search


keyboard_tab Data Act 2023/2854 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2023/2854 MT cercato: 'l-proċess' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index l-proċess:


whereas l-proċess:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 1094

 

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

"data" tfisser kwalunkwe rappreżentazzjoni diġitali ta' atti, fatti jew informazzjoni u kwalunkwe kompilazzjoni ta' dawn l-atti, fatti jew informazzjoni, inkluż fil-forma ta' reġistrazzjoni awdjo, viżiva jew awdjoviżiva;

(2)

" metadata" tfisser deskrizzjoni strutturata tal-kontenut jew tal-użu tad-data li tiffaċilita s-sejbien jew l-użu ta' dik id-data;

(3)

"data personali" tfisser data personali kif definit fl-Artikolu 4, il-punt (1), tar-Regolament (UE) 2016/679;

(4)

"data mhux personali" tfisser data li mhijiex data personali;

(5)

"prodott konness" tfisser oġġett li jikseb, jiġġenera jew jiġbor data dwar l-użu jew l-ambjent tiegħu u li jkun jista' jikkomunika data ta' prodott permezz ta' servizz ta' komunikazzjoni elettronika, konnessjoni fiżika jew aċċess fuq l-apparat, u li l-funzjoni primarja tiegħu ma tkunx il-ħżin, l-ipproċessar jew it-trażmissjoni tad-data f'isem kwalunkwe parti għajr l-utent;

(6)

"servizz relatat" tfisser servizz diġitali, għajr servizz tal-komunikazzjoni elettronika, inkluż software, li jkun konness mal-prodott fil-mument tax-xiri, kiri jew lokazzjoni b'tali mod li n-nuqqas tiegħu jipprevjeni lill-prodott konness milli jwettaq waħda jew aktar mill-funzjonijiet tiegħu, jew li sussegwentement ikun konness mal-prodott mill-manifattur jew parti terza biex iżid, jaġġorna jew jadatta l-funzjonijiet tal-prodott konness;

(7)

"ipproċessar" tfisser kwalunkwe operazzjoni jew sett ta' operazzjonijiet li jitwettqu fuq data jew fuq settijiet ta' data, sew jekk b'mezzi awtomatizzati, bħalma huma l-ġbir, ir-reġistrazzjoni, l-organizzazzjoni, l-istrutturar, il-ħżin, l-adattament jew it-tibdil, l-irkupru, il-konsultazzjoni, l-użu, id-divulgazzjoni permezz ta' trażmissjoni, id-disseminazzjoni, jew mezzi oħra biex isiru disponibbli, l-allinjament jew il-kombinament, ir-restrizzjoni, it-tħassir jew il-qerda;

(8)

"servizz tal-ipproċessar tad-data" tfisser servizz diġitali li jkun ipprovdut lil klijent u li jippermetti aċċess minn kullimkien u fuq talba għan-network għal grupp kondiviż ta' riżorsi tal-informatika konfigurabbli, skalabbli u elastiċi ta' natura ċentralizzata, distribwita jew distribwita ħafna li jista' jiġi fornut malajr u rilaxxat bi sforz minimu ta' ġestjoni jew interazzjoni mal-fornitur tas-servizz;

(9)

"l-istess tip ta' servizz" tfisser sett ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data li jaqsmu l-istess objettiv primarju, mudell ta' servizz tal-ipproċessar tad-data u funzjonalitajiet prinċipali;

(10)

"servizz ta' intermedjazzjoni tad-data" tfisser servizz ta' intermedjazzjoni tad-data kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (11), tar-Regolament (UE) 2022/868;

(11)

"suġġett tad-data" tfisser suġġett tad-data kif imsemmi fl-Artikolu 4, il-punt (1), tar-Regolament (UE) 2016/679;

(12)

"utent" tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tkun is-sid ta' prodott konness jew li lilha jkunu ġew ittrasferiti kuntrattwalment drittijiet temporanji għall-użu ta' dak il-prodott konness, jew li tirċievi servizzi relatati;

(13)

"detentur tad-data" tfisser persuna fiżika jew ġuridika li jkollha d-dritt jew l-obbligu, f'konformità ma' dan ir-Regolament, il-liġi tal-Unjoni applikabbli jew il-leġiżlazzjoni nazzjonali adottata f’konformità mal-liġi tal-Unjoni, li tuża u tagħmel disponibbli data, inkluż, fejn miftiehem kuntrattwalment, data ta' prodott jew data ta' servizz relatat li tkun irkuprat jew iġġenerat matul il-forniment ta' servizz relatat;

