(18) Din id-Direttiva jenħtieġ li tapplika għal kwalunkwe kuntratt fejnil-kummerċjant jipprovdi jew jimpenja ruħu li jipprovdi kontenut diġitali jew servizz diġitali lill-konsumatur.
Fornituri ta' pjattaformi jistgħu jitqiesu bħala kummerċjanti taħt din id-Direttiva jekk jaġixxu għal skopijiet relatati man-negozju tagħhom stess u bħala s-sieħeb kuntrattwali dirett tal-konsumatur għall-provvista ta' kontenut diġitali jew ta' servizz diġitali.
L-Istati Membri jenħtieġ li jibqgħu liberi li jestendu l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva għal fornituri ta’ pjattaformi li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti sabiex ikunu kkunsidrati "kummerċjant" taħt din id-Direttiva;
- = -
(23) Ir-rappreżentazzjonijiet diġitali ta' valur bħal vouchers elettroniċi jew kupuni elettroniċi jintużaw mill-konsumaturi biex iħallsu għal oġġetti jew servizzi differenti fis-suq uniku diġitali.
Tali rappreżentazzjonijiet diġitali ta' valur qed isiru importanti fir-rigward tal-provvista ta' kontenut diġitali jew ta' servizzi diġitali, u għalhekk jenħtieġ li jitqiesu bħala metodu ta' ħlas fis-sens ta' din id-Direttiva.
Rappreżentazzjonijiet diġitali ta’ valur jenħtieġ li jinftiehmu wkoll bħala li jinkludu wkoll muniti virtwali, sa fejn huma rikonoxxuti mil-liġi nazzjonali.
Differenzjazzjoni skont il-metodu ta' ħlas tista' tkun il-kawża ta' diskriminazzjoni u tista' tipprovdi inċentiv mhux ġustifikat għan-negozji sabiex jibdew joffru kontenut diġitali jew servizzi diġitali bi skambju ma' rappreżentazzjonijiet diġitali ta' valur.
Madankollu, peress li r-rappreżentazzjonijiet diġitali ta' valur ma għandhom l-ebda skop ieħor għajr li jservu bħala metodu ta' ħlas, huma nfushom jenħtieġ li ma jitqisux bħala kontenut diġitali jew servizz diġitali fis-sens ta' din id-Direttiva.
- = -
(34) Id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva li jikkonċernaw il-pakkett ta' kuntratti jenħtieġ li japplikaw biss għal każijiet fejn l-elementi differenti tal-pakkett huma offruti mill-istess kummerċjant lill-istess konsumatur taħt kuntratt uniku.
Din id-Direttiva jenħtieġ li ma taffettwax il-liġijiet nazzjonali li jirregolaw il-kundizzjonijiet li taħthom kuntratt għall-provvista ta' kontenut diġitali jew ta' servizzi diġitali jista' jitqies li huwa marbut ma' kuntratt ieħor li l-konsumatur ikun ikkonkluda mal-kummerċjant jew ma' kummerċjant ieħor jew ikun anċillari għalih, ir-rimedji li jistgħu jiġu eżerċitati taħt kull kuntratt jew l-effett li t-terminazzoni ta' kuntratt wieħed ikollha fuq il-kuntratt l-ieħor.
- = -
(35) Il-prattika kummerċjali li jiġu raggruppati offerti ta' kontenut diġitali jew ta' servizzi diġitali permezz tal-provvista ta' oġġetti jew ta' servizzi oħra hija soġġetta għad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern.
Tali ggruppar mhuwiex fih innifsu pprojbit taħt id-Direttiva 2005/29/KE.
Madankollu, huwa pprojbit fejn jitqies li huwa inġust, wara valutazzjoni każ b'każ skont il-kriterji stabbiliti f'dik id-Direttiva.
Il-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-Unjoni tippermetti wkoll li l-prattiki ta' rbit u ta' ggruppar jiġu indirizzati meta dawn jaffettwaw il-proċess kompetittiv u jagħmlu ħsara lill-konsumaturi.
- = -
(41) Hemm diversi modi biex il-kummerċjant jipprovdi kontenut diġitali jew servizzi diġitali lill-konsumaturi.
