search


keyboard_tab Data Act 2023/2854 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2023/2854 MT cercato: 'tagħti' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index tagħti:


whereas tagħti:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 565

 

Artikolu 13

Termini kuntrattwali inġusti imposti unilateralment fuq intrapriża oħra

1.   Terminu kuntrattwali li jikkonċerna l-aċċess għad-data u l-użu tagħha jew ir-responsabbiltà u r-rimedji għall-ksur jew it-terminazzjoni ta' obbligi relatati mad-data, li jkun ġie impost unilateralment minn intrapriża fuq intrapriża oħra, ma għandux ikun vinkolanti fuq l-intrapriża tal-aħħar jekk ikun inġust.

2.   Terminu kuntrattwali li jirrifletti dispożizzjonijiet mandatorji tal-liġi tal-Unjoni, jew dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni li japplikaw jekk it-termini kuntrattwali ma jirregolawx il-kwistjoni, ma għandhomx jitqiesu bħala inġusti.

3.   Terminu kuntrattwali huwa inġust jekk ikun ta' natura tali li l-użu tiegħu jiddevja bil-kbir mill-prattika kummerċjali tajba fl-aċċess u fl-użu tad-data, ikun kuntrarju għan-negozjar bona fide u ġust.

4.   B'mod partikolari, terminu kuntrattwali għandu jkun inġust għall-finijiet tal-paragrafu 3 jekk l-għan jew l-effett tiegħu jkunu li:

(a)

jeskludi jew jillimita r-responsabbiltà tal-parti li imponiet unilateralment it-terminu għal atti intenzjonali jew għal negliġenza serja;

(b)

jeskludi r-rimedji disponibbli għall-parti li fuqha ġie impost it-terminu unilateralment fil-każ ta' nuqqas ta' eżekuzzjoni ta' obbligi kuntrattwali, jew ir-responsabbiltà tal-parti li imponiet it-terminu unilateralment fil-każ ta' ksur ta' dawk l-obbligi;

(c)

jagħti lill-parti li imponiet it-terminu unilateralment id-dritt esklużiv li tiddetermina jekk id-data pprovduta hijiex konformi mal-kuntratt jew li tinterpreta kwalunkwe terminu kuntrattwali.

5.   Terminu kuntrattwali għandu jkun preżunt inġust għall-finijiet tal-paragrafu 3 jekk l-għan jew l-effett tiegħu jkunu li:

(a)

jillimita b'mod mhux xieraq ir-rimedji fil-każ ta' nuqqas ta' twettiq ta' obbligi kuntrattwali jew responsabbiltà fil-każ ta' ksur ta' dawk l-obbligi, jew jestendi r-responsabbiltà tal-intrapriża li fuqha jkun ġie impost unilateralment it-terminu;

(b)

jippermetti lill-parti li imponiet unilateralment it-terminu għall-aċċess u għall-użu tad-data tal-parti kontraenti l-oħra b'mod li jkun ta' detriment sinifikanti għall-interessi leġittimi tal-parti kontraenti l-oħra, b'mod partikolari meta dik id-data jkun fiha data kummerċjalment sensittiva jew tkun protetta minn sigrieti kummerċjali jew minn drittijiet ta' proprjetà intellettwali;

(c)

jipprevjeni lill-parti li t-terminu jkun ġie impost fuqha unilateralment milli tuża d-data ipprovduta jew iġġenerata minn dik il-parti matul il-perjodu tal-kuntratt, jew li tillimita l-użu ta' tali data sal-punt li dik il-parti ma tkunx intitolata li tuża, tiġbor, taċċessa jew tikkontrolla tali data jew tisfrutta l-valur ta' tali data b'mod adegwat;

(d)

jipprevjeni lill-parti li t-terminu jkun ġie impost fuqha unilateralment milli ttemm il-ftehim f'perjodu raġonevoli;

