(5) Il-konsumaturi mhux dejjem iħossuhom fiduċjużi meta jixtru bejn il-fruntieri u speċjalment meta dan ix-xiri jsir online.
Wieħed mill-fatturi ewlenin għan-nuqqas ta' fiduċja fil-konsumaturi huwa l-inċertezza dwar id-drittijiet kuntrattwali ewlenin tagħhom u n-nuqqas ta' qafas kuntrattwali ċar għall-kontenut diġitali jew għas-servizzi diġitali. Ħafna konsumaturi jesperjenzaw problemi relatati mal-kwalità tal-kontenut diġitali jew tas-servizzi diġitali jew l-aċċess għalihom.
Pereżempju, jirċievu kontenut diġitali jew servizzi diġitali ħżiena jew difettużi, jew ma jkunux jistgħu jiksbu aċċess għall-kontenut diġitali jew għas-servizzi diġitali inkwistjoni.
B'riżultat ta' dan, il-konsumaturi jsofru dannu finanzjarju u mhux finanzjarju.
- = -
(6) Sabiex jirrimedjaw tali problemi, kemm in-negozji kif ukoll il-konsumaturi jenħtieġ li jkunu jistgħu jistrieħu fuq drittijiet kuntrattwali armonizzati b'mod sħiħ f'ċerti oqsma ewlenin li jikkonċernaw il-provvista ta' kontenut diġitali jew ta' servizzi diġitali madwar l-Unjoni.
Armonizzazzjoni sħiħa ta' wħud mill-aspetti regolatorji ewlenin iżżid konsiderevolment iċ-ċertezza tad-dritt kemm għall-konsumaturi kif ukoll għan-negozji.
- = -
(7) Regoli armonizzati b'mod sħiħ tal-liġi kuntrattwali tal-konsumaturi fl-Istati Membri kollha jagħmluha aktar faċli għan-negozji, speċjalment għall-SMEs, li joffru kontenut diġitali jew servizzi diġitali mal-Unjoni kollha.
Huma jkunu joffru lin-negozji ambjent stabbli tal-liġi kuntrattwali meta jipprovdu kontenut diġitali jew servizzi diġitali fi Stati Membri oħra.
Dawn ikunu jipprevjenu wkoll il-frammentazzjoni legali li altrimenti tirriżulta minn leġiżlazzjoni nazzjonali ġdida li tirregola speċifikament kontenut diġitali u servizzi diġitali.
- = -
(10) Din id-Direttiva jenħtieġ li tiddefinixxi l-kamp ta' applikazzjoni tagħha b'mod ċar u inekwivoku u tipprevedi regoli sostantivi ċari għall-kontenut diġitali jew għas-servizzi diġitali li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tagħha.
Kemm il-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva kif ukoll ir-regoli sostantivi tagħha jenħtieġ li jkunu teknoloġikament newtrali u jibqgħu validi fil-futur.
- = -
(15) Jenħtieġ li l-Istati Membri jibqgħu wkoll liberi, pereżempju, li jirregolaw id-drittijiet ta’ partijiet li jastjenu milli jwettqu l-obbligi tagħhom jew parti minnhom sakemm il-parti l-oħra twettaq l-obbligi tagħha.
Pereżempju, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu liberi li jirregolaw jekk konsumatur, f'każijiet ta' nuqqas ta' konformità, għandux ikun intitolat li jastjeni milli jħallas il-prezz jew parti minnu sakemm il-kummerċjant ikun ġab il-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali f'konformità, jew jekk il-kummerċjant għandux ikun intitolat li jżomm kwalunkwe rimborż dovut lill-konsumatur mat-terminazzjoni tal-kuntratt sakemm il-konsumatur jikkonforma mal-obbligu previst f’din id-Direttiva li jirritorna l-mezz tanġibbli lill-kummerċjant.
- = -
(21) Id-Direttiva (UE) 2019/771 jenħtieġ li tapplika għall-kuntratti għall-bejgħ ta' oġġetti, inklużi l-oġġetti b'elementi diġitali.
