keyboard_tab Digital Market Act 2022/1925 MT
BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf
- 1 Artikolu 13 Antiċirkomvenzjoni
- 1 Artikolu 16 Ftuħ ta’ investigazzjoni tas-suq
- 5 Artikolu 21 Talbiet għall-informazzjoni
- 1 Artikolu 22 Setgħa biex isiru intervisti u jittieħdu dikjarazzjonijiet
- 3 Artikolu 23 Setgħat biex jitwettqu spezzjonijiet
- 4 Artikolu 30 Multi
- 1 Artikolu 38 Kooperazzjoni u koordinazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali li jinfurzaw ir-regoli dwar il-kompetizzjoni
- 1 Artikolu 39 Kooperazzjoni mal-qrati nazzjonali
- 1 Artikolu 50 Proċedura ta’ Kumitat
KAPITOLU I
SUĠĠETT, KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET
KAPITOLU II
GWARDJANI
KAPITOLU III
PRATTIKI TA’ GWARDJANI LI JILLIMITAW IL-KONTESTABBILTÀ JEW LI HUMA INĠUSTI
KAPITOLU IV
INVESTIGAZZJONI TAS-SUQ
KAPITOLI V
SETGĦAT INVESTIGATTIVI, TA’ INFURZAR U TA’ MONITORAĠĠ
KAPITOLU VI
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
- ta’ 114
- skont 48
- nazzjonali 37
- għandha 36
- fl-artikolu 29
- tista’ 28
- l-artikolu 26
- kwalunkwe 25
- tagħha 25
- il-kummissjoni 25
- msemmija 23
- informazzjoni 23
- biex 22
- tkun 22
- impriżi 21
- dwar 21
- kompetenti 21
- ir-regolament 21
- titlob 19
- għal 15
- mill-kummissjoni 14
- membru 14
- milli 14
- investigazzjoni 13
- lill-kummissjoni 13
- l-informazzjoni 13
- meta 13
- r-regoli 13
- membri 12
- mhux 12
- meħtieġa 12
- jipprovdu 12
- l-artikolu 12
- l-awtorità 12
- għandhom 12
- għandu 11
- tiegħu 11
- oħra 11
- jonqsu 11
- deċiżjoni 11
- artikolu 10
- tas-suq 10
- minn 10
- permezz 10
- tagħhom 10
- tal-istati 10
- tinforza 10
- żmien 10
- awtorizzati 9
- qarrieqa 9
Artikolu 22
Setgħa biex isiru intervisti u jittieħdu dikjarazzjonijiet
1. Sabiex twettaq il-kompiti tagħha skont dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista’ tintervista kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li taċċetta intervista biex tinġabar informazzjoni relatata mas-suġġett ta’ investigazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tkun intitolata li tirreġistra tali intervisti bi kwalunkwe mezz tekniku.
2. Fejn intervista skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ssir fil-bini ta’ impriża, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-awtorità kompetenti nazzjonali tal-Istat Membru li qed jinforza r-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6) u li fit-territorju tiegħu qed issir l-intervista. Jekk dik l-awtorità titlob hekk, l-uffiċjali tagħha jistgħu jassistu lill-uffiċjali u persuni oħra li qed jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni biex jagħmlu l-intervista.
Artikolu 13
Antiċirkomvenzjoni
1. Impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma ma għandhiex tissegmenta, tiddividi, tissuddividi, tifframmenta jew taqsam dawk is-servizzi permezz ta’ mezzi kuntrattwali, kummerċjali, tekniċi jew kwalunkwe mezz ieħor sabiex jiġu evitati l-limiti kwantitattivi stipulati fl-Artikolu 3(2). L-ebda prattika bħal din ta’ impriża ma għandha tipprevjeni lill-Kummissjoni milli tiddeżinjaha bħala gwardjan skont l-Artikolu 3(4).
2. Il-Kummissjoni tista’, meta tissuspetta li impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tkun involuta fi prattika stipulata fil-paragrafu 1, titlob mingħand dik l-impriża kwalunkwe informazzjoni li hija tqis meħtieġa biex tiddetermina jekk dik l-impriża tkunx involuta f’tali prattika.
