search


keyboard_tab Digital Market Act 2022/1925 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2022/1925 MT cercato: 'tintalab' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index tintalab:


whereas tintalab:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 381

 

Artikolu 4

Rieżami tal-istatus tal-gwardjan

1.   Meta tintalab, jew b’inizjattiva tagħha stess, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra mill-ġdid, temenda jew tħassar fi kwalunkwe mument deċiżjoni tad-deżinjazzjoni adottata skont l-Artikolu 3 għal waħda mir-raġunijiet li ġejjin:

(a)

tkun saret bidla sostanzjali fi kwalunkwe wieħed mill-fatti li fuqhom issejset id-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni;

(b)

id-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni tkun issejset fuq informazzjoni mhux kompluta, skorretta jew qarrieqa.

2.   Il-Kummissjoni għandha tirrieżamina regolarment, u mill-inqas kull 3 snin, jekk il-gwardjani għadhomx jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 3(1). Dak ir-rieżami għandu jeżamina wkoll jekk il-lista ta’ servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tal-gwardjan li huma individwalment gateway importanti għall-utenti kummerċjali biex jilħqu lill-utenti finali, kif imsemmi fl-Artikolu 3(1), punt (b), teħtieġx li tiġi emendata. Dawk ir-rieżamijiet ma għandu jkollhom l-ebda effett ta’ sospensjoni fuq l-obbligi tal-gwardjan.

Il-Kummissjoni għandha teżamina wkoll mill-inqas kull sena jekk impriżi ġodda li jipprovdu servizzi ewlenin ta’ pjattaforma jissodisfawx dawk ir-rekwiżiti.

Meta l-Kummissjoni, abbażi tar-rieżamijiet skont l-ewwel subparagrafu, issib li nbidlu l-fatti li fuqhom issejset id-deżinjazzjoni tal-impriżi li jipprovdu servizzi ewlenin ta’ pjattaforma bħala gwardjani, hija għandha tadotta deċiżjoni li tikkonferma, temenda jew tħassar id-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika u taġġorna kontinwament il-lista tal-gwardjani u l-lista tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma li għalihom jeħtieġ jikkonformaw mal-obbligi stipulati fil-Kapitolu III.

KAPITOLU III

PRATTIKI TA’ GWARDJANI LI JILLIMITAW IL-KONTESTABBILTÀ JEW LI HUMA INĠUSTI

Artikolu 25

Impenji

1.   Jekk, waqt proċedimenti skont l-Artikolu 18, il-gwardjan ikkonċernat joffri impenji għas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma rilevanti biex jiżgura konformità mal-obbligi stipulati fl-Artikoli 5, 6 u 7, il-Kummissjoni tista’ tadotta att ta’ implimentazzjoni li jagħmel dawk l-impenji vinkolanti għal dak il-gwardjan u tiddikjara li ma hemmx raġunijiet oħra għal azzjoni. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 50(2).

2.   Il-Kummissjoni tista’, meta tintalab jew b’inizjattiva tagħha stess, tiftaħ mill-ġdid il-proċedimenti rilevanti b’deċiżjoni, meta:

(a)

tkun saret bidla materjali f’xi wieħed mill-fatti li fuqhom tkun issejset id-deċiżjoni;

(b)

il-gwardjan kkonċernat jaġixxi kontra l-impenji tiegħu;

(c)

id-deċiżjoni kienet issejset fuq informazzjoni mhux kompluta, skorretta jew qarrieqa mogħtija mill-partijiet;

(d)

l-impenji ma jkunux effettivi.

3.   Jekk il-Kummissjoni jidhrilha li l-impenji magħmula mill-gwardjan ikkonċernat ma jistgħux jiżguraw konformità effettiva mal-obbligi stipulati fl-Artikoli 5, 6 u 7, din għandha tispjega r-raġunijiet għalfejn mhix ser tagħmel dawk l-impenji vinkolanti, fid-deċiżjoni li tikkonkludi l-proċedimenti rilevanti.

Artikolu 40

Il-grupp ta’ livell għoli

1.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi grupp ta’ livell għoli għall-Att dwar is-Swieq Diġitali (“il-grupp ta’ livell għoli”).

2.   Il-grupp ta’ livell għoli għandu jkun magħmul mill-korpi u n-networks Ewropej li ġejjin:

(a)

il-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi,

(b)

il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u l-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data,

(c)

in-Network Ewropew għall-Kompetizzjoni,

(d)

in-Network ta’ Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur, u

(e)

il-Grupp Regolatorju Ewropew ta’ Regolaturi tal-Media Awdjoviżiva.

