat-tiftix online li josserva l-Artikolu 24(2) jew li jirrispetta t-talba tal-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment jew mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 24(3) ma għandux iwaqqaf lill-Kummissjoni milli taħtar lil dak il-fornitur bħala fornitur ta' pjattaforma online kbira ħafna jew ta’ magna tat-tiftix online kbira ħafna skont dan il-paragrafu.

Fejn il-Kummissjoni tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq informazzjoni oħra disponibbli għall-Kummissjoni skont l-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu jew abbażi tal-informazzjoni addizzjonali mitluba skont l-Artikolu 24(3), il-Kummissjoni għandha tagħti lill-fornitur tal-pjattaforma online jew tal-magna tat-tiftix online kkonċernat 10 ijiem tax-xogħol biex jissottometti l-fehmiet tiegħu dwar il-konklużjonijiet preliminari tal-Kummissjoni u dwar l-intenzjoni tieħu li jiddeżinja l-pjattaforma online jew il-magna tat-tiftix online bħala pjattaforma online kbira ħafna jew bħala magna tat-tiftix online kbira ħafna. Il-Kummissjoni għandha tqis kif xieraq il-fehmiet sottomessi mill-fornitur ikkonċernat.

In-nuqqas t tal-fornitur ta’ pjattaforma online jew tal-magna tat-tiftix online kkonċernat li jissottometti l-fehmiet tiegħu skont it-tielet subparagrafu ma għandux iwaqqaf lill-Kummissjoni milli tiddeżinja dik il-pjattaforma online jew dik il-magna tat-tiftix online bħala pjattaforma online kbira ħafna jew bħala magna tat-tiftix online kbira ħafna, rispettivament, abbażi ta' informazzjoni oħra li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha.

5.   Il-Kummissjoni għandha ttemm id-deżinjazzjoni jekk, f'perjodu ta' sena mingħajr interruzzjoni, il-pjattaforma online jew il-magna tat-tiftix online ma jkollhiex għadd ta' riċevituri tas-servizz attivi medji fix-xahar ekwivalenti jew superjuri għall-għadd imsemmi fil-paragrafu 1.

6.   Il-Kummissjoni għandha tinnotifika d-deċiżjonijiet tagħha skont il-paragrafi 4 u 5, mingħajr dewmien żejjed, lill-fornitur ta’ pjattaforma online jew ta’ magna tat-tiftix online kkonċernat, lill-Bord u lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment.

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-lista tal-pjattaformi online kbar ħafna deżinjati tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u għandha żżommha aġġornata. L-obbligi stipulati f'din it-Taqsima għandhom japplikaw, jew jieqfu japplikaw, għall-pjattaformi online kbar ħafna u magni tat-tiftix online kbar ħafna kkonċernati fi żmien erba' xhur wara n-notifika lill-fornitur ikkonċernat kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu.

Artikolu 34

Valutazzjoni tar-riskju

1.   Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jidentifikaw, janalizzaw u jivvalutaw b'mod diliġenti kwalunkwe riskju sistemiku fl-unjoni li jirriżulta mid-disinn jew il-funzjonament tas-servizzi tagħhom u s-sistemi relatati tagħhom, inklużi s-sistemi algoritmiċi, jew mill-użu li jsir mis-servizzi tagħhom.

Huma għandhom iwettqu l-valutazzjonijiet tar-riskju sad-data tal-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 33(6), it-tieni subparagrafu, u, mill-inqas darba fis-sena minn hemm 'il quddiem, u fi kwalunkwe każ qabel l-introduzzjoni ta' funzjonalitajiet li x'aktarx ikollhom impatt kritiku fuq ir-riskji identifikati skont dan l-Artikolu. Din il-valutazzjoni tar-riskju għandha tkun speċifika għas-servizzi tagħhom u tkun proporzjonata għar-riskji sistemiċi, b’kont meħud tas-severità u l-probabbiltà tagħhom, u għandha tinkludi r-riskji sistemiċi li ġejjin:

(a)

id-disseminazzjoni ta' kontenut illegali permezz tas-servizzi tagħhom;

(b)

kull effett negattiv reali jew prevedibbli għall-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali, partikolarment id-drittijiet fundamentali għad-dinjità tal-bniedem minquxa fl-Artikolu 1 tal-Karta, għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja minquxa fl-Artikolu 7 tal-Karta, għall-protezzjoni tad-data personali minquxa fl-Artikolu 8 tal-Karta, għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, inklużi l-libertà u l-pluraliżmu tal-midja, minquxa fl-Artikolu 11 tal-Karta, għan-non-diskriminazzjoni minquxa fl-Artikolu 21 tal-Karta, għar-rispett għad-drittijiet tat-tfal minquxa fl-Artikolu 24 tal-Karta u għal-livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur minquxa fl-Artikolu 38 tal-Karta;

(c)

kwalunkwe effetti negattiv attwali jew prevedibbli fuq id-diskors ċiviku, il-proċessi elettorali u s-sigurtà pubblika;

(d)

kwalunkwe effett negattiv attwali jew prevedibbli fir-rigward tal-vjolenza sessista, il-protezzjoni tas-saħħa pubblika u l-minorenni u konsegwenzi negattivi serji għall-benessri fiżiku u mentali tal-persuna.