3. Il-gwardjan għandu jiżgura li l-obbligi tal-Artikoli 5, 6 u 7 jiġu rrispettati għalkollox u b’mod effettiv.
4. Il-gwardjan ma għandux ikun involut fi kwalunkwe mġiba li timmina l-konformità effettiva mal-obbligi tal-Artikoli 5, 6 u 7 irrispettivament minn jekk dik l-imġiba tkunx ta’ natura kuntrattwali, kummerċjali jew teknika, jew ta’ kwalunkwe natura oħra, jew tikkonsisti fl-użu ta’ tekniki komportamentali jew disinn tal-interfaċċa.
5. Meta jkun meħtieġ il-kunsens għall-ġbir, l-ipproċessar, l-użu trażversali u l-kondiviżjoni ta’ data personali biex tiġi żgurata konformità ma’ dan ir-Regolament, gwardjan għandu jieħu l-passi meħtieġa biex jew jippermetti li l-utenti kummerċjali jiksbu direttament il-kunsens meħtieġ għall-ipproċessar tagħha, meta dak il-kunsens ikun meħtieġ skont ir-Regolament (UE) 2016/679 jew id-Direttiva 2002/58/KE, jew inkella li jikkonforma mar-regoli u l-prinċipji tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data u tal-privatezza b’modi oħra, inkluż billi jipprovdi data anonimizzata lill-utenti kummerċjali kif xieraq u meta xieraq. Il-gwardjan ma għandux jagħmel il-kisba ta’ dak il-kunsens mingħand l-utent kummerċjali aktar diffiċli milli għas-servizzi tiegħu stess.
6. Il-gwardjan ma għandux inaqqas il-kundizzjonijiet jew il-kwalità ta’ xi servizz ewlieni ta’ pjattaforma pprovdut lil utenti kummerċjali jew lil utenti finali li jeżerċitaw id-drittijiet jew l-għażliet stabbiliti fl-Artikoli 5, 6 u 7, jew jagħmel l-eżerċizzju ta’ dawk id-drittijiet jew l-għażliet diffiċli b’mod mhux xieraq, inkluż billi joffri għażliet lill-utent finali b’mod mhux newtrali, jew billi jdgħajjef l-awtonomija tal-utenti finali jew tal-utenti kummerċjali, it-teħid tad-deċiżjonijiet jew l-għażla ħielsa tal-utent permezz tal-istruttura, id-disinn, il-funzjoni jew il-mod tal-operat ta’ interfaċċa tal-utent jew parti minnha.
7. Meta l-gwardjan jevita jew jipprova jevita kwalunkwe wieħed mill-obbligi fl-Artikolu 5, 6 jew 7 b’mod deskritt fil-paragrafi 4, 5 u 6 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni tista’ tiftaħ proċedimenti skont l-Artikolu 20 u tadotta att ta’ implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 8(2) sabiex tispeċifika l-miżuri li l-gwardjan għandu jimplimenta.
8. Il-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu hu mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Kummissjoni skont l-Artikoli 29, 30 u 31.
Artikolu 16
Ftuħ ta’ investigazzjoni tas-suq
1. Meta l-Kummissjoni tkun beħsiebha twettaq investigazzjoni tas-suq bil-ħsieb ta’ adozzjoni possibbli ta’ deċiżjonijiet skont l-Artikoli 17, 18 u 19, din għandha tadotta deċiżjoni tal-ftuħ ta’ investigazzjoni tas-suq.
2. Minkejja l-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista’ teżerċita s-setgħat investigattivi tagħha skont dan ir-Regolament qabel ma tiftaħ investigazzjoni tas-suq skont dak il-paragrafu.
