search


keyboard_tab Digital Service Act 2022/2065 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2022/2065 MT cercato: 'adottati' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index adottati:


whereas adottati:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 649

 

Artikolu 15

Obbligi ta' rappurtar ta' trasparenza għall-fornituri tas-servizzi intermedjarji

1.   Il-fornituri tas-servizzi intermedjarji għandhom jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, f'format li jinqara mill-magni u b'mod faċilment aċċessibbli, mill-inqas darba fis-sena, rapporti ċari, li jinftiehmu faċilment dwar kull moderazzjoni tal-kontenut li tkun saret tul il-perjodu rilevanti. Dawk ir-rapporti għandhom jinkludu, b'mod partikolari, informazzjoni dwar dan li ġej, kif applikabbli:

(a)

għall-fornituri ta' servizzi intermedjarji, l-għadd ta' ordnijiet riċevuti mill-awtoritajiet tal-Istati Membri, inkluż l-ordnijiet maħruġa f'konformità mal-Artikoli 9 u 10, ikkategorizzati skont it-tip ta' kontenut illegali kkonċernat, l-Istat Membru li joħroġ l-ordni, u ż-żmien medjan meħtieġ biex jinforma lill-awtorità li toħroġ l-ordni, jew kwalunkwe awtorità oħra speċifikata fl-ordni, bir-riċevuta tiegħu u biex jagħti effett lill-ordni;

(b)

għall-fornituri ta' servizzi ta' hosting, l-għadd ta' notifiki sottomessi f'konformità mal-Artikolu 16, ikkategorizzati skont it-tip ta' kontenut illegali allegat ikkonċernat, l-għadd ta' notifiki sottomessi minn sinjalaturi fdati, kull azzjoni meħuda skont in-notifiki billi ssir distinzjoni bejn l-azzjonijiet meħuda abbażi tal-liġi u l-azzjonijiet meħuda abbażi tat-termini u l-kondizzjonijiet tal-fornitur, l-għadd ta' notifiki pproċessati esklużivament bl-użu ta' mezzi awtomatizzati u ż-żmien medjan meħtieġ biex tittieħed l-azzjoni;

(c)

għall-fornituri ta' servizzi intermedjarji, informazzjoni sinifikanti u komprensibbli dwar il-moderazzjoni tal-kontenut li ssir bl-inizjattiva proprja tal-fornitur, inkluż l-użu ta' għodod awtomatizzati, il-miżuri meħuda biex jipprovdu taħriġ u assistenza lill-persuni inkarigati mill-moderazzjoni tal-kontenut, l-għadd u t-tip ta' miżuri meħuda li jaffettwaw id-disponibbiltà, il-viżibbiltà u l-aċċessibbiltà tal-informazzjoni pprovduta mir-riċevituri tas-servizz u l-kapaċità tar-riċevituri li jipprovdu informazzjoni permezz tas-servizz, u restrizzjonijiet relatati oħra tas-servizz; l-informazzjoni rrapportata għandha tiġi kkategorizzata skont it-tip ta' kontenut illegali jew ksur tat-termini u l-kondizzjonijiet tal-fornitur ta' servizz, skont il-metodu ta' detezzjoni u skont it-tip ta' restrizzjoni applikata;

(d)

għall-fornituri ta' servizzi intermedjarji, l-għadd ta' lmenti riċevuti permezz tas-sistemi interni tat-trattament tal-ilmenti f'konformità mat-termini u l-kondizzjonijiet tal-fornitur, kif ukoll, għall-fornituri ta' pjattaformi online, f'konformità mal-Artikolu 20 ukoll, il-bażi għal dawk l-ilmenti, id-deċiżjonijiet meħuda fir-rigward ta' dawk l-ilmenti, iż-żmien medjan meħtieġ għat-teħid ta' dawk id-deċiżjonijiet u l-għadd ta' każijiet fejn dawk id-deċiżjonijiet ikunu nqalbu;

(e)

kull użu li jsir minn mezzi awtomatizzati għall-fini ta' moderazzjoni tal-kontenut, inklużi deskrizzjoni kwalitattiva, speċifikazzjoni tal-finijiet preċiżi, indikaturi tal-eżattezza u r-rata ta' żball possibbli tal-mezzi awtomatizzati fit-twettiq ta' dawk il-finijiet u kull salvagwardja applikata.

2.   Il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu ma għandux japplika għal fornituri ta' servizzi intermedjarji li jikkwalifikaw bħala intrapriżi mikro jew żgħar kif definit fir-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE u li ma jkunux pjattaformi online kbar ħafna fit-tifsira tal-Artikolu 33 ta' dan ir-Regolament.

