search


keyboard_tab Data Act 2023/2854 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2023/2854 MT cercato: 'internazzjonali' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index internazzjonali:


whereas internazzjonali:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 683

 

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli armonizzati, fost-l-oħrajn, dwar:

(a)

it-tqegħid għad-dispożizzjoni tad-data ta' prodotti u ta' servizzi relatati għall-utent tal-prodott konness jew servizz relatat;

(b)

it-tqegħid għad-dispożizzjoni tad-data mid-detenturi tad-data għar-riċevituri tad-data;

(c)

it-tqegħid għad-dispożizzjoni tad-data mid-detenturi tad-data għall-korpi tas-settur pubbliku, il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew u l-korpi tal-Unjoni, fejn ikun hemm ħtieġa eċċezzjonali għal dik id-data għat-twettiq ta' kompitu speċifiku mwettaq fl-interess pubbliku;

(d)

l-iffaċilitar tal-qlib bejn is-servizzi tal-ipproċessar tad-data;

(e)

l-introduzzjoni ta' salvagwardji kontra l-aċċess illegali ta' partijiet terzi għal data mhux personali;, u

(f)

l-iżvilupp ta' standards ta' interoperabbiltà għad-data li trid tiġi aċċessata, trasferita u użata.

2.   Dan ir-Regolament ikopri data personali u mhux personali, inkluż it-tipi ta' data li ġejjin, fil-kuntesti li ġejjin:

(a)

il-Kapitolu II japplika għad-data, bl-eċċezzjoni tal-kontenut, li tikkonċerna l-prestazzjoni, l-użu u l-ambjent ta' prodotti konnessi u servizzi relatati;

(b)

il-Kapitolu III japplika għal kwalunkwe data tas-settur privat li hija soġġetta għal obbligi statutorji ta' kondiviżjoni tad-data;

(c)

il-Kapitolu IV japplika għal kwalunkwe data tas-settur privat aċċessata u użata abbażi ta' kuntratti bejn intrapriżi;

(d)

il-Kapitolu V japplika għal kwalunkwe data tas-settur privat b'enfasi fuq data mhux personali;

(e)

il-Kapitolu VI japplika għal kwalunkwe data u servizzi pproċessati mill-fornituri tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data;

(f)

il-Kapitolu VII japplika għal kwalunkwe data mhux personali miżmuma fl-Unjoni mill-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data.

3.   Dan ir-Regolament japplika għal:

(a)

manifatturi ta' prodotti konnessi mqiegħda fis-suq fl-Unjoni u l-fornituri ta' servizzi relatati, irrispettivament mill-post ta' stabbiliment ta' dawk il-manifatturi u l-fornituri;

(b)

utenti fl-Unjoni ta' prodotti konnessi jew servizzi relatati kif imsemmija fil-punt (a);

(c)

detenturi tad-data, irrispettivament mill-post ta' stabbiliment tagħhom, li jagħmlu d-data disponibbli għar-riċevituri tad-data fl-Unjoni;

(d)

riċevituri tad-data fl-Unjoni li għalihom tkun disponibbli d-data;

(e)

korpi tas-settur pubbliku, il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew u korpi tal-Unjoni li jitolbu lid-detenturi tad-data jagħmlu d-data disponibbli meta jkun hemm ħtieġa eċċezzjonali għal dik id-data għat-twettiq ta' kompitu speċifiku mwettaq fl-interess pubbliku u d-detenturi tad-data li jipprovdu dik id-data bi tweġiba għal talba bħal din;

(f)

fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data, irrispettivament mill-post ta' stabbiliment tagħhom, li jipprovdu tali servizzi lill-klijenti fl-Unjoni;

(g)

parteċipanti fi spazji tad-data u bejjiegħa ta' applikazzjonijiet li jużaw kuntratti intelliġenti u persuni li l-kummerċ, in-negozju jew il-professjoni tagħhom tinvolvi l-użu ta' kuntratti intelliġenti għal oħrajn fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta' ftehim.

4.   Meta dan ir-Regolament jirreferi għal prodotti konnessi jew għal servizzi relatati, tali referenzi għandhom jinftiehmu wkoll li jinkludu assistenti virtwali sa fejn li dawn jinteraġixxu ma' prodott konness jew servizz relatat.

