search


keyboard_tab Digital Market Act 2022/1925 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2022/1925 MT cercato: 'tiddikjara' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index tiddikjara:


whereas tiddikjara:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 418

 

Artikolu 17

Investigazzjoni tas-suq għad-deżinjazzjoni tal-gwardjani

1.   Il-Kummissjoni tista’ twettaq investigazzjoni tas-suq biex teżamina jekk impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma għandhiex tiġi ddeżinjata bħala gwardjan skont l-Artikolu 3(8), jew sabiex tidentifika s-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma li għandhom jiġu elenkati fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni skont l-Artikolu 3(9). Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-investigazzjoni tas-suq tagħha fi żmien 12-il xahar mid-data msemmija fl-Artikolu 16(3), punt (a). Sabiex tikkonkludi l-investigazzjoni tas-suq tagħha, il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi d-deċiżjoni tagħha. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 50(2).

2.   Waqt investigazzjoni tas-suq skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkomunika s-sejbiet preliminari tagħha lill-impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma kkonċernata fi żmien sitt xhur mid-data msemmija fl-Artikolu 16(3), punt (a). Fis-sejbiet preliminari, il-Kummissjoni għandha tispjega jekk tqisx, fuq bażi proviżorja, li jkun xieraq li dik l-impriża tiġi ddeżinjata bħala gwardjan skont l-Artikolu 3(8), u li s-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma rilevanti jiġu elenkati skont l-Artikolu 3(9).

3.   Meta l-impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tissodisfa l-limiti stabbiliti fl-Artikolu 3(2), iżda tkun ippreżentat argumenti sostanzjati biżżejjed skont l-Artikolu 3(5) li b’mod ċar ikunu qajmu dubji dwar il-preżunzjoni fl-Artikolu 3(2), il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-investigazzjoni tas-suq fi żmien ħames xhur mid-data msemmija fl-Artikolu 16(3), punt (a).

F’każ bħal dan, il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkomunika s-sejbiet preliminari tagħha skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu lill-impriża kkonċernata fi żmien tliet xhur mid-data msemmija fl-Artikolu 16(3), punt (a).

4.   Meta l-Kummissjoni, skont l-Artikolu 3(8), tiddeżinja bħala gwardjan impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma li tkun għadha ma tgawdix pożizzjoni stabbilita u dejjiema fl-operazzjonijiet tagħha, iżda li prevedibbilment ser tgawdi minn pożizzjoni bħal din fil-futur qrib, tista’ tiddikjara applikabbli għal dak il-gwardjan wieħed jew aktar mill-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 5(3) sa (6) u l-Artikolu 6(4), (7), (9), (10) u (13), kif speċifikat fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tiddikjara applikabbli biss dawk l-obbligi li huma xierqa u meħtieġa biex jiġi evitat li l-gwardjan ikkonċernat jikseb pożizzjoni stabbilita u dejjiema fl-operazzjonijiet tiegħu, b’mezzi inġusti. Il-Kummissjoni għandha tirrieżamina din id-deżinjazzjoni f’konformità mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 4.

Artikolu 21

Talbiet għall-informazzjoni

1.   Sabiex twettaq il-kompiti tagħha skont dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ talba sempliċi jew deċiżjoni, titlob li impriżi u assoċjazzjonijiet ta’ impriżi jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa. Il-Kummissjoni tista’ wkoll, b’talba sempliċi jew b’deċiżjoni, titlob aċċess għal kwalunkwe data u algoritmi ta’ impriżi u informazzjoni dwar l-ittestjar, kif ukoll titlob spjegazzjonijiet dwarhom.

2.   Meta tibgħat talba sempliċi għal informazzjoni lil impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi, il-Kummissjoni għandha tiddikjara l-bażi legali u l-iskop tat-talba, tispeċifika liema informazzjoni hi meħtieġa u tiffissa l-limitu ta’ żmien sa meta għandha tingħata l-informazzjoni, kif ukoll il-multi previsti fl-Artikolu 30 applikabbli għall-għoti ta’ informazzjoni jew spjegazzjonijiet mhux kompluti, skorretti jew qarrieqa.