2.   Meta jwettqu valutazzjonijiet tar-riskju, il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom iqisu, b'mod partikolari, jekk u kif il-fatturi li ġejjin jinfluwenzaw xi wieħed mir-riskji sistemiċi msemmija fil-paragrafu 1:

(a)

id-disinn tas-sistemi ta' rakkomandazzjoni tagħhom u kwalunkwe sistema algoritmika rilevanti oħra;

(b)

is-sistemi ta' moderazzjoni tal-kontenut tagħhom;

(c)

it-termini u l-kondizzjonijiet applikabbli u l-infurzar tagħhom;

(d)

is-sistemi għall-għażla u l-preżentazzjoni tar-reklami;

(e)

il-prattiki tal-fornitur relatati mad-data.

Il-valutazzjonijiet għandhom janalizzaw ukoll jekk u kif ir-riskji msemmija fil-paragrafu 1 huma influwenzati mill-manipulazzjoni intenzjonata tas-servizz tagħhom, inkluż b'użu mhux awtentiku bi jew sfruttament awtomatizzat tas-servizz, kif ukoll l-amplifikazzjoni u d-disseminazzjoni potenzjalment rapida u wiesgħa ta' kontenut illegali u ta' informazzjoni li hija inkompatibbli mat-termini u l-kondizzjonijiet tagħhom.

Il-valutazzjoni għandha tqis aspetti reġjonali jew lingwistiċi speċifiċi, inkluż meta jkunu speċifiċi għal Stat Membru.

3.   Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jippreservaw id-dokumenti ġustifikattivi tal-valutazzjonijiet tar-riskju għal mill-inqas tliet snin wara t-twettiq tal-valutazzjonijiet tar-riskju, u għandhom, fuq talba, jikkomunikawhom lill-Kummissjoni u lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment.

Artikolu 35

Mitigazzjoni tar-riskji

1.   Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom idaħħlu fis-seħħ miżuri ta' mitigazzjoni raġonevoli, proporzjonati u effettivi, imfassla għar-riskji sistemiċi speċifiċi identifikati skont l-Artikolu 34, b'kunsiderazzjoni partikolari għall-impatti ta' tali miżuri fuq id-drittijiet fundamentali. Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu, meta applikabbli:

(a)

l-adattament tad-disinn, il-karatteristiċi jew il-funzjonament tas-servizzi tagħhom, inklużi l-interfaċċi online tagħhom;

(b)

l-adattament tat-termini u l-kondizzjonijiet u l-infurzar tagħhom;

(c)

l-adattament tal-proċessi tal-moderazzjoni tal-kontenut, inkluż il-ħeffa u l-kwalità tal-avviżi tal-ipproċessar relatati ma' tipi speċifiċi ta' kontenut illegali u, fejn xieraq, it-tneħħija rapida tal-kontenut notifikat jew id-diżattivazzjoni tal-aċċess għalih, b'mod partikolari fir-rigward ta’ diskors ta' mibegħda illegali jew vjolenza ċibernetika; kif ukoll l-adattament ta' kwalunkwe proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet rilevanti u riżorsi ddedikati għall-moderazzjoni tal-kontenut;

(d)

l-ittestjar u l-adattament tas-sistemi algoritmiċi tagħhom, inklużi s-sistemi ta' rakkomandazzjoni tagħhom;

(e)

l-adattament tas-sistemi ta' reklamar tagħhom u l-adozzjoni ta' miżuri mmirati bil-għan li jillimitaw jew jaġġustaw il-preżentazzjoni tar-reklami flimkien mas-servizz li jipprovdu;

(f)

it-tisħiħ tal-proċessi interni, ir-riżorsi, l-ittestjar, id-dokumentazzjoni jew is-superviżjoni ta' kull waħda mill-attivitajiet tagħhom b'mod partikolari fir-rigward tad-detezzjoni ta' riskju sistemiku;

(g)

il-bidu jew l-aġġustament tal-kooperazzjoni ma' sinjalaturi fdati f'konformità mal-Artikolu 22 u l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet ta' korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti skont l-Artikolu 21;

(h)

il-bidu jew l-aġġustament tal-kooperazzjoni ma' fornituri ta' pjattaformi online jew ta’ magni tat-tiftix online oħra permezz tal-kodiċijiet ta' kondotta u l-protokolli ta' kriżi msemmija fl-Artikoli 45 u 48 rispettivament;

(i)

it-teħid ta' miżuri ta' sensibilizzazzjoni u l-adattament tal-interfaċċa online tagħhom biex ir-riċevituri tas-servizz jingħataw aktar informazzjoni;

(j)

it-teħid ta' miżuri mmirati għall-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal, inkluż għodod ta' verifika tal-età u ta' kontroll min-naħa tal-ġenituri, jew għodod immirati biex jgħinu lill-minorenni jissinjalaw abbuż jew isibu għajnuna, skont il-każ;