5.   Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data personali, il-privatezza u l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u l-integrità tat-tagħmir terminali, li għandu japplika għad-data personali pproċessata b'rabta mad-drittijiet u mal-obbligi stabbiliti fih, b'mod partikolari r-Regolamenti (UE) 2016/679 u (UE) 2018/1725 u d-Direttiva 2002/58/KE, inklużi s-setgħat u l-kompetenzi tal-awtoritajiet superviżorji u d-drittijiet tas-suġġetti tad-data. Sa fejn l-utenti jkunu suġġetti tad-data, id-drittijiet stabbiliti fil-Kapitolu II ta' dan ir-Regolament għandhom jikkomplementaw id-drittijiet ta' aċċess mis-suġġetti tad-data u d-drittijiet tal-portabbiltà tad-data skont l-Artikoli 15 u 20 tar-Regolament (UE) 2016/679. Fil-każ ta' kunflitt bejn dan ir-Regolament u l-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni ta' data personali jew tal-privatezza, jew il-leġiżlazzjoni nazzjonali adottata f'konformità ma' tali liġi tal-Unjoni, għandha tipprevali l-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali dwar il-protezzjoni ta' data personali.

6.   Dan ir-Regolament ma japplikax għal, jew ma jħeġġiġx bil-quddiem, arranġamenti volontarji għall-iskambju ta' data bejn entitajiet privati u pubbliċi, b'mod partikolari arranġamenti volontarji għall-kondiviżjoni tad-data.

Dan ir-Regolament ma jaffettwax l-atti legali tal-Unjoni jew dawk nazzjonali li jipprevedu l-kondiviżjoni ta’, l-aċċess għal u l-użu ta' data għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew għall-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, jew għal skopijiet doganali u ta’ tassazzjoni, b'mod partikolari r-Regolamenti (UE) 2021/784, (UE) 2022/2065 u (UE) 2023/1543 u d-Direttiva (UE) 2023/1544 jew il-kooperazzjoni internazzjonali f'dak il-qasam. Dan ir-Regolament ma japplikax għall-ġbir jew il-kondiviżjoni ta’, l-aċċess għal jew l-użu ta’ data skont ir-Regolament (UE) 2015/847 u d-Direttiva (UE) 2015/849. Dan ir-Regolament ma japplikax għal oqsma li jaqgħu barra mill-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni u fi kwalunkwe każ ma jaffettwax il-kompetenzi tal-Istati Membri li jikkonċernaw is-sigurtà pubblika, id-difiża jew is-sigurtà nazzjonali, irrispettivament mit-tip ta' entità fdata mill-Istati Membri biex twettaq kompiti fir-rigward ta' dawk il-kompetenzi, jew is-setgħa tagħhom li jissalvagwardjaw funzjonijiet Statali essenzjali oħra, inkluż l-iżgurar tal-integrità territorjali tal-Istat u ż-żamma tal-ordni pubbliku. Dan ir-Regolament ma jaffettwax il-kompetenzi tal-Istati Membri fir-rigward tal-amministrazzjoni doganali u tat-taxxa jew is-saħħa u s-sikurezza taċ-ċittadini.

7.   Dan ir-Regolament jikkumplimenta l-approċċ awtoregolatorju tar-Regolament (UE) 2018/1807 billi jżid obbligi applikabbli b'mod ġenerali dwar il-qlib tal-cloud.

8.   Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-atti legali tal-Unjoni u dawk nazzjonali li jipprevedu l-protezzjoni tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali, b'mod partikolari d-Direttivi 2001/29/KE, 2004/48/KE u (UE) 2019/790.

9.   Dan ir-Regolament jikkomplementa u huwa mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-Unjoni li għandha l-għan li tippromwovi l-interessi tal-konsumaturi u tiżgura livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur, u li tipproteġi s-saħħa, is-sikurezza u l-interessi ekonomiċi tagħhom, b'mod partikolari d-Direttivi 93/13/KEE, 2005/29/KE u 2011/83/UE.

10.   Dan ir-Regolament ma jipprekludix il-konklużjoni ta' kuntratti volontarji legali għall-kondiviżjoni tad-data, inkluż kuntratti konklużi fuq bażi reċiproka, li jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti f'dan ir-Regolament.