(14)

"riċevitur tad-data" tfisser persuna fiżika jew ġuridika, li taġixxi għal finijiet li huma relatati mal-kummerċ, man-negozju, mas-sengħa jew mal-professjoni ta' dik il-persuna, minbarra l-utent ta' prodott konness jew servizz relatat, li d-detentur tad-data jagħmel id-data disponibbli lilha, inkluż parti terza wara talba mill-utent lid-detentur tad-data jew f'konformità ma' obbligu legali skont il-liġi tal-Unjoni jew il-leġiżlazzjoni nazzjonali adottata f’konformità mal-liġi tal-Unjoni;

(15)

"data ta' prodott" tfisser data ġġenerata mill-użu ta' prodott konness li l-manifattur iddiżinja biex ikun tista' tiġi rkuprata, permezz ta' servizz ta' komunikazzjoni elettronika, konnessjoni fiżika jew aċċess fuq l-apparat, minn utent, detentur tad-data jew parti terza, inkluż, fejn rilevanti, il-manifattur;

(16)

"data ta' servizz relatat" tfisser data li tirrappreżenta d-diġitalizzazzjoni tal-azzjonijiet tal-utent jew tal-avvenimenti relatati mal-prodott konness, irreġistrata intenzjonalment mill-utent jew iġġenerata bħala prodott sekondarju tal-azzjoni tal-utent matul il-forniment ta' servizz relatat mill-fornitur;

(17)

"data faċilment disponibbli" tfisser data ta' prodott u data ta' servizz relatat li detentur tad-data jikseb legalment jew jista' jikseb legalment mill-prodott konness jew servizz relatat, mingħajr sforz sproporzjonat li jmur lil hinn minn operazzjoni sempliċi;

(18)

"sigriet kummerċjali" tfisser sigriet kummerċjali kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (1), tad-Direttiva (UE) 2016/943;

(19)

"detentur ta' sigriet kummerċjali" tfisser detentur ta' sigriet kummerċjali kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (2), tad-Direttiva (UE) 2016/943;

(20)

“tfassil tal-profil” tfisser tfassil tal-profil kif definit fl-Artikolu 4, il-punt (4), tar-Regolament (UE) 2016/679;

(21)

"tqegħid għad-dispożizzjoni fis-suq" tfisser kwalunkwe provvista ta' prodott konness għad-distribuzzjoni, għall-konsum jew għall-użu fis-suq tal-Unjoni waqt attività kummerċjali, sew bi ħlas u anki mingħajru;

(22)

"tqegħid fis-suq" tfisser li prodott konness jitqiegħed għall-ewwel darba għad-dispożizzjoni fis-suq tal-Unjoni;

(23)

"konsumatur" tfisser kwalunkwe persuna fiżika li taġixxi għal finijiet li ma jkunux fl-ambitu tal-kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni ta' dik il-persuna;

(24)

"intrapriża" tfisser persuna fiżika jew ġuridika li, fir-rigward ta' kuntratti u prattiki koperti minn dan ir-Regolament, tkun qed taġixxi għal finijiet li huma relatati mal-kummerċ, man-negozju, mas-sengħa jew mal-professjoni ta' dik il-persuna;

(25)

“intrapriża żgħira” tfisser intrapriża żgħira kif definit fl-Artikolu 2(1) tal-Anness għar-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE;

(26)

"mikrointrapriża" tfisser mikrointrapriża kif definit fl-Artikolu 2(3) tal-Anness għar-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE;

(27)

"korpi tal-Unjoni" tfisser il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni stabbiliti skont atti adottati abbażi tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-TFUE jew it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika;

(28)

"korp tas-settur pubbliku" tfisser awtoritajiet nazzjonali, reġjonali jew lokali tal-Istati Membri u korpi regolati mil-liġi pubblika tal-Istati Membri, jew assoċjazzjonijiet iffurmati minn tali awtorità waħda jew aktar jew minn tali korp wieħed jew aktar;

(29)