(k)

garanzija li element ta' informazzjoni, sew jekk jikkostitwixxi immaġni, awdjo jew vidjo ġġenerat jew immanipulat li jixbah apprezzabbilment persuni, oġġetti, postijiet, entitajiet jew avvenimenti oħra ta' veru u li f'għajnejn persuna jidher awtentiku jew veritier meta ma jkunx, ikun distingwibbli permezz ta' mmarkar prominenti meta ppreżentat fuq l-interfaċċi online tagħhom,; u, barra minn hekk, id-disponibbiltà ta' funzjonalità li tkun faċli biex tintuża u li tippermetti lir-riċevituri tas-servizz jindikaw informazzjoni bħal din.

2.   Il-Bord, b'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, għandu jippubblika rapporti komprensivi, darba fis-sena. Ir-rapporti għandhom jinkludu dan li ġej:

(a)

l-identifikazzjoni u l-valutazzjoni tal-aktar riskji sistemiċi prominenti u rikorrenti rrapportati mill-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna jew identifikati permezz ta' sorsi oħra ta' informazzjoni, b'mod partikolari dawk ipprovduti f'konformità mal-Artikoli 39, 40 u 42;

(b)

l-aqwa prattiki għall-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna biex jittaffu r-riskji sistemiċi identifikati.

Dawk ir-rapporti għandhom jippreżentaw ir-riskji sistemiċi mqassmin għal kull Stat Membru fejn ikunu seħħew u fl-unjoni kollha kemm hi, kif applikabbli.

3.   Il-Kummissjoni, b'kooperazzjoni mal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, tista' toħroġ linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-paragrafu 1 fir-rigward ta' riskji speċifiċi, b'mod partikolari biex tippreżenta l-aqwa prattiki u tirrakkomanda miżuri possibbli, b'kunsiderazzjoni xierqa tal-konsegwenzi possibbli tal-miżuri fuq id-drittijiet fundamentali minquxa fil-Karta tal-partijiet kollha involuti. Meta tħejji dawk il-linji gwida, il-Kummissjoni għandha torganizza konsultazzjonijiet pubbliċi.

Artikolu 36

Mekkaniżmu ta' rispons għall-kriżijiet

1.   Meta sseħħ kriżi, il-Kummissjoni, fuq rakkomandazzjoni tal-Bord, tista' tadotta deċiżjoni li fiha tirrikjedi li fornitur wieħed jew aktar ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna jieħdu waħda jew aktar mill-azzjonijiet li ġejjin:

(a)

jivvalutaw jekk, u jekk ikun il-każ, sa liema punt u kif, il-funzjonament u l-użu tas-servizzi tagħhom jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għal theddida serja kif imsemmi fil-paragrafu 2, jew x'aktarx jikkontribwixxu għaliha;

(b)

jidentifikaw u japplikaw miżuri speċifiċi, effettivi u proporzjonati, bħal kwalunkwe waħda minn dawk previsti fl-Artikolu 35(1) jew l-Artikolu 48(2), biex jipprevjenu, jeliminaw jew jillimitaw kwalunkwe tali kontribuzzjoni għat-theddida serja identifikata skont il-punt (a) ta' dan il-paragrafu;

(c)

jirrapportaw lill-Kummissjoni, sa ċerta data jew f'intervalli regolari speċifikati fid-deċiżjoni, dwar il-valutazzjonijiet imsemmija fil-punt (a), dwar il-kontenut preċiż, l-implimentazzjoni u l-impatt kwalitattiv u kwantitattiv tal-miżuri speċifiċi meħuda skont il-punt (b) u dwar kwalunkwe kwistjoni oħra relatata ma' dawk il-valutazzjonijiet jew dawk il-miżuri, kif speċifikat fid-deċiżjoni.

Fl-identifikazzjoni u l-applikazzjoni ta' miżuri skont il-punt (b) ta' dan il-paragrafu, il-fornituri tas-servizz għandhom iqisu kif xieraq il-gravità tat-theddida serja msemmija fil-paragrafu 2, l-urġenza tal-miżuri u l-implikazzjonijiet attwali jew potenzjali għad-drittijiet u l-interessi leġittimi tal-partijiet kollha kkonċernati, inkluża l-possibbiltà li l-miżuri jonqsu milli jirrispettaw id-drittijiet fundamentali minquxa fil-Karta.

2.   Għall-fini ta' dan l-Artikolu, kriżi għandha titqies li tkun seħħet meta ċirkostanzi straordinarji jwasslu għal theddida serja għas-sigurtà jew is-saħħa pubblika fl-unjoni jew f'partijiet sinifikanti tagħha.

