search


keyboard_tab Digital Market Act 2022/1925 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2022/1925 MT cercato: 'filwaqt' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index filwaqt:


whereas filwaqt:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 405

 

Artikolu 8

Konformità mal-obbligi għall-gwardjani

1.   Il-gwardjan għandu jiżgura u juri konformità mal-obbligi stipulati fl-Artikoli 5, 6 u 7 ta’ dan ir-Regolament. Il-miżuri implimentati mill-gwardjan biex tiġi żgurata l-konformità ma’ dawk l-Artikoli għandhom ikunu effettivi biex jintlaħqu l-objettivi ta’ dan ir-Regolament u tal-obbligu rilevanti. Il-gwardjan għandu jiżgura li l-implimentazzjoni ta’ dawk il-miżuri tikkonforma mal-liġi applikabbli, b’mod partikolari r-Regolament (UE) 2016/679, id-Direttiva 2002/58/KE, il-leġiżlazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà, il-protezzjoni tal-konsumatur, is-sikurezza tal-prodotti, kif ukoll mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà.

2.   Il-Kummissjoni tista’, fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq talba ta’ gwardjan skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, tiftaħ proċedimenti skont l-Artikolu 20.

Il-Kummissjoni tista’ tadotta att ta’ implimentazzjoni, li jispeċifika l-miżuri li l-gwardjan ikkonċernat għandu jimplimenta sabiex jikkonforma b’mod effettiv mal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 6 u 7. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat fi żmien sitt xhur mill-ftuħ tal-proċedimenti skont l-Artikolu 20 f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 50(2).

Meta jinfetħu proċedimenti fuq inizjattiva tagħha stess għal ċirkomvenzjoni skont l-Artikolu 13, tali miżuri jistgħu jikkonċernaw l-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 5, 6 u 7.

3.   Gwardjan jista’ jitlob lill-Kummissjoni tidħol fi proċess biex tiddetermina jekk il-miżuri li dak il-gwardjan ikun beħsiebu jimplimenta jew li jkun implimenta biex jiżgura l-konformità mal-Artikoli 6 u 7 humiex effettivi biex jintlaħaq l-objettiv tal-obbligu rilevanti fiċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-gwardjan. Il-Kummissjoni għandu jkollha d-diskrezzjoni li tiddeċiedi jekk tidħolx f’tali proċess, filwaqt li tirrispetta l-prinċipji ta’ trattament ugwali, ta’ proporzjonalità u ta’ amministrazzjoni tajba.

Fit-talba tiegħu, il-gwardjan għandu jipprovdi sottomissjoni motivata biex jispjega l-miżuri li jkun beħsiebu jimplimenta jew li jkun implimenta. Barra minn hekk, il-gwardjan għandu jipprovdi verżjoni mhux kunfidenzjali tas-sottomissjoni motivata tiegħu li tista’ tiġi kondiviża ma’ partijiet terzi skont il-paragrafu 6.

4.   Il-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu huma mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Kummissjoni skont l-Artikoli 29, 30 u 31.

5.   Bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-deċiżjoni skont il-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-konklużjonijiet preliminari tagħha lill-gwardjan fi żmien tliet xhur mill-ftuħ tal-proċedimenti skont l-Artikolu 20. Fis-sejbiet preliminari, il-Kummissjoni għandha tispjega l-miżuri li qed tqis li ser tieħu jew li tqis li l-gwardjan ikkonċernat għandu jieħu biex is-sejbiet preliminari jiġu indirizzati b’mod effettiv.

6.   Sabiex il-partijiet terzi interessati jkunu jistgħu jipprovdu kummenti b’mod effettiv, il-Kummissjoni għandha, meta tikkomunika s-sejbiet preliminari tagħha lill-gwardjan skont il-paragrafu 5 jew malajr kemm jista’ jkun wara dan, tippubblika sommarju mhux kunfidenzjali tal-każ u l-miżuri li tkun qed tqis li tieħu jew li tqis li għandu jieħu l-gwardjan ikkonċernat. Il-Kummissjoni għandha tispeċifika perjodu ta’ żmien raġonevoli li fih għandhom jiġu pprovduti tali kummenti.

