search


keyboard_tab Digital Market Act 2022/1925 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2022/1925 MT cercato: 'fl-unjoni' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index fl-unjoni:

    KAPITOLU I
    SUĠĠETT, KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

    KAPITOLU II
    GWARDJANI

    KAPITOLU III
    PRATTIKI TA’ GWARDJANI LI JILLIMITAW IL-KONTESTABBILTÀ JEW LI HUMA INĠUSTI

    KAPITOLU IV
    INVESTIGAZZJONI TAS-SUQ

    KAPITOLI V
    SETGĦAT INVESTIGATTIVI, TA’ INFURZAR U TA’ MONITORAĠĠ

    KAPITOLU VI
    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI


whereas fl-unjoni:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 786

 

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jikontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern billi jistabbilixxi regoli armonizzati li jiżguraw swieq kontestabbli u ġusti għan-negozji kollha fis-settur diġitali madwar l-Unjoni fejn ikunu preżenti gwardjani, għall-benefiċċju tal-utenti kummerċjali u tal-utenti finali.

2.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal servizzi ewlenin ta’ pjattaforma pprovduti jew offruti minn gwardjani lil utenti kummerċjali stabbiliti fl-unjoni jew lil utenti finali stabbiliti jew li jinsabu fl-unjoni, irrispettivament mill-post ta’ stabbiliment jew ta’ residenza tal-gwardjani u irrispettivament mil-liġi applikabbli mod ieħor għall-forniment ta’ servizz.

3.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal swieq relatati ma’:

(a)

networks tal-komunikazzjoni elettronika kif definit fl-Artikolu 2, punt (1) tad-Direttiva (UE) 2018/1972;

(b)

servizzi tal-komunikazzjoni elettronika kif definit fl-Artikolu 2, punt (4) tad-Direttiva (UE) 2018/1972, għajr dawk relatati ma’ servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri.

4.   Fir-rigward ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali kif definit fl-Artikolu 2, punt (5) tad-Direttiva (UE) 2018/1972, dan ir-Regolament hu mingħajr preġudizzju għas-setgħat u r-responsabbiltajiet mogħtija lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u lil awtoritajiet kompetenti oħra permezz tal-Artikolu 61 ta’ dik id-Direttiva.

5.   Sabiex tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq intern, l-Istati Membri ma għandhomx jimponu obbligi ulterjuri fuq il-gwardjani permezz ta’ liġijiet, regolamenti jew miżuri amministrattivi bil-għan li jiżguraw swieq kontestabbli u ġusti. Xejn f’dan ir-Regolament ma jipprekludi lill-Istati Membri milli jimponu obbligi fuq l-impriżi, inkluż impriżi li jipprovdu servizzi ewlenin ta’ pjattaforma, għal kwistjonijiet li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, dment li dawk l-obbligi jkunu kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni u ma jirriżultawx mill-fatt li l-impriżi rilevanti jkollhom l-istatus ta’ gwardjan skont it-tifsira ta’ dan ir-Regolament..

6.   Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE. Huwa wkoll mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’:

(a)

regoli nazzjonali tal-kompetizzjoni li jipprojbixxu ftehimiet li jkunu antikompetittivi, deċiżjonijiet minn assoċjazzjonijiet ta’ impriżi, prattiki miftiehma u abbużi ta’ pożizzjonijiet dominanti;

(b)

regoli nazzjonali tal-kompetizzjoni li jipprojbixxu forom oħra ta’ mġiba unilaterali dment li dawn jiġu applikati għall-impriżi li mhumiex gwardjani jew jammontaw għall-impożizzjoni ta’ aktar obbligi fuq il-gwardjani; u

(c)

ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (23) u r-regoli nazzjonali dwar il-kontroll tal-amalgamazzjonijiet.

7.   L-awtoritajiet nazzjonali ma għandhomx jieħdu deċiżjonijiet li jmorru kontra deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni skont dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jaħdmu f’kooperazzjoni mill-qrib u jikkoordinaw l-azzjonijiet ta’ infurzar tagħhom abbażi tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 37 u 38.