3.   Fit-teħid tad-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tiżgura li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti kollha li ġejjin:

(a)

l-azzjonijiet mitluba mid-deċiżjoni jkunu strettament neċessarji, ġustifikati u proporzjonati, b'attenzjoni partikolari għall-gravità tat-theddida serja msemmija fil-paragrafu 2, l-urġenza tal-miżuri u l-implikazzjonijiet attwali jew potenzjali għad-drittijiet u l-interessi leġittimi tal-partijiet kollha kkonċernati, inkluża l-possibbiltà li l-miżuri jonqsu milli jirrispettaw id-drittijiet fundamentali minquxa fil-Karta;

(b)

id-deċiżjoni tispeċifika perjodu raġonevoli li fih ikunu jridu jittieħdu l-miżuri speċifiċi msemmija fil-paragrafu 1, punt (b), b'attenzjoni partikolari għall-urġenza ta' dawk il-miżuri u ż-żmien meħtieġ biex jitħejjew u jiġu implimentati;

(c)

l-azzjonijiet meħtieġa mid-deċiżjoni jkunu limitati għal perjodu li ma jaqbiżx it-tliet xhur.

4.   Wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien żejjed, tieħu l-passi li ġejjin:

(a)

tinnotifika d-deċiżjoni lill-fornituri li lilhom tkun indirizzata d-deċiżjoni;

(b)

tqiegħed id-deċiżjoni għad-dispożizzjoni tal-pubbliku; u

(c)

tinforma lill-Bord bid-deċiżjoni, tistiednu jissottometti l-fehmiet tiegħu dwarha, u żżommu infurmat bi kwalunkwe żvilupp sussegwenti relatat mad-deċiżjoni.

5.   L-għażla ta' miżuri speċifiċi li jkunu jridu jittieħdu skont il-paragrafu 1, punt (b), u l-paragrafu 7, it-tieni subparagrafu, għandha tibqa' f'idejn il-fornituri indirizzati bid-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

6.   Il-Kummissjoni tista', fuq inizjattiva tagħha jew fuq talba tal-fornitur, tidħol fi djalogu mal-fornitur biex tiddetermina jekk, fid-dawl taċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-fornitur, il-miżuri maħsuba jew implimentati msemmija fil-paragrafu 1, punt (b), humiex effettivi u proporzjonati biex jintlaħqu l-objettivi mixtieqa. B'mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-miżuri meħuda mill-fornitur tas-servizzi skont il-paragrafu 1, punt (b) jissodisfaw ir-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 3, punti (a) u (c).

7.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-applikazzjoni tal-miżuri speċifiċi meħuda skont id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, abbażi tar-rapporti msemmija fil-punt (c) ta' dak il-paragrafu u kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra, inkluża l-informazzjoni li tista' titlob skont l-Artikolu 40 jew 67, b'kont meħud tal-evoluzzjoni tal-kriżi. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta regolarment lill-Bord dwar dak il-monitoraġġ, mill-inqas ta' kull xahar.

Jekk il-Kummissjoni tqis li l-miżuri speċifiċi maħsuba jew implimentati skont il-paragrafu 1, punt (b) ma jkunux effettivi jew proporzjonati, hija tista', wara konsultazzjoni mal-Bord, tadotta deċiżjoni li teħtieġ lill-fornitur jirrieżamina l-identifikazzjoni jew l-applikazzjoni ta' dawk il-miżuri speċifiċi.

8.   Fejn xieraq, fid-dawl tal-evoluzzjoni tal-kriżi, il-Kummissjoni, fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Bord, tista' temenda d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 jew fil-paragrafu 7, it-tieni subparagrafu, billi:

(a)

tirrevoka d-deċiżjoni u, fejn xieraq, ir-rekwiżit li l-pjattaformi online kbar ħafna jew il-magni tat-tiftix online kbar ħafna jieqfu japplikaw il-miżuri identifikati u implimentati skont il-paragrafu 1, punt (b), jew it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 7, b'mod partikolari meta r-raġunijiet għal dawn il-miżuri ma jkunux għadhom jeżistu;

(b)

testendi l-perjodu msemmi fil-paragrafu 3, punt (c), b'perjodu ta' mhux aktar minn tliet xhur;

(c)

tqis l-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni tal-miżuri, b'mod partikolari l-possibbiltà li l-miżuri jonqsu milli jirrispettaw id-drittijiet fundamentali minquxa fil-Karta.

9.   Ir-rekwiżiti tal-paragrafi 1 sa 6 għandhom japplikaw għad-deċiżjoni u għall-emenda tagħha msemmija f'dan l-Artikolu.

10.   Il-Kummissjoni għandha tqis bis-sħiħ ir-rakkomandazzjoni maħruġa mill-Bord skont dan l-Artikolu.

11.   Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fuq bażi annwali wara l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet skont dan l-Artikolu, u, fi kwalunkwe każ, tliet xhur wara t-tmiem tal-kriżi, dwar l-applikazzjoni tal-miżuri speċifiċi meħuda skont dawk id-deċiżjonijiet.

Artikolu 40

Aċċess u skrutinju tad-data

1.   Fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jipprovdu lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment jew lill-Kummissjoni, fuq talba motivata tagħhom u fi żmien raġonevoli, kif speċifikat f’dik it-talba, aċċess għad-data meħtieġa għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-konformità ma' dan ir-Regolament.