3. Id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tispeċifika:
(a) | id-data tal-ftuħ ta’ investigazzjoni tas-suq; |
(b) | id-deskrizzjoni tal-kwistjoni li dwarha qed issir l-investigazzjoni tas-suq; |
(c) | l-iskop tal-investigazzjoni tas-suq. |
4. Il-Kummissjoni tista’ tiftaħ mill-ġdid investigazzjoni tas-suq li tkun għalqet meta:
(a) | tkun saret bidla materjali f’xi wieħed mill-fatti li fuqhom tkun issejset deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 17, 18 jew 19; jew |
(b) | id-deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 17, 18 jew 19 tkun issejset fuq informazzjoni mhux kompluta, skorretta jew qarrieqa. |
5. Il-Kummissjoni tista’ titlob lil awtorità kompetenti nazzjonali waħda jew aktar biex tassistiha fl-investigazzjoni tas-suq tagħha.
Artikolu 21
Talbiet għall-informazzjoni
1. Sabiex twettaq il-kompiti tagħha skont dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ talba sempliċi jew deċiżjoni, titlob li impriżi u assoċjazzjonijiet ta’ impriżi jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa. Il-Kummissjoni tista’ wkoll, b’talba sempliċi jew b’deċiżjoni, titlob aċċess għal kwalunkwe data u algoritmi ta’ impriżi u informazzjoni dwar l-ittestjar, kif ukoll titlob spjegazzjonijiet dwarhom.
2. Meta tibgħat talba sempliċi għal informazzjoni lil impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi, il-Kummissjoni għandha tiddikjara l-bażi legali u l-iskop tat-talba, tispeċifika liema informazzjoni hi meħtieġa u tiffissa l-limitu ta’ żmien sa meta għandha tingħata l-informazzjoni, kif ukoll il-multi previsti fl-Artikolu 30 applikabbli għall-għoti ta’ informazzjoni jew spjegazzjonijiet mhux kompluti, skorretti jew qarrieqa.
3. Meta l-Kummissjoni titlob l-informazzjoni mingħand impriżi u assoċjazzjonijiet tal-impriżi permezz ta’ deċiżjoni, din għandha tiddikjara l-bażi legali u l-iskop tat-talba, tispeċifika liema informazzjoni hi meħtieġa u tiffissa l-limitu ta’ żmien sa meta għandha tingħata l-informazzjoni. Meta l-Kummissjoni titlob li l-impriżi jipprovdu aċċess għal kwalunkwe data, algoritmi u informazzjoni dwar l-ittestjar, din għandha tiddikjara l-iskop tat-talba u tiffissa l-limitu ta’ żmien sa meta għandu jingħata. Għandha tindika wkoll il-multi previsti fl-Artikolu 30, u tindika jew timponi l-pagamenti perjodiċi ta’ penali previsti fl-Artikolu 31. Għandha tindika wkoll id-dritt li d-deċiżjoni tiġi rieżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja.
4. L-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom jagħtu l-informazzjoni mitluba f’isem l-impriża jew l-assoċjazzjoni ta’ impriżi kkonċernata. L-avukati awtorizzati debitament biex jaġixxu jistgħu jipprovdu l-informazzjoni f’isem il-klijenti tagħhom. Dawn tal-aħħar għandhom jibqgħu responsabbli għalkollox jekk l-informazzjoni mogħtija tkun mhux kompluta, skorretta jew qarrieqa.
5. Meta jintalbu mill-Kummissjoni, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jagħtu l-informazzjoni kollha meħtieġa fil-pussess tagħhom lill-Kummissjoni biex twettaq il-kompiti assenjati lilha minn dan ir-Regolament.
Artikolu 22
Setgħa biex isiru intervisti u jittieħdu dikjarazzjonijiet
1. Sabiex twettaq il-kompiti tagħha skont dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista’ tintervista kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li taċċetta intervista biex tinġabar informazzjoni relatata mas-suġġett ta’ investigazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tkun intitolata li tirreġistra tali intervisti bi kwalunkwe mezz tekniku.
2. Fejn intervista skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ssir fil-bini ta’ impriża, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-awtorità kompetenti nazzjonali tal-Istat Membru li qed jinforza r-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6) u li fit-territorju tiegħu qed issir l-intervista. Jekk dik l-awtorità titlob hekk, l-uffiċjali tagħha jistgħu jassistu lill-uffiċjali u persuni oħra li qed jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni biex jagħmlu l-intervista.