"emerġenza pubblika" tfisser sitwazzjoni eċċezzjonali, limitata fiż-żmien, bħal emerġenza tas-saħħa pubblika, emerġenza li tirriżulta minn diżastri naturali, diżastru kbir ħafna kkaġunat mill-bniedem, inkluż inċident maġġuri ta' ċibersigurtà, li taffettwa b'mod negattiv il-popolazzjoni tal-Unjoni jew Stat Membru sħiħ jew parti minnu, b'riskju ta' riperkussjonijiet serji u dejjiema għall-kundizzjonijiet tal-għajxien jew l-istabbiltà ekonomika, l-istabbiltà finanzjarja, jew id-degradazzjoni sostanzjali u immedjata tal-assi ekonomiċi fl-Unjoni jew fl-Istat Membru rilevanti u li hija determinata jew iddikjarata uffiċjalment f’konformità mal-proċeduri rilevanti skont il-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali;

(30)

"klijent" tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tkun daħlet f'relazzjoni kuntrattwali ma' fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data bl-objettiv li tuża servizz wieħed jew aktar tal-ipproċessar tad-data;

(31)

"assistenti virtwali" tfisser software li jista' jipproċessa d-domandi, il-kompiti jew il-mistoqsijiet, inkluż dawk abbażi ta' awdjo, input bil-miktub, ġesti jew movimenti, u li, abbażi ta' dawk id-domandi, il-kompiti jew il-mistoqsijiet, jipprovdi aċċess għal servizzi oħra jew jikkontrolla l-funzjonijiet tal-prodotti konnessi;

(32)

"assi diġitali" tfisser elementi f'forma diġitali, inkluż applikazzjonijiet, li għalihom il-klijent għandu d-dritt tal-użu, indipendentement mir-relazzjoni kuntrattwali mas-servizz tal-ipproċessar tad-data li biħsiebu jaqleb minnu;

(33)

“infrastruttura tal-ICT fuq il-post" tfisser infrastruttura tal-ICT u riżorsi tal-informatika li jkunu proprjetà tal klijent jew mikrija jew mogħtija b'lokazzjoni mill-klijent, li tinsab fiċ-ċentru tad-data tal-klijent innifsu u operata mill-klijent jew minn parti terza;

(34)

"qlib" tfisser il-proċess li jinvolvi fornitur sors ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data, klijent ta' servizz tal-ipproċessar tad-data u fornitur ta' destinazzjoni ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data, fejn il-klijent ta' servizz tal-ipproċessar tad-data jibdel mill-użu ta' servizz tal-ipproċessar tad-data wieħed għall-użu ta' servizz ieħor tal-ipproċessar tad-data tal-istess tip ta' servizz, jew servizz ieħor, offrut minn fornitur differenti ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data, inkluż permezz tal-estrazzjoni, it-trasformazzjoni u l-uploading tad-data;

(35)

"imposti tal-ħruġ ta' data" tfisser tariffi tat-trasferiment tad-data imposti fuq il-klijenti għall-estrazzjoni tad-data tagħhom permezz tan-network mill-infrastruttura tal-ICT ta' fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data għas-sistema ta' fornitur differenti jew għal infrastruttura ICT fuq il-post;

(36)

"imposti tal-qlib" tfisser imposti, għajr it-tariffi tas-servizz standard jew penali għal terminazzjoni bikrija, imposti minn fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data fuq klijent għall-azzjonijiet meħtieġa minn dan ir-Regolament għall-qlib għas-sistema ta' fornitur differenti jew għal infrastruttura tal-ICT fuq il-post, inkluż imposti tal-ħruġ tad-data;

(37)

"ekwivalenza funzjonali" tfisser l-istabbiliment mill-ġdid, abbażi tad-data li tista' tiġi esportata u l-assi diġitali tal-klijent, ta' livell minimu ta' funzjonalità fl-ambjent ta' servizz tal-ipproċessar tad-data ġdid tal-istess tip ta' servizz wara l-proċess ta' qlib, fejn is-servizz ta' pproċessar ta' data tad-destinazzjoni jagħti eżitu materjalment komparabbli b'rispons għall-istess input għal karatteristiċi kondiviżi pprovduti lill-klijent skont il-kuntratt;

(38)

"data li tista' tiġi esportata", għall-fini tal-Artikoli 23 sa 31 u l-Artikolu 35, tfisser id-data tal-input u l-output, inkluż il- metadata , iġġenerata direttament jew indirettament, jew koġenerata, mill-użu mill-klijent tas-servizz tal-ipproċessar tad-data, minbarra kwalunkwe assi jew data protetta mid-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, li tikkostitwixxi sigriet kummerċjali, tal-fornituri tas-servizz tal-ipproċessar tad-data jew ta’ partijiet terzi;

