search


keyboard_tab Digital Market Act 2022/1925 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2022/1925 MT cercato: 'arranġamenti' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index arranġamenti:


whereas arranġamenti:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 412

 

Artikolu 28

Funzjoni ta’ verifika tal-konformità

1.   Il-gwardjani għandhom jintroduċu funzjoni ta’ verifika tal-konformità li tkun indipendenti mill-funzjonijiet operazzjonali tal-gwardjan u tkun magħmula minn uffiċjal tal-konformità wieħed jew aktar, inkluż il-kap tal-funzjoni ta’ verifika tal-konformità.

2.   Il-gwardjan għandu jiżgura li l-funzjoni ta’ verifika tal-konformità msemmija fil-paragrafu 1 ikollha awtorità, statura u riżorsi suffiċjenti, kif ukoll aċċess għall-korp maniġerjali tal-gwardjan biex jimmonitorja l-konformità tal-gwardjan ma’ dan ir-Regolament.

3.   Il-korp maniġerjali tal-gwardjan għandu jiżgura li l-uffiċjali tal-konformità maħtura skont il-paragrafu 1 ikollhom il-kwalifiki professjonali, l-għarfien, l-esperjenza u l-abbiltà meħtieġa biex iwettqu l-kompiti msemmija fil-paragrafu 5.

Il-korp maniġerjali tal-gwardjan għandu jiżgura wkoll li tali kap tal-funzjoni ta’ verifika tal-konformità jkun maniġer superjuri indipendenti b’responsabbiltà distinta għall-funzjoni ta’ verifika tal-konformità.

4.   Il-kap tal-funzjoni ta’ verifika tal-konformità għandu jirrapporta direttament lill-korp maniġerjali tal-gwardjan u jista’ jqajjem tħassib u jwissi lil dak il-korp fejn jirriżultaw riskji ta’ nonkonformità ma’ dan ir-Regolament, mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet tal-korp maniġerjali fil-funzjonijiet superviżorji u maniġerjali tiegħu.

Il-kap tal-funzjoni ta’ verifika tal-konformità ma għandux jitneħħa mingħajr l-approvazzjoni minn qabel tal-korp maniġerjali tal-gwardjan.

5.   L-uffiċjali tal-konformità maħtura mill-gwardjan skont il-paragrafu 1 għandu jkollhom il-kompiti li ġejjin:

(a)

l-organizzazzjoni, il-monitoraġġ u s-superviżjoni tal-miżuri u l-attivitajiet tal-gwardjani li għandhom l-għan li jiżguraw il-konformità ma’ dan ir-Regolament;

(b)

l-infurmar u l-għoti ta’ pariri lill-maniġment u lill-impjegati tal-gwardjan dwar il-konformità ma’ dan ir-Regolament;

(c)

fejn applikabbli, il-monitoraġġ tal-konformità mal-impenji magħmula vinkolanti skont l-Artikolu 25, mingħajr preġudizzju għall-fatt li l-Kummissjoni tkun tista’ taħtar esperti esterni indipendenti skont l-Artikolu 26(2);

(d)

il-kooperazzjoni mal-Kummissjoni għall-fini ta’ dan ir-Regolament.

6.   Il-gwardjani għandhom jikkomunikaw l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-kap tal-funzjoni ta’ verifika tal-konformità lill-Kummissjoni.

7.   Il-korp maniġerjali tal-gwardjan għandu jiddefinixxi, jissorvelja u jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-arranġamenti ta’ governanza tal-gwardjan li jiżguraw l-indipendenza tal-funzjoni ta’ verifika tal-konformità, inkluż it-tqassim tar-responsabbiltajiet fl-organizzazzjoni tal-gwardjan u l-prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interess.

8.   Il-korp maniġerjali għandu japprova u jirrevedi perjodikament, mill-inqas darba fis-sena, l-istrateġiji u l-politiki għall-bidu, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-konformità ma’ dan ir-Regolament.

9.   Il-korp maniġerjali għandu jiddedika biżżejjed ħin għall-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-verifika tal-konformità ma’ dan ir-Regolament. Huwa għandu jipparteċipa b’mod attiv fid-deċiżjonijiet relatati mal-ġestjoni u l-infurzar ta’ dan ir-Regolament u jiżgura li jiġu allokati riżorsi adegwati għalih.

Artikolu 38

Kooperazzjoni u koordinazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali li jinfurzaw ir-regoli dwar il-kompetizzjoni

1.   Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tal-Istati Membri li jinfurzaw ir-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6) għandhom jikkooperaw bejniethom u jinfurmaw lil xulxin dwar l-azzjonijiet ta’ infurzar rispettivi tagħhom permezz tan-Network Ewropew għall-Kompetizzjoni (NEK). Huma għandu jkollhom is-setgħa li jipprovdu lil xulxin kwalunkwe informazzjoni dwar kwistjoni ta’ fatt jew ta’ dritt, inkluż informazzjoni kunfidenzjali. Fejn l-awtorità kompetenti ma tkunx membru tan-NEK, il-Kummissjoni għandha tagħmel l-arranġamenti meħtieġa għall-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni dwar każijiet li jikkonċernaw l-infurzar ta’ dan ir-Regolament u l-infurzar tal-każijiet imsemmija fl-Artikolu 1(6) ta’ tali awtoritajiet. Il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi tali arranġamenti f’att ta’ implimentazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 46(1), punt (l).

2.   Fejn awtorità kompetenti nazzjonali tal-Istati Membri li tinforza r-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6) tkun biħsiebha tniedi investigazzjoni dwar gwardjani abbażi ta’ liġijiet nazzjonali msemmija fl-Artikolu 1(6), hija għandha tinforma lill-Kummissjoni bil-miktub dwar l-ewwel miżura investigattiva formali, qabel jew immedjatament wara l-bidu ta’ tali miżura. Din l-informazzjoni tista’ titqiegħed ukoll għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali li jinfurzaw ir-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6) tal-Istati Membri l-oħra.

