search


keyboard_tab Data Act 2023/2854 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2023/2854 MT cercato: 'ippubblikati' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index ippubblikati:


whereas ippubblikati:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 561

 

Artikolu 30

Aspetti tekniċi tal-qlib

1.   Il-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data li jikkonċernaw riżorsi tal-informatika skalabbli u elastiċi limitati għal elementi infrastrutturali bħal servers, networks u r-riżorsi virtwali neċessarji għall-operat tal-infrastruttura, iżda li ma jipprovdux aċċess għas-servizzi operatorji, software u applikazzjonijiet li jinħażnu, li jiġu pproċessati mod ieħor, jew li jintużaw fuq dawk l-elementi infrastrutturali, għandhom, f’konformità mal-Artikolu 27, jieħdu l-miżuri raġonevoli kollha fis-setgħa tagħhom biex jagħmluha aktar faċli li l-klijent, wara li jaqleb għal servizz li jkopri l-istess tip ta' servizz tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data, jikseb ekwivalenza funzjonali fl-użu tas-servizz ta’ destinazzjoni tal-ipproċessar tad-data. Il-fornitur sors ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data għandu jiffaċilita l-proċess tal-qlib billi jipprovdi kapaċitajiet, informazzjoni adegwata, dokumentazzjoni, appoġġ tekniku u, fejn xieraq, l-għodod neċessarja.

2.   Il-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data, għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 1, għandhom jagħmlu l-interfaċċi miftuħa disponibbli bl-istess mod għall-klijenti kollha tagħhom u għall-fornituri ta' destinazzjoni tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data kkonċernati mingħajr ħlas biex jiffaċilitaw il-proċess tal-qlib. Dawk l-interfaċċi għandhom jinkludu biżżejjed informazzjoni dwar is-servizz ikkonċernat biex jippermettu l-iżvilupp ta' software li jikkomunika mas-servizzi, għall-finijiet tat-trasferiment u l-interoperabbiltà tad-data.

3.   Għas-servizzi tal-ipproċessar tad-data għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data għandhom jiżguraw il-kompatibbiltà mal-ispeċifikazzjonijiet komuni bbażati fuq speċifikazzjonijiet miftuħa tal-interoperabbiltà jew standards armonizzati għall-interoperabbiltà mill-inqas 12-il xahar wara li r-referenzi għal dawk l-ispeċifikazzjonijiet komuni jew l-istandards armonizzati għall-interoperabbiltà tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data jkunu ġew ippubblikati fir-repożitorju ċentrali tal-istandards tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data tal-Unjoni wara l-pubblikazzjonijiet tal-atti ta' implimentazzjoni sottostanti f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea f'konformità mal-Artikolu 35(8).

4.   Il-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandhom jaġġornaw ir-reġistru online msemmi fl-Artikolu 26, il-punt (b), f'konformità mal-obbligi tagħhom skont il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu.

5.   Fil-każ tal-qlib bejn servizzi tal-istess tip ta' servizz, li għalihom l-ispeċifikazzjonijiet komuni tal-l-istandards armonizzati għall-interoperabbiltà msemmija fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu ma jkunux ġew ippubblikati fir-repożitorju ċentrali tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data tal-Unjoni f'konformità mal-Artikolu 35(7), il-fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data għandu, fuq talba tal-klijent, jesporta d-data kollha li tista' tiġi esportata f'format strutturat, użat b'mod komuni u li jinqara minn magna.

6.   Il-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data ma għandhomx ikunu meħtieġa jiżviluppaw teknoloġiji jew servizzi ġodda, jew jiżvelaw jew jittrasferixxu assi diġitali li huma protetti minn drittijiet ta' propjetà intellettwali jew li jikkostitwixxu sigriet kummerċjali, lil klijent jew lil fornitur differenti ta’ servizzi tal-ipproċessar tad-data jew jikkompromettu s-sigurtà u l-integrità tas-servizz tal-klijent jew tal-fornitur.

Artikolu 33

Rekwiżiti essenzjali dwar l-interoperabbiltà tad-data, tal-mekkaniżmi tal-kondiviżjoni tad-data kif ukoll tal-ispazji komuni Ewropej tad-data

1.   Il-parteċipanti fl-ispazji tad-data li joffru data jew servizzi tad-data lil parteċipanti oħra għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti essenzjali li ġejjin biex jiffaċilitaw l-interoperabbiltà tad-data, tal-mekkaniżmi u tas-servizzi tal-kondiviżjoni tad-data kif ukoll tal-ispazji komuni Ewropej tad-data li huma oqfsa interoperabbli speċifiċi għall-iskop jew għas-settur jew transsettorjali għal standards u prattiki komuni għall-kondiviżjoni jew għall-ipproċessar konġunt tad-data għal, fost l-oħrajn, l-iżvilupp ta' prodotti u servizzi ġodda, riċerka xjentifika jew inizjattivi tas-soċjetà ċivili:

(a)

il-kontenut tas-sett tad-data, ir-restrizzjonijiet fuq l-użu, il-liċenzji, il-metodoloġija tal-ġbir tad-data, il-kwalità tad-data u l-inċertezza għandhom ikunu deskritti b'mod suffiċjenti, fejn applikabbli, f'format li jinqara minn magna, biex jippermettu lir-riċevitur isib, jaċċessa u juża d-data;

(b)

l-istrutturi tad-data, il-formati tad-data, il-vokabularji, l-iskemi ta' klassifikazzjoni, it-tassonomiji u l-listi tal-kodiċijiet, fejn disponibbli, għandhom jiġu deskritti b'mod disponibbli pubblikament u konsistenti;

(c)

il-mezzi tekniċi għall-aċċess għad-data, bħall-interfaċċi għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet, u t-termini tal-użu u l-kwalità tas-servizz tagħhom għandhom jiġu deskritti b'mod suffiċjenti biex jippermettu l-aċċess u t-trażmissjoni awtomatiċi tad-data bejn il-partijiet, inkluż kontinwament, f'tniżżil massiv jew f'ħin reali, f'format li jinqara minn magna fejn dan huwa teknikament fattibbli u ma jostakolax il-funzjonament tajjeb tal-prodott konness;

(d)

fejn applikabbli, il-mezzi li jippermettu l-interoperabbiltà tal-għodod għall-awtomatizzazzjoni tal-eżekuzzjoni tal-ftehimiet tal-kondiviżjoni tad-data, bħal kuntratti intelliġenti għandhom jiġu pprovduti.

Ir-rekwiżiti jista' jkollhom natura ġenerika jew jistgħu jikkonċernaw setturi speċifiċi, filwaqt li jqisu bis-sħiħ l-interrelazzjoni mar-rekwiżiti li joħorġu minn liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali.

2.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati, f'konformità mal-Artikolu 45 ta' dan ir-Regolament biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tispeċifika aktar ir-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, b'rabta ma' dawk ir-rekwiżiti li, min-natura tagħhom, ma jistgħux jipproduċu l-effett maħsub sakemm ma jkunux speċifikati aktar f'atti legali vinkolanti tal-Unjoni u sabiex tirrifletti kif xieraq l-iżviluppi teknoloġiċi u tas-suq.

Il-Kummissjoni għandha, meta tadotta atti delegati, tqis il-parir tal-EDIB f'konformità mal-Artikolu 42, il-punt (c)(iii).

3.   Il-parteċipanti fl-ispazji tad-data li joffru data jew servizzi ta' data lil parteċipanti oħra fl-ispazji tad-data li jissodisfaw l-istandards armonizzati jew partijiet minnhom li r-referenzi tagħhom huma ippubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu preżunti li huma f'konformità mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fil-paragrafu 1 safejn dawk ir-rekwiżiti jkunu koperti minn tali standards armonizzati jew partijiet minnhom.

4.   Il-Kummissjoni għandha, skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012, titlob lil organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni waħda jew aktar biex tabbozza standards armonizzati li jissodisfaw ir-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

5.   Il-Kummissjoni tista', permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tadotta speċifikazzjonijiet komuni li jkopru kwalunkwe rekwiżit essenzjali jew ir-rekwiżiti essenzjali kollha stabbiliti fil-paragrafu 1 fejn ikunu ġew issodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-Kummissjoni tkun talbet, skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012, lil organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni waħda jew aktar biex jabbozzaw standard armonizzat li jissodisfa r-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u:

(i)

it-talba ma tkunx ġiet aċċettata;

(ii)

l-istandard armonizzat li jindirizza dik it-talba ma jkunx ġew ikkonsenjat fl-iskadenza stabbilita f'konformità mal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012; jew

(iii)

l-istandard armonizzat ma jikkonformawx mat-talba; u

(b)

ma tkun ġiet ippubblikata l-ebda referenza għall-istandards armonizzati li jkopru r-rekwiżiti essenzjali rilevanti stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 u l-ebda referenza bħal din ma tkun mistennija li tiġi ppubblikata fi żmien raġonevoli.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 46(2).

6.   Qabel ma tħejji abbozz ta' att ta' implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 22 tar-Regolament UE Nru 1025/2012 li hija tqis li l-kundizzjonijiet fil-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu ġew issodisfati.

