search


keyboard_tab Data Act 2023/2854 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2023/2854 MT cercato: 'tal-parti' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index tal-parti:

    KAPITOLU I
    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    KAPITOLU II
    KONDIVIŻJONI TAD-DATA BEJN NEGOZJU U KONSUMATUR U BEJN IN-NEGOZJI
  • 6 Artikolu 5 Dritt tal-utent li jikkondividi data ma' partijiet terzi

  • KAPITOLU III
    OBBLIGI GĦAD-DETENTURI TAD-DATA OBBLIGATI LI JAGĦMLU D-DATA DISPONIBBLI SKONT IL-LIĠI TAL-UNJONI
  • 2 Artikolu 10 Soluzzjoni tat-tilwim

  • KAPITOLU IV
    TERMINI KUNTRATTWALI INĠUSTI RELATATI MAL-AĊĊESS GĦAD-DATA U L-UŻU BEJN L-INTRAPRIŻI

    KAPITOLU V
    IT-TQEGĦID TAD-DATA GĦAD-DISPOŻIZZJONI TAL-KORPI TAS-SETTUR PUBBLIKU, TAL-KUMMISSJONI, TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW U TAL-KORPI TAL-UNJONI ABBAŻI TA' ĦTIEĠA EĊĊEZZJONALI
  • 6 Artikolu 13 Termini kuntrattwali inġusti imposti unilateralment fuq intrapriża oħra

  • KAPITOLU VI
    QLIB BEJN IS-SERVIZZI TAL-IPPROĊESSAR TAD-DATA

    KAPITOLU VII
    AĊĊESS U TRASFERIMENT GOVERNATTIV INTERNAZZJONALI ILLEGALI TA' DATA MHUX PERSONALI

    KAPITOLU VIII
    INTEROPERABBILTÀ

    KAPITOLU IX
    IMPLIMENTAZZJONI U INFURZAR

    KAPITOLU X
    DRITT SUI GENERIS SKONT ID-DIRETTIVA 96/9/KE

    KAPITOLU XI
    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI


whereas tal-parti:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 785

 

Artikolu 5

Dritt tal-utent li jikkondividi data ma' partijiet terzi

1.   Fuq talba minn utent, jew minn parti li taġixxi f'isem utent, id-detentur tad-data għandu jagħmel disponibbli data faċilment disponibbli, kif ukoll il- metadata rilevanti neċessarja biex tiġi interpretata u użata dik id-data, lil parti terza mingħajr dewmien żejjed, bl-istess kwalità kif disponibbli għad-detentur tad-data faċilment, b'mod sigur, mingħajr ħlas għall-utent, f'format komprensiv, strutturat, użat b'mod komuni u li jinqara minn magna u, fejn rilevanti u teknikament fattibbli, kontinwament u f'ħin reali. Id-data għandha ssir disponibbli mid-detentur tad-data għall-parti terza f’konformità mal-Artikoli 8 u 9.

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għal data faċilment disponibbli fil-kuntest tal-ittestjar ta' prodotti konnessi, sustanzi jew proċessi ġodda li għadhom ma tqiegħdux fis-suq sakemm l-użu tagħhom minn parti terza ma jkunx permess kuntrattwalment.

3.   Kwalunkwe impriża maħtura bħala gwardjan, skont l-Artikolu 3 tar- Regolament (UE) 2022/1925, ma għandhiex tkun parti terza eliġibbli skont dan l-Artikolu u għalhekk ma għandhiex:

(a)

tħajjar jew tinċentiva kummerċjalment utent bi kwalunkwe mod, inkluż billi tipprovdi kumpens monetarju jew kwalunkwe kumpens ieħor, biex tagħmel id-data disponibbli għal wieħed mis-servizzi tiegħu li l-utent ikun kiseb wara talba skont l-Artikolu 4(1);

(b)

tfittex jew tinċentiva kummerċjalment utent biex jitlob lid-detentur tad-data jagħmel id-data disponibbli għal wieħed mis-servizzi tiegħu skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu;

(c)

tirċievi data minn utent li l-utent ikun kiseb wara talba skont l-Artikolu 4(1).

