(19) Id-Direttiva għandha tindirizza problemi fost kategoriji differenti ta' kontenut diġitali jew ta' servizzi diġitali u l-provvista tagħhom.
Bil-għan li taħseb għal żviluppi teknoloġiċi mgħaġġlin u biex il-kunċett ta' kontenut diġitali jew servizzi diġitali jibqa' validu fil-futur, jenħtieġ li din id-Direttiva tkopri, inter alia, programmi tal-kompjuter, applikazzjonijiet, video files, audio files, logħob diġitali, kotba elettroniċi jew pubblikazzjonijiet elettroniċi oħra, u wkoll servizzi diġitali li jippermettu l-ħolqien, l-ipproċessar, l-aċċess għad-data jew il-ħżin ta' data f'forma diġitali, inkluż softwer bħala servizz bħall-video sharing u l-audio sharing u l-ospitar ta' fajls oħra, il-word processing jew il-logħob offrut fl-ambjent tal-cloud computing u l-midja soċjali.
Peress li hemm bosta manjieri kif il-kontenut diġitali jew is-servizzi diġitali jiġu pprovduti, bħat-trażmissjoni fuq mezz tanġibbli, it-tniżżil mill-konsumaturi fuq l-apparati tagħhom, ir-ritrażmissjoni fuq il-web, permess għal aċċess għal kapaċitajiet ta' ħżin ta' kontenut diġitali jew aċċess għall-użu tal-midja soċjali, din id-Direttiva jenħtieġ li tapplika indipendentament mill-mezz użat għat-trażmissjoni ta' kontenut diġitali jew servizz diġitali jew l-għoti ta' aċċess għalihom.
Madankollu, din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għas-servizzi ta' aċċess għall-internet.
- = -
(24) Il-kontenut diġitali jew s-servizzi diġitali spiss jiġu pprovduti anki meta l-konsumatur ma jħallasx prezz iżda jipprovdi data personali lill-kummerċjant.
Dawn il-mudelli ta' negozju jintużaw f'forom differenti f'parti konsiderevoli tas-suq.
Filwaqt li tirrikonoxxi bis-sħiħ li l-protezzjoni tad-data personali hija dritt fundamentali u li għalhekk id-data personali ma tistax titqies bħala komodità, din id-Direttiva jenħtieġ li tiżgura li l-konsumaturi, fil-kuntest ta' tali mudelli ta' negozju, ikunu intitolati għal rimedji kuntrattwali.
Jenħtieġ li din id-Direttiva, għalhekk, tapplika għal kuntratti li fihom il-kummerċjant jipprovdi, jew jimpenja ruħu li jipprovdi, kontenut diġitali jew servizz diġitali lill-konsumatur, u l-konsumatur jipprovdi, jew jimpenja ruħu li jipprovdi, data personali.
Id-data personali tista' tiġi pprovduta lill-kummerċjant jew fiż-żmien meta jiġi konkluż il-kuntratt jew aktar tard, pereżempju meta l-konsumatur jagħti l-kunsens tiegħu biex il-kummerċjant juża kwalunkwe data personali li l-konsumatur jista' jtella' jew joħloq bl-użu tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali.
Il-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni ta' data personali tipprevedi lista eżawrjenti ta' raġunijiet legali għall-ipproċessar legali ta' data personali.
Din id-Direttiva jenħtieġ li tapplika għal kwalunkwe kuntratt fejn il-konsumatur jipprovdi jew jimpenja ruħu li jipprovdi data personali lill-kummerċjant.
Pereżempju, din id-Direttiva jenħtieġ li tapplika meta l-konsumatur jiftaħ kont fuq il-midja soċjali u jipprovdi isem u e-mail li jintużaw għal skopijiet għajr is-sempliċi provvista tal-kontenut diġitali jew servizz diġitali jew għajr il-konformità mar-rekwiżiti legali.
Dan għandu japplika ugwalment meta l-konsumatur jagħti l-kunsens tiegħu għal kwalunkwe materjal li jikkostitwixxi data personali, bħal ritratti jew posts li l-konsumatur itella', biex jiġu pproċessati mill-kummerċjant għal skopijiet ta' kummerċjalizzazzjoni.