Artikolu 3

Deżinjazzjoni tal-gwardjani

1.   Impriża għandha tiġi deżinjata bħala gwardjan jekk:

(a)

ikollha impatt sinifikanti fuq is-suq intern;

(b)

tipprovdi servizz ewlieni ta’ pjattaforma li jkun gateway importanti għall-utenti kummerċjali biex jilħqu lil utenti finali; u

(c)

tgawdi minn pożizzjoni stabbilita u dejjiema, fl-operazzjonijiet tagħha, jew ikun prevedibbli li fil-futur qrib ser tgawdi tali pożizzjoni.

2.   Impriża għandha titqies li tissodisfa r-rekwiżiti rispettivi fil-paragrafu 1:

(a)

fir-rigward tal-paragrafu 1, punt (a), meta tikseb fatturat annwali fl-unjoni ta’ EUR 7,5 biljun jew aktar f’kull waħda mill-aħħar tliet snin finanzjarji, jew meta l-kapitalizzazzjoni medja tas-suq tagħha jew il-valur ġust ekwivalenti tas-suq tagħha jammontaw għal mill-inqas EUR 75 biljun fl-aħħar sena finanzjarja, u tkun tipprovdi l-istess servizz ewlieni ta’ pjattaforma f’mill-inqas tliet Stati Membri;

(b)

fir-rigward tal-paragrafu 1, punt (b), meta tipprovdi servizz ewlieni ta’ pjattaforma li fl-aħħar sena finanzjarja jkollu ta’ mill-inqas 45 miljun utent finali attiv fix-xahar stabbiliti jew li jinsabu fl-unjoni u mill-inqas 10 000 utent kummerċjali attiv fis-sena stabbiliti fl-unjoni, identifikati u kkalkulati skont il-metodoloġija u l-indikaturi stabbiliti fl-Anness;

(c)

fir-rigward tal-paragrafu 1, punt (c), fejn il-limiti fil-punt (b) ta’ dan il-paragrafu jkunu ntlaħqu f’kull waħda mit-tliet snin finanzjarji tal-aħħar.

3.   Meta impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tilħaq il-limiti kollha fil-paragrafu 2, din għandha tinnotifika lill-Kummissjoni b’dan mingħajr dewmien u, fi kwalunkwe każ, fi żmien xahrejn wara li dawk il-limiti jkunu ntlaħqu u tipprovdilha l-informazzjoni rilevanti identifikata fil-paragrafu 2. Dik in-notifika għandha tinkludi l-informazzjoni rilevanti identifikata fil-paragrafu 2 għal kull servizz ewlieni ta’ pjattaforma tal-impriża li tilħaq il-limiti fil-paragrafu 2, punt (b). Kull meta servizz ewlieni ta’ pjattaforma ieħor ipprovdut mill-impriża li qabel kienet iddeżinjata bħala gwardjan jilħaq il-limiti fil-paragrafu 2, punti (b) u (c), tali impriża għandha tinnotifika lill-Kummissjoni b’dan fi żmien xahrejn wara li jintlaħqu dawk il-limiti.

Meta l-impriża li tipprovdi s-servizz ewlieni ta’ pjattaforma tonqos milli tinnotifika lill-Kummissjoni skont l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu u tonqos milli tipprovdi sal-iskadenza stabbilita mill-Kummissjoni fit-talba għal informazzjoni skont l-Artikolu 21 l-informazzjoni rilevanti kollha li hija meħtieġa biex il-Kummissjoni tiddeżinja l-impriża kkonċernata bħala gwardjan skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni xorta waħda għandha tkun intitolata tiddeżinja lil dik l-impriża bħala gwardjan, abbażi tal-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni.

Meta l-impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tikkonforma mat-talba għal informazzjoni skont it-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu jew meta l-informazzjoni hija pprovduta wara l-iskadenza msemmija f’dak is-subparagrafu, il-Kummissjoni għandha tapplika l-proċedura stabbilita fil-paragrafu 4.

4.   Il-Kummissjoni għandha tiddeżinja bħala gwardjan, mingħajr dewmien żejjed u sa mhux aktar tard minn 45 jum tax-xogħol wara li tirċievi l-informazzjoni kompluta msemmija fil-paragrafu 3, impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma li tilħaq il-limiti kollha tal-paragrafu 2.

5.   L-impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tista’ tippreżenta, bin-notifika tagħha, argumenti sostanzjati biżżejjed biex turi li, eċċezzjonalment, għalkemm tilħaq il-limiti kollha fil-paragrafu 2, minħabba ċ-ċirkostanzi li fihom jopera s-servizz ewlieni ta’ pjattaforma rilevanti, hija ma tissodisfax ir-rekwiżiti elenkati fil-paragrafu 1.