(39)

"kuntratt intelliġenti" tfisser programm tal-kompjuter użat għall-eżekuzzjoni awtomatizzata ta' ftehim jew parti minnu, bl-użu ta' sekwenza ta' rekords elettroniċi tad-data u l-iżgurar tal-integrità tagħhom u l-preċiżjoni tal-ordni kronoloġika tagħhom;

(40)

"interoperabbiltà" tfisser il-kapaċità ta' żewġ spazji jew aktar tad-data jew networks ta' komunikazzjoni, sistemi, prodotti konnessi, applikazzjonijiet, servizzi tal-ipproċessar tad-data jew komponenti għall-iskambju u għall-użu tad-data sabiex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom;

(41)

"speċifikazzjoni miftuħa tal-interoperabbiltà" tfisser speċifikazzjoni teknika, fil-qasam tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni,, li hija orjentata lejn il-prestazzjoni biex jiksbu l-interoperabbiltà bejn is-servizzi tal-ipproċessar tad-data;

(42)

"speċifikazzjonijiet komuni" tfisser dokument, għajr standard, li jkun fih soluzzjonijiet tekniċi li jipprovdu mezz għall-konformità ma' ċerti rekwiżiti u obbligi stabbiliti skont dan ir-Regolament;

(43)

"standard armonizzat" tfisser standard armonizzat kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (1)(c), tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012.

KAPITOLU II

KONDIVIŻJONI TAD-DATA BEJN NEGOZJU U KONSUMATUR U BEJN IN-NEGOZJI

Artikolu 23

Tneħħija tal-ostakli għall-qlib effettiv

Il-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data għandhom jieħdu l-miżuri previsti fl-Artikoli 25, 26, 27, 29 u 30 biex jippermettu lill-klijenti jaqilbu għal servizz tal-ipproċessar tad-data, li jkopri l-istess tip ta' servizz, li huwa pprovdut minn fornitur differenti ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data, jew għal intrastruttura tal-ICT fuq il-post, jew, fejn rilevanti, jużaw diversi fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data fl-istess ħin. B'mod partikolari, il-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data ma għandhomx jimponu u għandhom ineħħu l-ostakli prekummerċjali, kummerċjali, tekniċi, kuntrattwali u organizzattivi li jimpedixxu lill-klijenti milli:

(a)

itemmu, wara l-perjodu massimu ta' avviż u t-tlestija b'suċċess tal-proċess tal-qlib, f'konformità mal-Artikolu 25, il-kuntratt tas-servizz tal-ipproċessar tad-data;

(b)

jikkonkludu kuntratti ġodda ma' fornitur differenti ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data li jkopru l-istess tip ta' servizz;

(c)

jittrasferixxu d-data tal-klijent li tista' tiġi esportata u assi diġitali, lil fornitur differenti ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data jew lil infrastruttura tal-ICT fuq il-post, inkluż wara li jkun ibbenefika minn offerta bla ħlas;

(d)

f'konformità mal-Artikolu 24, jiksbu ekwivalenza funzjonali fl-użu tas-servizz il-ġdid tal-ipproċessar tad-data fl-ambjent tal-ICT tal-fornitur differenti ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data li jkopru l-istess tip ta' servizz;

(e)

jisseparaw, fejn ikun teknikament fattibbli, is-servizzi tal-ipproċessar tad-data msemmija fl-Artikolu 30(1) minn servizzi oħra tal-ipproċessar tad-data pprovduti mill-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data.

Artikolu 25

Termini kuntrattwali dwar il-qlib

1.   Id-drittijiet tal-klijent u l-obbligi tal-fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data fir-rigward tal-qlib bejn il-fornituri ta' tali servizzi jew, fejn applikabbli, għal infrastruttura tal-ICT fuq il-post għandhom jiġu stabbiliti b'mod ċar f'kuntratt bil-miktub. Il-fornitur tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data għandu jagħmel il-kuntratt disponibbli għall-klijent qabel l-iffirmar tal-kuntratt b'mod li jippermetti lill-klijent jaħżen u jipproduċi mill-ġdid il-kuntratt.

