search


keyboard_tab Contratti di vendita di beni conformi 2019/0771 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2019/0771 MT cercato: 'filwaqt' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl
 

Artikolu 1

Suġġett u skop

L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern filwaqt li tipprevedi livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur, billi tistabbilixxi regoli komuni dwar ċerti rekwiżiti fir-rigward tal-kuntratti ta’ bejgħ konklużi bejn bejjiegħa u konsumaturi, b’mod partikolari regoli dwar il-konformità tal-oġġetti mal-kuntratt, rimedji f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità bħal din, il-modalitajiet għall-eżerċizzju ta’ dawk ir-rimedji, u dwar garanziji kummerċjali.

Artikolu 13

Rimedji għal nuqqas ta’ konformità

1.   Fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità, il-konsumatur għandu jkun intitolat li jkollu l-oġġetti miġjuba f’konformità jew li jirċievi tnaqqis proporzjonat fil-prezz, jew li jittermina l-kuntratt, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Sabiex l-oġġetti jinġiebu f’konformità, il-konsumatur jista’ jagħżel bejn tiswija u sostituzzjoni, sakemm ir-rimedju magħżul, ma jkunx impossibbli jew, meta mqabbel mar-rimedju l-ieħor, jimponi spejjeż sproporzjonati fuq il-bejjiegħ meta jitqiesu ċ-ċirkustanzi kollha, inklużi:

(a)

il-valur li l-oġġetti kien ikollhom kieku ma kien hemm l-ebda nuqqas ta’ konformità;

(b)

is-sinifikat tan-nuqqas ta’ konformità; u

(c)

jekk ir-rimedju alternattiv jistax jiġi pprovdut mingħajr inkonvenjent sinifikanti għall-konsumatur.

3.   Il-bejjiegħ jista’ jirrifjuta li jġib l-oġġetti f’konformità jekk it-tiswija u s-sostituzzjoni jkunu impossibbli jew jimponu spejjeż sproporzjonati fuqu, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkustanzi kollha inklużi dawk imsemmija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 2.

4.   Il-konsumatur għandu jkollu d-dritt għal tnaqqis proporzjonat fil-prezz f’konformità mal-Artikolu 15 jew għat-terminazzjoni tal-kuntratt tal-bejgħ f’konformità mal-Artikolu 16 fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a)

il-bejjiegħ ma jkunx lesta t-tiswija jew is-sostituzzjoni jew, jekk applikabbli, ma jkunx lesta t-tiswija jew is-sostituzzjoni f’konformità mal-Artikolu 14(2) u (3), jew il-bejjiegħ ikun irrifjuta li jġib l-oġġetti f’konformità skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu;

(b)

jitfaċċa nuqqas ta’ konformità minkejja li l-bejjiegħ ikun ipprova jġib l-oġġetti f’konformità;

(c)

in-nuqqas ta’ konformità tant ikun ta’ natura serja li jiġġustifika tnaqqis immedjat fil-prezz jew it-terminazzjoni tal-kuntratt tal-bejgħ; jew

(d)

il-bejjiegħ ikun iddikjara, jew ikun ċar miċ-ċirkustanzi, li l-bejjiegħ ma jkunx se jġib l-oġġetti f’konformità fi żmien raġonevoli, jew mingħajr inkonvenjent sinifikanti għall-konsumatur.

5.   Il-konsumatur ma għandux ikollu d-dritt jittermina l-kuntratt jekk in-nuqqas ta’ konformità jkun biss wieħed minuri. Il-bejjiegħ għandu jkollu l-oneru tal-provi fir-rigward ta’ jekk in-nuqqas ta’ konformità jkunx wieħed minuri.

6.   Il-konsumatur għandu jkollu d-dritt li ma jħallas l-ebda parti pendenti mill-prezz jew biċċa minnu sakemm il-bejjiegħ ikun issodisfa l-obbligi tiegħu skont din id-Direttiva. L-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet biex il-konsumatur jeżerċita d-dritt li jżomm il-pagament.

7.   L-Istati Membri jistgħu jirregolaw jekk u kemm il-kontribut tal-konsumatur għan-nuqqas ta’ konformità jaffettwax id-dritt tal-konsumatur għal rimedju.

Artikolu 14

Tiswija jew sostituzzjoni tal-oġġetti

1.   Tiswijiet jew sostituzzjonijiet għandhom jitwettqu:

(a)

bla ħlas;

(b)

fi żmien raġonevoli mill-mument li l-bejjiegħ ikun ġie infurmat mill-konsumatur dwar in-nuqqas ta’ konformità; u

(c)

mingħajr ebda inkonvenjent sinifikanti għall-konsumatur, filwaqt li jitqiesu n-natura tal-oġġetti u l-iskop li għalih il-konsumatur kellu bżonn l-oġġetti.

2.   Jekk in-nuqqas ta’ konformità għandu jiġi rimedjat minn tiswija jew sostituzzjoni tal-oġġetti, il-konsumatur għandu jqiegħed l-oġġetti għad-dispożizzjoni tal-bejjiegħ. Il-bejjiegħ għandu jieħu lura l-oġġetti sostitwiti bi spejjeż tal-bejjiegħ.

3.   Jekk tiswija tirrikjedi t-tneħħija ta’ oġġetti li jkunu ġew installati b’mod konsistenti man-natura u l-iskop tagħhom qabel ma jkun immanifesta ruħu n-nuqqas ta’ konformità, jew jekk tali oġġetti jridu jiġu sostitwiti, l-obbligu ta’ tiswija jew sostituzzjoni tal-oġġetti għandu jinkludi t-tneħħija tal-oġġetti mhux konformi, u l-installazzjoni ta’ oġġetti ta’ sostituzzjoni jew oġġetti msewwija, jew li jġorru l-ispejjeż ta’ dik it-tneħħija u l-installazzjoni.

4.   Il-konsumatur ma għandux ikun marbut li jħallas għall-użu normali tal-oġġetti matul il-perjodu qabel is-sostituzzjoni tagħhom.


whereas









keyboard_arrow_down