Meta l-Kummissjoni tqis li l-argumenti mressqa skont l-ewwel subparagrafu mill-impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma ma jkunux sostanzjati biżżejjed minħabba li ma jixħtux dubju ċar fuq il-preżunzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, hija tista’ tirrifjuta dawk l-argumenti fil-limitu ta’ żmien imsemmi fil-paragrafu 4, mingħajr ma tapplika l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17(3).

Meta l-impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tippreżenta tali argumenti sostanzjati biżżejjed li b’mod ċar jixħtu dubju fuq il-preżunzjonijiet fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni tista’, minkejja l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, fil-limitu ta’ żmien imsemmi fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, tiftaħ il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17(3).

Jekk il-Kummissjoni tikkonkludi li l-impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma ma setgħetx turi li s-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma rilevanti li tipprovdi ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, hija għandha tiddeżinja lil dik l-impriża bħala gwardjan skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17(3).

6.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 49 biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tispeċifika l-metodoloġija li tiddetermina jekk jintlaħqux il-limiti kwantitattivi stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, u biex taġġusta dik il-metodoloġija regolarment skont żviluppi teknoloġiċi u tas-suq, fejn meħtieġ.

7.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 49 biex temenda dan ir-Regolament billi taġġorna l-metodoloġija u l-lista ta’ indikaturi stabbiliti fl-Anness.

8.   Il-Kummissjoni għandha tiddeżinja bħala gwardjan, f’konformità mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 17, kwalunkwe impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma li tissodisfa kull wieħed mir-rekwiżiti tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, iżda li ma tilħaqx kull wieħed mil-limiti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

Għal dak il-għan, il-Kummissjoni għandha tqis l-elementi kollha li ġejjin jew uħud minnhom, sa fejn huma rilevanti għall-impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma li tkun qed tiġi kkunsidrata:

(a)

id-daqs, inkluż il-fatturat u l-kapitalizzazzjoni tas-suq, l-operazzjonijiet u l-pożizzjoni ta’ dik l-impriża;

(b)

l-għadd ta’ utenti kummerċjali li jużaw is-servizz ewlieni ta’ pjattaforma biex jilħqu l-utenti finali, u l-għadd ta’ utenti finali;

(c)

l-effetti tan-network u vantaġġi xprunati mid-data, b’mod partikolari b’rabta mal-aċċess ta’ dik l-impriża għad-data personali u data mhux personali u l-ġbir tagħha, jew il-kapaċitajiet analitiċi tagħha;

(d)

kwalunkwe skala u effett tal-kamp ta’ applikazzjoni li minnhom tibbenefika l-impriża, inkluż fir-rigward tad-data, u, fejn rilevanti, tal-attivitajiet tagħha barra mill-Unjoni;

(e)

l-intrappolament tal-utent kummerċjali jew tal-utent finali, inkluż l-ispejjeż tal-bdil u l-preġudizzji marbutin mal-imġiba li jnaqqsu l-abbiltà tal-utenti kummerċjali u tal-utenti finali li jibdlu s-servizz jew jużaw multi-homing;

(f)

struttura korporattiva ta’ konglomerat jew integrazzjoni vertikali ta’ dik l-impriża, pereżempju li tippermetti lil dik l-impriża li tissussidja reċiprokament, tikkombina data minn sorsi differenti jew tingrana l-pożizzjoni tagħha; jew

(g)

karatteristiċi strutturali oħra tan-negozju jew tas-servizz.

Fit-twettiq tal-valutazzjoni tagħha skont dan il-paragrafu, il-Kummissjoni għandha tqis l-iżviluppi prevedibbli b’rabta mal-elementi elenkati fit-tieni subparagrafu, inkluż kwalunkwe konċentrazzjoni ppjanata li tinvolvi impriża oħra li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma jew li tipprovdi kwalunkwe servizz ieħor fis-settur diġitali jew li tippermetti l-ġbir ta’ data.