3.   Fejn awtorità nazzjonali nazzjonali tal-Istati Membri li tinforza r-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6) tkun biħsiebha timponi obbligi fuq gwardjani abbażi ta’ liġijiet nazzjonali msemmija fl-Artikolu 1(6), hija għandha, sa mhux aktar tard minn 30 jum qabel l-adozzjoni tiegħu, tikkomunika l-abbozz tal-miżura lill-Kummissjoni billi tiddikjara r-raġunijiet għall-miżura. Fil-każ ta’ miżuri interim, l-awtorità kompetenti nazzjonali tal-Istati Membri li jinfurzaw ir-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6) għandha tikkomunika lill-Kummissjoni l-abbozz tal-miżuri previsti malajr kemm jista’ jkun, u mhux aktar tard minn immedjatament wara l-adozzjoni ta’ tali miżuri. Din l-informazzjoni tista’ titqiegħed ukoll għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali li jinfurzaw ir-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6) tal-Istati Membri l-oħra.

4.   Il-mekkaniżmi ta’ informazzjoni previsti fil-paragrafi 2 u 3 ma għandhomx japplikaw għal deċiżjonijiet previsti skont ir-regoli nazzjonali dwar il-fużjonijiet.

5.   L-informazzjoni skambjata skont il-paragrafi 1 sa 3 ta’ dan l-Artikolu għandha tiġi skambjata u użata biss għall-fini ta’ koordinazzjoni tal-infurzar ta’ dan ir-Regolament u r-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6).

6.   Il-Kummissjoni tista’ titlob lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tal-Istati Membri li jinfurzaw ir-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6) biex jappoġġaw kwalunkwe investigazzjoni tas-suq tagħha skont dan ir-Regolament.

7.   Fejn ikollha l-kompetenza u s-setgħat investigattivi biex tagħmel dan skont il-liġi nazzjonali, awtorità kompetenti nazzjonali tal-Istati Membri li tinforza r-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6) tista’ fuq inizjattiva tagħha stess twettaq investigazzjoni dwar każ ta’ nonkonformità possibbli mal-Artikoli 5, 6 u 7 ta’ dan ir-Regolament fit-territorju tagħha. Qabel ma tieħu l-ewwel miżura investigattiva formali, dik l-awtorità għandha tinforma lill-Kummissjoni bil-miktub.

Il-ftuħ ta' proċedimenti mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 20 għandu jeħles lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tal-Istati Membri li jinfurzaw ir-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6) mill-possibbiltà li jwettqu tali investigazzjoni jew għandu jtemm l-investigazzjoni fejn din tkun diġà għaddejja. Dawk l-awtoritajiet għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni dwar is-sejbiet ta’ tali investigazzjoni sabiex jappoġġaw lill-Kummissjoni fir-rwol tagħha bħala infurzatur uniku ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 46

Dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni

1.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu arranġamenti dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan li ġej:

(a)

il-forma, il-kontenut u dettalji oħra tan-notifiki u s-sottomissjonijiet skont l-Artikolu 3;

(b)

il-forma, il-kontenut u dettalji oħra tal-miżuri tekniċi li l-gwardjani għandhom jimplimentaw biex jiżguraw il-konformità mal-Artikolu 5, 6 jew 7;

(c)

arranġamenti operazzjonali u tekniċi bil-ħsieb li tiġi implimentata l-interoperabbiltà tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri skont l-Artikolu 7;

(d)

il-forma, il-kontenut u dettalji oħra tat-talba motivata skont l-Artikolu 8(3);

(e)

il-forma, il-kontenut u dettalji oħra tat-talbiet motivati skont l-Artikoli 9 u 10;

(f)

il-forma, il-kontenut u dettalji oħra tar-rapporti regolatorji pprovduti skont l-Artikolu 11;

(g)

il-metodoloġija u l-proċedura għad-deskrizzjoni awditjata tat-tekniki użati għat-tfassil tal-profili tal-konsumaturi prevista fl-Artikolu 15(1); meta tiżviluppa abbozz ta’ att ta’ implimentazzjoni għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u tista’ tikkonsulta lill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, lis-soċjetà ċivili u lil esperti rilevanti oħra

(h)

il-forma, il-kontenut u dettalji oħra tan-notifiki u s-sottomissjonijiet magħmula skont l-Artikoli 14 u 15;

(i)

l-arranġamenti prattiċi tal-proċedimenti li jikkonċernaw l-investigazzjonijiet tas-suq skont l-Artikoli 17, 18 u 19, u l-proċedimenti skont l-Artikoli 24, 25 u 29;

(j)

l-arranġamenti prattiċi għall-eżerċitar tad-dritt ta’ smigħ previst fl-Artikolu 34;

(k)

l-arranġamenti prattiċi għat-termini ta’ divulgazzjoni previsti fl-Artikolu 34;

(l)

l-arranġamenti prattiċi għall-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali previsti fl-Artikoli 37 u 38; u

(m)

l-arranġamenti prattiċi għall-kalkolu u l-estensjoni tal-iskadenzi.

2.   L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, punti (a) sa (k) u punt (m) ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 50(2).

L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, punt (l), ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 50(3).

3.   Qabel l-adozzjoni ta’ kwalunkwe att ta’ implimentazzjoni skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tippubblika abbozz tagħha u tistieden lill-partijiet ikkonċernati kollha biex jissottomettu l-kummenti tagħhom f’limitu ta’ żmien, li ma jistax ikun inqas minn xahar.


whereas









keyboard_arrow_down