3.   Il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni biex tistabbilixxi mudelli dwar il-forma, il-kontenut u dettalji oħra tar-rapporti skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, inkluż perjodi ta' rappurtar armonizzati. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' konsulenza msemmija fl-Artikolu 88.

TAQSIMA 2

Dispożizzjonijiet addizzjonali applikabbli għall-fornituri ta' servizzi ta' hosting, inklużi l- pjattaformi online

Artikolu 24

Obbligi ta' rappurtar ta' trasparenza għall-fornituri ta’ pjattaformi online

1.   Minbarra l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 15, il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom jinkludu, fir-rapporti msemmija f'dak l-Artikolu, informazzjoni dwar dan li ġej:

(a)

l-għadd ta' tilwimiet sottomessi lill-korpi għas-soluzzjoni barra mill-qorti għat-tilwim imsemmija fl-Artikolu 21, l-eżiti tas-soluzzjoni għat-tilwim, iż-żmien medjan meħtieġ għat-tlestija tal-proċeduri għas-soluzzjoni tat-tilwim, kif ukoll il-proporzjon ta' tilwimiet fejn il-pjattaforma tkun implimentat id-deċiżjonijiet tal-korp;

(b)

l-għadd ta' sospensjonijiet imposti skont l-Artikolu 23, li jiddistingwu bejn sospensjonijiet promulgati għall-forniment ta' kontenut manifestament illegali, is-sottomissjoni ta' avviżi manifestament infondati u s-sottomissjoni ta' lmenti manifestament infondati;

2.   Sas-17 ta’ Frar 2023 u mill-inqas darba kull sitt xhur minn hemm 'il quddiem, il-fornituri għandhom jippubblikaw għal kull pjattaforma online jew magna tat-tiftix online, f'taqsima tal-interfaċċa online tagħhom disponibbli għall-pubbliku, informazzjoni dwar ir-riċevituri attivi medji fix-xahar tas-servizz fl-Unjoni, ikkalkulata bħala medja matul il-perjodu tal-aħħar sitt xhur u, f'konformità mal-metodoloġija stipulata fl-atti delegati msemmija fl-Artikolu 33(3), fejn dawk l-atti delegati ġew adottati.

3.   Il-fornituri ta' pjattaformi online jew ta’ magni tat-tiftix online għandhom jikkomunikaw lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment u lill-Kummissjoni, fuq talba tagħhom u mingħajr dewmien żejjed, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, aġġornata sal-mument ta' din it-talba. Dak il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jew il-Kummissjoni jistgħu jitolbu lill-fornitur ta’ pjattaforma online jew tal-magna tat-tiftix online jipprovdi informazzjoni addizzjonali rigward il-kalkolu msemmi f'dak il-paragrafu, inklużi spjegazzjonijiet u sostanzjar fir-rigward tad-data użata. Dik l-informazzjoni ma għandhiex tinkludi data personali.

4.   Meta l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment jkollu raġunijiet biex jikkunsidra, abbażi tal-informazzjoni li tkun waslitlu skont il-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu, li fornitur ta' pjattaformi online jew ta’ magni tat-tiftix online jissodisfa l-livell limitu ta' riċevituri medji attivi fix-xahar tas-servizz fl-Unjoni, stabbilit fl-Artikolu 33(1), għandu jinforma lill-Kummissjoni b'dan.

5.   Il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom, mingħajr dewmien żejjed, jippreżentaw lill-Kummissjoni d-deċiżjonijiet u d-dikjarazzjonijiet tar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 17(1) sabiex jiġu inklużi f'bażi ta' data aċċessibbli pubblikament u ġestita mill-Kummissjoni. Il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom jiżguraw li l-informazzjoni ppreżentata ma jkunx fiha data personali.

6.   Il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni biex tistipula mudelli dwar il-forma, il-kontenut u dettalji oħra tar-rapporti skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' konsulenza msemmija fl-Artikolu 88.

Artikolu 43

Tariffa superviżorja

1.   Il-Kummissjoni għandha timponi tariffa superviżorja annwali fuq il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħadna u magni tat-tiftix online kbar ħafna mad-deżinjazzjoni tagħhom skont l-Artikolu 33.

2.   L-ammont globali tat-tariffi superviżorji annwali għandu jkopri l-ispejjeż stmati li l-Kummissjoni ġġarrab fir-rigward tal-kompiti superviżorji tagħha skont dan ir-Regolament, b'mod partikolari l-ispejjeż relatati man-nomina skont l-Artikolu 33, l-istabbiliment, il-manutenzjoni u l-operat tal-bażi tad-data skont l-Artikolu 24(5) u s-sistema ta' kondiviżjoni tal-informazzjoni skont l-Artikolu 85, ir-riferimenti skont l-Artikolu 59, l-appoġġ lill-Bord skont l-Artikolu 62 u l-kompiti superviżorji skont l-Artikolu 56 u t-Taqsima 4 tal-Kapitolu IV.