2.   Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva (UE) 2019/770, il-kuntratt imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jinkludi mill-inqas dan li ġej:

(a)

klawżoli li jippermettu lill-klijent, fuq talba, jaqleb għal servizz tal-ipproċessar tad-data offrut minn fornitur differenti ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data jew li jittrasferixxi d-data u l-assi diġitali kollha li jistgħu jiġu esportati għal infrastruttura ICT fuq il-post, mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ mhux wara l-perjodu tranżizzjonali massimu obbligatorju ta' 30 jum kalendarju, li jibda wara l-perjodu massimu ta' avviż imsemmi fil-punt (d), li matulu l-kuntratt tas-servizz jibqa' japplika u li matulu l-fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data għandu:

(i)

jagħti assistenza raġonevoli lill-klijent u lill-partijiet terzi awtorizzati mill-klijent fil-proċess tal-qlib;

(ii)

jaġixxi bl-attenzjoni dovuta biex tinżamm il-kontinwità tan-negozju, u jkompli jipprovdi l-funzjonijiet jew is-servizzi skont il-kuntratt;

(iii)

jipprovdi informazzjoni ċara dwar ir-riskji magħrufa għall-kontinwità fil-forniment tal-funzjonijiet jew tas-servizzi min-naħa tal-fornitur sors tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data;

(iv)

jiżgura li jinżamm livell għoli ta' sigurtà matul il-proċess tal-qlib, b'mod partikolari s-sigurtà tad-data matul it-trasferiment tagħha u l-kontinwità tas-sigurtà tad-data matul il-perjodu ta' rkupru speċifikat fil-punt (g), f’konformità mal-liġijiet tal-Unjoni jew dawk nazzjonali applikabbli;

(b)

obbligu tal-fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data biex jappoġġa l-istrateġija ta' ħruġ rilevanti tal-klijent għas-servizzi kkuntrattati, inkluż billi jipprovdi l-informazzjoni rilevanti kollha;

(c)

klawżola li tispeċifika li l-kuntratt għandu jiġi kkunsidrat mitmum u l-klijent għandu jiġi nnotifikat bit-terminazzjoni, f'wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(i)

fejn applikabbli, mat-tlestija b'suċċess tal-proċess tal-qlib;

(ii)

fi tmiem il-perjodu massimu ta' avviż imsemmi fil-paragrafu (d), meta l-klijent ma jixtieqx jaqleb iżda jixtieq iħassar id-data li tista’ tiġi esportata u l-assi diġitali kollha tiegħu mat-terminazzjoni tas-servizz;

(d)

perjodu massimu ta' avviż għall-bidu tal-proċess tal-qlib, li ma għandux jaqbeż xahrejn;

(e)

speċifikazzjoni eżawrjenti tal-kategoriji kollha tad-data u l-assi diġitali li jistgħu jiġu ttrasferiti matul il-proċess tal-qlib, inkluż, bħala minimu, id-data kollha li tista' tiġi esportata;

(f)

speċifikazzjoni eżawrjenti tal-kategoriji tad-data speċifiċi għall-funzjonament intern tas-servizz tal-ipproċessar tad-data tal-fornitur li jridu jiġu eżentati mid-data li tista' tiġi esportata skont il-punt (e) ta’ dan il-paragrafu fejn jeżisti riskju ta' ksur tas-sigrieti kummerċjali tal-fornitur; sakemm tali eżenzjonijiet ma għandhomx jimpedixxu jew idewmu l-proċess tal-qlib previst fl-Artikolu 23;

(g)

perjodu minimu għall-irkupru tad-data ta' mill-inqas 30 jum kalendarju, li jibda wara t-terminazzjoni tal-perjodu tranżizzjonali li kien miftiehem bejn il-klijent u l-fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data, f'konformità mal-punt (a) ta’ dan il-paragrafu u l-paragrafu 4;

(h)

klawżola li tiggarantixxi t-tħassir sħiħ tad-data kollha li tista' tiġi esportata u ta’ assi diġitali ġġenerati direttament mill-klijent, jew relatati mal-klijent direttament, wara l-iskadenza tal-perjodu ta’ rkupru msemmi fil-punt (g) jew wara l-iskadenza ta' perjodu alternattiv maqbul f'data aktar tard mid-data tal-iskadenza tal-perjodu ta’ rkupru msemmi fil-punt (g), dment li l-proċess tal-qlib ikun tlesta b'suċċess;

(i)

l-imposti tal-qlib li jistgħu jiġu imposti mill-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data f'konformità mal-Artikolu 29.