2.   Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment u l-Kummissjoni għandhom jużaw id-data aċċessata skont il-paragrafu 1 biss għall-fini tal-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-konformità ma' dan ir-Regolament u għandhom iqisu kif xieraq id-drittijiet u l-interessi tal-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna u r-riċevituri tas-servizz ikkonċernati, inkluż il-protezzjoni tad-data personali, il-protezzjoni ta' informazzjoni kunfidenzjali, b'mod partikolari s-sigrieti kummerċjali, u ż-żamma tas-sigurtà tas-servizz tagħhom.

3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom, fuq talba tal-Koordinatur tas-Servizz Diġitali tal-istabbiliment jew tal-Kummissjoni, jispjegaw id-disinn, il-loġika, il-funzjonament u l-ittestjar tas-sistemi algoritmiċi tagħhom, inklużi s-sistemi ta' rakkomandazzjoni tagħhom.

4.   Fuq talba motivata mill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment jew mill-Kummissjoni, il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom, fi żmien raġonevoli, kif speċifikat fit-talba, jipprovdu aċċess għad-data lir-riċerkaturi verifikati li jkunu jissodisfaw ir-rekwiżiti fil-paragrafu 8 ta' dan l-Artikolu, għall-uniku fini biex titwettaq riċerka li tikkontribwixxi għad-detezzjoni, l-identifikazzjoni u l-fehim tar-riskji sistemiċi fl-unjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 34(1), u għall-valutazzjoni tal-adegwatezza, l-effiċjenza u l-impatti tal-miżuri ta' mitigazzjoni tar-riskju skont l-Artikolu 35.

5.   Fi żmien 15-il jum mill-wasla ta' talba kif imsemmi fil-paragrafu 4, il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna jistgħu jitolbu lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment, biex it-talba tiġi emendata, meta jqisu li ma jkunux jistgħu jagħtu aċċess għad-data mitluba minħabba xi waħda miż-żewġ raġunijiet li ġejjin:

(a)

ma jkollhomx aċċess għad-data;

(b)

l-għoti ta' aċċess għad-data jkun se jwassal għal vulnerabbiltajiet sinifikanti fis-sigurtà tas-servizz tagħhom jew għall-protezzjoni ta' informazzjoni kunfidenzjali, b'mod partikolari s-sigrieti kummerċjali.

6.   It-talbiet għal emenda skont il-paragrafu 5 għandu jkun fihom proposti għal mezz alternattiv wieħed jew aktar li permezz tagħhom ikun jista' jingħata aċċess għad-data mitluba jew għal data oħra li tkun xierqa u suffiċjenti għall-fini tat-talba.

Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment għandu jiddeċiedi dwar it-talba għal emenda fi żmien 15-il jum u jikkomunika d-deċiżjoni lill-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna u, meta rilevanti, it-talba emendata u l-iskadenza l-ġdida għall-konformità mat-talba.

7.   Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jiffaċilitaw u jipprovdu aċċess għad-data skont il-paragrafi 1 u 4 permezz ta' interfaċċi xierqa speċifikati fit-talba, inklużi bażijiet tad-data online jew interfaċċi għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet.

8.   Fuq applikazzjoni sostanzjata kif xieraq mir-riċerkaturi, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment għandu jagħti lil tali riċerkaturi għal riċerka speċifika l-istatus ta’ “riċerkaturi verifikati” għar-riċerka speċifika msemmija fl-applikazzjoni u joħroġ talba motivata għall-aċċess tad-data lil fornitur ta’ pjattaforma online kbira ħafna jew ta’ magna tat-tiftix online kbira ħafna skont il-paragrafu 4, fejn ir-riċerkaturi juru li jissodisfaw il-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

ikunu affiljati ma' organizzazzjoni tar-riċerka kif definita fl-Artikolu 2, punt (1) tad-Direttiva (UE) 2019/790;

(b)

ikunu indipendenti minn interessi kummerċjali;

(c)

l-applikazzjoni tagħhom tiżvela kif se tiġi ffinanzjata r-riċerka;

(d)

ikunu kapaċi li jissodifaw ir-rekwiżiti speċifiċi tas-sigurtà u l-kunfidenzjalità tad-data li jikkorrispondu għal kull talba u li jipproteġu d-data personali, u fit-talba tagħhom jiddeskrivu l-miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa li jkunu implimentaw għal dan il-għan;

(e)

l-applikazzjoni tagħhom turi li l-aċċess għad-data u l-iskadenzi mitluba huma neċessarji u proporzjonati għall-finijiet tar-riċerka tagħhom u li r-riżultati mistennija ta’ dik ir-riċerka se jikkontribwixxu għall-finijiet stipulati fil-paragrafu 4;

(f)

l-attivitajiet ta' riċerka ppjanati jkunu se jitwettqu għall-finijiet stabbiliti fil-paragrafu 4;

(g)

ikunu jimpenjaw ruħhom li jqiegħdu r-riżultati tar-riċerka tagħhom għad-dispożizzjoni tal-pubbliku mingħajr ħlas, fi żmien raġonevoli wara t-tlestija tar-riċerka suġġett għad-drittijiet u l-interessi tar-riċevituri tas-servizz ikkonċernat, f'konformità mar-Regolament (UE) 2016/679.

