(2) L-Artikolu 26(1) u (2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi li l-Unjoni għandha tadotta miżuri bil-għan li tistabbilixxi jew tiżgura l-funzjonament tas-suq intern, li għandu jinkludi żona mingħajr fruntieri interni fejn jiġi żgurat il-moviment liberu tal-oġġetti u s-servizzi.
L-Artikolu 169(1) u l-punt (a) tal-Artikolu 169(2) tat-TFUE jipprevedu li l-Unjoni tikkontribwixxi biex jintlaħaq livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur permezz ta’ miżuri adottati skont l-Artikolu 114 tat-TFUE fil-kuntest tat-tlestija tas-suq intern.
Id-Direttiva għandha l-għan li tikseb bilanċ tajjeb bejn il-kisba ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur u l-promozzjoni tal-kompetittività tal-impriżi, filwaqt li tiżgura r-rispett tal-prinċipju tas-sussidjarjetà.
- = -
(14) It-terminu “oġġetti” kif previst f’din id-Direttiva jenħtieġ li jinftiehem li jinkludi “oġġetti b’elementi diġitali”, u għaldaqstant jirreferi wkoll għal kwalunkwe kontenut jew servizz diġitali li jkun inkorporat f’dawn l-oġġetti jew interkonness magħhom b’tali mod li n-nuqqas ta’ tali kontenut jew servizz diġitali jimpedixxi lill-oġġetti milli jwettqu l-funzjonijiet tagħhom.
Il-kontenut diġitali inkorporat f’oġġett jew interkonness miegħu jista’ jkun kwalunkwe data li tiġi prodotta u fornuta f’forma diġitali, bħal sistemi operattivi, applikazzjonijiet u kwalunkwe software ieħor.
Il-kontenut diġitali jista’ jkun installat minn qabel meta jiġi konkluż il-kuntratt tal-bejgħ jew, f’każ li dak il-kuntratt jipprovdi dan, jista’ jiġi installat wara.
Servizzi diġitali interkonnessi ma’ oġġett jistgħu jinkludu servizzi li jippermettu l-ħolqien, l-ipproċessar jew il-ħżin ta’ data f’forma diġitali, jew aċċess għaliha, bħal software bħala servizz offrut fl-ambjent tal-cloud computing, il-provvista kontinwa ta’ data dwar it-traffiku f’sistema ta’ navigazzjoni, jew il-provvista kontinwa ta’ pjanijiet ta’ taħriġ adattati individwalment fil-każ ta’ arloġġ intelliġenti.
- = -
(15) Jenħtieġ li din id-Direttiva tapplika għal kuntratti għall-bejgħ ta’ oġġetti, inkluż oġġetti b’elementi diġitali meta l-assenza tal-kontenut jew is-servizz diġitali inkorporat jew interkonness timpedixxi lill-oġġetti milli jwettqu l-funzjonijiet tagħhom u meta tali kontenut jew servizz diġitali jkun ipprovdut mal-oġġetti skont il-kuntratt tal-bejgħ li jikkonċerna dawn l-oġġetti.
Jenħtieġ li l-kwistjoni ta’ jekk il-provvista tal-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali inkorporat jew interkonness tiffurmax parti mill-kuntratt tal-bejgħ mal-bejjiegħ tiddependi mill-kontenut ta’ dan il-kuntratt.
Dan jenħtieġ li jinkludi kontenut jew servizzi diġitali inkorporati jew interkonnessi li l-provvista tagħhom tkun meħtieġ b’mod espliċitu fil-kuntratt.
Jenħtieġ li jinkludi wkoll kuntratti ta’ bejgħ li jistgħu jiġu interpretati li jkopru l-provvista ta’ kontenut diġitali speċifiku jew servizz diġitali speċifiku għaliex ikunu normali f’oġġetti tal-istess tip u li l-konsumatur jista’ raġonevolment jistenna li jkunu hemm fid-dawl tan-natura tal-oġġetti u ta’ kwalunkwe dikjarazzjoni pubblika magħmula mill-bejjiegħ, f’ismu jew minn persuni oħra f’ħoloq preċedenti tal-katina tat-tranżazzjonijiet, inkluż il-produttur.
Jekk, pereżempju, sett tat-televiżjoni intelliġenti jkun ġie reklamat bħala li jinkludi applikazzjoni partikolari tal-video, dik l-applikazzjoni tkun meqjusa bħala parti mill-kuntratt tal-bejgħ.