Il-kunċett ta' oġġetti b'elementi diġitali jenħtieġ li jirreferi għal oġġetti li jinkorporaw kontenut diġitali jew servizz diġitali jew li huma interkonnessi miegħu b'tali mod li l-assenza ta' dak il-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali twaqqaf lill-oġġetti milli jwettqu l-funzjoni tagħhom.
Il-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali li huwa inkorporat f'oġġetti jew interkonness magħhom b'dak il-mod jenħtieġ li jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva(UE) 2019/771 jekk jiġi pprovdut mal-oġġetti fil-qafas ta' kuntratt ta' bejgħ li jikkonċerna dawk l-oġġetti.
Jekk il-provvista ta' kontenut diġitali jew ta' servizz diġitali inkorporat jew interkonness tifformax parti mill-kuntratt ta' bejgħ mal-bejjiegħ, jenħtieġ li jiddependi mill-kontenut ta' dan il-kuntratt.
Dan jenħtieġ li jinkludi kontenut diġitali jew servizzi diġitali inkorporat jew interkonness li l-provvista tiegħu tkun meħtieġa b'mod espliċitu mill-kuntratt.
Jenħtieġ li jinkludi wkoll dawk il-kuntratti ta' bejgħ li jistgħu jiġu interpretati li jkopru l-provvista ta' kontenut diġitali jew servizz diġitali speċifiku minħabba li huma normali għal oġġetti tal-istess tip u li l-konsumatur jista' raġonevolment jistenna li jkunu hemm minħabba n-natura tal-oġġetti u b'kont meħud ta' kwalunkwe dikjarazzjoni pubblika magħmula mill-bejjiegħ jew f'ismu jew minn persuni oħra f'ħoloq preċedenti tal-katina tat-tranżazzjonijiet, inkluż il-produttur.
Jekk, pereżempju, sett tat-televiżjoni intelliġenti jkun ġie reklamat bħala li jinkludi applikazzjoni partikulari tal-video, dik l-applikazzjoni tal-video tkun meqjusa parti mill-kuntratt ta' bejgħ.
Jenħtieġ li dan japplika irrispettivament minn jekk il-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali jkunx installat minn qabel fl-oġġett innifsu jew jekk ikollux jitniżżel sussegwentement fuq apparat ieħor u jkun biss interkonness mal-oġġett.
- = -
(25) Meta kontenut diġitali u servizzi diġitali ma jkunux ipprovduti bi skambju ma' prezz, jenħtieġ li din id-Direttiva ma tapplikax għal sitwazzjonijiet fejn il-kummerċjant jiġbor data personali esklussivament biex jipprovdi kontenut diġitali jew servizz diġitali, jew għall-iskop uniku li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti legali.
Sitwazzjonijiet bħal dawn jistgħu jinkludu, pereżempju, każijiet meta r-reġistrazzjoni tal-konsumatur hija obbligatorja bil-liġijiet applikabbli għal skopijiet ta' sigurtà u identifikazzjoni.
Din id-Direttiva jenħtieġ li ma tapplikax ukoll għal sitwazzjonijiet meta l-kummerċjant jiġbor metadata, bħal informazzjoni li tikkonċerna l-apparat tal-konsumatur jew l-istorja tal-ibbrawżjar, ħlief meta din is-sitwazzjoni titqies li tkun kuntratt taħt il-liġi nazzjonali.
Jenħtieġ li lanqas ma tapplika għal sitwazzjonijiet meta l-konsumatur, mingħajr ma jkun ikkonkluda kuntratt mal-kummerċjant, ikun espost għal reklamar esklużivament biex jikseb aċċess għal kontenut diġitali jew servizz diġitali.
Madankollu, jenħtieġ li l-Istati Membri jibqgħu liberi li jestendu l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva għal sitwazzjonijiet bħal dawn, jew inkella li jirregolaw sitwazzjonijiet bħal dawn, li huma esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva.