3.   Il-korpi u n-networks Ewropej imsemmija fil-paragrafu 2 għandu jkollhom għadd ugwali ta’ rappreżentanti fil-grupp ta’ livell għoli. L-għadd massimu ta’ membri tal-grupp ta’ livell għoli ma għandux jaqbeż 30.

4.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi servizzi ta’ segretarjat lill-grupp ta’ livell għoli sabiex tiffaċilita l-ħidma tiegħu. Il-grupp ta’ livell għoli għandu jkun ippresedut mill-Kummissjoni, li għandha tipparteċipa fil-laqgħat tiegħu. Il-grupp ta’ livell għoli għandu jiltaqa’ fuq talba tal-Kummissjoni mill-inqas darba kull sena kalendarja. Il-Kummissjoni għandha ssejjaħ ukoll laqgħa tal-grupp meta tintalab tagħmel dan mill-maġġoranza tal-membri li jiffurmaw il-grupp sabiex tiġi indirizzata kwistjoni speċifika.

5.   Il-grupp ta’ livell għoli jista’ jipprovdi lill-Kummissjoni b’pariri u għarfien espert fl-oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenzi tal-membri tiegħu, inkluż:

(a)

pariri u rakkomandazzjonijiet li jaqgħu taħt l-għarfien espert tagħhom rilevanti għal kwalunkwe kwistjoni ġenerali ta’ implimentazzjoni jew ta’ infurzar ta’ dan ir-Regolament; jew

(b)

pariri u għarfien espert li jippromwovu approċċ regolatorju konsistenti fi strumenti regolatorji differenti.

6.   Il-grupp ta’ livell għoli jista’, b’mod partikolari, jidentifika u jivvaluta l-interazzjonijiet attwali u potenzjali bejn dan ir-Regolament u r-regoli speċifiċi għas-setturi applikati mill-awtoritajiet nazzjonali li jiffurmaw il-korpi u n-networks Ewropej imsemmija fil-paragrafu 2 u jippreżenta rapport annwali lill-Kummissjoni li jippreżenta tali valutazzjoni u jidentifika kwistjonijiet transregolatorji potenzjali. Tali rapport jista’ jkun akkumpanjat minn rakkomandazzjonijiet li għandhom l-għan li jikkonverġu lejn approċċi transdixxiplinari konsistenti u sinerġiji bejn l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u regolamenti settorjali oħra. Ir-rapport għandu jiġi komunikat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

7.   Fil-kuntest tal-investigazzjonijiet tas-suq f’servizzi ġodda u prattiki ġodda, il-grupp ta’ livell għoli jista’ jipprovdi għarfien espert lill-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li jiġu emendati, miżjuda jew imneħħija regoli f’dan ir-Regolament, biex jiġi żgurat li s-swieq diġitali madwar l-Unjoni jkunu kontestabbli u ġusti.

Artikolu 53

Rieżami

1.   Sat-3 ta' Mejju 2026, u sussegwentement kull tliet snin, il-Kummissjoni għandha tevalwa dan ir-Regolament u tirrapporta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.

2.   L-evalwazzjonijiet għandhom jivvalutaw jekk intlaħqux l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament li jiżgura swieq kontestabbli u ġusti u jivvalutaw l-impatt ta’ dan ir-Regolament fuq l-utenti kummerċjali, speċjalment l-SMEs, u l-utenti finali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tevalwa jekk il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7 jistax jiġi estiż għas-servizzi ta’ networking soċjali online.

3.   L-evalwazzjonijiet għandhom jistabbilixxu jekk jeħtieġx jiġu modifikati r-regoli, inkluż rigward il-lista tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma stipulata fl-Artikolu 2, punt (2), l-obbligi stipulati fl-Artikoli 5, 6 u 7 u l-infurzar tagħhom, biex jiġi żgurat li s-swieq diġitali madwar l-Unjoni jkunu kontestabbli u ġusti. Wara l-evalwazzjonijiet, il-Kummissjoni għandha tieħu miżuri xierqa li jistgħu jinkludu proposti leġiżlattivi.

4.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jipprovdu kull informazzjoni rilevanti li jkollhom li tintalab mill-Kummissjoni bl-iskop li jitħejja r-rapport imsemmi fil-paragrafu 1.


whereas









keyboard_arrow_down