Mal-wasla tal-applikazzjoni skont dan il-paragrafu, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment għandu jinforma u lill-Kummissjoni u lill-Bord.

9.   Ir-riċerkaturi jistgħu wkoll jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat Membru tal-organizzazzjoni tar-riċerka li jkunu affiljati magħha. Malli jirċievi l-applikazzjoni skont dan il-paragrafu, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali għandu jwettaq valutazzjoni inizjali dwar jekk ir-riċerkaturi rispettivi jissodisfawx il-kondizzjonijiet kollha stabbiliti fil-paragrafu 8. Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali rispettiv għandu sussegwentement jibgħat l-applikazzjoni, flimkien mad-dokumenti ġustifikattivi ppreżentati mir-riċerkaturi rispettivi u l-valutazzjoni inizjali, lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment. Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment għandu jieħu deċiżjoni dwar l-għoti tal-istatus ta “riċerkatur verifikat” lil riċerkatur mingħajr dewmien żejjed.

Filwaqt li titqies il-valutazzjoni inizjali pprovduta, id-deċiżjoni finali li r-riċerkatur jingħata l-istatus ta' riċerkatur verifikat hija kompetenza tal-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment, skont il-paragrafu 8.

10.   Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li jkun ta l-istatus ta' riċerkatur verifikat u ħareġ it-talba motivata għall-aċċess għad-data lill-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna favur riċerkatur verifikat għandu joħroġ deċiżjoni li tittermina l-aċċess jekk, wara investigazzjoni fuq inizjattiva tiegħu jew abbażi ta' informazzjoni li tkun waslet mingħand partijiet terzi, jiddetermina li r-riċerkatur verifikat ma jkunx għadu jissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 8, u għandu jinforma lill-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat bid-deċiżjoni. Qabel jagħlaq l-aċċess, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali għandu jippermetti lir-riċerkatur verifikat jirreaġixxi għall-konklużjonijiet tal-investigazzjoni u għall-intenzjoni tiegħu li jagħlaq l-aċċess.

11.   Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment għandhom jikkomunikaw lill-Bord l-ismijiet u l-informazzjoni ta' kuntatt tal-persuni fiżiċi jew l-entitajiet li lilhom ikunu taw l-istatus ta' “riċerkatur verifikat” f’konformità mal-paragrafu 8, kif ukoll il-fini tar-riċerka li rigward tagħha tkun saret l-applikazzjoni jew, fejn jkunu tterminaw l-aċċess għad-data skont il-paragrafu 10, jikkomunikaw dik l-informazzjoni lill-Bord.

12.   Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jagħtu aċċess mingħajr dewmien żejjed għad-data, fejn ikun teknikament possibbli, f'ħin reali, dment li d-data tkun aċċessibbli għall-pubbliku fl-interfaċċa online tagħhom mir-riċerkaturi, inklużi dawk affiljati ma' korpi, organizzazzjonijiet u assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ, li jirrispettaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 8, punti (b), (c), (d) u (e) u li jużaw id-data esklużivament biex iwettqu riċerka li tikkontribwixxi għad-detezzjoni, l-identifikazzjoni u l-fehim tar-riskji sistemiċi fl-unjoni skont l-Artikolu 34(1).

13.   Il-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta lill-Bord, tadotta atti delegati li jissupplimentaw dan ir-Regolament billi jistabbilixxu l-kondizzjonijiet tekniċi li skonthom il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jikkondividu d-data skont il-paragrafi 1 u 4 u l-iskopijiet li għalihom tista' tintuża d-data. Dawk l-atti delegati għandhom jistipulaw il-kondizzjonijiet speċifiċi li abbażi tagħhom ssir il-kondiviżjoni tad-data mar-riċerkaturi f'konformità mar-Regolament (UE) 2016/679, kif ukoll indikaturi oġġettivi rilevanti, proċeduri u, fejn neċessarju, mekkaniżmi ta' konsulenza indipendenti b’appoġġ tal-kondiviżjoni tad-data, filwaqt li jitqiesu d-drittijiet u l-interessi tal-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna u tar-riċevituri tas-servizz ikkonċernati, inkluż il-protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali, b'mod partikolari s-sigrieti kummerċjali, u ż-żamma tas-sigurtà tas-servizz tagħhom.

Artikolu 42

Obbligi ta' rappurtar ta' trasparenza

1.   Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jippubblikaw ir-rapporti msemmija fl-Artikolu 15 mhux aktar tard minn fi żmien xahrejn mid-data tal-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 33(6), it-tieni subparagrafu, u mill-inqas kull sitt xhur minn hemm 'il quddiem.

