search


keyboard_tab Digital Market Act 2022/1925 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2022/1925 MT cercato: 'teżamina' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index teżamina:


whereas teżamina:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 558

 

Artikolu 4

Rieżami tal-istatus tal-gwardjan

1.   Meta tintalab, jew b’inizjattiva tagħha stess, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra mill-ġdid, temenda jew tħassar fi kwalunkwe mument deċiżjoni tad-deżinjazzjoni adottata skont l-Artikolu 3 għal waħda mir-raġunijiet li ġejjin:

(a)

tkun saret bidla sostanzjali fi kwalunkwe wieħed mill-fatti li fuqhom issejset id-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni;

(b)

id-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni tkun issejset fuq informazzjoni mhux kompluta, skorretta jew qarrieqa.

2.   Il-Kummissjoni għandha tirrieżamina regolarment, u mill-inqas kull 3 snin, jekk il-gwardjani għadhomx jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 3(1). Dak ir-rieżami għandu jeżamina wkoll jekk il-lista ta’ servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tal-gwardjan li huma individwalment gateway importanti għall-utenti kummerċjali biex jilħqu lill-utenti finali, kif imsemmi fl-Artikolu 3(1), punt (b), teħtieġx li tiġi emendata. Dawk ir-rieżamijiet ma għandu jkollhom l-ebda effett ta’ sospensjoni fuq l-obbligi tal-gwardjan.

Il-Kummissjoni għandha teżamina wkoll mill-inqas kull sena jekk impriżi ġodda li jipprovdu servizzi ewlenin ta’ pjattaforma jissodisfawx dawk ir-rekwiżiti.

Meta l-Kummissjoni, abbażi tar-rieżamijiet skont l-ewwel subparagrafu, issib li nbidlu l-fatti li fuqhom issejset id-deżinjazzjoni tal-impriżi li jipprovdu servizzi ewlenin ta’ pjattaforma bħala gwardjani, hija għandha tadotta deċiżjoni li tikkonferma, temenda jew tħassar id-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika u taġġorna kontinwament il-lista tal-gwardjani u l-lista tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma li għalihom jeħtieġ jikkonformaw mal-obbligi stipulati fil-Kapitolu III.

KAPITOLU III

PRATTIKI TA’ GWARDJANI LI JILLIMITAW IL-KONTESTABBILTÀ JEW LI HUMA INĠUSTI

Artikolu 14

Obbligu tal-għoti ta’ informazzjoni dwar il-konċentrazzjonijiet

1.   Gwardjan għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar kull konċentrazzjoni maħsuba skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 139/2004, meta l-entitajiet li jkunu qed jiġu fużi jew il-mira ta’ konċentrazzjoni jipprovdu servizzi ewlenin ta’ pjattaforma jew xi servizz ieħor fis-settur diġitali jew jippermettu l-ġbir ta’ data, irrispettivament minn jekk tkunx notifikabbli lill-Kummissjoni skont dak ir-Regolament jew lil awtorità kompetenti nazzjonali tal-kompetizzjoni skont ir-regoli nazzjonali dwar il-fużjonijiet.

Gwardjan għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar din il-konċentrazzjoni qabel l-implimentazzjoni tagħha u wara l-konklużjoni tal-ftehim, it-tħabbira tal-offerta pubblika, jew l-akkwiżizzjoni ta’ interess kontrollanti.

2.   L-informazzjoni pprovduta mill-gwardjan skont il-paragrafu 1 għandha mill-inqas tiddeskrivi l-impriżi milquta mill-konċentrazzjoni, il-fatturati annwali tagħhom fl-Unjoni u madwar id-dinja, l-oqsma ta’ attività tagħhom, inkluż l-attivitajiet relatati direttament mal-konċentrazzjoni u l-valur tat-tranżazzjoni tal-ftehim jew stima tagħha flimkien ma’ sommarju tal-konċentrazzjoni, inkluż in-natura tagħha u r-raġuni għaliha u lista tal-Istati Membri kkonċernati mill-konċentrazzjoni.

L-informazzjoni pprovduta mill-gwardjan għandha tiddeskrivi wkoll, għal kwalunkwe servizz ewlieni ta’ pjattaforma rilevanti, il-fatturati annwali tagħhom fl-Unjoni, l-għadd tagħhom ta’ utenti kummerċjali attivi annwali u l-għadd tagħhom ta’ utenti finali attivi ta’ kull xahar, rispettivament.