3.   Il-kuntratt imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jinkludi klawżoli li jipprovdu li l-klijent jista' jinnotifika lill-fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data bid-deċiżjoni tiegħu li jwettaq waħda mill-azzjonijiet li ġejjin jew aktar mat-terminazzjoni tal-perjodu massimu ta' avviż imsemmi fil-paragrafu 2, il-punt (d):

(a)

jaqleb għal fornitur differenti ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data, f'liema każ il-klijent għandu jipprovdi d-dettalji neċessarji ta' dak il-fornitur;

(b)

jaqleb għal infrastruttura tal-ICT fuq il-post;

(c)

iħassar d-data li tista’ tiġi esportata u l-assi diġitali tiegħu.

4.   Meta l-perjodu tranżizzjonali massimu obbligatorju kif previst fil-paragrafu 2, il-punt (a) ma jkunx teknikament fattibbli, il-fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data għandu jinnotifika lill-klijent fi żmien 14-il jum tax-xogħol minn meta ssir it-talba għall-qlib, u għandu jiġġustifika b’mod xieraq in-nuqqas ta' fattibbiltà teknika u jindika perjodu tranżizzjonali alternattiv, li ma għandux jaqbeż seba' xhur. F'konformità mal-paragrafu 1, għandha tiġi żgurata l-kontinwità tas-servizz matul il-perjodu tranżizzjonali alternattiv kollu,.

5.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4, il-kuntratt imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jinkludi klawżoli li jagħtu lill-klijent id-dritt li jestendi l-perjodu tranżizzjonali darba għal perjodu li l-klijent jikkunsidra aktar xieraq għall-għanijiet tiegħu stess.

Artikolu 27

Obbligu ta' bona fide

Il-partijiet kollha involuti, inkluż il-fornituri ta' destinazzjoni ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data, għandhom jikkooperaw in bona fide biex jagħmlu l-proċess tal-qlib effettiv, jippermettu t-trasferiment f'waqtu tad-data u jżommu l-kontinwità tas-servizz tal-ipproċessar tad-data.

Artikolu 29

Irtirar gradwali tal-imposti tal-qlib

1.   Mit-12 ta’ Jannar 2027, il-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data ma għandhom jimponu l-ebda imposta tal-qlib fuq il-klijent għall-proċess tal-qlib.

2.   Mill-11 ta’ Jannar 2024 sat-12 ta’ Jannar 2027, il-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data jistgħu jimponu imposti mnaqqsa tal-qlib fuq il-klijent għall-proċess tal-qlib.

3.   L-imposti mnaqqsa tal-qlib imsemmija fil-paragrafu 2 ma għandhomx jaqbżu l-kostijiet imġarrba mill-fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data li huma direttament marbuta mal-proċess tal-qlib ikkonċernat.

4.   Qabel ma jidħlu f’kuntrattwali ma' klijent, il-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data għandhom jipprovdu lill-klijent prospettiv informazzjoni ċara dwar it-tariffi ta' servizz standard u l-penali ta' terminazzjoni bikrija li jistgħu jiġu imposti, kif ukoll dwar l-imposti mnaqqsa tal-qlib li jistgħu jiġu imposti matul il-perjodu ta' żmien imsemmi fil-paragrafu 2.

5.   Meta jkun rilevanti, il-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data għandhom jipprovdu informazzjoni lil konsumatur dwar servizzi tal-ipproċessar tad-data li jinvolvu qlib kumpless ħafna jew għali jew li għalihom ikun impossibbli li jsir qlib mingħajr interferenza sinifikanti fid-data, fl-assi diġitali jew fl-arkitettura tas-servizz.

6.   Fejn ikun applikabbli, il-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data għandhom jagħmlu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 4 u 5 disponibbli pubblikament għall-klijenti permezz ta' taqsima ddedikata tas-sit web tagħhom jew bi kwalunkwe mod ieħor faċilment aċċessibbli.

7.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 45 biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tistabbilixxi mekkaniżmu ta' monitoraġġ biex il-Kummissjoni timmonitorja l-imposti tal-qlib, imposti mill-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data fis-suq sabiex tiżgura li l-irtirar u t-tnaqqis ta' imposti tal-qlib skont il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu jintlaħqu f'konformità mal-iskadenzi previsti f'dawk il-paragrafi.

