(6) Ir-regoli tal-Unjoni applikabbli għall-bejgħ ta’ oġġetti għadhom frammentati għalkemm ir-regoli dwar il-kundizzjonijiet tal-konsenja u, fir-rigward ta’ kuntratti mill-bogħod u barra mill-post tan-negozju, ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni prekuntrattwali u d-dritt tal-irtirar diġà kienu armonizzati b’mod sħiħ fid-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).
Elementi kuntrattwali prinċipali oħra bħall-kriterji ta’ konformità, ir-rimedji għal nuqqas ta’ konformità mal-kuntratt u l-modalitajiet prinċipali għall-eżerċitar tagħhom, fil-preżent huma soġġetti għal armonizzazzjoni minima fil-qafas tad-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).
L-Istati Membri tħallew imorru lil hinn mill-istandards tal-Unjoni u jintroduċu jew iżommu regoli li jiżguraw li jintlaħaq livell saħansitra ogħla ta’ protezzjoni tal-konsumatur.
B’dan il-mod, huma ħadu azzjoni fuq elementi differenti u f’livelli differenti.
Għalhekk, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 1999/44/KE jvarjaw b’mod sinifikanti fuq elementi essenzjali, bħan-nuqqas jew l-eżistenza ta’ ġerarkija ta’ rimedji.
- = -
(28) Peress li l-kontenut jew is-servizzi diġitali inkorporati fl-oġġetti, jew interkonnessi magħhom, qegħdin jiżviluppaw kontinwament, il-bejjiegħa jistgħu jaqblu mal-konsumaturi li jipprovdu aġġornamenti għal tali oġġetti.
L-aġġornamenti, kif miftiehem fil-kuntratt tal-bejgħ, jistgħu jtejbu u jsaħħu l-element tal-kontenut jew is-servizz diġitali tal-oġġetti, jestendu l-funzjonalitajiet tagħhom, jadattawhom għall-iżviluppi tekniċi, jipproteġuhom minn theddid ġdid għas-sigurtà jew iservu skopijiet oħra.
Jenħtieġ li l-konformità tal-oġġetti b’kontenut diġitali jew servizzi diġitali inkorporati jew interkonnessi fl-oġġetti, għalhekk, tiġi vvalutata wkoll b’rabta ma’ jekk l-element tal-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali ta’ oġġetti bħal dawn ikunx ġie aġġornat f’konformità mal-kuntratt tal-bejgħ.
In-nuqqas ta’ provvista ta’ aġġornamenti li kienu ġew miftiehma fil-kuntratt tal-bejgħ jenħtieġ li jitqies bħala nuqqas ta’ konformità fl-oġġetti.
Barra minn hekk, jenħtieġ li l-aġġornamenti difettużi jew inkompleti jitqiesu wkoll bħala nuqqas ta’ konformità tal-oġġetti, billi b’hekk dan ikun ifisser li ma twettqux tali aġġornamenti bil-mod stipulat fil-kuntratt tal-bejgħ.
- = -
(31) Bħala prinċipju, fil-każ ta’ oġġetti b’elementi diġitali fejn il-kontenut jew is-servizz diġitali inkorporati fl-oġġetti, jew interkonnessi magħhom, ikunu pprovduti f’att ta’ provvista wieħed, il-bejjiegħ jenħtieġ li jkun responsabbli biss għan-nuqqas ta’ konformità eżistenti fil-mument tal-konsenja.
Madankollu, jenħtieġ li fl-obbligu li jingħataw aġġornamenti jirriflettu l-fatt li l-ambjent diġitali ta’ kwalunkwe oġġett bħal dan jinbidel kontinwament.
Għalhekk, l-aġġornamenti huma għodda meħtieġa sabiex jiġi żgurat li l-oġġetti jkunu jistgħu jiffunzjonaw bl-istess mod kif kienu fil-mument tal-konsenja.
Barra minn hekk, b’differenza minn oġġetti tradizzjonali, l-oġġetti b’elementi diġitali mhumiex kompletament separati mill-isfera tal-bejjiegħ peress li l-bejjiegħ, jew persuna terza li tipprovdi l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali taħt il-kuntratt tal-bejgħ, tista’ taġġorna l-oġġetti mill-bogħod, ġeneralment permezz tal-Internet.
Għalhekk, jekk il-kontenut jew is-servizz diġitali jkunu fornuti permezz ta’ att uniku ta’ provvista, jenħtieġ li l-bejjiegħ ikun responsabbli li jipprovdi l-aġġornamenti meħtieġa biex l-oġġetti b’elementi diġitali jinżammu f’konformità fil-perjodu li l-konsumatur jista’ jistenna raġonevolment, anki jekk l-oġġetti kienu f’konformità fil-mument tal-konsenja.