Meta impriża li tipprovdi servizz ewlieni ta’ pjattaforma li ma tilħaqx il-limiti kwantitattivi tal-paragrafu 2 tonqos b’mod sinifikanti milli tikkonforma mal-miżuri investigattivi ordnati mill-Kummissjoni, u dak in-nuqqas jippersisti wara li dik l-impriża tkun ġiet mistiedna tikkonforma f’limitu ta’ żmien raġonevoli u tressaq osservazzjonijiet, il-Kummissjoni tista’ tiddeżinja dik l-impriża bħala gwardjan abbażi tal-fatti disponibbli għall-Kummissjoni.

9.   Għal kull impriża ddeżinjata bħala gwardjan skont il-paragrafu 4 jew 8, il-Kummissjoni għandha telenka fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni s-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma rilevanti li huma pprovduti fi ħdan dik l-impriża u li individwalment huma gateway importanti għall-utenti kummerċjali biex jilħqu lill-utenti finali kif imsemmi fil-paragrafu 1, punt (b).

10.   Il-gwardjan għandu jikkonforma mal-obbligi stipulati fl-Artikoli 5, 6 u 7 fi żmien 6 xhur wara li servizz ewlieni ta’ pjattaforma jkun ġie elenkat fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni skont il-paragrafu 9 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 7

Obbligu għall-gwardjani dwar l-interoperabbiltà tas-servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri

1.   Meta gwardjan jipprovdi servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri li huma elenkati fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni skont l-Artikolu 3(9), dan għandu jagħmel il-funzjonalitajiet bażiċi tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri tiegħu interoperabbli mas-servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri ta’ fornitur ieħor li joffri jew li biħsiebu joffri dawn is-servizzi fl-unjoni, billi jipprovdi l-interfaċċi tekniċi meħtieġa jew soluzzjonijiet simili li jiffaċilitaw l-interoperabbiltà, fuq talba, u mingħajr ħlas.

2.   Il-gwardjan għandu jagħmel mill-inqas il-funzjonalitajiet bażiċi li ġejjin imsemmija fil-paragrafu 1 interoperabbli meta l-gwardjan innifsu jipprovdi dawk il-funzjonalitajiet lill-utenti finali tiegħu stess:

(a)

wara l-elenkar fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni skont l-Artikolu 3(9):

(i)

messaġġi testwali minn tarf sa tarf bejn żewġ utenti finali individwali;

(ii)

kondiviżjoni ta’ stampi, messaġġi bil-vuċi, vidjos u fajls mehmuża oħra f’komunikazzjoni minn tarf sa tarf bejn żewġ utenti finali individwali.

(b)

fi żmien sentejn mid-deżinjazzjoni:

(i)

messaġġi testwali minn tarf sa tarf fi gruppi ta’ utenti finali individwali;

(ii)

kondiviżjoni ta’ stampi, messaġġi bil-vuċi, vidjos u fajls mehmuża oħra f’komunikazzjoni minn tarf sa tarf bejn chat fi grupp u utent finali individwali;

(c)

fi żmien erba’ snin mid-deżinjazzjoni:

(i)

telefonati bil-vuċi minn tarf sa tarf bejn żewġ utenti finali individwali;

(ii)

telefonati bil-vidjo minn tarf sa tarf bejn żewġ utenti finali individwali;

(iii)

telefonati bil-vuċi minn tarf sa tarf bejn chat fi grupp u utent finali individwali;

(iv)

telefonati bil-vidjo minn tarf sa tarf bejn chat fi grupp u utent finali individwali.

3.   Il-livell ta’ sigurtà, inkluż il-kriptaġġ minn tarf sa tarf, fejn applikabbli, li l-gwardjan jipprovdi lill-utenti finali tiegħu stess għandu jiġi ppreservat fis-servizzi interoperabbli kollha.

4.   Il-gwardjan għandu jippubblika offerta ta’ referenza li tistabbilixxi d-dettalji tekniċi u t-termini u l-kondizzjonijiet ġenerali tal-interoperabbiltà mas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri tiegħu, inkluż id-dettalji meħtieġa dwar il-livell ta’ sigurtà u l-kriptaġġ minn tarf sa tarf. Il-gwardjan għandu jippubblika dik l-offerta ta’ referenza fil-perjodu stabbilit fl-Artikolu 3(10) u jaġġornaha meta jkun meħtieġ.