(e)

jipprevjeni lill-parti li t-terminu jkun ġie impost fuqha unilateralment milli tikseb kopja tad-data pprovduta jew iġġenerata minn dik il-parti matul il-perjodu tal-kuntratt jew f'perjodu raġonevoli wara t-terminazzjoni tiegħu;

(f)

jippermetti lill-parti li tkun imponiet it-terminu unilateralment biex ittemm il-kuntratt b'avviż qasir mhux raġonevoli, filwaqt li titqies kwalunkwe possibbiltà raġonevoli tal-parti kontraenti l-oħra li taqleb għal servizz alternattiv u komparabbli u d-detriment finanzjarju kkawżat minn tali terminazzjoni, għajr fejn ikun hemm raġunijiet serji biex isir dan;

(g)

jippermetti lill-parti li tkun imponiet it-terminu unilateralment li tibdel sostanzjalment il-prezz speċifikat fil-kuntratt jew kwalunkwe kundizzjoni sostantiva oħra relatata man-natura, il-format, il-kwalità jew il-kwantità tad-data li ser tiġi kondiviża, fejn ma tkun ġiet speċifikata fil-kuntratt ebda raġuni valida u ebda dritt tal-parti l-oħra li tittermina l-kuntratt fil-każ ta' bidla ta’ din ix-xorta.

Il-punt (g) tal-ewwel subparagrafu m'għandux m'għandux jaffettwa t-termini li bihom il-parti li imponiet it-terminu unilateralment tirriżerva d-dritt li tibdel unilateralment it-termini ta' kuntratt ta' żmien indeterminat, dment li l-kuntratt ikun speċifika raġuni valida għal tali tibdil unilaterali, li l-parti li imponiet it-terminu unilateralment tkun meħtieġa tipprovdi lill-parti kontraenti l-oħra b'avviż raġonevoli bi kwalunkwe bidla maħsuba, u li l-parti kontraenti l-oħra tkun libera li tittermina l-kuntratt mingħajr ħlas fil-każ ta' bidla.

6.   Terminu kuntrattwali għandu jitqies bħala impost unilateralment skont it-tifsira ta' dan l-Artikolu jekk ikun ġie fornut minn parti kontraenti waħda u l-parti kontraenti l-oħra ma setgħetx tinfluwenza l-kontenut tiegħu minkejja tentattiv biex dan jiġi nnegozjat. Il-parti kontraenti li pprovdiet it-terminu kuntrattwali għandha l-oneru li tagħti provi li dak it-terminu ma ġiex impost unilateralment. Il-parti kontraenti li pprovdiet it-terminu kuntrattwali kkontestat ma tistax targumenta li t-terminu huwa terminu kuntrattwali inġust.

7.   Meta t-terminu kuntrattwali inġust ikun jista' jkun magħmul indipendenti mit-termini li jifdal tal-kuntratt, dawk it-termini li jifdal għandhom ikunu vinkolanti.

8.   Dan l-Artikolu ma japplikax għal termini kuntrattwali li jiddefinixxu s-suġġett ewlieni tal-kuntratt jew għall-adegwatezza tal-prezz, meta titqies id-data pprovduta bħala kambju.

9.   Il-partijiet għal kuntratt kopert mill-paragrafu 1 ma għandhomx jeskludu l-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu, jidderogaw minnu, jew ivarjaw l-effetti tiegħu.

KAPITOLU V

IT-TQEGĦID TAD-DATA GĦAD-DISPOŻIZZJONI TAL-KORPI TAS-SETTUR PUBBLIKU, TAL-KUMMISSJONI, TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW U TAL-KORPI TAL-UNJONI ABBAŻI TA' ĦTIEĠA EĊĊEZZJONALI

Artikolu 22

Assistenza reċiproka u kooperazzjoni transfruntiera

1.   Il-korpi tas-settur pubbliku. il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew u l-korpi tal-Unjoni għandhom jikkooperaw u jassistu lil xulxin, biex jimplimentaw dan il-Kapitolu b'mod konsistenti.

