search


keyboard_tab Digital Market Act 2022/1925 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2022/1925 MT cercato: 'definit' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index definit:


whereas definit:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 678

 

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jikontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern billi jistabbilixxi regoli armonizzati li jiżguraw swieq kontestabbli u ġusti għan-negozji kollha fis-settur diġitali madwar l-Unjoni fejn ikunu preżenti gwardjani, għall-benefiċċju tal-utenti kummerċjali u tal-utenti finali.

2.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal servizzi ewlenin ta’ pjattaforma pprovduti jew offruti minn gwardjani lil utenti kummerċjali stabbiliti fl-Unjoni jew lil utenti finali stabbiliti jew li jinsabu fl-Unjoni, irrispettivament mill-post ta’ stabbiliment jew ta’ residenza tal-gwardjani u irrispettivament mil-liġi applikabbli mod ieħor għall-forniment ta’ servizz.

3.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal swieq relatati ma’:

(a)

networks tal-komunikazzjoni elettronika kif definit fl-Artikolu 2, punt (1) tad-Direttiva (UE) 2018/1972;

(b)

servizzi tal-komunikazzjoni elettronika kif definit fl-Artikolu 2, punt (4) tad-Direttiva (UE) 2018/1972, għajr dawk relatati ma’ servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri.

4.   Fir-rigward ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali kif definit fl-Artikolu 2, punt (5) tad-Direttiva (UE) 2018/1972, dan ir-Regolament hu mingħajr preġudizzju għas-setgħat u r-responsabbiltajiet mogħtija lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u lil awtoritajiet kompetenti oħra permezz tal-Artikolu 61 ta’ dik id-Direttiva.

5.   Sabiex tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq intern, l-Istati Membri ma għandhomx jimponu obbligi ulterjuri fuq il-gwardjani permezz ta’ liġijiet, regolamenti jew miżuri amministrattivi bil-għan li jiżguraw swieq kontestabbli u ġusti. Xejn f’dan ir-Regolament ma jipprekludi lill-Istati Membri milli jimponu obbligi fuq l-impriżi, inkluż impriżi li jipprovdu servizzi ewlenin ta’ pjattaforma, għal kwistjonijiet li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, dment li dawk l-obbligi jkunu kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni u ma jirriżultawx mill-fatt li l-impriżi rilevanti jkollhom l-istatus ta’ gwardjan skont it-tifsira ta’ dan ir-Regolament..

6.   Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE. Huwa wkoll mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’:

(a)

regoli nazzjonali tal-kompetizzjoni li jipprojbixxu ftehimiet li jkunu antikompetittivi, deċiżjonijiet minn assoċjazzjonijiet ta’ impriżi, prattiki miftiehma u abbużi ta’ pożizzjonijiet dominanti;

(b)

regoli nazzjonali tal-kompetizzjoni li jipprojbixxu forom oħra ta’ mġiba unilaterali dment li dawn jiġu applikati għall-impriżi li mhumiex gwardjani jew jammontaw għall-impożizzjoni ta’ aktar obbligi fuq il-gwardjani; u

(c)

ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (23) u r-regoli nazzjonali dwar il-kontroll tal-amalgamazzjonijiet.

7.   L-awtoritajiet nazzjonali ma għandhomx jieħdu deċiżjonijiet li jmorru kontra deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni skont dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jaħdmu f’kooperazzjoni mill-qrib u jikkoordinaw l-azzjonijiet ta’ infurzar tagħhom abbażi tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 37 u 38.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“gwardjan” tfisser impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma, ddeżinjata skont l-Artikolu 3;

(2)

“servizz ewlieni ta’ pjattaforma” tfisser kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

servizzi ta’ intermedjazzjoni online;

(b)

magni tat-tiftix online;

(c)

servizzi ta’ networking soċjali online;

(d)

servizzi ta’ pjattaforma tal-video-sharing;

(e)

servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri;

(f)

sistemi operattivi;

(g)

web browsers;

(h)

assistenti virtwali;

(i)

servizzi ta’ cloud computing;

(j)

servizzi ta’ reklamar online, inkluż kwalunkwe network ta’ reklamar, skambji ta’ reklamar u kwalunkwe servizz ieħor ta’ intermedjazzjoni tar-reklamar, ipprovduti minn impriża li tipprovdi kwalunkwe mis-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma elenkati fil-punti (a) sa (i);

(3)

“servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni” tfisser kwalunkwe servizz kif definit fl-Artikolu 1(1), punt (b), tad-Direttiva (UE) 2015/1535;

(4)

“settur diġitali” tfisser is-settur tal-prodotti u s-servizzi pprovduti permezz ta’, jew permezz ta’, servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni;

(5)

“servizzi ta’ intermedjazzjoni online” tfisser servizzi ta’ intermedjazzjoni online kif definit fl-Artikolu 2, punt (2), tar-Regolament (UE) 2019/1150;

(6)

“magna tat-tiftix online” tfisser magna tat-tiftix online kif definit fl-Artikolu 2, punt (5), tar-Regolament (UE) 2019/1150;

(7)

“servizz ta’ networking soċjali online” tfisser pjattaforma li tippermetti lill-utenti finali jikkonnettjaw u jikkomunikaw ma’ xulxin, jikkondividu l-kontenut u jiskopru utenti u kontenut oħrajn fost diversi apparati, u b’mod partikolari permezz ta’ chats, posts, vidjos u rakkomandazzjonijiet;

(8)

‘‘servizz ta’ pjattaforma tal-video-sharing’’ tfisser servizz ta’ pjattaforma tal-video-sharing kif definit fl-Artikolu 1(1), punt (aa), tad-Direttiva 2010/13/UE;

(9)

“servizz ta’ komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri” tfisser servizz ta’ komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri kif definit fl-Artikolu 2, punt (7), tad-Direttiva (UE) 2018/1972;

(10)

“sistema operattiva” tfisser software tas-sistema li jikkontrolla l-funzjonijiet bażiċi tal-hardware jew tas-software u li jippermetti li l-applikazzjonijiet tas-software jaħdmu fuqu;

(11)

“web browser” tfisser applikazzjoni tas-software li tippermetti l-utenti finali jaċċessaw u jinteraġixxu ma’ kontenut ospitat fuq servers konnessi ma’ networks bħall-internet, inkluż browsers awtonomi kif ukoll browsers integrati jew inkorporati f’software jew apparat simili;

(12)

‘‘assistent virtwali’’ tfisser software li jista’ jipproċessa domandi, kompiti jew mistoqsijiet, inkluż dawk ibbażati fuq awdjo, viżiv, input bil-miktub, ġesti jew mozzjonijiet, u li, abbażi ta’ dawk id-domandi, il-kompiti jew il-mistoqsijiet, jipprovdi aċċess għal servizzi oħra jew jikkontrolla apparati fiżiċi konnessi;

(13)

“servizz ta’ cloud computing” tfisser servizz ta’ cloud computing kif definit fl-Artikolu 4, punt (19), tad-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (24);

(14)

“ħwienet ta’ applikazzjonijiet tas-software” tfisser tip ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online li hu ffukat fuq applikazzjonijiet tas-software bħala l-prodott jew is-servizz intermedjat;

(15)

“applikazzjoni tas-software” tfisser prodott jew servizz diġitali li jaħdem fuq sistema operattiva;

(16)

“servizz ta’ pagament” tfisser servizz ta’ pagament kif definit fl-Artikolu 4, punt (3) tad-Direttiva (UE) 2015/2366;

(17)

‘‘servizz tekniku ta’ appoġġ għas-servizz ta’ pagament’’ tfisser servizz skont it-tifsira tal-Artikolu 3, punt (j), tad-Direttiva (UE) 2015/2366;

(18)

‘‘sistema ta’ pagament għal xiri in-app’’ tfisser applikazzjoni tas-software, servizz jew interfaċċa tal-utent li tiffaċilita x-xiri ta’ kontenut diġitali jew servizzi diġitali fi ħdan applikazzjoni ta’ software, inkluż kontenut, abbonamenti, karatteristiċi jew funzjonalità, u l-pagamenti għal tali xiri;

(19)

“servizz ta’ identifikazzjoni” tfisser tip ta’ servizz ipprovdut flimkien ma’ servizzi ewlenin ta’ pjattaforma jew b’appoġġ għalihom li jippermetti kwalunkwe tip ta’ verifika tal-identità tal-utenti finali jew tal-utenti kummerċjali, irrispettivament mit-teknoloġija użata;

(20)

“utent finali” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tuża servizzi ewlenin ta’ pjattaforma, għajr utent kummerċjali;

(21)

“utent kummerċjali” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li taġixxi f’kapaċità kummerċjali jew professjonali u li tuża servizzi ewlenin ta’ pjattaforma għall-fini li tipprovdi, jew waqt li tkun qed tipprovdi, oġġetti jew servizzi lill-utenti finali;