- = -
(44) Peress li l-kontenut u s-servizzi diġitali qegħdin kulma jmur dejjem jiżviluppaw, il-kummerċjanti jistgħu jaqblu mal-konsumaturi li jipprovdu aġġornamenti u funzjonijiet hekk kif dawn isiru disponibbli.
Jenħtieġ li l-konformità tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali, għalhekk, tiġi vvalutata wkoll b'rabta ma' jekk il-kontenut jew is-servizz diġitali jkunx ġie aġġornat bil-mod li jkun ġie stipulat fil-kuntratt.
Jenħtieġ li n-nuqqas ta' provvista ta’ aġġornamenti li kienu ġew miftiehma fil-kuntratt jitqies bħala nuqqas ta' konformità tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali.
Barra minn hekk, jenħtieġ li l-aġġornamenti difettużi jew li ma jkunux kompleti jitqiesu wkoll bħala nuqqas ta' konformità tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali, peress li dak ikun ifisser li tali aġġornamenti ma jkunux twettqu bil-mod stipulat fil-kuntratt.
- = -
(45) Sabiex ikun hemm konformità u biex ikun żgurat li l-konsumaturi ma jiġux imċaħħda minn drittijiethom, pereżempju f'każijiet fejn il-kuntratt jistabbilixxi standards baxxi ħafna, il-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali jenħtieġ li mhux biss jikkonforma mar-rekwiżiti soġġettivi għal konformità, iżda jenħtieġ li jikkonforma ukoll mar-rekwiżiti oġġettivi għall-konformità stabbiliti f'din id-Direttiva.
Jenħtieġ li l-konformità tiġi vvalutata, inter alia, b'kunsiderazzjoni tal-iskop li għalih kontenut diġitali jew servizzi diġitali tal-istess tip jintuża normalment.
Jenħtieġ li jkollu wkoll il-kwalitajiet u l-karatteristiċi ta' prestazzjoni li jkunu normali għall-kontenut diġitali jew għas-servizzi diġitali tal-istess tip u li l-konsumaturi jistgħu jistennew b'mod raġonevoli, minħabba n-natura tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali u b'kunsiderazzjoni ta' kwalunkwe dikjarazzjoni pubblika dwar il-karatteristiċi speċifiċi tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali li jsiru mill-kummerċjant jew f'ismu jew minn persuni oħra f'ħoloq preċedenti tal-katina tat-tranżazzjonijiet.
- = -
(48) Jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2016/679 jew kwalunkwe liġi oħra tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data tapplika bis-sħiħ għall-ipproċessar ta' data personali b'rabta ma' kwalunkwe kuntratt li jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva.
Barra minn hekk, jenħtieġ li din id-Direttiva tkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet, l-obbligi u r-rimedji mhux kuntrattwali previsti mir-Regolament (UE) 2016/679.
Il-fatti li jwasslu għal nuqqas ta' konformità mar-rekwiżiti previsti mir-Regolament (UE) 2016/679, inklużi l-prinċipji ċentrali bħar-rekwiżiti għall-minimizzazzjoni tad-data, il-protezzjoni tad-data bid-disinn u l-protezzjoni tad-data b'mod awtomatiku, skont iċ-ċirkostanzi tal-każ, jistgħu jitqiesu wkoll li jikkostitwixxu nuqqas ta' konformità tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali ma' rekwiżiti ta' konformità soġġettivi jew oġġettivi previsti f'din id-Direttiva.
Eżempju wieħed jista’ jkun fejn kummerċjant jassumi espliċitament obbligu fil-kuntratt, jew il-kuntratt jista' jiġi interpretat b'dak il-mod, li huwa marbut ukoll mal-obbligi tal-kummerċjant taħt ir-Regolament (UE) 2016/679.
F'dak il-każ, impenn kuntrattwali bħal dan jista' jsir parti mir-rekwiżiti ta' konformità soġġettivi.