Jenħtieġ, madankollu, li l-Istati Membri jibqgħu liberi li jiddeterminaw jekk ir-rekwiżiti għall-formazzjoni, l-eżistenza u l-validità ta' kuntratt taħt il-liġi nazzjonali humiex issodisfati.
- = -
(27) Peress li din id-Direttiva jenħtieġ li tapplika għal kuntratti li għandhom bħala oġġett il-provvista ta' kontenut diġitali jew servizzi diġitali lill-konsumatur, jenħtieġ li ma tapplikax meta l-materja tal-kuntratt tkun il-provvista ta' servizzi professjonali, bħal servizzi ta' traduzzjoni, servizzi ta' arkitettura jew servizzi ta' konsulenza professjonali oħra li sikwit jitwettqu personalment mill-kummerċjant, irrispettivament minn jekk il-mezzi diġitali jintużawx mill-kummerċjant sabiex jipproduċi l-output tas-servizz jew biex jittrażmettih lill-konsumatur.
Bl-istess mod, jenħtieġ li din id-Direttiva ma tapplikax għal servizzi pubbliċi, bħal servizzi ta' sigurtà soċjali jew reġistri pubbliċi, fejn il-mezzi diġitali jintużaw biss għat-trażmissjoni jew il-komunikazzjoni tas-servizz lill-konsumatur.
Jenħtieġ li din id-Direttiva lanqas ma tapplika għal strumenti awtentiċi u atti notarili oħra, irrispettivament minn jekk jitwettqux, jiġux irreġistrati, riprodotti jew trażmessi permezz ta' mezzi diġitali.
- = -
(57) Kontenut diġitali jew servizzi diġitali jista' wkoll jiġi pprovdut lill-konsumaturi b'mod kontinwu fuq perjodu ta' żmien.
Provvista kontinwa tista' tinkludi każijiet fejn il-kummerċjant iqiegħed servizz għad-dispożizzjoni tal-konsumaturi għal perjodu ta' żmien fiss jew indefinit, bħal kuntratt ta' sentejn ta' ħżin fil-cloud jew sħubija indefinita fi pjattaforma tal-midja soċjali.
L-element distintiv ta' din il-kategorija huwa l-fatt li l-kontenut jew is-servizz diġitali jkun disponibbli jew aċċessibbli għall-konsumaturi biss għall-perjodu ta' żmien fiss tal-kuntratt jew sakemm il-kuntratt indefinit jibqa' fis-seħħ.
Għaldaqstant, huwa ġġustifikat li jkun jenħtieġ li f'każijiet bħal dawn il-kummerċjant ikun responsabbli biss għal nuqqas ta' konformità li titfaċċa matul dak il-perjodu ta' żmien.
Jenħtieġ li l-element ta' provvista kontinwa ma jirrikjedix neċessarjament provvista fuq perjodu ta' żmien twil.
Każijiet bħall-web-streaming ta' filmat jenħtieġ li jitqiesu bħala provvista kontinwa matul perjodu ta' żmien, irrispettivament minn kemm fil-fatt idum il-fajl awdjoviżiv.
Każijiet fejn elementi speċifiċi tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali jkunu magħmula disponibbli perjodikament jew għal diversi drabi matul il-perjodu ta' żmien fiss tal-kuntratt, jew sakemm il-kuntratt indefinit ikun fis-seħħ, jenħtieġ li wkoll jiġu kkunsidrati bħala provvista kontinwa matul perjodu ta' żmien, pereżempju meta l-kuntratt jistipula li kopja ta’ softwer anti-virus tista' tintuża għal sena u jiġi aġġornat awtomatikament fl-ewwel jum tax-xahar ta' dan il-perjodu, jew li l-kummerċjant joħroġ aġġornamenti kull meta jsiru disponibbli karatteristiċi ġodda ta' logħba diġitali, u l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali jkun disponibbli jew ikun aċċessibbli għall-konsumaturi biss għall-perjodu fiss tal-kuntratt jew sakemm il-kuntratt indefinit ikun fis-seħħ.
- = -