2.   Ir-rapporti msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu ppubblikati mill-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna għandhom, minbarra l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 15 u fl-Artikolu 24(1), jispeċifikaw:

(a)

ir-riżorsi umani li l-fornitur ta’ pjattaformi online kbar ħafna jiddedika għall-moderazzjoni tal-kontenut fir-rigward tas-servizz offrut fl-unjoni, mqassmin għal kull lingwa uffiċjali applikabbli tal-Istati Membri, inkluż għall-konformità mal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 16 u 22, kif ukoll għall-konformità mal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 20;

(b)

il-kwalifiki u l-kompetenza lingwistika tal-persuni li jwettqu l-attivitajiet imsemmija fil-punt (a), kif ukoll it-taħriġ u l-appoġġ mogħti lil tali persunal;

(c)

l-indikaturi tal-eżattezza u l-informazzjoni relatata msemmija fl-Artikolu 15(1), punt (e), mqassmin għal kull lingwa uffiċjali tal-Istati Membri.

Ir-rapporti għandhom jiġu ppubblikati mill-inqas b'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istati Membri.

3.   Minbarra l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 24(2), il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jinkludu fir-rapporti msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu l-informazzjoni dwar il-medja ta' riċevituri tas-servizz kull xahar għal kull Stat Membru.

4.   Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jittrażmettu lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment u lill-Kummissjoni, mingħajr dewmien żejjed mat-tlestija, u jagħmlu disponibbli għall-pubbliku mhux aktar tard minn fi żmien tliet xhur wara l-wasla ta' kull rapport tal-awditu previst fl-Artikolu 37(4):

(a)

rapport li jistabbilixxi r-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju skont l-Artikolu 34;

(b)

il-miżuri ta' mitigazzjoni speċifiċi stabbiliti skont l-Artikolu 35(1);

(c)

ir-rapport tal-awditu previst fl-Artikolu 37(4);

(d)

ir-rapport ta' implimentazzjoni tal-awditu previst fl-Artikolu 37(6);

(e)

fejn applikabbli, informazzjoni dwar il-konsultazzjonijiet imwettqa mill-fornitur b'appoġġ għall-valutazzjonijiet tar-riskju u t-tfassil tal-miżuri ta' mitigazzjoni tar-riskju.

5.   Meta fornitur ta' pjattaforma online kbira ħafna jew ta’ magna tat-tiftix online kbira ħafna jqis li l-pubblikazzjoni ta' informazzjoni skont il-paragrafu 4 tista' twassal fid-divulgazzjoni ta' informazzjoni kunfidenzjali ta' dak il-fornitur jew tar-riċevituri tas-servizz, tista' tikkawża vulnerabbiltajiet sinifikanti għas-sigurtà tas-servizz tagħha, timmina s-sigurtà pubblika jew tagħmel ħsara lir-riċevituri, il-fornitur jista' jneħħi din l-informazzjoni mir-rapporti disponibbli pubblikament. F'dak il-każ, il-fornitur għandu jibgħat ir-rapporti kompluti lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment u lill-Kummissjoni, flimkien ma' dikjarazzjoni tar-raġunijiet għat-tneħħija tal-informazzjoni mir-rapporti disponibbli pubblikament.

Artikolu 43

Tariffa superviżorja

1.   Il-Kummissjoni għandha timponi tariffa superviżorja annwali fuq il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħadna u magni tat-tiftix online kbar ħafna mad-deżinjazzjoni tagħhom skont l-Artikolu 33.

2.   L-ammont globali tat-tariffi superviżorji annwali għandu jkopri l-ispejjeż stmati li l-Kummissjoni ġġarrab fir-rigward tal-kompiti superviżorji tagħha skont dan ir-Regolament, b'mod partikolari l-ispejjeż relatati man-nomina skont l-Artikolu 33, l-istabbiliment, il-manutenzjoni u l-operat tal-bażi tad-data skont l-Artikolu 24(5) u s-sistema ta' kondiviżjoni tal-informazzjoni skont l-Artikolu 85, ir-riferimenti skont l-Artikolu 59, l-appoġġ lill-Bord skont l-Artikolu 62 u l-kompiti superviżorji skont l-Artikolu 56 u t-Taqsima 4 tal-Kapitolu IV.

3.   Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jintalbu jħallsu tariffa superviżorja annwali għal kull servizz li għalih ikunu ġew deżinjati skont l-Artikolu 33.

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu l-ammont tat-tariffa superviżorja annwali fir-rigward ta' kull fornitur ta' pjattaformi online kbira ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna. Meta tadotta dawk l-atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tapplika l-metodoloġija stabbilita fl-att delegat msemmi fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu u għandha tirrispetta l-prinċipji stabbiliti fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 88.

4.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati, f’konformità mal-Artikolu 87, li jistabbilixxu l-metodoloġija dettaljata u l-proċeduri għal:

(a)

id-determinazzjoni tal-ispejjeż imsemmija fil-paragrafu 2;

(b)

id-determinazzjoni tat-tariffi superviżorji annwali individwali msemmija fil-paragrafu 5, punti (b) u (c);

(c)

id-determinazzjoni tal-limitu globali massimu definit fil-paragrafu 5, punt (c); u

(d)

l-arranġamenti dettaljati neċessarji biex isiru l-pagamenti.