4.   Għall-fini ta' verifika ta' jekk persuna fiżika jew ġuridika tikkwalifikax bħala utent jew bħala parti terza għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-utent jew il-parti terza ma għandhiex tirrikjedi li l-utent jipprovdi kwalunkwe informazzjoni lil hinn minn dak neċessarju. Id-detenturi tad-data ma għandhom iżommu l-ebda informazzjoni dwar l-aċċess tal-parti terza għad-data mitluba lil hinn minn dak li huwa neċessarju għall-eżekuzzjoni tajba tat-talba għal aċċess tal-parti terza u għas-sigurtà u l-manutenzjoni tal-infrastruttura tad-data.

5.   Il-parti terza ma għandhiex tuża mezzi koerċittivi jew ta' abbuż li juru lakuni evidenti fl-infrastruttura teknika ta' detentur tad-data li hija mfassla għall-protezzjoni tad-data sabiex tikseb aċċess għad-data.

6.   Id-detentur tad-data ma għandu juża l-ebda data faċilment disponibbli biex jikseb għarfien dwar is-sitwazzjoni ekonomika, l-assi u l-metodi ta' produzzjoni tal-parti terza jew l-użu minnha b’xi mod ieħor li jistgħu jimminaw il-pożizzjoni kummerċjali tal-parti terza fis-swieq li fihom hija attiva l-parti terza, sakemm il-parti terza ma tkunx tat permess għal tali użu u jkollha l-possibbiltà teknika li tirtira faċilment dak il-permess fi kwalunkwe ħin.

7.   Meta l-utent ma jkunx is-suġġett tad-data li tkun intalbet id-data personali tiegħu, kwalunkwe data personali ġġenerata bl-użu ta' prodott konness jew servizz relatat għandha ssir disponibbli mid-detentur tad-data lill-parti terza biss meta jkun hemm bażi legali valida għall-ipproċessar skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2016/679 u, fejn rilevanti, huma ssodisfati l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 9 ta' dak ir-Regolament u tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58/KE.

8.   Kwalunkwe nuqqas min-naħa tad-detentur tad-data u tal-parti terza milli jaqbel fuq arranġamenti għat-trażmissjoni tad-data ma għandux ifixkel, jipprevjeni jew jinterferixxi mal-eżerċitar tad-drittijiet tas-suġġett tad-data skont ir-Regolament (UE) 2016/679 u, b'mod partikolari, mad-dritt għall-portabbiltà tad-data skont l-Artikolu 20 ta' dak ir-Regolament.

9.   Is-sigrieti kummerċjali għandhom jiġu ppreservati u għandhom jiġu divulgati lil partijiet terzi biss safejn tali divulgazzjoni jkun strettament neċessarju biex jintlaħaq l-għan miftiehem bejn l-utent u l-parti terza. Id-detentur tad-data jew, fejn dawn ma jkunux l-istess persuna, id-detentur ta' sigriet kummerċjali għandu jidentifika d-data li hija protetta bħala sigrieti kummerċjali, inkluż fil- metadata rilevanti, u għandu jaqbel mal-parti terza dwar miżuri tekniċi u organizzattivi proporzjonati neċessarji biex tiġi ppreservata l-kunfidenzjalità tad-data kondiviża, bħal mudelli ta' termini kuntrattwali, ftehimiet ta' kunfidenzjalità, protokolli stretti ta' aċċess, standards tekniċi u l-applikazzjoni ta' kodiċijiet ta' kondotta.

10.   Meta ma jkun hemm l-ebda ftehim dwar il-miżuri neċessarji msemmija fil-paragrafu 9 ta’ dan l-Artikolu jew jekk il-parti terza tonqos milli timplimenta l-miżuri miftiehma skont il-paragrafu 9 ta’ dan l-Artikolu jew timmina l-kunfidenzjalità tas-sigrieti kummerċjali, id-detentur tad-data jista' jżomm jew, skont il-każ, jissospendi l-kondiviżjoni tad-data identifikata bħala sigrieti kummerċjali. Id-deċiżjoni tad-detentur tad-data għandha tiġi debitament issostanzjata u pprovduta bil-miktub lill-parti terza mingħajr dewmien żejjed. F'każijiet bħal dawn, id-detentur tad-data għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti maħtura skont l-Artikolu l-Artikolu 37 li jkun żamm jew issospenda l-kondiviżjoni tad-data u jidentifika liema miżuri ma ġewx miftiehma jew implimentati jew, fejn rilevanti, liema kunfidenzjalità ta' sigrieti kummerċjali ġiet imminata.