7.   Meta tħejji l-abbozz ta' att ta' implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 5, il-Kummissjoni għandha tqis il-parir tal-EDIB u l-fehmiet ta' korpi jew gruppi ta' esperti rilevanti oħra u għandha tikkonsulta kif xieraq lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha.

8.   Il-parteċipanti fl-ispazji tad-data li joffru data jew servizzi tad-data lil parteċipanti oħra fl-ispazji tad-data li jissodisfaw l-ispeċifikazzjonijiet komuni stabbiliti minn atti ta' implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 5 jew partijiet minnhom għandhom ikunu preżunti li jikkonformaw mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fil-paragrafu 1 safejn dawk ir-rekwiżiti jkunu koperti minn tali speċifikazzjonijiet komuni jew partijiet minnhom.

9.   Meta standard armonizzat jiġi adottat minn organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni u jiġi propost lill-Kummissjoni għall-fini tal-pubblikazzjoni tar-referenza tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-istandard armonizzat f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1025/2012. Meta r-referenza ta' standard armonizzat tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni għandha tħassar l-atti ta' implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu, jew partijiet minnhom li jkopru l-istess rekwiżiti essenzjali bħal dawk koperti minn dak l-istandard armonizzat.

10.   Meta Stat Membru jqis li speċifikazzjoni komuni ma tissodisfax għalkollox ir-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fil-paragrafu 1, huwa għandu jinforma lill-Kummissjoni b’dan billi jissottometti spjegazzjoni dettaljata. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta dik l-ispjegazzjoni dettaljata u, jekk ikun xieraq, temenda l-att ta' implimentazzjoni li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjoni komuni inkwistjoni.

11.   Il-Kummissjoni tista' tadotta linji gwida filwaqt li tqis il-proposta tal-EDIB f'konformità mal-Artikolu 30, il-punt (h), tar-Regolament (UE) 2022/868 li jistabbilixxi oqsfa interoperabbli għal standards u prattiki komuni għall-funzjonament ta' spazji komuni Ewropej tad-data.

Artikolu 36

Rekwiżiti essenzjali rigward il-kuntratti intelliġenti għall-eżekuzzjoni tal-ftehimiet tal-kondiviżjoni tad-data

1.   Il-bejjiegħ ta' applikazzjoni li tuża kuntratti intelliġenti jew, fin-nuqqas ta' dan, il-persuna li l-kummerċ, in-negozju jew il-professjoni tagħha tinvolvi l-użu ta' kuntratti intelliġenti għal oħrajn fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta' ftehim jew parti minnu, biex id-data tkun magħmula disponibbli, għandhom jiżguraw li dawk il-kuntratti intelliġenti jikkonformaw mar-rekwiżiti essenzjali li ġejjin:

(a)

robustezza u kontroll tal-aċċess, biex ikun żgurat li l-kuntratt intelliġenti jkun tfassal biex joffri mekkaniżmi ta' kontroll tal-aċċess u grad għoli ħafna ta' robustezza biex jiġu evitati żbalji funzjonali u biex jiflaħ għall-manipulazzjoni minn partijiet terzi;

(b)

terminazzjoni u interruzzjoni sikuri, biex ikun żgurat li jeżisti mekkaniżmu biex tintemm il-kontinwazzjoni tal-eżekuzzjoni tat-tranżazzjonijiet u li l-kuntratt intelliġenti jinkludi funzjonijiet interni li jistgħu jerġgħu jistabbilixxu jew jagħtu struzzjonijiet lill-kuntratt sabiex iwaqqaf jew jinterrompi l-operazzjoni, b’mod partikolari biex jiġu evitati eżekuzzjonijiet aċċidentali futuri;

(c)

arkivjar u kontinwità tad-data, biex ikun żgurat, f'ċirkostanzi li fihom kuntratt intelliġenti jrid jiġi tterminat jew diżattivat, ikun hemm possibbiltà tal-arkivjar tad-data tranżazzjonali, il-loġika u l-kodiċi tal-kuntratt intelliġenti sabiex jinżamm ir-rekord tal-operazzjonijiet imwettqa fuq id-data fil-passat (awditabbiltà);

(d)

kontroll tal-aċċess, biex ikun żgurat li kuntratt intelliġenti jiġi protett permezz ta' mekkaniżmi rigorużi ta' kontroll tal-aċċess fis-saffi ta' governanza u ta' kuntratti intelliġenti; u

(e)

konsistenza, biex tkun żgurata konsistenza mat-termini tal-ftehim dwar il-kondiviżjoni tad-data li l-kuntratt intelliġenti jeżegwixxi.