Artikolu 23
Setgħat biex jitwettqu spezzjonijiet
1. Sabiex twettaq il-kompiti tagħha skont dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista’ twettaq l-ispezzjonijiet kollha meħtieġa ta’ impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi.
2. L-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni biex iwettqu spezzjoni għandhom is-setgħa li:
(a) | jidħlu fi kwalunkwe bini, art u mezz tat-trasport tal-impriżi u tal-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi; |
(b) | jeżaminaw il-kotba u rekords oħra marbuta man-negozju, irrispettivament mill-mezz li fih kienu maħżuna; |
(c) | jieħdu jew jiksbu fi kwalunkwe forma kopji ta’ jew siltiet minn tali kotba jew rekords; |
(d) | jirrikjedu li l-impriża jew l-assoċjazzjoni ta’ impriżi tipprovdi aċċess għall-organizzazzjoni, il-funzjonament, is-sistema tal-IT, l-algoritmi, it-trattament tad-data u l-prattiki kummerċjali tagħha u spjegazzjoni dwarhom u li jirreġistraw jew jiddokumentaw l-ispjegazzjonijiet mogħtija permezz ta’ kwalunkwe mezz tekniku; |
(e) | jissiġillaw kwalunkwe bini kummerċjali u kotba jew rekords għall-perjodu ta’ żmien tal-ispezzjoni u sa fejn meħtieġ; |
(f) | jistaqsu lil kwalunkwe rappreżentant jew membru tal-persunal tal-impriża jew tal-assoċjazzjoni ta’ impriżi għal spjegazzjonijiet ta’ fatti jew dokumenti marbuta mas-suġġett u mal-għan tal-ispezzjoni u li jirrekordjaw it-tweġibiet permezz ta’ kwalunkwe mezz tekniku. |
3. Biex twettaq l-ispezzjonijiet, il-Kummissjoni tista’ titlob l-assistenza ta’ awdituri jew esperti maħtura mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 26(2), kif ukoll l-assistenza tal-awtorità kompetenti nazzjonali, li tinforza r-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6), tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha titwettaq l-ispezzjoni.
4. Waqt l-ispezzjonijiet il-Kummissjoni, l-awdituri jew l-esperti maħtura minnha u l-awtorità kompetenti nazzjonali, li tinforza r-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6), tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha titwettaq l-ispezzjoni, jistgħu jirrikjedu li l-impriża jew l-assoċjazzjoni ta’ impriżi tipprovdi aċċess għall-organizzazzjoni, il-funzjonament, is-sistema tal-IT, l-algoritmi, it-trattament tad-data u l-imġiba fin-negozju tagħha u spjegazzjonijiet dwarhom. Il-Kummissjoni u l-awdituri jew l-esperti maħtura minnha u l-awtorità kompetenti nazzjonali, li tinforza r-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6), tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha titwettaq l-ispezzjoni jistgħu jindirizzaw mistoqsijiet lil kwalunkwe rappreżentant jew membru tal-persunal.
5. L-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni biex jagħmlu spezzjoni għandhom jeżerċitaw is-setgħat tagħhom billi jipproduċu awtorizzazzjoni bil-miktub li tispeċifika s-suġġett u l-għan tal-ispezzjoni u l-multi previsti mill-Artikolu 30 applikabbli f’każ li l-produzzjoni tal-kotba jew rekords oħra meħtieġa relatati man-negozju ma jkunux kompluti jew fejn it-tweġibiet għall-mistoqsijiet skont il-paragrafi 2 u 4 ta’ dan l-Artikolu ma jkunux korretti jew ikunu qarrieqa. F’ħin biżżejjed qabel l-ispezzjoni, il-Kummissjoni għandha tibgħat avviż dwar l-ispezzjoni lill-awtorità kompetenti nazzjonali, li tinforza r-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6), tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun ser isseħħ.
6. L-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi jeħtieġ jissottomettu ruħhom għal spezzjoni ordnata permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni. Dik id-deċiżjoni għandha tispeċifika s-suġġett u l-iskop tal-ispezzjoni, tistabbilixxi d-data meta din għandha tibda u tindika l-multi u l-penali perjodiċi ta’ pagamenti previsti fl-Artikoli 30 u 31 rispettivament, kif ukoll id-dritt li dik id-deċiżjoni tiġi rieżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja.