It-tieni eżempju jista' jkun meta nuqqas ta' konformità mal-obbligi taħt ir-Regolament (UE) 2016/679 jista', fl-istess ħin, jagħmel il-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali mhux adatt għall-iskop maħsub tiegħu u, għalhekk, jikkostitwixxi nuqqas ta' konformità mar-rekwiżit oġġettiv għall-konformità li jirrikjedi li l-kontenut diġitali jew is-servizzi diġitali jkunu adatt għall-iskopijiet li għalihom normalment jintużaw il-kontenut diġitali jew is-servizzi diġitali tal-istess tip.
- = -
(51) Kontinwament jiġu pprovduti ħafna tipi ta' kontenut diġitali jew servizzi diġitali fuq perjodu ta' żmien, bħall-aċċess għas-servizzi tal-cloud.
Għaldaqstant huwa neċessarju li jiġi żgurat li l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali jkun konformi matul id-durata tal-kuntratt kollha kemm hi.
Jenħtieġ li interruzzjonijiet fuq żmien qasir fil-provvista ta' kontenut diġitali jew ta' servizz diġitali jiġu ttrattati bħala każijiet ta' nuqqas ta' konformità fejn dawk l-interruzzjonijiet ikunu aktar minn negliġibbli jew ikunu rikorrenti.
Barra minn hekk, fil-kuntest tat-titjib frekwenti tal-kontenut diġitali u tas-servizzi diġitali, b’mod partikolari bl-aġġornamenti, il-verżjoni ta' kontenut diġitali jew tas-servizzi diġitali pprovduti lill-konsumatur jenħtieġ li tkun l-iktar waħda riċenti disponibbli fiż-żmien tal-konklużjoni tal-kuntratt, sakemm il-partijiet ma jkunux ftiehmu mod ieħor.
- = -
(54) Difetti legali huma kwistjoni partikolarment importanti fir-rigward tal-kontenut diġitali jew tas-servizzi diġitali, li huma soġġetti għal drittijiet dwar il-proprjetà intellettwali.
Restrizzjonijiet dwar l-użu tal-kontenut diġitali jew servizz diġitali tal-konsumatur f'konformità ma' din id-Direttiva jistgħu jkunu r-riżultat ta' vjolazzjoni ta' drittijiet ta' parti terza.
Tali ksur jista' jżomm lill-konsumatur milli jgawdi l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali jew xi wħud mill-karatteristiċi tiegħu, pereżempju meta l-konsumatur assolutament ma jkunx jista' jikseb aċċess għall-kontenut diġitali jew għas-servizz diġitali jew ma jkunx jista' jagħmel dan legalment.
Dan jista’ jkun minħabba l-fatt li l-parti terza, ġustament, iġġiegħel lill-kummerċjant iwaqqaf il-ksur ta' dawk id-drittijiet u ma jkomplix joffri l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali inkwistjoni jew li l-konsumatur ma jistax juża l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali mingħajr ma jikser il-liġi.
F'każ ta' ksur tad-drittijiet ta' partijiet terzi li jirriżulta f'restrizzjoni li tipprevjeni jew tillimita l-użu tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali f'konformità mar-rekwiżiti soġġettivi u oġġettivi għall-konformità, il-konsumatur jenħtieġ li jkun intitolat għar-rimedji għan-nuqqas ta' konformità, sakemm il-liġijiet nazzjonali ma jipprevedux in-nullità tal-kuntratt, jew għar-riżoluzzjoni tiegħu, pereżempju għall-ksur tal-garanzija legali kontra l-iżgumbrament.
- = -
(56) Il-kontenut diġitali jew is-servizzi diġitali jista' jiġi pprovdut lill-konsumaturi permezz ta' att uniku ta' provvista, pereżempju meta l-konsumaturi jniżżlu ktieb elettroniku u jaħżnuh fuq l-apparat personali tagħhom.