Jenħtieġ li l-perjodu ta’ żmien li fih il-konsumatur jista’ raġonevolment jistenna li jirċievi aġġornamenti jiġi vvalutat abbażi tat-tip u l-iskop tal-oġġetti u l-elementi diġitali, u filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkustanzi u n-natura tal-kuntratt tal-bejgħ.
Konsumatur normalment jistenna li jirċievi aġġornamenti għal mhux inqas mit-tul ta’ żmien li matulu l-bejjiegħ ikun responsabbli għal nuqqas ta’ konformità, waqt li f’xi każijiet l-istennija raġonevoli tal-konsumatur tista’ testendi lil hinn minn dak il-perjodu, kif jista’ jkun il-każ partikolarment fir-rigward tal-aġġornamenti tas-sigurtà.
F’każijiet oħra, pereżempju fir-rigward ta’ oġġetti b’elementi diġitali li l-għan tagħhom huwa limitat fiż-żmien, l-obbligu tal-bejjiegħ li jipprovdi aġġornamenti normalment ikun limitat għal dak iż-żmien.
- = -
(34) Għadd kbir ta’ oġġetti għandhom jiġu installati qabel ma l-konsumatur ikun jista’ jagħmel użu effettiv minnhom.
Barra minn hekk, fil-każ ta’ oġġetti b’elementi diġitali, l-installazzjoni tal-kontenut jew is-servizz diġitali normalment tkun neċessarja biex il-konsumatur ikun jista’ juża tali l-oġġetti f’konformità mal-iskop maħsub tagħhom.
Għalhekk, kwalunkwe nuqqas ta’ konformità li jirriżulta mill-installazzjoni ħażina tal-oġġetti, inkluż mill-installazzjoni ħażina tal-kontenut jew is-servizz diġitali inkorporati jew interkonnessi mal-oġġetti, jenħtieġ li jitqies bħala nuqqas ta’ konformità meta l-installazzjoni tkun twettqet mill-bejjiegħ jew taħt il-kontroll tiegħu.
Meta l-oġġetti kienu maħsuba sabiex jiġu installati mill-konsumatur, jenħtieġ li n-nuqqas ta’ konformità li tirriżulta minn installazzjoni ħażina titqies bħala nuqqas ta’ konformità tal-oġġetti, irrispettivament minn jekk l-installazzjoni tkunx saret mill-konsumatur jew minn parti terza taħt ir-responsabbiltà tal-konsumatur, jekk l-installazzjoni ħażina kinitx dovuta għal nuqqasijiet fl-istruzzjonijiet tal-installazzjoni, bħal nuqqas ta’ kompletezza jew nuqqas ta’ ċarezza li jagħmlu l-istruzzjonijiet tal-installazzjoni diffiċli biex jintużaw mill-konsumatur medju.
- = -
(49) Jenħtieġ li l-bejjiegħ jitħalla jirrifjuta li jġib l-oġġetti f’konformità jekk kemm it-tiswija kif ukoll is-sostituzzjoni jkunu impossibbli, jew dawn jimponu spejjeż sproporzjonati fuq il-bejjiegħ.
Jenħtieġ li l-istess japplika jekk kemm it-tiswija kif ukoll is-sostituzzjoni jkunu impossibbli u r-rimedju alternattiv jimponi spejjeż sproporzjonati fuq il-bejjiegħ.
Pereżempju, jekk l-oġġetti jkunu f’post differenti minn fejn kienu kkonsenjati oriġinarjament, l-ispejjeż tal-posta u tal-ġarr jistgħu jsiru sproporzjonati għall-bejjiegħ.
- = -
(61) Il-prinċipju tar-responsabbiltà tal-bejjiegħ għad-danni huwa element essenzjali tal-kuntratti tal-bejgħ.
Il-konsumaturi jenħtieġ, għalhekk, jkollhom id-dritt jitolbu kumpens għal kwalunkwe ħsara kkawżata mill-ksur ta’ din id-Direttiva min-naħa tal-bejjiegħ, inkluż għal dannu mġarrab bħala konsegwenza ta’ nuqqas ta’ konformità.
Tali kumpens jenħtieġ li jpoġġi lill-konsumatur kemm jista’ jkun fil-pożizzjoni li l-konsumatur kien ikun fiha kieku l-oġġetti kienu konformi.
Billi l-eżistenza ta’ tali dritt għad-danni hija diġà żgurata fl-Istati Membri kollha, din id-Direttiva jenħtieġ li tkun mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali dwar il-kumpens tal-konsumaturi għall-ħsara li tirriżulta mill-ksur ta’ dawk ir-regoli.
Jenħtieġ ukoll li l-Istati Membri jibqgħu liberi li jirregolaw id-dritt tal-konsumatur li jitlob kumpens għal sitwazzjonijiet li fihom it-tiswija jew is-sostituzzjoni jkunu damu jew ikunu kkawżaw inkonvenjent sinifikanti.
- = -