7. Il-persuni awtorizzati jew maħtura mill-awtorità kompetenti nazzjonali li tinforza r-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6), u l-uffiċjali tagħhom, tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha titwettaq l-ispezzjoni, għandhom, fuq talba ta’ dik l-awtorità jew tal-Kummissjoni, jgħinu b’mod attiv lill-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni. Għal dan il-għan, għandhom jingħataw is-setgħat stipulati fil-paragrafi 2 u 4 ta’ dan l-Artikolu.
8. Fejn l-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni isibu li impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi topponi spezzjoni ordnata skont dan l-Artikolu, l-Istat Membru kkonċernat għandu jagħtihom l-għajnuna neċessarja, u jirrikjedi, fejn xieraq, l-għajnuna tal-pulizija jew ta’ awtorità ta’ infurzar oħra ekwivalenti, sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-ispezzjoni tagħhom.
9. Jekk, skont ir-regoli nazzjonali, l-assistenza prevista fil-paragrafu 8 ta’ dan l-Artikolu teħtieġ awtorizzazzjoni minn awtorità ġudizzjarja, il-Kummissjoni jew l-awtorità kompetenti nazzjonali tal-Istat Membru li tinforza r-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6) jew l-uffiċjali awtorizzati minn dawk l-awtoritajiet għandhom japplikaw għaliha. Tista’ wkoll issir applikazzjoni għal tali awtorizzazzjoni bħala miżura ta’ prekawzjoni.
10. Meta tkun saret applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 9 ta’ dan l-Artikolu, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali għandha tivverifika li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tkun awtentika u li l-miżuri koerċittivi previsti la jkunu arbitrarji u lanqas eċċessivi wara li jkun tqies is-suġġett tal-ispezzjoni. Fil-kontroll tagħha tal-proporzjonalità tal-miżuri koerċittivi, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali tista’ titlob lill-Kummissjoni, direttament jew permezz tal-awtorità kompetenti nazzjonali, li tinforza r-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6), tal-Istat Membru għal spjegazzjonijiet dettaljati b’mod partikolari dwar ir-raġunijiet li jkollha l-Kummissjoni biex tissuspetta ksur ta’ dan ir-Regolament, kif ukoll dwar is-serjetà tal-ksur suspettat u dwar in-natura tal-involviment tal-impriża kkonċernata. Madankollu, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali ma tistax tqajjem dubji dwar il-ħtieġa li ssir spezzjoni u lanqas ma tista’ titlob li tingħata l-informazzjoni fil-fajl tal-Kummissjoni. Il-legalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha tkun soġġetta għal rieżami mill-Qorti tal-Ġustizzja biss.
Artikolu 30
Multi
1. Fid-deċiżjoni ta’ nonkonformità, il-Kummissjoni tista’ timponi multi fuq gwardjan li ma jaqbżux l-10 % tal-fatturat dinji totali tiegħu fis-sena finanzjarja preċedenti meta ssib li l-gwardjan, intenzjonalment jew b’negliġenza, jonqos milli jikkonforma ma’:
(a) | kwalunkwe wieħed mill-obbligi stipulati fl-Artikoli 5, 6 u 7; |
(b) | il-miżuri speċifikati mill-Kummissjoni f’deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 8(2); |
(c) | ir-rimedji imposti skont l-Artikolu 18(1); |
(d) | il-miżuri interim ordnati skont l-Artikolu 24; jew |
(e) | l-impenji magħmula vinkolanti legalment skont l-Artikolu 25. |
2. Minkejja l-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, fid-deċiżjoni ta’ nonkonformità l-Kummissjoni tista’ timponi multi fuq gwardjan sa 20 % tal-fatturat totali tiegħu madwar id-dinja fis-sena finanzjarja preċedenti meta ssib li gwardjan ikun wettaq l-istess ksur jew ksur simili ta’ obbligu stipulat fl-Artikolu 5, 6 jew 7 fir-rigward tal-istess servizz ewlieni ta’ pjattaforma li nstab li wettaq f’deċiżjoni ta’ nonkonformità adottata fit-tmien snin preċedenti.