Bl-istess mod, il-provvista tista' tikkonsisti f'sensiela ta' atti individwali bħal dawn, pereżempju meta l-konsumaturi jirċievu link biex iniżżlu ktieb elettroniku ġdid kull ġimgħa.
L-element distintiv ta' din il-kategorija ta' kontenut diġitali jew ta' servizz diġitali huwa l-fatt li l-konsumaturi minn dakinhar 'il quddiem għandhom il-possibbiltà li jkollhom aċċess għall-kontenut diġitali jew għas-servizz diġitali u jużawh b'mod indefinit.
F'tali każijiet, jenħtieġ li l-konformità tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali tiġi vvalutata fil-mument tal-provvista, u għalhekk jenħtieġ li l-kummerċjant ikun responsabbli biss għal kwalunkwe nuqqas ta' konformità li jeżisti fil-mument meta jsir l-att uniku ta' provvista jew meta jsir kull att ta' provvista individwali.
Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza tad-dritt, il-kummerċjanti u l-konsumaturi jenħtieġ li jkunu jistgħu jiddependu fuq perjodu minimu armonizzat li matulu l-kummerċjant jenħtieġ li jinżamm responsabbli għal nuqqas ta' konformità.
Fir-rigward ta' kuntratti li jipprevedu att uniku ta' provvista jew sensiela ta' atti individwali ta' provvista tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-kummerċjanti jkunu responsabbli għal mhux inqas minn sentejn mill-mument tal-provvista, jekk taħt il-liġi nazzjonali rispettiva tiegħu l-kummerċjant huwa responsabbli biss għal kwalunkwe nuqqas ta' konformità li jsir apparenti f'perjodu ta' żmien wara l-provvista.
- = -
(57) Kontenut diġitali jew servizzi diġitali jista' wkoll jiġi pprovdut lill-konsumaturi b'mod kontinwu fuq perjodu ta' żmien.
Provvista kontinwa tista' tinkludi każijiet fejn il-kummerċjant iqiegħed servizz għad-dispożizzjoni tal-konsumaturi għal perjodu ta' żmien fiss jew indefinit, bħal kuntratt ta' sentejn ta' ħżin fil-cloud jew sħubija indefinita fi pjattaforma tal-midja soċjali.
L-element distintiv ta' din il-kategorija huwa l-fatt li l-kontenut jew is-servizz diġitali jkun disponibbli jew aċċessibbli għall-konsumaturi biss għall-perjodu ta' żmien fiss tal-kuntratt jew sakemm il-kuntratt indefinit jibqa' fis-seħħ.
Għaldaqstant, huwa ġġustifikat li jkun jenħtieġ li f'każijiet bħal dawn il-kummerċjant ikun responsabbli biss għal nuqqas ta' konformità li titfaċċa matul dak il-perjodu ta' żmien.
Jenħtieġ li l-element ta' provvista kontinwa ma jirrikjedix neċessarjament provvista fuq perjodu ta' żmien twil.
Każijiet bħall-web-streaming ta' filmat jenħtieġ li jitqiesu bħala provvista kontinwa matul perjodu ta' żmien, irrispettivament minn kemm fil-fatt idum il-fajl awdjoviżiv.
Każijiet fejn elementi speċifiċi tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali jkunu magħmula disponibbli perjodikament jew għal diversi drabi matul il-perjodu ta' żmien fiss tal-kuntratt, jew sakemm il-kuntratt indefinit ikun fis-seħħ, jenħtieġ li wkoll jiġu kkunsidrati bħala provvista kontinwa matul perjodu ta' żmien, pereżempju meta l-kuntratt jistipula li kopja ta’ softwer anti-virus tista' tintuża għal sena u jiġi aġġornat awtomatikament fl-ewwel jum tax-xahar ta' dan il-perjodu, jew li l-kummerċjant joħroġ aġġornamenti kull meta jsiru disponibbli karatteristiċi ġodda ta' logħba diġitali, u l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali jkun disponibbli jew ikun aċċessibbli għall-konsumaturi biss għall-perjodu fiss tal-kuntratt jew sakemm il-kuntratt indefinit ikun fis-seħħ.