Dan jenħtieġ li japplika irrispettivament minn jekk il-kontenut jew is-servizz diġitali jkunx installat minn qabel fl-oġġett innifsu jew jekk ikollux jitniżżel sussegwentement fuq apparat ieħor u jkun biss interkonness mal-oġġett.
Pereżempju, smartphone jista’ jinbiegħ b’applikazzjoni standardizzata installata minn qabel u pprovduta taħt il-kuntratt tal-bejgħ, pereżempju alarm jew kamera.
Eżempju ieħor possibbli huwa dak ta’ arloġġ intelliġenti.
tali każ, l-arloġġ stess ikun meqjus bħala l-oġġett b’elementi diġitali li jista’ jaqdi l-funzjonijiet tiegħu esklużivament b’applikazzjoni pprovduta skont il-kuntratt tal-bejgħ iżda li trid titniżżel mill-konsumatur fuq smartphone; l-applikazzjoni f’dan il-każ tkun l-element diġitali interkonness.
Jenħtieġ li dan japplika wkoll jekk il-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali inkorporat jew interkonness ma jkunx fornut mill-bejjiegħ innifsu iżda pprovdut, minn parti terza, taħt il-kuntratt tal-bejgħ.
Sabiex tiġi evitata l-inċertezza kemm għall-bejjiegħa kif ukoll għall-konsumaturi, f’każ ta’ dubju dwar jekk il-provvista tal-kontenut jew is-servizz diġitali tkunx parti mill-kuntratt tal-bejgħ, jenħtieġ li japplikaw ir-regoli ta’ din id-Direttiva.
Barra minn hekk, jenħtieġ li r-relazzjoni kuntrattwali bilaterali, bejn il-bejjiegħ u l-konsumatur, li tkopri l-provvista tal-kontenut jew is-servizz diġitali inkorporat jew interkonness ma tkunx affettwata mis-sempliċi fatt li l-konsumatur għandu jagħti l-kunsens tiegħu għal ftehim ta’ liċenzjar ma’ parti terza sabiex jibbenefika mill-kontenut jew is-servizz diġitali.
- = -
(17) Għall-iskop taċ-ċarezza legali, din id-Direttiva jenħtieġ li tistabbilixxi definizzjoni ta’ kuntratt ta’ bejgħ u tiddefinixxi b’mod ċar il-kamp ta’ applikazzjoni relattiv.
L-iskop ta’ din id-Direttiva jenħtieġ li tkopri wkoll kuntratti għall-oġġetti li jkunu għadhom iridu jiġu prodotti jew manifatturati, inkluż skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-konsumatur.
Barra minn hekk, l-installazzjoni tal-oġġetti tista’ tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jekk l-installazzjoni tifforma parti mill-kuntratt tal-bejgħ u trid titwettaq mill-bejjiegħ jew taħt ir-responsabbiltà tiegħu.
Meta kuntratt jinkludi elementi kemm ta’ bejgħ ta’ oġġetti kif ukoll ta’ għoti ta’ servizzi, għandu jitħalla f’idejn il-liġi nazzjonali biex jiġi determinat jekk il-kuntratt kollu jistax jiġi kklassifikat bħala kuntratt tal-bejgħ fis-sens ta’ din id-Direttiva.
- = -
(27) Il-kunċett ta’ funzjonalità jenħtieġ li jinftiehem li jirreferi għall-modi li bih l-oġġetti jistgħu jwettqu l-funzjonijiet tagħhom fid-dawl tal-iskop li jkollhom.
Il-kunċett ta’ interoperabbiltà jirrelata ma’ jekk u kemm l-oġġett kapaċi jiffunzjona b’hardware jew software li huwa differenti minn dawk li normalment jintużaw ma’ kontenut jew servizzi diġitali tal-istess tip.
Funzjonament b’suċċess jista’ jinkludi, pereżempju, il-kapaċità tal-kontenut jew is-servizz diġitali li jikkondividi informazzjoni ma’ tali software jew hardware ieħor u juża l-informazzjoni kondiviża.
- = -
(67) Jenħtieġ li l-Anness tar-Regolament (UE) 2017/2394 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) jiġi emendat sabiex jinkludi referenza għal din id-Direttiva bil-għan li tissaħħaħ il-kooperazzjoni transfruntiera dwar l-infurzar ta’ din id-Direttiva.
- = -