Artikolu 28

Obbligi ta' trasparenza kuntrattwali dwar l-aċċess u t-trasferiment internazzjonali

1.   Il-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data għandhom jagħmlu l-informazzjoni li ġejja disponibbli fuq is-siti web tagħhom, u jżommu dik l-informazzjoni aġġornata:

(a)

il-ġuriżdizzjoni li għaliha tkun soġġetta l-infrastruttura tal-ICT użata għall-ipproċessar tad-data tas-servizzi individwali tagħhom;

(b)

deskrizzjoni ġenerali tal-miżuri tekniċi, organizzattivi u kuntrattwali adottati mill-fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data sabiex jiġi evitat l-aċċess jew it-trasferiment internazzjonali mill-gvern ta’ data mhux personali miżmuma fl-Unjoni fejn tali aċċess jew trasferiment joħloq kunflitt mal-liġi tal-Unjoni jew mal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru rilevanti.

2.   Is-siti web imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu elenkati fi kuntratt għas-servizzi kollha tal-ipproċessar tad-data offruti mill-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data.

Artikolu 31

Reġim speċifiku għal ċerti servizzi tal-ipproċessar tad-data

1.   L-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 23, il-punt (d), l-Artikolu 29 u l-Artikolu 30(1) u (3) ma għandhomx japplikaw għas-servizzi tal-ipproċessar tad-data li l-maġġoranza tal-karatteristiċi ewlenin tagħhom ikunu nbnew apposta biex jakkomodaw il-ħtiġijiet speċifiċi ta' klijent individwali jew fejn il-komponenti kollha jkunu ġew żviluppati għall-finijiet ta' klijent individwali, u fejn dawk is-servizzi tal-ipproċessar tad-data ma jiġux offruti fuq skala kummerċjali wiesgħa permezz tal-katalogu tas-servizzi tal-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data.

2.   L-obbligi stabbiliti f'dan il-Kapitolu ma għandhomx japplikaw għas-servizzi tal-ipproċessar tad-data pprovduti bħala verżjoni mhux tal-produzzjoni għall-finijiet tal-ittestjar u tal-evalwazzjoni u għal perjodu ta' żmien limitat.

3.   Qabel il-konklużjoni ta' kuntratt dwar il-forniment tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data msemmija f'dan l-Artikolu, il-fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data għandu jinforma lill-klijent prospettiv dwar l-obbligi ta' dan il-Kapitolu li ma japplikawx.

KAPITOLU VII

AĊĊESS U TRASFERIMENT GOVERNATTIV internazzjonali ILLEGALI TA' DATA MHUX PERSONALI

Artikolu 32

Aċċess u trasferiment governattiv internazzjonali

1.   Il-fornituri ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data għandhom jieħdu l-miżuri tekniċi, organizzattivi u legali adegwati kollha, inkluż kuntratti, sabiex jevitaw l-aċċess u t-trasferiment internazzjonali u minn gvernijiet ta' pajjiżi terzi ta' data mhux personali miżmuma fl-Unjoni fejn tali trasferiment jew aċċess joħloq kunflitt mal-liġi tal-Unjoni jew mal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru rilevanti, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2 jew 3.

2.   Kwalunkwe deċiżjoni jew sentenza ta' qorti jew tribunal ta' pajjiż terz u kwalunkwe deċiżjoni ta' awtorità amministrattiva ta' pajjiż terz li tirrikjedi li fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data jittrasferixxi jew jagħti aċċess għal data mhux personali li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament miżmuma fl-Unjoni għandha tiġi rikonoxxuta jew infurzabbli bi kwalunkwe mod biss jekk tkun ibbażata fuq ftehim internazzjonali, bħal trattat dwar l-assistenza legali reċiproka, fis-seħħ bejn il-pajjiż terz rikjedenti u l-Unjoni, jew kwalunkwe ftehim bħal dan bejn il-pajjiż terz rikjedenti u Stat Membru.