5.   Wara l-pubblikazzjoni tal-offerta ta’ referenza skont il-paragrafu 4, kwalunkwe fornitur ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri li joffri jew li biħsiebu joffri tali servizzi fl-unjoni jista’ jitlob interoperabbiltà mas-servizzi tal-komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri pprovduti mill-gwardjan. Tali talba tista’ tkopri wħud mill-funzjonalitajiet bażiċi jew il-funzjonalitajiet kollha elenkati fil-paragrafu 2. Il-gwardjan għandu jikkonforma ma’ kwalunkwe talba raġonevoli għal interoperabbiltà fi żmien tliet xhur wara li jirċievi dik it-talba billi jagħmel il-funzjonalitajiet bażiċi mitluba operazzjonali.

6.   Il-Kummissjoni tista’, eċċezzjonalment, fuq talba motivata tal-gwardjan, testendi l-limiti ta’ żmien għall-konformità skont il-paragrafu 2 jew 5 meta l-gwardjan juri li dan huwa meħtieġ biex tiġi żgurata interoperabbiltà effettiva u biex jinżamm il-livell meħtieġ ta’ sigurtà, inkluż kriptaġġ minn tarf sa tarf, fejn applikabbli.

7.   L-utenti finali tas-servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri tal-gwardjan u tal-fornitur rikjedenti ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri għandhom jibqgħu liberi li jiddeċiedu jekk jagħmlux użu mill-funzjonalitajiet bażiċi interoperabbli li jistgħu jiġu pprovduti mill-gwardjan skont il-paragrafu 1.

8.   Il-gwardjan għandu jiġbor u jiskambja mal-fornitur ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri li jagħmel talba għall-interoperabbiltà d-data personali biss tal-utenti finali li tkun strettament meħtieġa biex tiġi pprovduta interoperabbiltà effettiva. Kwalunkwe ġbir ta’ dan it-tip u skambju tad-data personali tal-utenti finali għandhom jikkonformaw bis-sħiħ mar-Regolament (UE) 2016/679 u d-Direttiva 2002/58/KE.

9.   Il-gwardjan ma għandux jitwaqqaf milli jieħu miżuri biex jiżgura li l-fornituri terzi ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri li jitolbu l-interoperabbiltà ma jipperikolawx l-integrità, is-sigurtà u l-privatezza tas-servizzi tiegħu, dment li dawn il-miżuri jkunu strettament meħtieġa u proporzjonati u jkunu debitament ġustifikati mill-gwardjan.

Artikolu 9

Sospensjoni

1.   Meta l-gwardjan juri f’talba motivata li l-konformità ma’ obbligu speċifiku stabbilit fl-Artikolu 5, 6 jew 7 għal servizz ewlieni ta’ pjattaforma elenkat fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni skont l-Artikolu 3(9) tipperikola, minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali lil hinn mill-kontroll tal-gwardjan, il-vijabbiltà ekonomika tal-operazzjoni tiegħu fl-unjoni, il-Kummissjoni tista’ tadotta att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi d-deċiżjoni tagħha li tissospendi b’mod eċċezzjonali, kompletament jew parzjalment, l-obbligu speċifiku msemmi f’dik it-talba motivata (“id-deċiżjoni ta’ sospensjoni”). F’dak l-att ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tissostanzja d-deċiżjoni ta’ sospensjoni tagħha billi tidentifika ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw is-sospensjoni. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jkun limitat sal-punt u l-perjodu ta’ żmien meħtieġa biex tiġi indirizzata theddida bħal din għall-vijabbiltà tal-gwardjan. Il-Kummissjoni għandu jkollha l-għan li tadotta dak l-att ta’ implimentazzjoni mingħajr dewmien u sa mhux aktar tard minn tliet xhur wara li tirċievi talba motivata sħiħa. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 50(2).

2.   Meta tingħata s-sospensjoni skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina d-deċiżjoni tagħha ta’ sospensjoni kull sena, sakemm ma jkunx speċifikat intervall iqsar f’dik id-deċiżjoni. Wara dan ir-rieżami l-Kummissjoni għandha tneħħi s-sospensjoni kompletament jew parzjalment, jew tiddeċiedi li l-kondizzjonijiet fil-paragrafu 1 għadhom qed jiġu ssodisfati.

