(5) Fin-nuqqas ta’ regoli uniformi fil-livell komunitarju, l-ostakli għall-moviment liberu transkonfinali tas-servizzi u tal-merkanzija jew għal-libertà ta’ stabbiliment jistgħu jiġu ġġustifikati fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej sakemm dawn ifittxu li jipproteġu l-għanijiet ta’ l-interess pubbliku rikonoxxuti u jkunu proporzjonati għal dawk l-għanijiet.
Fid-dawl ta’ l-għanijiet tal-Komunità, kif stabbiliti fid-dispożizzjonijiet tat-Trattat u fil-liġi Komunitarja sekondarja dwar il-libertà tal-moviment, u skond il-politika tal-Kummissjoni dwar komunikazzjonijiet kummerċjali kif indikata fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Is-segwitu għall-Green Paper dwar Komunikazzjonijiet Kummerċjali fis-Suq Intern”, dawn l-ostakli għandhom jiġu eliminati. Dawn jistgħu jiġu eliminati biss bl-istabbiliment ta’ regoli uniformi fil-livell komunitarju li jistabbilixxu livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur u billi jiġu ċċarati ċerti kunċetti legali fil-livell komunitarju safejn ikun meħtieġ għat-tħaddim tajjeb tas-suq intern u sabiex jiġi sodisfatt ir-rekwiżit taċ-ċertezza legali.
- = -
(10) Hu meħtieġ li tiġi żgurata l-koerenza tar-relazzjoni bejn din id-Direttiva u l-liġi Komunitarja eżistenti, b’mod partikolari fejn dispożizzjonijiet dettaljati dwar prattiċi kummerċjali żleali japplikaw għal setturi speċifiċi. Din id-Direttiva għalhekk temenda d-Direttiva 84/450/KEE, id-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-20 ta’ Mejju 1997 dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi fir-rigward ta’ kuntratti li jsiru mill-bogħod (4), id-Direttiva 98/27/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 1998 dwar inġunzjonijiet għall-protezzjoni ta’ l-interessi tal-konsumaturi (5) u d-Direttiva 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2002 dwar it-tqegħid fis-suq b’distanza ta’ servizzi finanzjarji ta’ konsumaturi (6).
Għaldaqstant din id-Direttiva tapplika biss fejn m’hemmx dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ liġi Komunitarja li jirregolaw aspetti speċifiċi ta’ prattiċi kummerċjali żleali, bħal rekwiżiti dwar tagħrif u regoli dwar kif it-tagħrif ikun preżentat lill-konsumatur.
Tipprovdi wkoll ħarsien għall-konsumaturi fejn m’hemmx leġiżlazzjoni speċifika settorali fil-livell komunitarju u tipprojbixxi lill-kummerċjanti milli joħolqu impressjoni falza tal-prodotti.
Dan huwa importanti b’mod partikolari għal prodotti kumplessi b’livelli għolja ta’ riskju għal konsumaturi, bħal ċerti prodotti ta’ servizzi finanzjarji.
Din id-Direttiva konsegwentement tikkomplimenta l-acquis tal-Komunità, li huwa applikabbli għal prattiċi ta’ kummerċ li jagħmlu ħsara lill-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi.
- = -
(11) Il-livell għoli ta’ konverġenza milħuq mill-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali permezz ta’ din id-Direttiva joħloq livell komuni għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur.
Din id-Direttiva tistabbilixxi projbizzjoni ġenerali waħda għal dawk il-prattiċi kummerċjali żleali li joħolqu distorsjoni fl-imġieba ekonomika tal-konsumaturi.
Tistabbilixxi wkoll regoli dwar prattiċi kummerċjali aggressivi, li mhumiex attwalment regolati fil-livell komunitarju.
- = -
(20) Huwa xieraq li jiġi stabbilit rwol għal kodiċijiet ta’ kondotta, li jippermettu l-kummerċjanti japplikaw il-prinċipji ta’ din id-Direttiva effettivament f’oqsma ekonomiċi speċifiċi.
F’setturi fejn hemm kondizzjonijiet obbligatorji speċifiċi li jirregolaw l-imġieba tal-kummerċjanti, huwa xieraq li dawn jipprovdu ukoll prova ta’ l-osservanza tar-rekwiżiti ta’ diliġenza professjonali f’dak is-settur.
Il-kontroll eżerċitat minn dawk li huma responsabbli għal tali kodiċi fil-livell nazzjonali jew komunitarju sabiex jiġu eliminati prattiċi kummerċjali żleali jista’ jevita l-bżonn tar-rikors għal azzjoni amministrattiva jew ġudizzjali u għandu għalhekk ikun inkoraġġut.
Bl-għan li jintlaħaq livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur, l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi jistgħu jiġu infurmati u involuti fl-abbozzar tal-kodiċijiet ta’ kondotta.
- = -
(23) Billi l-għanijiet ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li jiġu eliminati l-ostakli għall-funzjonament tas-suq intern preżentati mil-liġijiet nazzjonali dwar il-prattiċi kummerċjali żleali u li jiġi provdut livell komuni għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur, permezz ta’ l-approssimazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar il-prattiċi kummerċjali żleali, ma jistgħux suffiċentement jintlaħqu mill-Istati Membri u għalhekk jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skond il-prinċipju ta’ sussidjarità stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat.
Skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jiġu eliminati l-ostakli għas-suq intern u sabiex jiġi milħuq livell komuni għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur.
- = -