Meta tadotta dawk l-atti delegati, il-Kummissjoni għandha tirrispetta l-prinċipji stabbiliti fil-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu.

5.   L-att ta' implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 3 u l-att delegat imsemmi fil-paragrafu 4 għandhom jirrispettaw il-prinċipji li ġejjin:

(a)

l-istima tal-ammont kumplessiv tat-tariffa superviżorja annwali tqis l-ispejjeż imġarrba fis-sena preċedenti;

(b)

it-tariffa superviżorja annwali hija proporzjonata għall-medja fix-xahar ta' riċevituri attivi fl-unjoni ta' kull pjattaforma online kbira ħafna jew kull magna tat-tiftix online kbira ħafna iddeżinjati skont l-Artikolu 33;

(c)

l-ammont totali tat-tariffa superviżorja annwali imposta fuq fornitur partikolari ta' pjattaforma online kbira ħafna jew magna tat-tiftix online kbira ħafna ma għandu, fl-ebda każ, jaqbeż iż-0,05 % tal-introjtu nett annwali globali tiegħu fis-sena finanzjarja preċedenti.

6.   It-tariffi superviżorji annwali individwali mħallsa skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandhom jikkostitwixxu dħul assenjat estern skont l-Artikolu 21(5) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (41).

7.   Il-Kummissjoni għandha tirrapporta kull sena lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-ammont globali tal-ispejjeż imġarrba għat-twettiq tal-kompiti skont dan ir-Regolament u l-ammont totali tat-tariffi superviżorji annwali individwali imposti fis-sena preċedenti.

TAQSIMA 6

Dispożizzjonijiet oħra dwar l-obbligi ta' diliġenza dovuta

Artikolu 56

Kompetenzi

1.   L-Istat Membru li fih jinsab l-istabbiliment ewlieni tal-fornitur ta' servizzi intermedjarji għandu jkollu setgħat esklużivi għas-sorveljanza u l-infurzar dan ir-Regolament, ħlief għas-setgħat previsti fil-paragrafi 2, 3 u 4.

2.   Il-Kummissjoni għandu jkollha setgħat esklużivi ta' superviżjoni u infurzar tat-Taqsima 5 tal-Kapitolu III.

3.   Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħat ta' superviżjoni u infurzar ta’ dan ir-Regolament, għajr dawk stabbiliti fit-Taqsima 5 tal-Kapitolu III tiegħu, kontra fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta' magni tat-tiftix online kbar ħafna.

4.   Fejn il-Kummissjoni ma tkunx bdiet proċedimenti għall-istess ksur, l-Istat Membru li fih jinsab l-istabbiliment ewlieni tal-fornitur ta' pjattaforma online kbira ħafna jew ta' magna tat-tiftix online kbira ħafna għandu jkollu s-setgħat ta' superviżjoni u infurzar tal-obbligi stipulati f’dan ir-Regolament, għajr dawk stabbiliti fit-Taqsima 5 tal-Kapitolu III, fir-rigward ta’ dawk il-fornituri.

5.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jissorveljaw u jinfurzaw id-dispożizzjoni ta' dan ir-Regolament f'kooperazzjoni mill-qrib.

6.   Fejn fornitur tas-servizzi intermedjarji ma jkollux stabbiliment fl-unjoni, l-Istat Membru fejn jirrisjedi jew ikun stabbilit ir-rappreżentant legali tiegħu jew il-Kummissjoni għandu jkollhom is-setgħat, kif applikabbli, f'konformità mal-paragrafi 1 u 4 ta' dan l-Artikolu, ta' superviżjoni u infurzar tal-obbligi rilevanti stipulati f’dan ir-Regolament.

7.   Meta fornitur tas-servizzi intermedjarji jonqos milli jaħtar rappreżentant legali f'konformità mal-Artikolu 13, l-Istati Membri kollha u, fil-każ ta' fornitur ta' pjattaforma online kbira ħafna jew ta' magna tat-tiftix online kbira ħafna, il-Kummissjoni għandu jkollhom is-setgħat ta' superviżjoni u infurzar f'konformità ma' dan l-Artikolu.

Meta Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jkollu l-ħsieb li jeżerċita s-setgħat tiegħu skont dan il-paragrafu, huwa għandu jinnotifika lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali l-oħra kollha u lill-Kummissjoni, u jiżgura li jiġu rrispettati s-salvagwardji applikabbli mogħtija mill-Karta, b'mod partikolari biex jiġi evitat li l-istess kondotta tiġi sanzjonata aktar minn darba għall-ksur tal-obbligi stabbilit f'dan ir-Regolament. Meta l-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni li teżerċita s-setgħat tagħha skont dan il-paragrafu, hija għandha tinnotifika lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali l-oħra kollha dwar dik l-intenzjoni. Wara n-notifika fis-sens ta' dan il-paragrafu, l-Istati Membri oħra ma għandhomx jibdew proċedimenti għall-istess ksur bħal dak imniżżel fin-notifika.


whereas









keyboard_arrow_down