3.   Fin-nuqqas ta' ftehim internazzjonali kif imsemmi fil-paragrafu 2, fejn fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data jkun id-destinatarju ta' deċiżjoni jew sentenza ta' qorti jew ta' tribunal ta' pajjiż terz jew deċiżjoni ta' awtorità amministrattiva ta' pajjiż terz li tittrasferixxi jew tagħti aċċess għal data mhux personali li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament miżmuma fl-Unjoni u l-konformità ma' tali deċiżjoni tkun qed tissogra li tpoġġi lid-destinatarju f'kunflitt mal-liġi tal-Unjoni jew mal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru rilevanti, it-trasferiment ta' tali data jew l-aċċess għaliha minn dik l-awtorità ta' pajjiż terz għandu jsir biss fejn:

(a)

is-sistema ta' pajjiż terz teħtieġ li jiġu stabbiliti r-raġunijiet u l-proporzjonalità ta' tali deċiżjoni jew sentenza u tirrikjedi li tali deċiżjoni jew sentenza tkun ta' natura speċifika, pereżempju billi tiġi stabbilita rabta suffiċjenti ma' ċerti persuni jew ksur suspettati;

(b)

l-oġġezzjoni motivata tad-destinatarju tkun soġġetta għal rieżami minn qorti jew tribunal kompetenti ta' pajjiż terz; u

(c)

il-qorti jew it-tribunal kompetenti ta' pajjiż terz li joħroġ id-deċiżjoni jew is-sentenza jew li jirrieżamina d-deċiżjoni ta' awtorità amministrattiva jingħata s-setgħa skont il-liġi ta' dak il-pajjiż terz li jqis debitament l-interessi legali rilevanti tal-fornitur tad-data protetta mil-liġi tal-Unjoni jew mal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru rilevanti.

Id-destinatarju tad-deċiżjoni jew sentenza jista' jitlob l-opinjoni tal-korp jew l-awtorità nazzjonali rilevanti kompetenti għall-kooperazzjoni internazzjonali fi kwistjonijiet legali, sabiex jiddetermina jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu humiex issodisfati, b'mod partikolari meta jqis li d-deċiżjoni tista' tkun relatata ma' sigrieti kummerċjali u data kummerċjalment sensittiva oħra kif ukoll ma' kontenut protett mid-drittijiet ta' proprjetà intellettwali jew it-trasferiment jista' jwassal għal identifikazzjoni mill-ġdid. Il-korp jew l-awtorità nazzjonali rilevanti jistgħu jikkonsultaw lill-Kummissjoni. Jekk id-destinatarju jqis li d-deċiżjoni jew sentenza tista' taffettwa l-interessi tas-sigurtà nazzjonali jew tad-difiża tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha, huwa għandu jitlob l-opinjoni tal-korp jew l-awtorità nazzjonali rilevanti sabiex jiddetermina jekk id-data mitluba tikkonċernax l-interessi tas-sigurtà nazzjonali jew tad-difiża tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha. Jekk id-destinatarju ma jkunx irċieva tweġiba fi żmien xahar, jew jekk l-opinjoni ta’ tali korp jew awtorità tikkonkludi li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu mhumiex issodisfati, id-destinatarju jista' jiċħad it-talba għal trasferiment jew aċċess, għad-data mhux personali, abbażi ta' dawk ir-raġunijiet.

L-EDIB imsemmi fl-Artikolu 42 għandu jagħti pariri u jassisti lill-Kummissjoni fl-iżvilupp ta' linji gwida dwar il-valutazzjoni ta' jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu humiex issodisfati.

4.   Jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 jew 3 jiġu ssodisfati, il-fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data għandu jipprovdi l-ammont minimu ta' data permissibbli bi tweġiba għal talba, abbażi tal-interpretazzjoni raġonevoli ta’ dik it-talba mill-fornitur jew mill-korp jew awtorità nazzjonali rilevanti msemmija fil-paragrafu 3, it-tieni subparagrafu.

5.   Il-fornitur ta' servizzi tal-ipproċessar tad-data għandu jinforma lill-klijent tad-data dwar l-eżistenza ta' talba minn awtorità ta' pajjiż terz biex taċċessa d-data tiegħu qabel ma jikkonforma ma' dik it-talba, ħlief fejn it-talba sservi skopijiet ta' infurzar tal-liġi u sakemm dan ikun neċessarju biex tiġi ppreservata l-effettività tal-attività tal-infurzar tal-liġi.

