(11) L-inċertezza legali fir-rigward tal-estrazzjoni tat-testi u tad-data jenħtieġ li tiġi indirizzata billi tkun prevista eċċezzjoni obbligatorja fir-rigward ta' universitajiet u organizzazzjonijiet ta' riċerka oħrajn, kif ukoll għal istituzzjonijiet tal-wirt kulturali, għad-dritt ta' riproduzzjoni esklussiv u għad-dritt li ma titħalliex issir estrazzjoni minn bażi tad-data.
F'konformità mal-politika ta' riċerka tal-Unjoni eżistenti, li tinkoraġġixxi lill-universitajiet u l-istituti ta' riċerka biex jikkollaboraw mas-settur privat, l-organizzazzjonijiet ta' riċerka jenħtieġ li jibbenefikaw ukoll mill-eċċezzjoni meta l-attivitajiet tar-riċerka tagħhom jitwettqu fil-qafas ta' sħubiji pubbliċi-privati.
Filwaqt li l-organizzazzjonijiet ta' riċerka u l-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali jenħtieġ li jkomplu jkunu l-benefiċjarji ta' dik l-eċċezzjoni, jenħtieġ li huma jkunu jistgħu wkoll jiddependu fuq is-sħab privati tagħhom biex iwettqu estrazzjoni tat-testi u tad-data, inkluż bl-użu tal-għodod teknoloġiċi tagħhom.
- = -
(28) L-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali mhux neċessarjament ikollhom il-mezzi tekniċi jew il-kompetenza esperta biex iwettqu l-atti meħtieġa biex jippreservaw il-kollezzjonijiet tagħhom huma stess, b'mod partikolari fl-ambjent diġitali, u għalhekk jistgħu jirrikorru għall-assistenza ta' istituzzjonijiet kulturali oħrajn u partijiet terzi oħrajn għal dak l-iskop. Taħt l-eċċezzjoni għall-finijiet ta' preservazzjoni previsti minn din id-Direttiva, l-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali jenħtieġ li jitħallew jiddependu fuq partijiet terzi li jaġixxu f'isimhom u taħt ir-responsabbiltà tagħhom, inklużi dawk li huma bbażati fi Stati Membri oħrajn, biex isiru l-kopji.
- = -
(44) Il-mekkaniżmi ta' liċenzjar kollettiv b'effett estiż jippermettu lil organizzazzjoni ta' mmaniġġjar kollettiv toffri liċenzji bħala korp ta' liċenzjar kollettiv f'isem id-detenturi tad-drittijiet irrispettivament jekk huma jkunux awtorizzaw lill-organizzazzjoni biex tagħmel dan.
Is-sistemi mibnija fuq mekkaniżmi bħal-liċenzjar kollettiv estiż, il-mandati legali jew il-preżunzjonijiet ta' rappreżentazzjoni, huma prattika stabbilita sew f'diversi Stati Membri u jistgħu jintużaw f'oqsma differenti.
Qafas li jiffunzjona dwar id-drittijiet tal-awtur li jaħdem għall-partijiet kollha jeħtieġ id-disponibbiltà ta' mekkaniżmi proporzjonati u legali għal-liċenzjar tax-xogħlijiet jew ta' materjal ieħor.
Għaldaqstant, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jiddependu fuq soluzzjonijiet, li jippermettu lill-organizzazzjonijiet ta' mmaniġġjar kollettiv joffru liċenzji li jkopru numru potenzjalment kbar ta' xogħlijiet jew materjal ieħor għal ċerti tipi ta' użu, u li jqassmu d-dħul li jirriżulta minn tali liċenzji lid-detenturi tad-drittijiet, skont id-Direttiva 2014/26/UE.
- = -
(52) Sabiex ikun iffaċilitat il-liċenzjar ta' drittijiet f'xogħlijiet awdjoviżivi għal servizzi video-on-demand, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu meħtieġa jipprevedu mekkaniżmu ta' negozjar li jippermetti lill-partijiet interessati li jixtiequ jikkonkludu ftehim sabiex iserrħu fuq l-għajnuna ta' korp imparzjali jew ta' medjatur wieħed jew aktar.
Għal dak il-għan, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu permessi jistabbilixxu korp ġdid jew jiddependu fuq wieħed eżistenti li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti minn din id-Direttiva.
L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jaħtru korp jew medjatur kompetenti wieħed jew aktar.
Il-korp jew il-medjatur jenħtieġ li jiltaqgħu mal-partijiet u jgħinu fin-negozjati billi jagħtu pariri professjonali, imparzjali u esterni.
Fejn negozjat jinvolvi partijiet minn Stati Membri differenti u fejn dawk il-partijiet jiddeċiedu li jserrħu fuq il-mekkaniżmu ta' negozjar, il-partijiet jenħtieġ li jaqblu bejniethom minn qabel dwar l-Istat Membru kompetenti.
Il-korp jew il-medjaturi jistgħu jiltaqgħu mal-partijiet biex jiffaċilitaw il-bidu tan-negozjati jew matul in-negozjati biex jiffaċilitaw il-konklużjoni ta' ftehim.
Il-parteċipazzjoni f'dak il-mekkaniżmu ta' negozjar u l-konklużjoni sussegwenti ta' ftehimiet jenħtieġ li jkunu volontarji u jenħtieġ li ma jaffettwawx il-libertà kuntrattwali tal-partijiet.
L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu liberi li jiddeċiedu dwar il-funzjonament speċifiku tal-mekkaniżmu ta' negozjar, inkluż iż-żmien u d-durata tal-għajnuna għan-negozjati u tal-ġarr tal-ispejjeż.
L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-piżijiet amministrattivi u finanzjarji jibqgħu proporzjonati biex jiggarantixxu l-effiċjenza tal-mekkaniżmu ta' negozjar.
Mingħajr ma dan ikun obbligu għalihom, l-Istati Membri jenħtieġ li jħeġġu d-djalogu bejn l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi.
- = -
(79) L-awturi u l-artisti ta' spiss isibuha bi tqila biex jinfurzaw id-drittijiet tagħhom kontra s-sħab kuntrattwali tagħhom quddiem qorti jew tribunal.
Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jipprevedu proċedura alternattiva għas-soluzzjoni tat-tilwim li tindirizza talbiet minn awturi u artisti jew mir-rappreżentanti tagħhom f'isimhom, relatati ma' obbligi tat-trasparenza u l-mekkaniżmu ta' aġġustament tal-kuntratt.
Għal dak il-għan, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jistabbilixxu korp jew mekkaniżmu ġdid, jew jiddependu fuq wieħed eżistenti li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti minn din id-Direttiva, irrispettivament minn jekk dawk il-korpi jew mekkaniżmi humiex immexxija mill-industrija jew pubbliċi, inkluż meta jkunu parti mis-sistema ġudizzjarja nazzjonali.
Jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom il-flessibbiltà biex jiddeċiedu kif għandhom jiġu allokati l-ispejjeż tal-proċedura għas-soluzzjoni tat-tilwim.
Tali proċedura alternattiva għas-soluzzjoni tat-tilwim jenħtieġ li tkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-partijiet li jasserixxu u jiddefendu id-drittijiet tagħhom billi jieħdu azzjoni f'qorti.
- = -