Huwa xieraq li jiġu stabbiliti regoli sempliċi u ċari dwar l-il-modalitajiet u ż-żmien għat-twettiq ta' dak l-obbligu ta’ provvista li huwa l-obbligu kuntrattwali ewlieni tal-kummerċjant, billi jagħmel il-kontenut diġitali jew servizzi diġitali disponibbli jew aċċessibbli għall-konsumatur.
Il-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali jenħtieġ li jitqies li jkun disponibbli jew aċċessibbli għall-konsumatur meta l-kontenut diġitali jew servizz diġitali, jew kwalunkwe mezz adattat għall-aċċess jew għat-tniżżil tiegħu, ikun laħaq l-isfera tal-konsumatur u ma tkun meħtieġa l-ebda azzjoni ulterjuri mill-kummerċjant sabiex il-konsumatur ikun jista' juża l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali f'konformità mal-kuntratt.
Meta jitqies li l-kummerċjant mhuwiex, fil-prinċipju, responsabbli għal atti jew ommissjonijiet ta' parti terza li topera faċilità fiżika jew virtwali, bħal pereżempju pjattaforma elettronika jew faċilità ta' ħżin fil-cloud, li l-konsumatur jagħżel biex jirċievi jew jaħżen il-kontenut diġitali jew servizz diġitali, jenħtieġ li jkun biżżejjed għall-kummerċjant li jipprovdi l-kontenut diġitali jew servizz diġitali lil dik il-parti terza.
Madankollu, il-faċilità fiżika jew virtwali ma tistax titqies li ntgħażlet mill-konsumatur jekk hija tkun taħt il-kontroll tal-kummerċjant jew tkun marbuta kuntrattwalment mal-kummerċjant, jew meta l-konsumatur ikun għażel dik il-faċilità fiżika jew virtwali biex jirċievi l-kontenut diġitali jew servizz diġitali iżda dik l-għażla kienet l-unika waħda offruta mill-kummerċjant biex il-konsumatur jirċievi kontenut diġitali jew servizz diġitali jew ikollu aċċess għalih.
- = -
(44) Peress li l-kontenut u s-servizzi diġitali qegħdin kulma jmur dejjem jiżviluppaw, il-kummerċjanti jistgħu jaqblu mal-konsumaturi li jipprovdu aġġornamenti u funzjonijiet hekk kif dawn isiru disponibbli.
Jenħtieġ li l-konformità tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali, għalhekk, tiġi vvalutata wkoll b'rabta ma' jekk il-kontenut jew is-servizz diġitali jkunx ġie aġġornat bil-mod li jkun ġie stipulat fil-kuntratt.
Jenħtieġ li n-nuqqas ta' provvista ta’ aġġornamenti li kienu ġew miftiehma fil-kuntratt jitqies bħala nuqqas ta' konformità tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali.
Barra minn hekk, jenħtieġ li l-aġġornamenti difettużi jew li ma jkunux kompleti jitqiesu wkoll bħala nuqqas ta' konformità tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali, peress li dak ikun ifisser li tali aġġornamenti ma jkunux twettqu bil-mod stipulat fil-kuntratt.
- = -
(46) L-istandard ta' raġonevolezza fir-rigward ta' kwalunkwe referenza f'din id-Direttiva għal dak li persuna tista' raġonevolment tistenna jenħtieġ li jiġi aċċertat b'mod oġġettiv, billi jitqiesu n-natura u l-iskop tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali, iċ-ċirkostanzi tal-każ u l-użu u l-prattiki tal-partijiet involuti.
B'mod partikolari, jenħtieġ li jiġi aċċertat b'mod oġġettiv li dak li huwa kkunsidrat żmien raġonevoli li fih il-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali jinġieb f'konformità mal-kuntratt, b'kont meħud tan-natura tan-nuqqas ta' konformità.
- = -
(48) Jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2016/679 jew kwalunkwe liġi oħra tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data tapplika bis-sħiħ għall-ipproċessar ta' data personali b'rabta ma' kwalunkwe kuntratt li jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva.