3.   Jekk, wara kwalunkwe konċentrazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, servizzi ewlenin addizzjonali ta’ pjattaforma jilħqu individwalment il-limiti fl-Artikolu 3(2), punt (b), il-gwardjan ikkonċernat għandu jinforma lill-Kummissjoni b’dan fi żmien xahrejn mill-implimentazzjoni tal-konċentrazzjoni u jipprovdi l-informazzjoni lill-Kummissjoni msemmija fl-Artikolu 3(2).

4.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri bi kwalunkwe informazzjoni li tirċievi skont il-paragrafu 1 u tippubblika kull sena l-lista tal-akkwiżizzjonijiet li dwarhom tkun ġiet infurmata mill-gwardjani skont dak il-paragrafu.

Il-Kummissjoni għandha tqis l-interess leġittimu tal-impriżi li s-sigrieti kummerċjali tagħhom ikunu protetti.

5.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jużaw l-informazzjoni li jirċievu skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu biex jitolbu lill-Kummissjoni teżamina l-konċentrazzjoni skont l-Artikolu 22 tar-Regolament (KE) Nru 139/2004.

Artikolu 17

Investigazzjoni tas-suq għad-deżinjazzjoni tal-gwardjani

1.   Il-Kummissjoni tista’ twettaq investigazzjoni tas-suq biex teżamina jekk impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma għandhiex tiġi ddeżinjata bħala gwardjan skont l-Artikolu 3(8), jew sabiex tidentifika s-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma li għandhom jiġu elenkati fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni skont l-Artikolu 3(9). Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-investigazzjoni tas-suq tagħha fi żmien 12-il xahar mid-data msemmija fl-Artikolu 16(3), punt (a). Sabiex tikkonkludi l-investigazzjoni tas-suq tagħha, il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi d-deċiżjoni tagħha. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 50(2).

2.   Waqt investigazzjoni tas-suq skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkomunika s-sejbiet preliminari tagħha lill-impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma kkonċernata fi żmien sitt xhur mid-data msemmija fl-Artikolu 16(3), punt (a). Fis-sejbiet preliminari, il-Kummissjoni għandha tispjega jekk tqisx, fuq bażi proviżorja, li jkun xieraq li dik l-impriża tiġi ddeżinjata bħala gwardjan skont l-Artikolu 3(8), u li s-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma rilevanti jiġu elenkati skont l-Artikolu 3(9).

3.   Meta l-impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tissodisfa l-limiti stabbiliti fl-Artikolu 3(2), iżda tkun ippreżentat argumenti sostanzjati biżżejjed skont l-Artikolu 3(5) li b’mod ċar ikunu qajmu dubji dwar il-preżunzjoni fl-Artikolu 3(2), il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-investigazzjoni tas-suq fi żmien ħames xhur mid-data msemmija fl-Artikolu 16(3), punt (a).

F’każ bħal dan, il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkomunika s-sejbiet preliminari tagħha skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu lill-impriża kkonċernata fi żmien tliet xhur mid-data msemmija fl-Artikolu 16(3), punt (a).

4.   Meta l-Kummissjoni, skont l-Artikolu 3(8), tiddeżinja bħala gwardjan impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma li tkun għadha ma tgawdix pożizzjoni stabbilita u dejjiema fl-operazzjonijiet tagħha, iżda li prevedibbilment ser tgawdi minn pożizzjoni bħal din fil-futur qrib, tista’ tiddikjara applikabbli għal dak il-gwardjan wieħed jew aktar mill-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 5(3) sa (6) u l-Artikolu 6(4), (7), (9), (10) u (13), kif speċifikat fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tiddikjara applikabbli biss dawk l-obbligi li huma xierqa u meħtieġa biex jiġi evitat li l-gwardjan ikkonċernat jikseb pożizzjoni stabbilita u dejjiema fl-operazzjonijiet tiegħu, b’mezzi inġusti. Il-Kummissjoni għandha tirrieżamina din id-deżinjazzjoni f’konformità mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 4.

Artikolu 18

Investigazzjoni tas-suq dwar nonkonformità sistematika

1.   Il-Kummissjoni tista’ twettaq investigazzjoni tas-suq bil-għan li teżamina jekk gwardjan kienx involut f’nonkonformità sistematika. Il-Kummissjoni għandha tikkonkludi dik l-investigazzjoni tas-suq fi żmien 12-il xahar mid-data msemmija fl-Artikolu 16(3), punt (a). Meta l-investigazzjoni tas-suq turi li gwardjan ikun kiser b’mod sistematiku wieħed jew aktar mill-obbligi stipulati fl-Artikoli 5, 6 jew 7 u jkun żamm, saħħaħ jew estenda l-pożizzjoni ta’ gwardjan tiegħu fir-rigward tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 3(1), il-Kummissjoni tista’ tadotta att ta’ implimentazzjoni li jimponi fuq dan il-gwardjan kwalunkwe rimedju komportamentali jew strutturali li jkun proporzjonat u meħtieġ biex tiġi żgurata konformità effettiva ma’ dan ir-Regolament. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 50(2).