3. Il-Kummissjoni tista’ tadotta deċiżjoni, li timponi fuq impriżi, inkluż gwardjani fejn applikabbli, u assoċjazzjonijiet ta’ impriżi, multi li ma jaqbżux 1 % tal-fatturat dinji totali tagħhom fis-sena finanzjarja preċedenti meta dawn intenzjonalment jew b’negliġenza:
(a) | jonqsu milli jipprovdu informazzjoni fil-limitu ta’ żmien li hija meħtieġa għall-valutazzjoni tad-deżinjazzjoni tagħhom bħala gwardjani skont l-Artikolu 3 jew jipprovdu informazzjoni skorretta, mhux kompluta jew qarrieqa; |
(b) | jonqsu milli jikkonformaw mal-obbligu li jinnotifikaw lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 3(3); |
(c) | jonqsu milli jinnotifikaw informazzjoni jew jipprovdu informazzjoni skorretta, mhux kompluta jew qarrieqa li hija meħtieġa skont l-Artikolu 14; |
(d) | jonqsu milli jagħtu d-deskrizzjoni jew jipprovdu informazzjoni skorretta, mhux kompluta jew qarrieqa li hija meħtieġa skont l-Artikolu 15; |
(e) | jonqsu milli jipprovdu aċċess għad-data, algoritmi jew informazzjoni dwar ittestjar b’risposta għal talba magħmula skont l-Artikolu 21(3); |
(f) | jonqsu milli jipprovdu l-informazzjoni mitluba fil-limitu ta’ żmien stabbilit skont l-Artikolu 21(3) jew jipprovdu informazzjoni jew spjegazzjonijiet skorretti, mhux kompluti jew qarrieqa li huma mitluba skont l-Artikolu 21 jew li huma mogħtija waqt intervista skont l-Artikolu 22; |
(g) | jonqsu milli jirrettifikaw f’limitu ta’ żmien stabbilit mill-Kummissjoni, informazzjoni skorretta, mhux kompluta jew qarrieqa mogħtija minn rappreżentant jew membru tal-persunal, jew jonqsu milli, jew jirrifjutaw li, jipprovdu informazzjoni kompluta dwar fatti relatati mas-suġġett u l-għan ta’ spezzjoni, skont l-Artikolu 23; |
(h) | jirrifjutaw li jissottomettu ruħhom għal spezzjoni skont l-Artikolu 23; |
(i) | jonqsu milli jikkonformaw mal-obbligi imposti mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 26; |
(j) | jonqsu milli jintroduċu funzjoni ta’ verifika tal-konformità skont l-Artikolu 28; jew |
(k) | jonqsu milli jikkonformaw mal-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 34(4). |
4. Fl-iffissar tal-ammont ta’ multa, il-Kummissjoni għandha tqis il-gravità, it-tul ta’ żmien, ir-rikorrenza u, għall-multi imposti skont il-paragrafu 3, id-dewmien ikkawżat fil-proċedimenti.
5. Meta tiġi imposta multa fuq assoċjazzjoni ta’ impriżi li tqis il-fatturat dinji tal-membri tagħha u dik l-assoċjazzjoni ma tkunx solventi, hija għandha tkun obbligata titlob kontribuzzjonijiet mingħand il-membri tagħha biex tkopri l-ammont tal-multa.
Meta dawn il-kontribuzzjonijiet ma jkunux saru lill-assoċjazzjoni ta’ impriżi f’limitu ta’ żmien stabbilit mill-Kummissjoni, il-Kummissjoni tista’ titlob il-pagament tal-multa direttament mingħand kwalunkwe impriża li r-rappreżentanti tagħha kienu membri tal-korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet ikkonċernati ta’ dik l-assoċjazzjoni.