2.   Kwalunkwe data skambjata fil-kuntest ta' assistenza mitluba u pprovduta skont il-paragrafu 1 ma għandhiex tintuża b'mod li ma jkunx kompatibbli mal-għan li għalih tkun intalbet.

3.   Meta korp tas-settur pubbliku jkollu l-intenzjoni li jitlob data mingħand detentur tad-data stabbilit fi Stat Membru ieħor, huwa għandu l-ewwel jinnotifika lill-awtorità kompetenti maħtura skont l-Artikolu 37 f’dak l-Istat Membru, b'dik l-intenzjoni. Dan ir-rekwiżit għandu japplika wkoll għal talbiet mill-Kummissjoni, mill-Bank Ċentrali Ewropew u minn korpi tal-Unjoni. It-talba għandha tiġi eżaminata mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit id-detentur tad-data.

4.   Wara li tkun eżaminat it-talba fid-dawl tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 17, l-awtorità kompetenti rilevanti għandha, mingħajr dewmien żejjed, tieħu waħda mill-azzjonijiet li ġejjin:

(a)

tittrażmetti t-talba lid-detentur tad-data u, jekk ikun applikabbli, tagħti parir lill-korp tas-settur pubbliku rikjedenti, lill-Kummissjoni, lill-Bank Ċentrali Ewropew jew lill-korp tal-Unjoni dwar il-ħtieġa, jekk ikun hemm, biex jikkooperaw mal-korpi tas-settur pubbliku tal-Istat Membru li fih ikun stabbilit id-detentur tad-data bl-għan li jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq id-detentur tad-data biex jikkonforma mat-talba;

(b)

tirrifjuta t-talba għal raġunijiet debitament sostanzjati, f'konformità ma' dan il-Kapitolu.

Il-korp tas-settur pubbliku rikjedenti, il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew jew il-korp tal-Unjoni għandhom iqisu l-parir u r-raġunijiet mogħtija mill-awtorità kompetenti rilevanti skont l-ewwel subparagrafu qabel kwalunkwe azzjoni ulterjuri bħas-sottomisjoni tat-talba, jekk ikun applikabbli.

KAPITOLU VI

QLIB BEJN IS-SERVIZZI TAL-IPPROĊESSAR TAD-DATA

Artikolu 32

Aċċess u trasferiment governattiv internazzjonali

1.   Il-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data għandhom jieħdu l-miżuri tekniċi, organizzattivi u legali adegwati kollha, inkluż kuntratti, sabiex jevitaw l-aċċess u t-trasferiment internazzjonali u minn gvernijiet ta' pajjiżi terzi ta' data mhux personali miżmuma fl-Unjoni fejn tali trasferiment jew aċċess joħloq kunflitt mal-liġi tal-Unjoni jew mal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru rilevanti, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2 jew 3.

2.   Kwalunkwe deċiżjoni jew sentenza ta' qorti jew tribunal ta' pajjiż terz u kwalunkwe deċiżjoni ta' awtorità amministrattiva ta' pajjiż terz li tirrikjedi li fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data jittrasferixxi jew jagħti aċċess għal data mhux personali li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament miżmuma fl-Unjoni għandha tiġi rikonoxxuta jew infurzabbli bi kwalunkwe mod biss jekk tkun ibbażata fuq ftehim internazzjonali, bħal trattat dwar l-assistenza legali reċiproka, fis-seħħ bejn il-pajjiż terz rikjedenti u l-Unjoni, jew kwalunkwe ftehim bħal dan bejn il-pajjiż terz rikjedenti u Stat Membru.