Artikolu 30

Aspetti tekniċi tal-qlib

1.   Il-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data li jikkonċernaw riżorsi tal-informatika skalabbli u elastiċi limitati għal elementi infrastrutturali bħal servers, networks u r-riżorsi virtwali neċessarji għall-operat tal-infrastruttura, iżda li ma jipprovdux aċċess għas-servizzi operatorji, software u applikazzjonijiet li jinħażnu, li jiġu pproċessati mod ieħor, jew li jintużaw fuq dawk l-elementi infrastrutturali, għandhom, f’konformità mal-Artikolu 27, jieħdu l-miżuri raġonevoli kollha fis-setgħa tagħhom biex jagħmluha aktar faċli li l-klijent, wara li jaqleb għal servizz li jkopri l-istess tip ta' servizz tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data, jikseb ekwivalenza funzjonali fl-użu tas-servizz ta’ destinazzjoni tal-ipproċessar tad-data. Il-fornitur sors ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data għandu jiffaċilita l-proċess tal-qlib billi jipprovdi kapaċitajiet, informazzjoni adegwata, dokumentazzjoni, appoġġ tekniku u, fejn xieraq, l-għodod neċessarja.

2.   Il-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data, għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 1, għandhom jagħmlu l-interfaċċi miftuħa disponibbli bl-istess mod għall-klijenti kollha tagħhom u għall-fornituri ta' destinazzjoni tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data kkonċernati mingħajr ħlas biex jiffaċilitaw il-proċess tal-qlib. Dawk l-interfaċċi għandhom jinkludu biżżejjed informazzjoni dwar is-servizz ikkonċernat biex jippermettu l-iżvilupp ta' software li jikkomunika mas-servizzi, għall-finijiet tat-trasferiment u l-interoperabbiltà tad-data.

3.   Għas-servizzi tal-ipproċessar tad-data għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data għandhom jiżguraw il-kompatibbiltà mal-ispeċifikazzjonijiet komuni bbażati fuq speċifikazzjonijiet miftuħa tal-interoperabbiltà jew standards armonizzati għall-interoperabbiltà mill-inqas 12-il xahar wara li r-referenzi għal dawk l-ispeċifikazzjonijiet komuni jew l-istandards armonizzati għall-interoperabbiltà tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data jkunu ġew ippubblikati fir-repożitorju ċentrali tal-istandards tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data tal-Unjoni wara l-pubblikazzjonijiet tal-atti ta' implimentazzjoni sottostanti f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea f'konformità mal-Artikolu 35(8).

4.   Il-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandhom jaġġornaw ir-reġistru online msemmi fl-Artikolu 26, il-punt (b), f'konformità mal-obbligi tagħhom skont il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu.

5.   Fil-każ tal-qlib bejn servizzi tal-istess tip ta' servizz, li għalihom l-ispeċifikazzjonijiet komuni tal-l-istandards armonizzati għall-interoperabbiltà msemmija fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu ma jkunux ġew ippubblikati fir-repożitorju ċentrali tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data tal-Unjoni f'konformità mal-Artikolu 35(7), il-fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data għandu, fuq talba tal-klijent, jesporta d-data kollha li tista' tiġi esportata f'format strutturat, użat b'mod komuni u li jinqara minn magna.

6.   Il-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data ma għandhomx ikunu meħtieġa jiżviluppaw teknoloġiji jew servizzi ġodda, jew jiżvelaw jew jittrasferixxu assi diġitali li huma protetti minn drittijiet ta' propjetà intellettwali jew li jikkostitwixxu sigriet kummerċjali, lil klijent jew lil fornitur differenti ta’ servizzi tal-ipproċessar tad-data jew jikkompromettu s-sigurtà u l-integrità tas-servizz tal-klijent jew tal-fornitur.

Artikolu 49

Evalwazzjoni u rieżami

1.   Sat-12 ta’ Settembru 2028, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni ta' dan ir-Regolament u tippreżenta rapport dwar is-sejbiet ewlenin lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. Dik l-evalwazzjoni għandha tivvaluta, b'mod partikolari:

(a)

sitwazzjonijiet li għandhom jiġu kkunsirati bħala sitwazzjonijiet ta' ħtieġa eċċezzjonali għall-fini tal-Artikolu 15 ta’ dan ir-Regolament u l-applikazzjoni tal-Kapitolu V ta’ dan ir-Regolament fil-prattika, b'mod partikolari l-esperjenza fl-applikazzjoni tal-Kapitolu V ta’ dan ir-Regolament minn korpi tas-settur pubbliku, il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew u korpi tal-Unjoni; l-għadd u l-eżitu tal-proċedimenti mressqa quddiem l-awtorità kompetenti skont l-Artikolu 18(5) dwar l-applikazzjoni tal-Kapitolu V ta’ dan ir-Regolament, kif irrapportati mill-awtoritajiet kompetenti; l-impatt ta' obbligi oħra stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali għall-finijiet ta' konformità ma' talbiet għal aċċess għal informazzjoni; l-impatt tal-mekkaniżmi volontarji ta' kondiviżjoni tad-data, bħal dawk stabbiliti mill-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data rikonoxxuti skont ir-Regolament (UE) 2022/868, fuq l-ilħuq tal-objettivi tal-Kapitolu V ta’ dan ir-Regolament, u r-rwol tad-data personali fil-kuntest tal-Artikolu 15 ta' dan ir-Regolament, inkluż l-evoluzzjoni ta' teknoloġiji li jtejbu l-privatezza;

(b)

l-impatt ta' dan ir-Regolament fuq l-użu tad-data fl-ekonomija, inkluż fuq l-innovazzjoni tad-data, il-prattiki ta' monetizzazzjoni tad-data u s-servizzi ta' intermedjazzjoni tad-data, kif ukoll fuq il-kondiviżjoni tad-data fi ħdan l-ispazji komuni Ewropej tad-data;

(c)

l-aċċessibbiltà u l-użu ta' kategoriji u tipi differenti ta' data;

(d)

l-esklużjoni ta' ċerti kategoriji ta' intrapriżi bħala benefiċjarji skont l-Artikolu 5;

(e)

in-nuqqas ta' kwalunkwe impatt fuq id-drittijiet ta' proprjetà intellettwali;

(f)

l-impatt fuq is-sigrieti kummerċjali, inkluż fuq il-protezzjoni kontra l-akkwist, l-użu u l-iżvelar illegali tagħhom, kif ukoll l-impatt tal-mekkaniżmu li jippermetti lid-detentur tad-data jirrifjuta t-talba tal-utent skont l-Artikolu 4(8) u l-Artikolu 5(11), b’kont meħud, sa fejn ikun possibbli, ta’ kwalunkwe reviżjoni tad-Direttiva (UE) 2016/943;

(g)

jekk il-lista ta' termini kuntrattwali inġusti msemmija fl-Artikolu 13 hijiex aġġornata fid-dawl ta' prattiki kummerċjali ġodda u l-pass mgħaġġel tal-innovazzjoni tas-suq;

(h)

bidliet fil-prattiki kuntrattwali tal-fornituri tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data u jekk dan jirriżultax f'konformità suffiċjenti mal-Artikolu 25;

(i)

it-tnaqqis fl-imposti, imposti mill-fornituri tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data għall-proċess tal-qlib, f'konformità mal-irtirar gradwali tal-imposti tal-qlib skont l-Artikolu 29;

(j)

l-interazzjoni ta' dan ir-Regolament ma' atti legali oħra tal-Unjoni ta' rilevanza għall-ekonomija tad-data;

(k)

il-prevenzjoni ta' aċċess governattiv illegali għal data mhux personali;

(l)

l-effikaċja tar-reġim ta' infurzar meħtieġ skont l-Artikolu 37;

(m)

l-impatt tar-regolamentazzjoni fuq l-SMEs fir-rigward tal-kapaċità tagħhom li jinnovaw u tad-disponibbiltà ta’ servizzi tal-ipproċessar tad-data għall-utenti fl-Unjoni u l-piż tal-konformità mal-obbligi l-ġodda.

2.   Sat-12 ta’ Settembru 2028, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni ta' dan ir-Regolament u tippreżenta rapport dwar is-sejbiet ewlenin lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. Dik l-evalwazzjoni għandha tivvaluta l-impatt tal-Artikoli 23 sa 31 u l-Artikoli 34 u 35, b'mod partikolari fir-rigward tal-ipprezzar u d-diversità tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data offruti fl-Unjoni, b'enfasi speċjali fuq il-fornituri tal-SMEs.

3.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu l-informazzjoni neċessarja lill-Kummissjoni għat-tħejjija tar-rapporti msemmija fil-paragrafi 1 u 2.

4.   Abbażi tar-rapporti msemmija fil-paragrafi 1 u 2, il-Kummissjoni tista', fejn xieraq, tippreżenta proposta leġiżlattiva lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex temenda dan ir-Regolament.


whereas









keyboard_arrow_down