Wara li tkun talbet il-pagament skont it-tieni subparagrafu, il-Kummissjoni tista’ titlob il-pagament tal-bilanċ minn kwalunkwe wieħed mill-membri tal-assoċjazzjoni ta’ impriżi, meta meħtieġ, biex tiżgura l-pagament kollu tal-multa.
Iżda l-Kummissjoni ma għandhiex titlob pagament skont it-tieni jew it-tielet subparagrafu mingħand impriżi li juru li ma implimentawx id-deċiżjoni tal-assoċjazzjoni ta’ impriżi li kisru dan ir-Regolament, u ma kinux konxji mill-eżistenza tagħha, jew iddistanzjaw ruħhom b’mod attiv minnha qabel ma l-Kummissjoni tkun fetħet il-proċedimenti skont l-Artikolu 20.
Ir-responsabbiltà finanzjarja ta’ kull impriża fir-rigward tal-pagament tal-multa ma għandhiex taqbeż 20 % tal-fatturat dinji totali tagħha fis-sena finanzjarja preċedenti.
Artikolu 38
Kooperazzjoni u koordinazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali li jinfurzaw ir-regoli dwar il-kompetizzjoni
1. Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tal-Istati Membri li jinfurzaw ir-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6) għandhom jikkooperaw bejniethom u jinfurmaw lil xulxin dwar l-azzjonijiet ta’ infurzar rispettivi tagħhom permezz tan-Network Ewropew għall-Kompetizzjoni (NEK). Huma għandu jkollhom is-setgħa li jipprovdu lil xulxin kwalunkwe informazzjoni dwar kwistjoni ta’ fatt jew ta’ dritt, inkluż informazzjoni kunfidenzjali. Fejn l-awtorità kompetenti ma tkunx membru tan-NEK, il-Kummissjoni għandha tagħmel l-arranġamenti meħtieġa għall-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni dwar każijiet li jikkonċernaw l-infurzar ta’ dan ir-Regolament u l-infurzar tal-każijiet imsemmija fl-Artikolu 1(6) ta’ tali awtoritajiet. Il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi tali arranġamenti f’att ta’ implimentazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 46(1), punt (l).
2. Fejn awtorità kompetenti nazzjonali tal-Istati Membri li tinforza r-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6) tkun biħsiebha tniedi investigazzjoni dwar gwardjani abbażi ta’ liġijiet nazzjonali msemmija fl-Artikolu 1(6), hija għandha tinforma lill-Kummissjoni bil-miktub dwar l-ewwel miżura investigattiva formali, qabel jew immedjatament wara l-bidu ta’ tali miżura. Din l-informazzjoni tista’ titqiegħed ukoll għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali li jinfurzaw ir-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6) tal-Istati Membri l-oħra.
3. Fejn awtorità nazzjonali nazzjonali tal-Istati Membri li tinforza r-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6) tkun biħsiebha timponi obbligi fuq gwardjani abbażi ta’ liġijiet nazzjonali msemmija fl-Artikolu 1(6), hija għandha, sa mhux aktar tard minn 30 jum qabel l-adozzjoni tiegħu, tikkomunika l-abbozz tal-miżura lill-Kummissjoni billi tiddikjara r-raġunijiet għall-miżura. Fil-każ ta’ miżuri interim, l-awtorità kompetenti nazzjonali tal-Istati Membri li jinfurzaw ir-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6) għandha tikkomunika lill-Kummissjoni l-abbozz tal-miżuri previsti malajr kemm jista’ jkun, u mhux aktar tard minn immedjatament wara l-adozzjoni ta’ tali miżuri. Din l-informazzjoni tista’ titqiegħed ukoll għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali li jinfurzaw ir-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6) tal-Istati Membri l-oħra.
4. Il-mekkaniżmi ta’ informazzjoni previsti fil-paragrafi 2 u 3 ma għandhomx japplikaw għal deċiżjonijiet previsti skont ir-regoli nazzjonali dwar il-fużjonijiet.
5. L-informazzjoni skambjata skont il-paragrafi 1 sa 3 ta’ dan l-Artikolu għandha tiġi skambjata u użata biss għall-fini ta’ koordinazzjoni tal-infurzar ta’ dan ir-Regolament u r-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6).