11.   F'ċirkostanzi eċċezzjonali, meta d-detentur tad-data li jkun detentur ta' sigriet kummerċjali jista' juri li huwa probabbli ħafna li jġarrab dannu ekonomiku serju mid-divulgazzjoni ta' sigrieti kummerċjali, minkejja l-miżuri tekniċi u organizzattivi meħuda mill-parti terza skont il-paragrafu 9 ta' dan l-Artikolu, dak id-detentur tad-data jista' jirrifjuta fuq bażi ta' każ b'każ talba għal aċċess għad-data speċifika inkwistjoni. Dik id-dimostrazzjoni għandha tkun debitament sostanzjata abbażi ta' elementi oġġettivi, b'mod partikolari l-infurzabbiltà tal-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali f'pajjiżi terzi, in-natura u l-livell ta' kunfidenzjalità tad-data mitluba, u l-uniċità u n-novità tal-prodott konness, u għandha tiġi pprovduta bil-miktub lill-parti terza mingħajr dewmien żejjed. Meta d-detentur tad-data jirrifjuta li jikkondividi d-data skont dan il-paragrafu, huwa għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti maħtura skont l-Artikolu 37.

12.   Mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-parti terza li tfittex rimedju fi kwalunkwe stadju quddiem qorti jew tribunal ta' Stat Membru, parti terza li tixtieq tikkontesta d-deċiżjoni ta' detentur tad-data li jirrifjuta jew li jżomm jew jissospendi l-kondiviżjoni tad-data skont il-paragrafi 10 u 11 tista':

(a)

tressaq, f'konformità mal-Artikolu 37(5), il-punt (b), ilment mal-awtorità kompetenti, li għandha, mingħajr dewmien żejjed, tiddeċiedi jekk u taħt liema kundizzjonijiet il-kondiviżjoni tad-data trid tibda jew tkompli; jew

(b)

taqbel mad-detentur tad-data li tirreferi l-kwistjoni lil korp għas-soluzzjoni tat-tilwim f'konformità mal-Artikolu 10(1).

13.   Id-dritt imsemmi fil-paragrafu 1 ma għandux jaffettwa b'mod ħażin id-drittijiet ta' suġġetti tad-data oħra skont il-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data personali.

Artikolu 10

Soluzzjoni tat-tilwim

1.   L-utenti, id-detenturi tad-data u r-riċevituri tad-data għandu jkollhom aċċess għal korp għas-soluzzjoni tat-tilwim, iċċertifikat f'konformità mal-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu, biex isolvi tilwim skont l-Artikolu 4(3) u (9) tal-Artikolu 5(12) kif ukoll tilwim relatati mat-termini u kundizzjonijiet ġusti, raġonevoli u nondiskriminatorji, u l-mod trasparenti, kif id-data ssir disponibbli f'konformità ma’ dan il-Kapitolu u l-Kapitolu IV.

2.   Il-korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim għandhom jagħmlu t-tariffi, jew il-mekkaniżmi użati biex jiġu ddeterminati t-tariffi, magħrufa lill-partijiet ikkonċernati qabel ma dawk il-partijiet jitolbu deċiżjoni.