- = -
(62) Fil-każ ta' nuqqas ta' konformità, jenħtieġ li l-konsumaturi jkunu intitolati li l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali jinġieb f'konformità, li jirċievu tnaqqis proporzjonat fil-prezz, jew li jitterminaw il-kuntratt.
- = -
(64) Minħabba d-diversità ta' kontenut diġitali u servizzi diġitali, mhuwiex xieraq li jiġu stabbiliti skadenzi fissi għall-eżerċizzju tad-drittijiet jew għall-issodisfar tal-obbligi relatati mal-kontenut diġitali jew is-servizzi diġitali.
Skadenzi bħal dawn ma jkunux jieħdu inkunsiderazzjoni tali diversità u jistgħu jkunu qosra wisq jew twal wisq, skont il-każ.
Għalhekk huwa aktar xieraq li jintalab li kontenut diġitali u servizzi diġitali jinġiebu f'konformità fi żmien raġonevoli.
Tali rekwiżit jenħtieġ li ma jipprevjenix lill-partijiet milli jaqblu dwar żmien speċifiku biex il-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali jinġieb f'konformità.
Il-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali jenħtieġ li jinġieb f'konformità mal-kuntratt mingħajr ħlas.
B'mod partikolari, l-konsumatur jenħtieġ li ma jġarrab l-ebda spiża assoċjata mal-iżvilupp ta' aġġornament għall-kontenut diġitali jew għas-servizz diġitali.
- = -
(74) Din id-Direttiva jenħtieġ li tindirizza wkoll modifiki, bħall-aġġornamenti u titjib fil-livelli, li jsiru minn kummerċjanti fil-kontenut diġitali jew fis-servizz diġitali li jiġi pprovdut jew magħmul disponibbli lill-konsumatur fuq perjodu ta' żmien.
Meta wieħed jikkunsidra l-karatteristika tal-kontenut diġitali u tas-servizzi diġitali li jevolvu rapidament, dawn l-aġġornamenti, dan it-titjib fil-livell jew modifiki simili jistgħu jkunu meħtieġa u spiss ikunu ta' vantaġġ għall-konsumatur.
Xi modifiki, pereżempju dawk stipulati bħala aġġornamenti fil-kuntratt, jistgħu jagħmlu parti mill-impenn kuntrattwali.
Modifiki oħra jistgħu jkunu meħtieġa biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti oġġettivi għall-konformità tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali kif stabbilit f'din id-Direttiva.
Iżda modifiki oħra, li jiddevjaw mir-rekwiżiti oġġettivi għall-konformità u li huma prevedibbli fil-mument meta jiġi konkluż il-kuntratt, ikollhom jiġu miftiehma espressament mill-konsumatur meta jiġi konkluż kuntratt.
- = -
(75) Minbarra l-modifiki li għandhom l-għan li jżommu l-konformità, jenħtieġ li l-kummerċjant ikun jista' jimmodifika, taħt ċerti kondizzjonijiet, karatteristiċi tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali, dment li l-kuntratt jagħti raġuni valida għal din il-modifika.
Tali raġunijiet validi jistgħu jinkludu każijiet fejn il-modifika tkun neċessarja sabiex il-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali jiġu adattati għal ambjent tekniku ġdid jew għal żieda fin-numru ta' utenti jew għal raġunijiet operattivi importanti oħra.
Tali modifiki spiss ikunu ta' vantaġġ għall-konsumatur billi jtejbu l-kontenut diġitali jew is-servizzi diġitali.
Konsegwentement, il-partijiet kontraenti jenħtieġ li jkunu jistgħu jinkludu klawżoli fil-kuntratt li jippermettu lill-kummerċjant li jagħmel modifiki.