3.   Meta l-Kummissjoni titlob l-informazzjoni mingħand impriżi u assoċjazzjonijiet tal-impriżi permezz ta’ deċiżjoni, din għandha tiddikjara l-bażi legali u l-iskop tat-talba, tispeċifika liema informazzjoni hi meħtieġa u tiffissa l-limitu ta’ żmien sa meta għandha tingħata l-informazzjoni. Meta l-Kummissjoni titlob li l-impriżi jipprovdu aċċess għal kwalunkwe data, algoritmi u informazzjoni dwar l-ittestjar, din għandha tiddikjara l-iskop tat-talba u tiffissa l-limitu ta’ żmien sa meta għandu jingħata. Għandha tindika wkoll il-multi previsti fl-Artikolu 30, u tindika jew timponi l-pagamenti perjodiċi ta’ penali previsti fl-Artikolu 31. Għandha tindika wkoll id-dritt li d-deċiżjoni tiġi rieżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja.

4.   L-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom jagħtu l-informazzjoni mitluba f’isem l-impriża jew l-assoċjazzjoni ta’ impriżi kkonċernata. L-avukati awtorizzati debitament biex jaġixxu jistgħu jipprovdu l-informazzjoni f’isem il-klijenti tagħhom. Dawn tal-aħħar għandhom jibqgħu responsabbli għalkollox jekk l-informazzjoni mogħtija tkun mhux kompluta, skorretta jew qarrieqa.

5.   Meta jintalbu mill-Kummissjoni, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jagħtu l-informazzjoni kollha meħtieġa fil-pussess tagħhom lill-Kummissjoni biex twettaq il-kompiti assenjati lilha minn dan ir-Regolament.

Artikolu 25

Impenji

1.   Jekk, waqt proċedimenti skont l-Artikolu 18, il-gwardjan ikkonċernat joffri impenji għas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma rilevanti biex jiżgura konformità mal-obbligi stipulati fl-Artikoli 5, 6 u 7, il-Kummissjoni tista’ tadotta att ta’ implimentazzjoni li jagħmel dawk l-impenji vinkolanti għal dak il-gwardjan u tiddikjara li ma hemmx raġunijiet oħra għal azzjoni. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 50(2).

2.   Il-Kummissjoni tista’, meta tintalab jew b’inizjattiva tagħha stess, tiftaħ mill-ġdid il-proċedimenti rilevanti b’deċiżjoni, meta:

(a)

tkun saret bidla materjali f’xi wieħed mill-fatti li fuqhom tkun issejset id-deċiżjoni;

(b)

il-gwardjan kkonċernat jaġixxi kontra l-impenji tiegħu;

(c)

id-deċiżjoni kienet issejset fuq informazzjoni mhux kompluta, skorretta jew qarrieqa mogħtija mill-partijiet;

(d)

l-impenji ma jkunux effettivi.

3.   Jekk il-Kummissjoni jidhrilha li l-impenji magħmula mill-gwardjan ikkonċernat ma jistgħux jiżguraw konformità effettiva mal-obbligi stipulati fl-Artikoli 5, 6 u 7, din għandha tispjega r-raġunijiet għalfejn mhix ser tagħmel dawk l-impenji vinkolanti, fid-deċiżjoni li tikkonkludi l-proċedimenti rilevanti.

Artikolu 38

Kooperazzjoni u koordinazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali li jinfurzaw ir-regoli dwar il-kompetizzjoni

1.   Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tal-Istati Membri li jinfurzaw ir-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6) għandhom jikkooperaw bejniethom u jinfurmaw lil xulxin dwar l-azzjonijiet ta’ infurzar rispettivi tagħhom permezz tan-Network Ewropew għall-Kompetizzjoni (NEK). Huma għandu jkollhom is-setgħa li jipprovdu lil xulxin kwalunkwe informazzjoni dwar kwistjoni ta’ fatt jew ta’ dritt, inkluż informazzjoni kunfidenzjali. Fejn l-awtorità kompetenti ma tkunx membru tan-NEK, il-Kummissjoni għandha tagħmel l-arranġamenti meħtieġa għall-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni dwar każijiet li jikkonċernaw l-infurzar ta’ dan ir-Regolament u l-infurzar tal-każijiet imsemmija fl-Artikolu 1(6) ta’ tali awtoritajiet. Il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi tali arranġamenti f’att ta’ implimentazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 46(1), punt (l).