3.   F’każijiet ta’ urġenza, il-Kummissjoni tista’, filwaqt li taġixxi skont talba motivata ta’ gwardjan, tissospendi proviżorjament l-applikazzjoni ta’ obbligu speċifiku msemmija fil-paragrafu 1 għal servizz ewlieni individwali wieħed jew aktar ta’ pjattaforma, diġà qabel id-deċiżjoni skont dak il-paragrafu. Din it-talba tista’ ssir u tiġi aċċettata fi kwalunkwe ħin sakemm issir il-valutazzjoni tal-Kummissjoni skont il-paragrafu 1.

4.   Fil-valutazzjoni tat-talba msemmija fil-paragrafi 1 u 3, il-Kummissjoni għandha tqis, b’mod partikolari, l-impatt tal-konformità mal-obbligu speċifiku fuq il-vijabbiltà ekonomika tal-operazzjoni tal-gwardjan fl-unjoni kif ukoll fuq partijiet terzi, b’mod partikolari l-SMEs u l-konsumaturi. Is-sospensjoni tista’ tiġi soġġetta għal kondizzjonijiet u obbligi li jridu jiġu ddefiniti mill-Kummissjoni biex jiġi żgurat bilanċ ġust bejn dawk l-interessi u l-objettivi ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 14

Obbligu tal-għoti ta’ informazzjoni dwar il-konċentrazzjonijiet

1.   Gwardjan għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar kull konċentrazzjoni maħsuba skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 139/2004, meta l-entitajiet li jkunu qed jiġu fużi jew il-mira ta’ konċentrazzjoni jipprovdu servizzi ewlenin ta’ pjattaforma jew xi servizz ieħor fis-settur diġitali jew jippermettu l-ġbir ta’ data, irrispettivament minn jekk tkunx notifikabbli lill-Kummissjoni skont dak ir-Regolament jew lil awtorità kompetenti nazzjonali tal-kompetizzjoni skont ir-regoli nazzjonali dwar il-fużjonijiet.

Gwardjan għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar din il-konċentrazzjoni qabel l-implimentazzjoni tagħha u wara l-konklużjoni tal-ftehim, it-tħabbira tal-offerta pubblika, jew l-akkwiżizzjoni ta’ interess kontrollanti.

2.   L-informazzjoni pprovduta mill-gwardjan skont il-paragrafu 1 għandha mill-inqas tiddeskrivi l-impriżi milquta mill-konċentrazzjoni, il-fatturati annwali tagħhom fl-unjoni u madwar id-dinja, l-oqsma ta’ attività tagħhom, inkluż l-attivitajiet relatati direttament mal-konċentrazzjoni u l-valur tat-tranżazzjoni tal-ftehim jew stima tagħha flimkien ma’ sommarju tal-konċentrazzjoni, inkluż in-natura tagħha u r-raġuni għaliha u lista tal-Istati Membri kkonċernati mill-konċentrazzjoni.

L-informazzjoni pprovduta mill-gwardjan għandha tiddeskrivi wkoll, għal kwalunkwe servizz ewlieni ta’ pjattaforma rilevanti, il-fatturati annwali tagħhom fl-unjoni, l-għadd tagħhom ta’ utenti kummerċjali attivi annwali u l-għadd tagħhom ta’ utenti finali attivi ta’ kull xahar, rispettivament.

3.   Jekk, wara kwalunkwe konċentrazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, servizzi ewlenin addizzjonali ta’ pjattaforma jilħqu individwalment il-limiti fl-Artikolu 3(2), punt (b), il-gwardjan ikkonċernat għandu jinforma lill-Kummissjoni b’dan fi żmien xahrejn mill-implimentazzjoni tal-konċentrazzjoni u jipprovdi l-informazzjoni lill-Kummissjoni msemmija fl-Artikolu 3(2).

4.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri bi kwalunkwe informazzjoni li tirċievi skont il-paragrafu 1 u tippubblika kull sena l-lista tal-akkwiżizzjonijiet li dwarhom tkun ġiet infurmata mill-gwardjani skont dak il-paragrafu.

Il-Kummissjoni għandha tqis l-interess leġittimu tal-impriżi li s-sigrieti kummerċjali tagħhom ikunu protetti.

5.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jużaw l-informazzjoni li jirċievu skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu biex jitolbu lill-Kummissjoni teżamina l-konċentrazzjoni skont l-Artikolu 22 tar-Regolament (KE) Nru 139/2004.


whereas









keyboard_arrow_down