Sabiex jintlaħaq bilanċ bejn l-interessi tal-konsumaturi u dawk tan-negozju, jenħtieġ li tali possibbiltà għall-kummerċjant tkun ikkombinata mad-dritt għall-konsumatur li jittermina l-kuntratt meta tali modifiki jkollhom impatt negattiv fuq l-użu tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali jew l-aċċess għalih b'mod mhux minuri.
Jenħtieġ li l-punt sa fejn il-modifiki jkollhom impatt negattiv fuq l-użu tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali jew l-aċċess għalih jiġi aċċertat b'mod oġġettiv fid-dawl tan-natura u l-iskop tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali u tal-kwalità, il-funzjonalità, il-kompatibbiltà u karatteristiċi ewlenin oħrajn li huma normali f'kontenut diġitali jew f'servizzi diġitali tal-istess tip.
Madankollu, ir-regoli pprovduti f’din id-Direttiva dwar dawn l-aġġornamenti, it-titjib fil-livell jew modifiki simili jenħtieġ li ma jikkonċernawx sitwazzjonijiet fejn il-partijiet jikkonkludu kuntratt ġdid għall-provvista tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali, pereżempju bħala konsegwenza ta’ distribuzzjoni ta’ verżjoni ġdida tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali.
- = -
(76) Jenħtieġ li l-konsumaturi jkunu infurmati dwar modifiki b'manjiera ċara u li tinftiehem.
Meta modifika jkollha impatt negattiv, b'mod mhux minuri, l-aċċess għal jew l-użu ta’ kontenut diġitali jew ta’ servizz diġitali mill-konsumatur, il-konsumatur jenħtieġ li jiġi infurmat b'tali mod li jippermetti li l-informazzjoni tiġi maħżuna fuq mezz durabbli.
Jenħtieġ li mezz durabbli jippermetti li l-konsumatur jaħżen l-informazzjoni għal perjodu ta' żmien li jkun jeħtieġ biex ikun jista' jipproteġi l-interessi tal-konsumatur li joħorġu mir-relazzjoni tal-konsumatur mal-kummerċjant.
Jenħtieġ li tali midja tinkludi b'mod partikolari l-karta, DVDs, CDs, USB sticks, kards tal-memorja jew hard disks kif ukoll e-mails.
- = -
(82) Jenħtieġ li l-Anness għad-Direttiva 2009/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17) tiġi emendata sabiex tinkludi referenza għal din id-Direttiva sabiex tiżgura li l-interessi kollettivi tal-konsumaturi stabbiliti f'din id-Direttiva jkunu mħarsa.
- = -
(83) Il-konsumaturi jenħtieġ li jkunu jistgħu jibbenefikaw mid-drittijiet tagħhom taħt din id-Direttiva hekk kif il-miżuri ta' traspożizzjoni nazzjonali korrispondenti jibdew japplikaw.
Dawk il-miżuri ta' traspożizzjoni nazzjonali jenħtieġ, għalhekk, li japplikaw ukoll għal kuntratti ta' tul indefinit jew fiss li ġew konklużi qabel id-data tal-applikazzjoni u jipprevedu l-provvista ta' kontenut diġitali jew ta' servizzi diġitali tul perjodu ta' żmien, jew kontinwament jew permezz ta' sensiela ta' atti individwali ta' provvista, iżda biss fir-rigward tal-kontenut diġitali jew ta’ servizz diġitali li jiġi pprovdut mid-data tal-applikazzjoni tal-miżuri nazzjonali ta' traspożizzjoni.
Madankollu, sabiex jiġi żgurat bilanċ bejn l-interessi leġittimi tal-konsumaturi u l-kummerċjanti, il-miżuri nazzjonali li jittrasponu d-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva dwar il-modifika tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali u d-dritt għal rimedju jenħtieġ li japplikaw biss għal kuntratti konklużi wara d-data tal-applikazzjoni skont din id-Direttiva.
- = -