Barra minn hekk, jenħtieġ li din id-Direttiva tkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet, l-obbligi u r-rimedji mhux kuntrattwali previsti mir-Regolament (UE) 2016/679.
Il-fatti li jwasslu għal nuqqas ta' konformità mar-rekwiżiti previsti mir-Regolament (UE) 2016/679, inklużi l-prinċipji ċentrali bħar-rekwiżiti għall-minimizzazzjoni tad-data, il-protezzjoni tad-data bid-disinn u l-protezzjoni tad-data b'mod awtomatiku, skont iċ-ċirkostanzi tal-każ, jistgħu jitqiesu wkoll li jikkostitwixxu nuqqas ta' konformità tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali ma' rekwiżiti ta' konformità soġġettivi jew oġġettivi previsti f'din id-Direttiva.
Eżempju wieħed jista’ jkun fejn kummerċjant jassumi espliċitament obbligu fil-kuntratt, jew il-kuntratt jista' jiġi interpretat b'dak il-mod, li huwa marbut ukoll mal-obbligi tal-kummerċjant taħt ir-Regolament (UE) 2016/679.
F'dak il-każ, impenn kuntrattwali bħal dan jista' jsir parti mir-rekwiżiti ta' konformità soġġettivi.
It-tieni eżempju jista' jkun meta nuqqas ta' konformità mal-obbligi taħt ir-Regolament (UE) 2016/679 jista', fl-istess ħin, jagħmel il-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali mhux adatt għall-iskop maħsub tiegħu u, għalhekk, jikkostitwixxi nuqqas ta' konformità mar-rekwiżit oġġettiv għall-konformità li jirrikjedi li l-kontenut diġitali jew is-servizzi diġitali jkunu adatt għall-iskopijiet li għalihom normalment jintużaw il-kontenut diġitali jew is-servizzi diġitali tal-istess tip.
- = -
(52) Sabiex jaħdem kif imiss, il-kontenut diġitali u servizz diġitali jeħtieġ li jiġi integrat b'mod korrett fl-ambjent ta' ħardwer u softwer tal-konsumatur.
Jenħtieġ li nuqqas ta' konformità tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali li jirriżulta minn integrazzjoni inkorretta jitqies bħala nuqqas ta' konformità tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali nnifsu, meta jkun ġie integrat mill-kummerċjant jew taħt il-kontroll tiegħu, jew mill-konsumatur li segwa l-istruzzjonijiet tal-kummerċjant għall-integrazzjoni, u l-integrazzjoni inkorretta kienet dovuta għal nuqqasijiet fl-istruzzjonijiet għall-integrazzjoni rikjesti, bħal istruzzjonijiet ta' installazzjoni mhux kompluti jew nuqqas ta' ċarezza tal-istruzzjonijiet ta' integrazzjoni li jagħmilha diffiċli sabiex dawn jintużaw mill-konsumatur medju.
- = -
(57) Kontenut diġitali jew servizzi diġitali jista' wkoll jiġi pprovdut lill-konsumaturi b'mod kontinwu fuq perjodu ta' żmien.
Provvista kontinwa tista' tinkludi każijiet fejn il-kummerċjant iqiegħed servizz għad-dispożizzjoni tal-konsumaturi għal perjodu ta' żmien fiss jew indefinit, bħal kuntratt ta' sentejn ta' ħżin fil-cloud jew sħubija indefinita fi pjattaforma tal-midja soċjali.
L-element distintiv ta' din il-kategorija huwa l-fatt li l-kontenut jew is-servizz diġitali jkun disponibbli jew aċċessibbli għall-konsumaturi biss għall-perjodu ta' żmien fiss tal-kuntratt jew sakemm il-kuntratt indefinit jibqa' fis-seħħ.
Għaldaqstant, huwa ġġustifikat li jkun jenħtieġ li f'każijiet bħal dawn il-kummerċjant ikun responsabbli biss għal nuqqas ta' konformità li titfaċċa matul dak il-perjodu ta' żmien.
Jenħtieġ li l-element ta' provvista kontinwa ma jirrikjedix neċessarjament provvista fuq perjodu ta' żmien twil.