KAPITOLU VIII

INTEROPERABBILTÀ

Artikolu 35

Interoperabbiltà tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data

1.   L-ispeċifikazzjonijiet miftuħa tal-interoperabbiltà u l-istandards armonizzati għall-interoperabbiltà tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data għandhom:

(a)

jiksbu, fejn ikun teknikament fattibbli, interoperabbiltà bejn servizzi differenti tal-ipproċessar tad-data li jkopru l-istess tip ta' servizz;

(b)

itejbu l-portabbiltà tal-assi diġitali bejn servizzi differenti tal-ipproċessar tad-data li jkopru l-istess tip ta' servizz;

(c)

jiffaċilitaw, fejn ikun teknikament fattibbli, ekwivalenza funzjonali bejn servizzi differenti tal-ipproċessar tad-data msemmija fl-Artikolu 30(1) li jkopru l-istess tip ta' servizz;

(d)

ma jkollhomx impatt negattiv fuq is-sigurtà u l-integrità tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data u tad-data;

(e)

jitfasslu b'tali mod li jippermettu avvanzi tekniċi u inklużjoni ta' funzjonijiet u innovazzjoni ġodda fis-servizzi tal-ipproċessar tad-data.

2.   L-ispeċifikazzjonijiet miftuħa tal-interoperabbiltà u l-istandards armonizzati għall-interoperabbiltà tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data għandhom jindirizzaw b'mod adegwat:

(a)

l-aspetti tal-interoperabbiltà tal-cloud tal-interoperabbiltà tat-trasport, l-interoperabbiltà sintattika, l-interoperabbiltà tad-data semantika, l-interoperabbiltà tal-imġiba u l-interoperabbiltà tal-politika;

(b)

l-aspetti tal-portabbiltà tad-data fuq il-cloud tal-portabbiltà sintattika tad-data, il-portabbiltà semantika tad-data u l-portabbiltà tal-politika dwar id-data;

(c)

l-aspetti tal-applikazzjoni tal-cloud tal-portabbiltà sintattika tal-applikazzjoni, il-portabbiltà tal-istruzzjoni tal-applikazzjoni, il-portabbiltà tal- metadata tal-applikazzjoni, il-portabbiltà tal-imġiba tal-applikazzjoni u l-portabbiltà tal-politika tal-applikazzjoni.

3.   L-ispeċifikazzjonijiet miftuħa tal-interoperabbiltà għandhom jikkonformaw mal-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 1025/2012.

4.   Wara li tqis l-istandards internazzjonali u Ewropej u l-inizjattivi awtoregolatorji rilevanti, il-Kummissjoni tista', f'konformità mal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012, titlob lil organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni waħda jew aktar biex tabbozza standards armonizzati li jissodisfaw ir-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu.

5.   Il-Kummissjoni tista' tadotta, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, speċifikazzjonijiet komuni ibbażat fuq speċifikazzjonijiet miftuħa tal-interoperabbiltà li jkopru r-rekwiżiti essenzjali kollha stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2.

6.   Meta tħejji l-abbozz ta' att ta' implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tqis il-fehmiet tal-awtoritajiet kompetenti rilevanti msemmija fl-Artikolu 37(5), il-punt (h), u ta' korpi jew gruppi ta' esperti rilevanti oħra u għandha tikkonsulta kif xieraq lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha.

7.   Meta Stat Membru jqis li speċifikazzjoni komuni ma tissodisfax għalkollox ir-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2, huwa għandu jinforma lill-Kummissjoni b’dan billi jissottometti spjegazzjoni dettaljata. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta dik l-ispjegazzjoni dettaljata u, jekk ikun xieraq, tista’ temenda l-att ta' implimentazzjoni li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjoni komuni inkwistjoni.

8.   Għall-fini tal-Artikolu 30(3), il-Kummissjoni għandha, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tippubblika r-referenzi tal-istandards armonizzati u l-ispeċifikazzjonijiet komuni għall-interoperabbiltà tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data f'repożitorju ċentrali tal-Unjoni tal-istandards għall-interoperabbiltà tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data.

9.   L-atti ta' implimentazzjoni msemmija f'dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 46(2).


whereas









keyboard_arrow_down