7.   Meta tispeċifika l-miżuri skont il-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-miżuri jkunu effettivi biex jintlaħqu l-objettivi ta’ dan ir-Regolament u l-obbligu rilevanti, u jkunu proporzjonati fiċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-gwardjan u s-servizz rilevanti.

8.   Għall-finijiet tal-ispeċifikazzjoni tal-obbligi skont l-Artikoli 6(11) u (12), il-Kummissjoni għandha tivvaluta wkoll jekk il-miżuri intenzjonati jew implimentati jiżgurawx li ma jkunx fadal żbilanċ fid-drittijiet u l-obbligi għall-utenti kummerċjali u li l-miżuri ma jagħtux vantaġġ huma stess lill-gwardjan li jkun sproporzjonat għas-servizz ipprovdut mill-gwardjan lill-utenti kummerċjali.

9.   Fir-rigward ta’ proċedimenti skont il-paragrafu 2, il-Kummissjoni tista’, fuq talba jew fuq inizjattiva tagħha stess, tiddeċiedi li terġa’ tiftaħhom meta:

(a)

tkun saret bidla materjali f’xi wieħed mill-fatti li fuqhom tkun issejset id-deċiżjoni; jew

(b)

id-deċiżjoni tkun issejset fuq informazzjoni mhux kompluta, skorretta jew qarrieqa; jew

(c)

il-miżuri kif speċifikati fid-deċiżjoni ma jkunux effettivi.

Artikolu 9

Sospensjoni

1.   Meta l-gwardjan juri f’talba motivata li l-konformità ma’ obbligu speċifiku stabbilit fl-Artikolu 5, 6 jew 7 għal servizz ewlieni ta’ pjattaforma elenkat fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni skont l-Artikolu 3(9) tipperikola, minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali lil hinn mill-kontroll tal-gwardjan, il-vijabbiltà ekonomika tal-operazzjoni tiegħu fl-Unjoni, il-Kummissjoni tista’ tadotta att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi d-deċiżjoni tagħha li tissospendi b’mod eċċezzjonali, kompletament jew parzjalment, l-obbligu speċifiku msemmi f’dik it-talba motivata (“id-deċiżjoni ta’ sospensjoni”). F’dak l-att ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tissostanzja d-deċiżjoni ta’ sospensjoni tagħha billi tidentifika ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw is-sospensjoni. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jkun limitat sal-punt u l-perjodu ta’ żmien meħtieġa biex tiġi indirizzata theddida bħal din għall-vijabbiltà tal-gwardjan. Il-Kummissjoni għandu jkollha l-għan li tadotta dak l-att ta’ implimentazzjoni mingħajr dewmien u sa mhux aktar tard minn tliet xhur wara li tirċievi talba motivata sħiħa. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 50(2).

2.   Meta tingħata s-sospensjoni skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina d-deċiżjoni tagħha ta’ sospensjoni kull sena, sakemm ma jkunx speċifikat intervall iqsar f’dik id-deċiżjoni. Wara dan ir-rieżami l-Kummissjoni għandha tneħħi s-sospensjoni kompletament jew parzjalment, jew tiddeċiedi li l-kondizzjonijiet fil-paragrafu 1 għadhom qed jiġu ssodisfati.

3.   F’każijiet ta’ urġenza, il-Kummissjoni tista’, filwaqt li taġixxi skont talba motivata ta’ gwardjan, tissospendi proviżorjament l-applikazzjoni ta’ obbligu speċifiku msemmija fil-paragrafu 1 għal servizz ewlieni individwali wieħed jew aktar ta’ pjattaforma, diġà qabel id-deċiżjoni skont dak il-paragrafu. Din it-talba tista’ ssir u tiġi aċċettata fi kwalunkwe ħin sakemm issir il-valutazzjoni tal-Kummissjoni skont il-paragrafu 1.