3.   Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jintalbu jħallsu tariffa superviżorja annwali għal kull servizz li għalih ikunu ġew deżinjati skont l-Artikolu 33.

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu l-ammont tat-tariffa superviżorja annwali fir-rigward ta' kull fornitur ta' pjattaformi online kbira ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna. Meta tadotta dawk l-atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tapplika l-metodoloġija stabbilita fl-att delegat msemmi fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu u għandha tirrispetta l-prinċipji stabbiliti fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 88.

4.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati, f’konformità mal-Artikolu 87, li jistabbilixxu l-metodoloġija dettaljata u l-proċeduri għal:

(a)

id-determinazzjoni tal-ispejjeż imsemmija fil-paragrafu 2;

(b)

id-determinazzjoni tat-tariffi superviżorji annwali individwali msemmija fil-paragrafu 5, punti (b) u (c);

(c)

id-determinazzjoni tal-limitu globali massimu definit fil-paragrafu 5, punt (c); u

(d)

l-arranġamenti dettaljati neċessarji biex isiru l-pagamenti.

Meta tadotta dawk l-atti delegati, il-Kummissjoni għandha tirrispetta l-prinċipji stabbiliti fil-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu.

5.   L-att ta' implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 3 u l-att delegat imsemmi fil-paragrafu 4 għandhom jirrispettaw il-prinċipji li ġejjin:

(a)

l-istima tal-ammont kumplessiv tat-tariffa superviżorja annwali tqis l-ispejjeż imġarrba fis-sena preċedenti;

(b)

it-tariffa superviżorja annwali hija proporzjonata għall-medja fix-xahar ta' riċevituri attivi fl-Unjoni ta' kull pjattaforma online kbira ħafna jew kull magna tat-tiftix online kbira ħafna iddeżinjati skont l-Artikolu 33;

(c)

l-ammont totali tat-tariffa superviżorja annwali imposta fuq fornitur partikolari ta' pjattaforma online kbira ħafna jew magna tat-tiftix online kbira ħafna ma għandu, fl-ebda każ, jaqbeż iż-0,05 % tal-introjtu nett annwali globali tiegħu fis-sena finanzjarja preċedenti.

6.   It-tariffi superviżorji annwali individwali mħallsa skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandhom jikkostitwixxu dħul assenjat estern skont l-Artikolu 21(5) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (41).

7.   Il-Kummissjoni għandha tirrapporta kull sena lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-ammont globali tal-ispejjeż imġarrba għat-twettiq tal-kompiti skont dan ir-Regolament u l-ammont totali tat-tariffi superviżorji annwali individwali imposti fis-sena preċedenti.

TAQSIMA 6

Dispożizzjonijiet oħra dwar l-obbligi ta' diliġenza dovuta

Artikolu 63

Kompiti tal-Bord

1.   Meta meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 61(2), il-Bord għandu b'mod partikolari:

(a)

jappoġġa l-koordinazzjoni ta' investigazzjonijiet konġunti;

(b)

jappoġġa lill-awtoritajiet kompetenti fl-analiżi tar-rapporti u r-riżultati tal-awditi ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta' magni tat-tiftix online kbar ħafna li jridu jiġu trażmessi skont dan ir-Regolament;

(c)

jagħti opinjonijiet, rakkomandazzjonijiet jew pariri lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali f'konformità ma' dan ir-Regolament, filwaqt li jqis, b'mod partikolari, l-libertà li jiġu pprovduti servizzi tal-fornituri tas-servizzi intermedjarji;

(d)

jagħti parir lill-Kummissjoni dwar il-miżuri msemmija fl-Artikolu 66 u, jadotta opinjonijiet li jikkonċernaw pjattaformi online kbar ħafna jew magni tat-tiftix online kbar ħafna f'konformità ma' dan ir-Regolament;

(e)

jappoġġja u jippromwovi l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' standards, linji gwida, rapporti, mudelli u kodiċi ta' kondotta Ewropej f'kollaborazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kif previst f'dan ir-Regolament, inkluż billi joħroġ opinjonijiet, rakkomandazzjonijiet jew pariri dwar kwistjonijiet relatati mal-Artikolu 44, kif ukoll l-identifikazzjoni ta' kwistjonijiet emerġenti, fir-rigward ta' kwistjonijiet koperti minn dan ir-Regolament.

2.   Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali u, fejn applikabbli, awtoritajiet kompetenti oħra li ma jimxux mal-opinjonijiet, mat-talbiet jew mar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lilhom adottati mill-Bord għandhom jipprovdu r-raġunijiet għal din l-għażla, flimkien ma' spjegazzjoni dwar l-investigazzjonijiet, l-azzjonijiet u l-miżuri li jkunu implimentaw, meta jirrapportaw skont dan ir-Regolament jew meta jadottaw id-deċiżjonijiet rilevanti tagħhom, kif xieraq.