Każijiet bħall-web-streaming ta' filmat jenħtieġ li jitqiesu bħala provvista kontinwa matul perjodu ta' żmien, irrispettivament minn kemm fil-fatt idum il-fajl awdjoviżiv.
Każijiet fejn elementi speċifiċi tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali jkunu magħmula disponibbli perjodikament jew għal diversi drabi matul il-perjodu ta' żmien fiss tal-kuntratt, jew sakemm il-kuntratt indefinit ikun fis-seħħ, jenħtieġ li wkoll jiġu kkunsidrati bħala provvista kontinwa matul perjodu ta' żmien, pereżempju meta l-kuntratt jistipula li kopja ta’ softwer anti-virus tista' tintuża għal sena u jiġi aġġornat awtomatikament fl-ewwel jum tax-xahar ta' dan il-perjodu, jew li l-kummerċjant joħroġ aġġornamenti kull meta jsiru disponibbli karatteristiċi ġodda ta' logħba diġitali, u l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali jkun disponibbli jew ikun aċċessibbli għall-konsumaturi biss għall-perjodu fiss tal-kuntratt jew sakemm il-kuntratt indefinit ikun fis-seħħ.
- = -
(61) Meta l-kummerċjant ikun naqas milli jipprovdi l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali, il-konsumatur jenħtieġ li jitlob lill-kummerċjant jipprovdi l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali.
F'tali każijiet, il-kummerċjant jenħtieġ li jaġixxi mingħajr dewmien żejjed, jew f'perjodu ta' żmien addizzjonali kif miftiehem espressament mill-partijiet.
Meta jitqies li l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali jiġi pprovdut f'forma diġitali, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, il-provvista jenħtieġ li ma tirrikjedi l-ebda perjodu ta' żmien addizzjonali biex il-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-konsumatur.
Għalhekk, f'tali każijiet, l-obbligu tal-kummerċjant li jipprovdi l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali mingħajr dewmien żejjed għandu jfisser li jipprovdih immedjatament.
Jekk il-kummerċjant jonqos milli jipprovdi l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali, il-konsumatur jenħtieġ li jkun intitolat li jittermina l-kuntratt.
F'ċirkostanzi speċifiċi, bħal meta jkun ċar li l-kummerċjant mhux se jipprovdi l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali jew fejn żmien speċifiku għall-provvista huwa essenzjali għall-konsumatur, jenħtieġ li l-konsumatur ikun intitolat li jittermina l-kuntratt mingħajr ma l-ewwel jitlob lill-kummerċjant jipprovdi l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali.
- = -
(71) Il-konsumatur jenħtieġ li jkun intitolat li jirkupra l-kontenut fi żmien raġonevoli, mingħajr xkiel mill-kummerċjant, f'format li jintuża komunement u li jinqara minn magna u mingħajr ħlas, bl-eċċezzjoni ta' spejjeż iġġenerati mill-ambjent diġitali tal-konsumatur stess, pereżempju l-ispejjeż ta' konnessjoni man-netwerk peress li dawk l-ispejjeż mhumiex marbuta speċifikament mal-ksib tal-kontenut.
Madankollu, l-obbligu tal-kummerċjant li jagħmel tali kontenut disponibbli jenħtieġ li ma japplikax meta l-kontenut ikollu biss utilità fil-kuntest tal-użu tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali, jew jirrigwarda biss l-attività tal-konsumatur meta juża l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali jew ikun ġie aggregat ma' data oħra mill-kummerċjant u ma jistax ikun diżaggregat jew biss bi sforzi sproporzjonati.
F'tali każijiet, il-kontenut ma għandux użu jew interess prattiku sinifikanti għall-konsumatur filwaqt li jitqiesu wkoll l-interessi tal-kummerċjant.
Barra minn hekk, l-obbligu tal-kummerċjant li jagħmel disponibbli lill-konsumatur, mat-terminazzjoni tal-kuntratt, kwalunkwe kontenut li mhuwiex data personali u li ġie pprovdut jew maħluq mill-konsumatur jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-kummerċjant li ma jiżvelax ċertu kontenut f'konformità mal-liġi applikabbli.
- = -