3.   Għat-tilwim riferut lil korp għas-soluzzjoni tat-tilwim skont l-Artikolu 4(3) u (9) u l-Artikolu 5(12), meta l-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim jiddeċiedi tilwima favur l-utent jew ir-riċevitur tad-data, id-detentur tad-data għandu jħallas it-tariffi kollha imposti mill-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim u għandu jirrimborża lil dak l-utent jew lil dak ir-riċevitur tad-data kwalunkwe spiża raġonevoli oħra li jkun ġarrab b'rabta mas-soluzzjoni tat-tilwima. Jekk il-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim jiddeċiedi tilwima favur id-detentur tad-data, l-utent jew ir-riċevitur tad-data ma għandux ikun meħtieġ jirrimborża kwalunkwe tariffa jew spiża oħra li d-detentur tad-data jkun ħallas jew irid iħallas b'rabta mas-soluzzjoni tat-tilwima, sakemm il-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim ma jsibx li l-utent jew ir-riċevitur tad-data aġixxa b'mala fide ċara.

4.   Il-klijenti u l-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data għandu jkollhom aċċess għal korp għas-soluzzjoni tat-tilwim, iċċertifikat f'konformità mal-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu, biex isolvu t-tilwim relatat mal-ksur tad-drittijiet tal-klijenti u l-obbligi tal-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data, f'konformità mal-Artikoli 23 u 31.

5.   L-Istat Membru fejn ikun stabbilit il-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim għandu, fuq talba ta' dak il-korp, jiċċertifika lil dak il-korp meta jkun wera li jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

ikun imparzjali u indipendenti, u joħroġ id-deċiżjonijiet tiegħu f'konformità ma' regoli ta' proċedura ċari, nondiskriminatorji u ġusti;

(b)

ikollu l-għarfien espert neċessarju, b'mod partikolari fir-rigward tad-determinazzjoni ta' termini u kundizzjonijiet ġusti, raġonevoli u nondiskriminatorji, inkluż il-kumpens, u dwar id-data tkun magħmula disponibbli b’mod trasparenti, li jippermetti lill-korp jiddetermina b'mod effettiv dawk it-termini u l-kondizzjonijiet;

(c)

ikun faċilment aċċessibbli permezz tat-teknoloġija tal-komunikazzjoni elettronika;

(d)

ikun kapaċi jadotta d-deċiżjonijiet tiegħu b'mod rapidu, effiċjenti u kosteffettiv b'mill-inqas lingwa waħda uffiċjali tal-Unjoni.

6.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim iċċertifikati f'konformità mal-paragrafu 5. Il-Kummissjoni għandha tippubblika lista ta' dawk il-korpi fuq sit web iddedikat u żżommha aġġornata.

7.   Korp għas-soluzzjoni tat-tilwim għandu jirrifjuta li jittratta talba biex isolvi tilwima li tkun diġà tressqet quddiem korp ieħor għas-soluzzjoni tat-tilwim jew quddiem qorti jew tribunal ta' Stat Membru.

8.   Korp għas-soluzzjoni tat-tilwim għandu jagħti lill-partijiet il-possibbiltà, f'perjodu ta' żmien raġonevoli, li jesprimi l-opinjonijiet tiegħu dwar il-kwistjonijiet li dawk il-partijiet ikunu ressqu quddiem dak il-korp. F'dak il-kuntest, kull parti f’tilwima għandha tingħata s-sottomissjonijiet tal-parti l-oħra involuta fit-tilwima tagħhom u kwalunkwe dikjarazzjoni magħmula mill-esperti. Il-partijiet għandhom jingħataw il-possibbiltà li jikkummentaw dwar dawk is-sottomissjonijiet u d-dikjarazzjonijiet.

9.   Korp għas-soluzzjoni tat-tilwim għandu jadotta d-deċiżjoni tagħha dwar kwistjoni riferuta lilu fi żmien 90 jum minn meta jkun irċieva talba skont il-paragrafi 1 u 4. Dik id-deċiżjoni għandhatkunu bil-miktub jew fuq mezz durabbli u għandha tkun appoġġata minn dikjarazzjoni tar-raġunijiet.

10.   Il-korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim għandhom ifasslu u jagħmlu disponibbli għall-pubbliku rapporti annwali tal-attività. Talirapporti annwali għandhom jinkludu, b'mod partikolari, l-informazzjoni ġenerali li ġejja:

(a)

aggregazzjoni tal-eżiti tat-tilwim;

(b)

iż-żmien medju meħud biex tiġi solvuta tilwima;

(c)

l-aktar raġunijiet komuni għat-tilwim.