TAQSIMA 4

Superviżjoni, investigazzjoni, infurzar u monitoraġġ fir-rigward tal-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta' magni tat-tiftix online kbar ħafna

Artikolu 74

Multi

1.   Fid-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 73, il-Kummissjoni tista' timponi multi fuq il-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat li ma jaqbżux is-6 % tal-fatturat dinji totali tiegħu fis-sena finanzjarja preċedenti meta ssib li dak il-fornitur, intenzjonalment jew b'negliġenza:

(a)

tikser id-dispożizzjonijiet rilevanti ta' dan ir-Regolament;

(b)

tonqos milli tikkonforma ma' deċiżjoni li tordna miżuri interim skont l-Artikolu 70; jew

(c)

jonqos milli jikkonforma ma' impenn magħmul vinkolanti b'deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 71;

2.   Il-Kummissjoni tista' deċiżjoni li timponi multi fuq il-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat jew persuna fiżika jew ġuridika oħra msemmija fl-Artikolu 67(1) li ma jaqbżux il-1 % tad-dħul annwali jew tal-fatturat totali dinji fis-sena finanzjarja preċedenti, meta dawn intenzjonalment jew b'negliġenza:

(a)

jipprovdu informazzjoni skorretta, mhux kompluta jew qarrieqa bi tweġiba għal talba sempliċi jew talba b'deċiżjoni skont l-Artikolu 67;

(b)

jonqsu milli jwieġbu għat-talba għal informazzjoni b'deċiżjoni fil-perjodu stabbilit;

(c)

jonqsu milli jirrettifikaw informazzjoni skorretta, mhux kompluta jew qarrieqa fil-perjodu stabbilit mill-Kummissjoni, mogħtija minn membru tal-persunal, jew jonqsu jew jirrifjutaw li jagħtu informazzjoni kompluta;

(d)

jirrifjutaw li jissottomettu ruħhom għal spezzjoni skont l-Artikolu 69;

(e)

jonqsu milli jikkonformaw mal-miżuri adottati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 72; jew

(f)

jonqsu milli jikkonformaw mal-kondizzjonijiet għal aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 79(4).

3.   Qabel ma tadotta d-deċiżjoni skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tikkomunika s-sejbiet preliminari tagħha lill-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat jew persuna oħra msemmija fl-Artikolu 67(1).

4.   Meta tiffissa l-ammont tal-multa, il-Kummissjoni għandha tqis in-natura, il-gravità, it-tul ta' żmien u r-rikorrenza tal-ksur u, għall-multi imposti skont il-paragrafu 2, id-dewmien ikkawżat lill-proċedimenti.

Artikolu 83

Atti ta' implimentazzjoni relatati mal-intervent tal-Kummissjoni

Fir-rigward tal-intervent tal-Kummissjoni kopert minn din it-Taqsima, il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni dwar l-arranġamenti prattiċi għal:

(a)

il-proċedimenti skont l-Artikoli 69 u 72;

(b)

is-seduti ta' smigħ previsti fl-Artikolu 79;

(c)

l-iżvelar negozjat tal-informazzjoni previst fl-Artikolu 79.

Qabel l-adozzjoni ta' xi miżuri skont l-ewwel paragrafu ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tippubblika abbozz ta' dan u tistieden lill-partijiet interessati kollha biex jissottomettu l-kummenti tagħhom fil-perjodu stabbilit fih, li ma għandux ikun inqas minn xahar. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' konsulenza msemmija fl-Artikolu 88.

TAQSIMA 5

Dispożizzjonijiet komuni dwar l-infurzar

Artikolu 85

Sistemi ta' kondiviżjoni tal-informazzjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u żżomm sistema affidabbli u sigura ta' kondiviżjoni tal-informazzjoni li tappoġġa l-komunikazzjonijiet bejn il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, il-Kummissjoni u l-Bord. Awtoritajiet kompetenti oħra jistgħu jingħataw aċċess għal din is-sistema, fejn neċessarju biex iwettqu l-kompiti kkonferiti lilhom f'konformità ma' dan ir-Regolament.

2.   Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, il-Kummissjoni u l-Bord għandhom jużaw is-sistema ta' kondiviżjoni tal-informazzjoni għal kull komunikazzjoni skont dan ir-Regolament.

3.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu l-arranġamenti prattiċi u operazzjonali għall-funzjonament tas-sistema ta' kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-interoperabbiltà tagħha ma' sistemi rilevanti oħra. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' konsulenza msemmija fl-Artikolu 88.


whereas









keyboard_arrow_down