2.   Ir-rimedju impost f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jista’ jinkludi, sa fejn tali rimedju jkun proporzjonat u meħtieġ sabiex jinżammu jew jiġu restawrati l-korrettezza u l-kontestabbiltà kif affettwati min-nonkonformità sistematika, il-projbizzjoni, matul perjodu limitat, għall-gwardjan milli jidħol f’konċentrazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 fir-rigward tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma jew is-servizzi l-oħra pprovduti fis-settur diġitali jew li jippermetti l-ġbir ta’ data li hija affettwata min-nonkonformità sistematika.

3.   Gwardjan għandu jitqies li jkun wettaq nonkonformità sistematika mal-obbligi stipulati fl-Artikoli 5, 6 u 7, meta l-Kummissjoni tkun ħarġet mill-inqas tliet deċiżjonijiet ta’ nonkonformità skont l-Artikolu 29 kontra gwardjan b’rabta ma’ xi wieħed mis-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tiegħu fi żmien tmien snin qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-ftuħ ta’ investigazzjoni tas-suq fid-dawl tal-adozzjoni possibbli ta’ deċiżjoni skont dan l-Artikolu.

4.   Il-Kummissjoni għandha tikkomunika s-sejbiet preliminari tagħha lill-gwardjan ikkonċernat fi żmien sitt xhur mid-data msemmija fl-Artikolu 16(3), punt (a). Fis-sejbiet preliminari tagħha, il-Kummissjoni għandha tispjega jekk preliminarjament tqisx li l-kondizzjonijiet tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu huma ssodisfati u liema rimedju/i tqis preliminarjament li huma meħtieġa u proporzjonati.

5.   Sabiex il-partijiet terzi interessati jkunu jistgħu jipprovdu kummenti b’mod effettiv, il-Kummissjoni għandha, fl-istess ħin li tikkomunika s-sejbiet preliminari tagħha lill-gwardjan skont il-paragrafu 4 jew malajr kemm jista’ jkun wara dan, tippubblika sommarju mhux kunfidenzjali tal-każ u r-rimedji li tkun qed tqis li timponi. Il-Kummissjoni għandha tispeċifika perjodu ta’ żmien raġonevoli li fih għandhom jiġu pprovduti tali kummenti.

6.   Meta l-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni li tadotta deċiżjoni skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu billi tagħmel vinkolanti l-impenji offruti mill-gwardjan skont l-Artikolu 25, hija għandha tippubblika sommarju mhux kunfidenzjali tal-każ u l-kontenut ewlieni tal-impenji. Il-partijiet terzi interessati jistgħu jressqu l-kummenti tagħhom f’perjodu ta’ żmien raġonevoli li għandu jiġi stabbilit mill-Kummissjoni.

7.   Matul l-investigazzjoni tas-suq, il-Kummissjoni tista’ testendi t-tul ta’ żmien tal-investigazzjoni meta tali estensjoni tkun iġġustifikata għal raġunijiet oġġettivi u proporzjonati. L-estensjoni tista’ tapplika għall-iskadenza sa meta l-Kummissjoni jkollha tippreżenta s-sejbiet preliminari tagħha, jew għall-iskadenza tal-adozzjoni tad-deċiżjoni finali. It-tul ta’ żmien totali ta’ kwalunkwe estensjoni jew estensjonijiet skont dan il-paragrafu ma għandux jaqbeż is-sitt xhur.

8.   Sabiex jiġi żgurat li l-gwardjan jikkonforma b’mod effettiv mal-obbligi tiegħu stabbiliti fl-Artikoli 5, 6 u 7, il-Kummissjoni għandha regolarment tirrieżamina r-rimedji li timponi f’konformità mal-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu. Il-Kummissjoni għandha tkun intitolata li timmodifika dawk ir-rimedji jekk, wara investigazzjoni ġdida tas-suq, issib li mhumiex effettivi.

Artikolu 19

Investigazzjoni tas-suq dwar servizzi ġodda u prattiki ġodda

1.   Il-Kummissjoni tista’ twettaq investigazzjoni tas-suq bil-għan li teżamina jekk servizz wieħed jew aktar fis-settur diġitali għandhomx jiżdiedu mal-lista tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma stipulati fl-Artikolu 2, punt (2) jew bil-għan li tidentifika prattiki li jillimitaw il-kontestabbiltà tas-servizzi ewlenin tal-pjattaforma jew li jkunu inġusti, u li ma jkunux indirizzati b’mod effettiv minn dan ir-Regolament. Fil-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha tqis kwalunkwe sejba rilevanti ta’ proċedimenti skont l-Artikoli 101 u 102 TFUE dwar is-swieq diġitali kif ukoll kwalunkwe żvilupp rilevanti ieħor.