3.   Fin-nuqqas ta' ftehim internazzjonali kif imsemmi fil-paragrafu 2, fejn fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data jkun id-destinatarju ta' deċiżjoni jew sentenza ta' qorti jew ta' tribunal ta' pajjiż terz jew deċiżjoni ta' awtorità amministrattiva ta' pajjiż terz li tittrasferixxi jew tagħti aċċess għal data mhux personali li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament miżmuma fl-Unjoni u l-konformità ma' tali deċiżjoni tkun qed tissogra li tpoġġi lid-destinatarju f'kunflitt mal-liġi tal-Unjoni jew mal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru rilevanti, it-trasferiment ta' tali data jew l-aċċess għaliha minn dik l-awtorità ta' pajjiż terz għandu jsir biss fejn:

(a)

is-sistema ta' pajjiż terz teħtieġ li jiġu stabbiliti r-raġunijiet u l-proporzjonalità ta' tali deċiżjoni jew sentenza u tirrikjedi li tali deċiżjoni jew sentenza tkun ta' natura speċifika, pereżempju billi tiġi stabbilita rabta suffiċjenti ma' ċerti persuni jew ksur suspettati;

(b)

l-oġġezzjoni motivata tad-destinatarju tkun soġġetta għal rieżami minn qorti jew tribunal kompetenti ta' pajjiż terz; u

(c)

il-qorti jew it-tribunal kompetenti ta' pajjiż terz li joħroġ id-deċiżjoni jew is-sentenza jew li jirrieżamina d-deċiżjoni ta' awtorità amministrattiva jingħata s-setgħa skont il-liġi ta' dak il-pajjiż terz li jqis debitament l-interessi legali rilevanti tal-fornitur tad-data protetta mil-liġi tal-Unjoni jew mal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru rilevanti.

Id-destinatarju tad-deċiżjoni jew sentenza jista' jitlob l-opinjoni tal-korp jew l-awtorità nazzjonali rilevanti kompetenti għall-kooperazzjoni internazzjonali fi kwistjonijiet legali, sabiex jiddetermina jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu humiex issodisfati, b'mod partikolari meta jqis li d-deċiżjoni tista' tkun relatata ma' sigrieti kummerċjali u data kummerċjalment sensittiva oħra kif ukoll ma' kontenut protett mid-drittijiet ta' proprjetà intellettwali jew it-trasferiment jista' jwassal għal identifikazzjoni mill-ġdid. Il-korp jew l-awtorità nazzjonali rilevanti jistgħu jikkonsultaw lill-Kummissjoni. Jekk id-destinatarju jqis li d-deċiżjoni jew sentenza tista' taffettwa l-interessi tas-sigurtà nazzjonali jew tad-difiża tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha, huwa għandu jitlob l-opinjoni tal-korp jew l-awtorità nazzjonali rilevanti sabiex jiddetermina jekk id-data mitluba tikkonċernax l-interessi tas-sigurtà nazzjonali jew tad-difiża tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha. Jekk id-destinatarju ma jkunx irċieva tweġiba fi żmien xahar, jew jekk l-opinjoni ta’ tali korp jew awtorità tikkonkludi li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu mhumiex issodisfati, id-destinatarju jista' jiċħad it-talba għal trasferiment jew aċċess, għad-data mhux personali, abbażi ta' dawk ir-raġunijiet.

L-EDIB imsemmi fl-Artikolu 42 għandu jagħti pariri u jassisti lill-Kummissjoni fl-iżvilupp ta' linji gwida dwar il-valutazzjoni ta' jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu humiex issodisfati.

4.   Jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 jew 3 jiġu ssodisfati, il-fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data għandu jipprovdi l-ammont minimu ta' data permissibbli bi tweġiba għal talba, abbażi tal-interpretazzjoni raġonevoli ta’ dik it-talba mill-fornitur jew mill-korp jew awtorità nazzjonali rilevanti msemmija fil-paragrafu 3, it-tieni subparagrafu.

5.   Il-fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data għandu jinforma lill-klijent tad-data dwar l-eżistenza ta' talba minn awtorità ta' pajjiż terz biex taċċessa d-data tiegħu qabel ma jikkonforma ma' dik it-talba, ħlief fejn it-talba sservi skopijiet ta' infurzar tal-liġi u sakemm dan ikun neċessarju biex tiġi ppreservata l-effettività tal-attività tal-infurzar tal-liġi.

KAPITOLU VIII

INTEROPERABBILTÀ


whereas









keyboard_arrow_down