(22)

‘‘klassifikazzjoni’’ tfisser il-prominenza relattiva mogħtija lil prodotti jew servizzi offruti permezz ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online, servizzi ta’ networking soċjali online, servizzi ta’ pjattaforma tal-video-sharing jew assistenti virtwali, jew ir-rilevanza mogħtija lir-riżultati tat-tiftix minn magni tat-tiftix online, kif ippreżentati, organizzati jew ikkomunikati mill-impriżi li jipprovdu servizzi ta’ intermedjazzjoni online, servizzi ta’ networking soċjali online, servizzi ta’ pjattaforma tal-video-sharing, assistenti virtwali jew magni tat-tiftix online, irrispettivament mill-mezzi teknoloġiċi użati għal tali preżentazzjoni, organizzazzjoni jew komunikazzjoni u irrispettivament minn jekk jiġix ippreżentat jew ikkomunikat riżultat wieħed biss;

(23)

“riżultati tat-tiftix” tfisser kwalunkwe informazzjoni fi kwalunkwe format, inkluż outputs testwali, grafiċi, vokali jew oħrajn, irritornati bi tweġiba għal, u relatati ma’, mistoqsija ta’ tfittxija, irrispettivament minn jekk l-informazzjoni rritornata hijiex riżultat imħallas jew mhux imħallas, tweġiba diretta jew kwalunkwe prodott, servizz jew informazzjoni offruti b’rabta mar-riżultati organiċi, jew murija flimkien magħhom jew integrata parzjalment jew kompletament magħhom;

(24)

“data” tfisser kwalunkwe rappreżentazzjoni diġitali ta’ atti, fatti jew informazzjoni u kwalunkwe kompilazzjoni ta’ dawn l-atti, fatti jew informazzjoni, inkluż fil-forma ta’ reġistrazzjoni awdjo, viżiva jew awdjoviżiva;

(25)

“data personali” tfisser data personali kif definit fl-Artikolu 4, punt (1), tar-Regolament (UE) 2016/679;

(26)

“data mhux personali” tfisser data għajr id-data personali;

(27)

‘‘impriża’’ tfisser entità involuta f’attività ekonomika, irrispettivament mill-istatus legali tagħha u mill-mod li bih tiġi ffinanzjata, inkluż l-intrapriżi relatati jew l-impriżi konnessi kollha li jiffurmaw grupp permezz tal-kontroll dirett jew indirett ta’ intrapriża jew impriża minn intrapriża jew impriża oħra;

(28)

“kontroll” tfisser il-possibbiltà li tiġi eżerċitata influwenza deċiżiva fuq impriża, fis-sens tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 139/2004;

(29)

‘‘interoperabbiltà’’ tfisser l-abbiltà li tiġi skambjata informazzjoni u li l-informazzjoni li tkun ġiet skambjata permezz ta’ interfaċċi jew soluzzjonijiet oħra tintuża b’mod reċiproku, sabiex l-elementi kollha tal-hardware jew tas-software jaħdmu ma’ hardware u software ieħor u mal-utenti fil-modi kollha li bihom huma maħsuba biex jiffunzjonaw;

(30)

“fatturat” tfisser l-ammont derivat minn impriża fis-sens tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 139/2004;

(31)

“tfassil tal-profili” tfisser tfassil tal-profili kif definit fl-Artikolu 4, punt (4), tar-Regolament (UE) 2016/679;

(32)

“kunsens” tfisser kunsens kif definit fl-Artikolu 4, punt (11), tar-Regolament (UE) 2016/679;

(33)

“qorti nazzjonali” tfisser qorti jew tribunal ta’ Stat Membru fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.

KAPITOLU II

GWARDJANI

Artikolu 9

Sospensjoni

1.   Meta l-gwardjan juri f’talba motivata li l-konformità ma’ obbligu speċifiku stabbilit fl-Artikolu 5, 6 jew 7 għal servizz ewlieni ta’ pjattaforma elenkat fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni skont l-Artikolu 3(9) tipperikola, minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali lil hinn mill-kontroll tal-gwardjan, il-vijabbiltà ekonomika tal-operazzjoni tiegħu fl-Unjoni, il-Kummissjoni tista’ tadotta att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi d-deċiżjoni tagħha li tissospendi b’mod eċċezzjonali, kompletament jew parzjalment, l-obbligu speċifiku msemmi f’dik it-talba motivata (“id-deċiżjoni ta’ sospensjoni”). F’dak l-att ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tissostanzja d-deċiżjoni ta’ sospensjoni tagħha billi tidentifika ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw is-sospensjoni. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jkun limitat sal-punt u l-perjodu ta’ żmien meħtieġa biex tiġi indirizzata theddida bħal din għall-vijabbiltà tal-gwardjan. Il-Kummissjoni għandu jkollha l-għan li tadotta dak l-att ta’ implimentazzjoni mingħajr dewmien u sa mhux aktar tard minn tliet xhur wara li tirċievi talba motivata sħiħa. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 50(2).