11.   Sabiex jiffaċilita l-iskambju ta' informazzjoni u l-aħjar prattiki, korp għas-soluzzjoni tat-tilwim jista' jiddeċiedi li jinkludi rakkomandazzjonijiet fir-rapport imsemmi fil-paragrafu 10 dwar kif il-problemi jistgħu jiġu evitati jew solvuti.

12.   Id-deċiżjoni ta' korp għas-soluzzjoni tat-tilwim għandha tkun vinkolanti fuq il-partijiet biss jekk il-partijiet ikunu taw kunsens espliċitu għan-natura vinkolanti tagħha qabel il-bidu tal-proċedimenti għas-soluzzjoni tat-tilwim.

13.   Dan l-Artikolu ma jaffettwax id-dritt tal-partijiet li jfittxu rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal ta' Stat Membru.

Artikolu 13

Termini kuntrattwali inġusti imposti unilateralment fuq intrapriża oħra

1.   Terminu kuntrattwali li jikkonċerna l-aċċess għad-data u l-użu tagħha jew ir-responsabbiltà u r-rimedji għall-ksur jew it-terminazzjoni ta' obbligi relatati mad-data, li jkun ġie impost unilateralment minn intrapriża fuq intrapriża oħra, ma għandux ikun vinkolanti fuq l-intrapriża tal-aħħar jekk ikun inġust.

2.   Terminu kuntrattwali li jirrifletti dispożizzjonijiet mandatorji tal-liġi tal-Unjoni, jew dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni li japplikaw jekk it-termini kuntrattwali ma jirregolawx il-kwistjoni, ma għandhomx jitqiesu bħala inġusti.

3.   Terminu kuntrattwali huwa inġust jekk ikun ta' natura tali li l-użu tiegħu jiddevja bil-kbir mill-prattika kummerċjali tajba fl-aċċess u fl-użu tad-data, ikun kuntrarju għan-negozjar bona fide u ġust.

4.   B'mod partikolari, terminu kuntrattwali għandu jkun inġust għall-finijiet tal-paragrafu 3 jekk l-għan jew l-effett tiegħu jkunu li:

(a)

jeskludi jew jillimita r-responsabbiltà tal-parti li imponiet unilateralment it-terminu għal atti intenzjonali jew għal negliġenza serja;

(b)

jeskludi r-rimedji disponibbli għall-parti li fuqha ġie impost it-terminu unilateralment fil-każ ta' nuqqas ta' eżekuzzjoni ta' obbligi kuntrattwali, jew ir-responsabbiltà tal-parti li imponiet it-terminu unilateralment fil-każ ta' ksur ta' dawk l-obbligi;

(c)

jagħti lill-parti li imponiet it-terminu unilateralment id-dritt esklużiv li tiddetermina jekk id-data pprovduta hijiex konformi mal-kuntratt jew li tinterpreta kwalunkwe terminu kuntrattwali.

5.   Terminu kuntrattwali għandu jkun preżunt inġust għall-finijiet tal-paragrafu 3 jekk l-għan jew l-effett tiegħu jkunu li:

(a)

jillimita b'mod mhux xieraq ir-rimedji fil-każ ta' nuqqas ta' twettiq ta' obbligi kuntrattwali jew responsabbiltà fil-każ ta' ksur ta' dawk l-obbligi, jew jestendi r-responsabbiltà tal-intrapriża li fuqha jkun ġie impost unilateralment it-terminu;

(b)

jippermetti lill-parti li imponiet unilateralment it-terminu għall-aċċess u għall-użu tad-data tal-parti kontraenti l-oħra b'mod li jkun ta' detriment sinifikanti għall-interessi leġittimi tal-parti kontraenti l-oħra, b'mod partikolari meta dik id-data jkun fiha data kummerċjalment sensittiva jew tkun protetta minn sigrieti kummerċjali jew minn drittijiet ta' proprjetà intellettwali;

(c)

jipprevjeni lill-parti li t-terminu jkun ġie impost fuqha unilateralment milli tuża d-data ipprovduta jew iġġenerata minn dik il-parti matul il-perjodu tal-kuntratt, jew li tillimita l-użu ta' tali data sal-punt li dik il-parti ma tkunx intitolata li tuża, tiġbor, taċċessa jew tikkontrolla tali data jew tisfrutta l-valur ta' tali data b'mod adegwat;