2.   Fejn awtorità kompetenti nazzjonali tal-Istati Membri li tinforza r-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6) tkun biħsiebha tniedi investigazzjoni dwar gwardjani abbażi ta’ liġijiet nazzjonali msemmija fl-Artikolu 1(6), hija għandha tinforma lill-Kummissjoni bil-miktub dwar l-ewwel miżura investigattiva formali, qabel jew immedjatament wara l-bidu ta’ tali miżura. Din l-informazzjoni tista’ titqiegħed ukoll għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali li jinfurzaw ir-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6) tal-Istati Membri l-oħra.

3.   Fejn awtorità nazzjonali nazzjonali tal-Istati Membri li tinforza r-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6) tkun biħsiebha timponi obbligi fuq gwardjani abbażi ta’ liġijiet nazzjonali msemmija fl-Artikolu 1(6), hija għandha, sa mhux aktar tard minn 30 jum qabel l-adozzjoni tiegħu, tikkomunika l-abbozz tal-miżura lill-Kummissjoni billi tiddikjara r-raġunijiet għall-miżura. Fil-każ ta’ miżuri interim, l-awtorità kompetenti nazzjonali tal-Istati Membri li jinfurzaw ir-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6) għandha tikkomunika lill-Kummissjoni l-abbozz tal-miżuri previsti malajr kemm jista’ jkun, u mhux aktar tard minn immedjatament wara l-adozzjoni ta’ tali miżuri. Din l-informazzjoni tista’ titqiegħed ukoll għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali li jinfurzaw ir-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6) tal-Istati Membri l-oħra.

4.   Il-mekkaniżmi ta’ informazzjoni previsti fil-paragrafi 2 u 3 ma għandhomx japplikaw għal deċiżjonijiet previsti skont ir-regoli nazzjonali dwar il-fużjonijiet.

5.   L-informazzjoni skambjata skont il-paragrafi 1 sa 3 ta’ dan l-Artikolu għandha tiġi skambjata u użata biss għall-fini ta’ koordinazzjoni tal-infurzar ta’ dan ir-Regolament u r-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6).

6.   Il-Kummissjoni tista’ titlob lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tal-Istati Membri li jinfurzaw ir-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6) biex jappoġġaw kwalunkwe investigazzjoni tas-suq tagħha skont dan ir-Regolament.

7.   Fejn ikollha l-kompetenza u s-setgħat investigattivi biex tagħmel dan skont il-liġi nazzjonali, awtorità kompetenti nazzjonali tal-Istati Membri li tinforza r-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6) tista’ fuq inizjattiva tagħha stess twettaq investigazzjoni dwar każ ta’ nonkonformità possibbli mal-Artikoli 5, 6 u 7 ta’ dan ir-Regolament fit-territorju tagħha. Qabel ma tieħu l-ewwel miżura investigattiva formali, dik l-awtorità għandha tinforma lill-Kummissjoni bil-miktub.

Il-ftuħ ta' proċedimenti mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 20 għandu jeħles lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tal-Istati Membri li jinfurzaw ir-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6) mill-possibbiltà li jwettqu tali investigazzjoni jew għandu jtemm l-investigazzjoni fejn din tkun diġà għaddejja. Dawk l-awtoritajiet għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni dwar is-sejbiet ta’ tali investigazzjoni sabiex jappoġġaw lill-Kummissjoni fir-rwol tagħha bħala infurzatur uniku ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 44

Pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet

1.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika d-deċiżjonijiet li tieħu skont l-Artikoli 3 u 4, l-Artikolu 8(2), l-Artikoli 9, 10, 16 sa 20 u 24, l-Artikolu 25(1), l-Artikoli 29, 30 u 31. Din il-pubblikazzjoni għandha tiddikjara l-ismijiet tal-partijiet u l-kontenut ewlieni tad-deċiżjoni, inkluż kull penali impost.

2.   Il-pubblikazzjoni għandha tqis l-interess leġittimu tal-gwardjani jew ta’ partijiet terzi fil-protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali tagħhom.


whereas









keyboard_arrow_down