2.   Il-Kummissjoni tista’, meta twettaq investigazzjoni tas-suq skont il-paragrafu 1, tikkonsulta lil partijiet terzi, inkluż l-utenti kummerċjali u l-utenti finali tas-servizzi fis-settur diġitali li jkunu qed jiġu investigati u lill-utenti kummerċjali u lill-utenti finali li jkunu soġġetti għal prattiki li jkunu qed jiġu investigati.

3.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika s-sejbiet tagħha f’rapport fi żmien 18-il xahar mid-data msemmija fl-Artikolu 16(3), punt (a).

Dak ir-rapport għandu jiġi ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u, fejn xieraq, għandu jkun akkumpanjat minn:

(a)

proposta leġiżlattiva biex jiġi emendat dan ir-Regolament ħalli jiġu inklużi servizzi addizzjonali fis-settur diġitali fil-lista tas-servizzi ewlenin tal-pjattaforma stipulata fl-Artikolu 2, punt (2), jew biex jiġu inklużi obbligi ġodda fil-Kapitolu III; jew

(b)

abbozz ta’ att delegat li jissupplimenta dan ir-Regolament fir-rigward tal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 5 u 6, jew abbozz ta’ att delegat li jemenda jew jissupplimenta dan ir-Regolament fir-rigward tal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 7, kif previst fl-Artikolu 12.

Fejn xieraq, il-proposta leġiżlattiva biex jiġi emendat dan ir-Regolament skont il-punt (a) tat-tieni subparagrafu tista’ wkoll tipproponi li jitneħħew is-servizzi eżistenti mil-lista tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma stipulata fl-Artikolu 2, punt (2), jew biex jitneħħew obbligi eżistenti mill-Artikolu 5, 6 jew 7.

KAPITOLI V

SETGĦAT INVESTIGATTIVI, TA’ INFURZAR U TA’ MONITORAĠĠ

Artikolu 41

Talba għal investigazzjoni tas-suq

1.   Tliet Stati Membri jew aktar jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni biex tiftaħ investigazzjoni tas-suq skont l-Artikolu 17 għaliex huma jqisu li hemm raġunijiet raġonevoli biex jissuspettaw li impriża għandha tiġi deżinjata bħala gwardjan.

2.   Stat Membru wieħed jew aktar jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni tiftaħ investigazzjoni tas-suq skont l-Artikolu 18 għax iqisu li hemm raġunijiet raġonevoli biex jissuspettaw li gwardjan ikun kiser b’mod sistematiku wieħed jew aktar mill-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 5, 6 u 7 u jkun żamm, saħħaħ jew estenda l-pożizzjoni ta’ gwardjan tiegħu fir-rigward tar-rekwiżiti skont l-Artikolu 3(1).

3.   Tliet Stati Membri jew aktar jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni tiftaħ investigazzjoni tas-suq skont l-Artikolu 19 għaliex huma jqisu li hemm raġunijiet raġonevoli biex jissuspettaw li:

(a)

servizz wieħed jew aktar fis-settur diġitali jenħtieġ li jiżdiedu mal-lista ta’ servizzi ewlenin ta’ pjattaforma stabbilita fl-Artikolu 2, punt (2), jew

(b)

prattika waħda jew aktar mhumiex indirizzati b’mod effettiv minn dan ir-Regolament u jistgħu jillimitaw il-kontestabbiltà tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma jew ikunu inġusti.

4.   L-Istati Membri għandhom jippreżentaw evidenza li ssostni t-talbiet tagħhom skont il-paragrafi 1, 2 u 3. Għal talbiet skont il-paragrafu 3, tali evidenza tista’ tinkludi informazzjoni dwar offerti ġodda ta’ prodotti, servizzi, software jew karatteristiċi li jqajmu tħassib dwar kontestabbiltà jew korrettezza, kemm jekk implimentati fil-kuntest ta’ servizzi ewlenin ta’ pjattaforma eżistenti jew mod ieħor.

5.   Fi żmien erba’ xhur minn meta tirċievi talba skont dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha teżamina jekk hemmx raġunijiet raġonevoli biex tiftaħ investigazzjoni tas-suq skont il-paragrafu 1, 2 jew 3. Il-Kummissjoni għandha tippubblika r-riżultati tal-valutazzjoni tagħha.


whereas









keyboard_arrow_down