2.   Il-bejjiegħ ta' kuntratt intelliġenti jew, fin-nuqqas ta' dan, il-persuna li l-kummerċ, in-negozju jew il-professjoni tagħha tinvolvi l-użu ta' kuntratti intelliġenti għal oħrajn fil-kuntest ta' eżekuzzjoni ta’ ftehim jew parti minnu, biex id-data tkun magħmula disponibbli għandhom iwettqu valutazzjoni tal-konformità bil-għan li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fil-paragrafu 1 u, malli jiġu ssodisfati dawk ir-rekwiżiti, toħroġ dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE.

3.   Billi jfassal id-dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE, il-bejjiegħ ta' applikazzjoni bl-użu ta' kuntratti intelliġenti jew, fin-nuqqas ta' dan, il-persuna li l-kummerċ, in-negozju jew il-professjoni tagħha tinvolvi l-użu ta' kuntratti intelliġenti għal oħrajn fil-kuntest ta' ftehim ta’ eżekuzzjoni jew parti minnu, biex id-data tkun magħmula disponibbli għandhom ikunu responsabbli għall-konformità mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fil-paragrafu 1.

4.   Kuntratt intelliġenti li jissodisfa l-istandards armonizzati jew il-partijiet rilevanti tagħhom, li r-referenzi tiegħu huma ippubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandu jkun preżunt li huwa konformi mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fil-paragrafu 1 sa fejn dawk ir-rekwiżiti jkunu koperti minn tali standards armonizzati jew partijiet minnhom.

5.   Il-Kummissjoni għandha, skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012, titlob lil organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni waħda jew aktar biex jabbozzaw standards armonizzati li jissodisfaw ir-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

6.   Il-Kummissjoni tista', permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tadotta speċifikazzjonijiet komuni li jkopru kwalunkwe rekwiżit essenzjali jew ir-rekwiżiti essenzjali kollha stabbiliti fil-paragrafu 1 fejn ikunu ġew issodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-Kummissjoni tkun talbet, skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012, lil organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni waħda jew aktar biex jabbozzaw standard armonizzat li jissodisfa r-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, u:

(i)

it-talba ma tkunx ġiet aċċettata;

(ii)

l-istandards armonizzati li jindirizzaw dik it-talba ma jkunux ġew ikkonsenjati fl-iskadenza stabbilita f'konformità mal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012; jew

(iii)

l-istandards armonizzati ma jikkonformawx mat-talba; u

(b)

ma tkun ġiet ppubblikata l-ebda referenza għall-istandards armonizzati li jkopru r-rekwiżiti essenzjali rilevanti stabbiliti fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu huwa f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 u l-ebda referenza bħal din ma tkun mistennija li tiġi ppubblikata fi żmien raġonevoli.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 46(2).

7.   Qabel ma tħejji abbozz ta' att ta' implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 li hija tqis li l-kundizzjonijiet fil-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu huma ssodisfati.

8.   Meta tħejji l-abbozz ta' att ta' implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 6, il-Kummissjoni għandha tqis il-parir tal-EDIB u l-fehmiet ta' korpi jew gruppi ta' esperti rilevanti oħra u għandha tikkonsulta kif xieraq lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha.

9.   Il-bejjiegħ ta' kuntratt intelliġenti jew, fin-nuqqas ta' dan, il-persuna li l-kummerċ, in-negozju jew il-professjoni tagħha tinvolvi l-użu ta' kuntratti intelliġenti għal oħrajn fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta' ftehim jew parti minnu, biex id-data tkun magħmula disponibbli jissodisfaw l-ispeċifikazzjonijiet komuni stabbiliti mill-atti ta' implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 6 jew partijiet minnhom għandhom ikunu preżunti li jikkonformaw mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fil-paragrafu 1 sa fejn dawk ir-rekwiżiti jkunu koperti minn tali speċifikazzjonijiet komuni jew partijiet minnhom.

10.   Meta standard armonizzat jiġi adottat minn organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni u jiġi propost lill-Kummissjoni għall-fini tal-pubblikazzjoni tar-referenza tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-istandard armonizzat f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1025/2012. Meta r-referenza ta' standard armonizzat tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni għandha tħassar l-atti ta' implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu, jew partijiet minnhom li jkopru l-istess rekwiżiti essenzjali bħal dawk koperti minn dak l-istandard armonizzat.

11.   Meta Stat Membru jqis li speċifikazzjoni komuni ma tissodisfax għalkollox ir-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fil-paragrafu 1, huwa għandu jinforma lill-Kummissjoni b’dan billi jissottometti spjegazzjoni dettaljata. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta dik l-ispjegazzjoni dettaljata u, jekk ikun xieraq, tista’ temenda l-att ta' implimentazzjoni li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjoni komuni inkwistjoni.

KAPITOLU IX

IMPLIMENTAZZJONI U INFURZAR


whereas









keyboard_arrow_down