4.   Fil-valutazzjoni tat-talba msemmija fil-paragrafi 1 u 3, il-Kummissjoni għandha tqis, b’mod partikolari, l-impatt tal-konformità mal-obbligu speċifiku fuq il-vijabbiltà ekonomika tal-operazzjoni tal-gwardjan fl-Unjoni kif ukoll fuq partijiet terzi, b’mod partikolari l-SMEs u l-konsumaturi. Is-sospensjoni tista’ tiġi soġġetta għal kondizzjonijiet u obbligi li jridu jiġu ddefiniti mill-Kummissjoni biex jiġi żgurat bilanċ ġust bejn dawk l-interessi u l-objettivi ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 10

Eżenzjoni għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika u sigurtà pubblika

1.   Il-Kummissjoni tista’, filwaqt li taġixxi fuq talba motivata ta’ gwardjan jew fuq inizjattiva tagħha stess, tadotta att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi d-deċiżjoni tagħha, biex teżenta lil dak il-gwardjan, kompletament jew parzjalment, minn obbligu speċifiku stabbilit fl-Artikolu 5, 6 jew 7 fir-rigward ta’ servizz ewlieni ta’ pjattaforma elenkat fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni skont l-Artikolu 3(9), meta tali eżenzjoni tkun ġustifikata għar-raġunijiet stipulati fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu (“id-deċiżjoni ta’ eżenzjoni”). Il-Kummissjoni għandha tadotta d-deċiżjoni dwar l-eżenzjoni fi żmien tliet xhur wara li tirċievi talba motivata kompluta u għandha tipprovdi dikjarazzjoni motivata li tispjega r-raġunijiet għall-eżenzjoni. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 50(2).

2.   Meta tingħata eżenzjoni skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina d-deċiżjoni tagħha dwar l-eżenzjoni jekk ir-raġuni għall-eżenzjoni ma tibqax teżisti jew mill-inqas kull sena. Wara dan ir-rieżami, il-Kummissjoni għandha tneħħi s-sospensjoni kompletament jew parzjalment, jew tiddeċiedi li l-kondizzjonijiet tal-paragrafu 1 għadhom qed jiġu ssodisfati.

3.   Eżenzjoni skont il-paragrafu 1 tista’ tingħata biss għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika jew sigurtà pubblika.

4.   F’każijiet ta’ urġenza, il-Kummissjoni tista’, filwaqt li taġixxi skont talba motivata ta’ gwardjan jew fuq inizjattiva tagħha stess, tissospendi proviżorjament l-applikazzjoni ta’ obbligu speċifiku msemmija fil-paragrafu 1 għal servizz ewlieni individwali wieħed jew aktar ta’ pjattaforma, diġà qabel id-deċiżjoni skont dak il-paragrafu. Din it-talba tista’ ssir u tiġi aċċettata fi kwalunkwe ħin sakemm issir il-valutazzjoni tal-Kummissjoni skont il-paragrafu 1.

5.   Fil-valutazzjoni tat-talba msemmija fil-paragrafi 1 u 4, il-Kummissjoni għandha tqis, b’mod partikolari, l-impatt tal-konformità mal-obbligu speċifiku fuq ir-raġunijiet fil-paragrafu 3, kif ukoll l-effetti fuq il-gwardjan ikkonċernat u fuq partijiet terzi. Il-Kummissjoni tista’ tissoġġetta s-sospensjoni għal kondizzjonijiet u obbligi sabiex jiġi żgurat bilanċ ġust bejn il-miri segwiti mir-raġunijiet fil-paragrafu 3 u l-objettivi ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 50

Proċedura ta’ Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat (“il-Kumitat Konsultattiv għas-Swieq Diġitali”). Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Fejn l-opinjoni tal-Kumitat tkun trid tinkiseb permezz tal-proċedura bil-miktub, dik il-proċedura għandha tittermina mingħajr riżultat fejn, fil-limitu ta’ żmien għall-għoti tal-opinjoni, il-President tal-Kumitat hekk jiddeċiedi, jew maġġoranza sempliċi tal-membri tal-Kumitat titlob li jsir hekk.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

4.   Il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-opinjoni tal-kumitat lid-destinatarju ta’ deċiżjoni individwali, flimkien ma’ dik id-deċiżjoni. Għandha tippubblika l-opinjoni flimkien mad-deċiżjoni individwali, filwaqt li tqis l-interess leġittimu fil-protezzjoni tas-segretezza professjonali.


whereas









keyboard_arrow_down