(d)

jipprevjeni lill-parti li t-terminu jkun ġie impost fuqha unilateralment milli ttemm il-ftehim f'perjodu raġonevoli;

(e)

jipprevjeni lill-parti li t-terminu jkun ġie impost fuqha unilateralment milli tikseb kopja tad-data pprovduta jew iġġenerata minn dik il-parti matul il-perjodu tal-kuntratt jew f'perjodu raġonevoli wara t-terminazzjoni tiegħu;

(f)

jippermetti lill-parti li tkun imponiet it-terminu unilateralment biex ittemm il-kuntratt b'avviż qasir mhux raġonevoli, filwaqt li titqies kwalunkwe possibbiltà raġonevoli tal-parti kontraenti l-oħra li taqleb għal servizz alternattiv u komparabbli u d-detriment finanzjarju kkawżat minn tali terminazzjoni, għajr fejn ikun hemm raġunijiet serji biex isir dan;

(g)

jippermetti lill-parti li tkun imponiet it-terminu unilateralment li tibdel sostanzjalment il-prezz speċifikat fil-kuntratt jew kwalunkwe kundizzjoni sostantiva oħra relatata man-natura, il-format, il-kwalità jew il-kwantità tad-data li ser tiġi kondiviża, fejn ma tkun ġiet speċifikata fil-kuntratt ebda raġuni valida u ebda dritt tal-parti l-oħra li tittermina l-kuntratt fil-każ ta' bidla ta’ din ix-xorta.

Il-punt (g) tal-ewwel subparagrafu m'għandux m'għandux jaffettwa t-termini li bihom il-parti li imponiet it-terminu unilateralment tirriżerva d-dritt li tibdel unilateralment it-termini ta' kuntratt ta' żmien indeterminat, dment li l-kuntratt ikun speċifika raġuni valida għal tali tibdil unilaterali, li l-parti li imponiet it-terminu unilateralment tkun meħtieġa tipprovdi lill-parti kontraenti l-oħra b'avviż raġonevoli bi kwalunkwe bidla maħsuba, u li l-parti kontraenti l-oħra tkun libera li tittermina l-kuntratt mingħajr ħlas fil-każ ta' bidla.

6.   Terminu kuntrattwali għandu jitqies bħala impost unilateralment skont it-tifsira ta' dan l-Artikolu jekk ikun ġie fornut minn parti kontraenti waħda u l-parti kontraenti l-oħra ma setgħetx tinfluwenza l-kontenut tiegħu minkejja tentattiv biex dan jiġi nnegozjat. Il-parti kontraenti li pprovdiet it-terminu kuntrattwali għandha l-oneru li tagħti provi li dak it-terminu ma ġiex impost unilateralment. Il-parti kontraenti li pprovdiet it-terminu kuntrattwali kkontestat ma tistax targumenta li t-terminu huwa terminu kuntrattwali inġust.

7.   Meta t-terminu kuntrattwali inġust ikun jista' jkun magħmul indipendenti mit-termini li jifdal tal-kuntratt, dawk it-termini li jifdal għandhom ikunu vinkolanti.

8.   Dan l-Artikolu ma japplikax għal termini kuntrattwali li jiddefinixxu s-suġġett ewlieni tal-kuntratt jew għall-adegwatezza tal-prezz, meta titqies id-data pprovduta bħala kambju.

9.   Il-partijiet għal kuntratt kopert mill-paragrafu 1 ma għandhomx jeskludu l-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu, jidderogaw minnu, jew ivarjaw l-effetti tiegħu.

KAPITOLU V

IT-TQEGĦID TAD-DATA GĦAD-DISPOŻIZZJONI TAL-KORPI TAS-SETTUR PUBBLIKU, TAL-KUMMISSJONI, TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW U TAL-KORPI TAL-UNJONI ABBAŻI TA' ĦTIEĠA EĊĊEZZJONALI


whereas









keyboard_arrow_down