6. Il-Kummissjoni tista’ titlob lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tal-Istati Membri li jinfurzaw ir-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6) biex jappoġġaw kwalunkwe investigazzjoni tas-suq tagħha skont dan ir-Regolament.
7. Fejn ikollha l-kompetenza u s-setgħat investigattivi biex tagħmel dan skont il-liġi nazzjonali, awtorità kompetenti nazzjonali tal-Istati Membri li tinforza r-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6) tista’ fuq inizjattiva tagħha stess twettaq investigazzjoni dwar każ ta’ nonkonformità possibbli mal-Artikoli 5, 6 u 7 ta’ dan ir-Regolament fit-territorju tagħha. Qabel ma tieħu l-ewwel miżura investigattiva formali, dik l-awtorità għandha tinforma lill-Kummissjoni bil-miktub.
Il-ftuħ ta' proċedimenti mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 20 għandu jeħles lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tal-Istati Membri li jinfurzaw ir-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6) mill-possibbiltà li jwettqu tali investigazzjoni jew għandu jtemm l-investigazzjoni fejn din tkun diġà għaddejja. Dawk l-awtoritajiet għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni dwar is-sejbiet ta’ tali investigazzjoni sabiex jappoġġaw lill-Kummissjoni fir-rwol tagħha bħala infurzatur uniku ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 39
Kooperazzjoni mal-qrati nazzjonali
1. Fi proċedimenti għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-qrati nazzjonali jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni biex tittrażmettilhom l-informazzjoni fil-pussess tagħha jew l-opinjoni tagħha dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.
2. L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni kopja ta’ kwalunkwe sentenza bil-miktub tal-qrati nazzjonali li tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Tali kopja għandha tintbagħat mingħajr dewmien wara li s-sentenza sħiħa bil-miktub tiġi nnotifikata lill-partijiet.
3. Fejn l-applikazzjoni koerenti ta’ dan ir-Regolament teħtieġ hekk, il-Kummissjoni, waqt li taġixxi fuq inizjattiva tagħha stess, tista’ tissottometti osservazzjonijiet bil-miktub lill-qrati nazzjonali. Bil-permess tal-qorti inkwistjoni, hija tista’ tagħmel ukoll osservazzjonijiet bil-fomm.
4. Għall-fini tat-tħejjija tal-osservazzjonijiet tagħhom biss, il-Kummissjoni tista’ titlob lill-qorti nazzjonali rilevanti biex tittrażmetti jew tiżgura t-trażmissjoni lill-Kummissjoni ta’ kwalunkwe dokument meħtieġ għall-valutazzjoni tal-każ.
5. Il-qrati nazzjonali ma għandhomx jieħdu deċiżjoni li tmur kontra deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni skont dan ir-Regolament. Huma għandhom jevitaw li jieħdu deċiżjonijiet li huma f’kunflitt ma deċiżjoni kontemplata mil-Kummissjoni fi proċedimenti li tkun bdiet skont dan ir-Regolament. Għal dak il-għan, il-qorti nazzjonali tista’ tivvaluta jekk huwiex neċessarju li tissospendi l-proċedimenti tagħha. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà għall-qrati nazzjonali li jitolbu deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE.
Artikolu 50
Proċedura ta’ Kumitat
1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat (“il-Kumitat Konsultattiv għas-Swieq Diġitali”). Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
Fejn l-opinjoni tal-Kumitat tkun trid tinkiseb permezz tal-proċedura bil-miktub, dik il-proċedura għandha tittermina mingħajr riżultat fejn, fil-limitu ta’ żmien għall-għoti tal-opinjoni, il-President tal-Kumitat hekk jiddeċiedi, jew maġġoranza sempliċi tal-membri tal-Kumitat titlob li jsir hekk.
3. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
4. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-opinjoni tal-kumitat lid-destinatarju ta’ deċiżjoni individwali, flimkien ma’ dik id-deċiżjoni. Għandha tippubblika l-opinjoni flimkien mad-deċiżjoni individwali, filwaqt li tqis l-interess leġittimu fil-protezzjoni tas-segretezza professjonali.
whereas