2.   Meta tingħata s-sospensjoni skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina d-deċiżjoni tagħha ta’ sospensjoni kull sena, sakemm ma jkunx speċifikat intervall iqsar f’dik id-deċiżjoni. Wara dan ir-rieżami l-Kummissjoni għandha tneħħi s-sospensjoni kompletament jew parzjalment, jew tiddeċiedi li l-kondizzjonijiet fil-paragrafu 1 għadhom qed jiġu ssodisfati.

3.   F’każijiet ta’ urġenza, il-Kummissjoni tista’, filwaqt li taġixxi skont talba motivata ta’ gwardjan, tissospendi proviżorjament l-applikazzjoni ta’ obbligu speċifiku msemmija fil-paragrafu 1 għal servizz ewlieni individwali wieħed jew aktar ta’ pjattaforma, diġà qabel id-deċiżjoni skont dak il-paragrafu. Din it-talba tista’ ssir u tiġi aċċettata fi kwalunkwe ħin sakemm issir il-valutazzjoni tal-Kummissjoni skont il-paragrafu 1.

4.   Fil-valutazzjoni tat-talba msemmija fil-paragrafi 1 u 3, il-Kummissjoni għandha tqis, b’mod partikolari, l-impatt tal-konformità mal-obbligu speċifiku fuq il-vijabbiltà ekonomika tal-operazzjoni tal-gwardjan fl-Unjoni kif ukoll fuq partijiet terzi, b’mod partikolari l-SMEs u l-konsumaturi. Is-sospensjoni tista’ tiġi soġġetta għal kondizzjonijiet u obbligi li jridu jiġu ddefiniti mill-Kummissjoni biex jiġi żgurat bilanċ ġust bejn dawk l-interessi u l-objettivi ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 31

Pagamenti perjodiċi ta’ penali

1.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta deċiżjoni li timponi pagamenti perjodiċi ta’ penali fuq impriżi, inkluż fuq gwardjani meta applikabbli, u assoċjazzjonijiet ta’ impriżi għal kull jum li ma jaqbżux il-5 % tal-fatturat dinji medju ta’ kuljum fis-sena finanzjarja preċedenti, ikkalkulati mid-data stabbilita minn dik id-deċiżjoni, biex iġġegħelhom:

(a)

jikkonformaw mal-miżuri speċifikati mill-Kummissjoni f’deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 8(2);

(b)

jikkonformaw mad-deċiżjoni skont l-Artikolu 18(1);

(c)

jipprovdu informazzjoni korretta u kompluta fil-limitu ta’ żmien mitlub f’talba għal informazzjoni magħmula permezz ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 21;

(d)

jiżguraw l-aċċess għad-data, algoritmi u informazzjoni dwar ittestjar b’risposta għal talba magħmula skont l-Artikolu 21(3) u jagħtu spjegazzjonijiet dwarhom kif teżiġi deċiżjoni skont l-Artikolu 21;

(e)

jissottomettu ruħhom għal spezzjoni li ġiet ordnata b’deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 23;

(f)

jikkonformaw ma’ deċiżjoni li tordna miżuri interim meħuda skont l-Artikolu 24;

(g)

jikkonformaw mal-impenji magħmula vinkolanti legalment b’deċiżjoni skont l-Artikolu 25(1);

(h)

jikkonformaw ma’ deċiżjoni skont l-Artikolu 29(1).

2.   Meta l-impriżi, jew l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi, ikunu ssodisfaw l-obbligu li l-pagament perjodiku ta’ penali kien maħsub jinforza, il-Kummissjoni tista’ tadotta att ta’ implimentazzjoni, li jistabbilixxi l-ammont definittiv tal-pagament perjodiku ta’ penali f’ċifra aktar baxxa minn dik li tirriżulta mid-deċiżjoni oriġinali. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 50(2).


whereas









keyboard_arrow_down