(3) il-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar prattiċi kummerċjali żleali juru differenzi ċari li jiġġeneraw distorzjonijiet sinifikattivi ta’ kompetizzjoni u xkiel għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern. Fil-qasam tar-reklamar, id-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, ta’ l-10 ta’ Settembru 1984 dwar reklamar qarrieqi u komparattiv (3) tistabbilixxi l-kriterji minimi għall-armonizzazzjoni ta’ leġiżlazzjoni dwar reklamar qarrieqi, iżda ma twaqqafx lill-Istati Membri milli jżommu fis-seħħ jew jadottaw miżuri li jipprovdu protezzjoni iktar wiesgħa għall-konsumaturi.
Bħala riżultat ta’ dan, id-dispożizzjonijiet ta’ l-Istati Membri dwar reklamar qarrieqi huma sinifikattivament differenti.
- = -
(6) Din id-Direttiva għalhekk tapprossima l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar prattiċi kummerċjali żleali, inkluż ir-reklamar żleali, li jagħmel ħsara b’mod dirett lill-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi u b’hekk jagħmel ħsara b’mod indirett lill-interessi ekonomiċi tal-kompetituri leġittimi.
Konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, din id-Direttiva tħares lill-konsumaturi mill-konsegwenzi ta’ prattiċi kummerċjali żleali bħal dawn fejn ikunu sostanzjali iżda tagħraf li f’ċerti każijiet l-impatt fuq il-konsumatur jista’ jkun negliġibbli.
Hija la tkopri u lanqas tolqot il-liġijiet nazzjonali dwar prattiċi kummerċjali żleali li jagħmlu ħsara lill-interessi ekonomiċi ta’ kompetituri jew li huma konnessi ma’ xi tranżazzjoni bejn kummerċjanti; b’kont sħiħ meħud tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, l-Istati Membri għandhom jibqgħu jkunu jistgħu jirregolaw prattiċi bħal dawn, b’konformità mal-liġi Komunitarja, jekk jagħżlu li jagħmlu dan.
Din id-Direttiva lanqas ma tkopri jew tolqot id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 84/450/KEE dwar reklamar li jqarraq lis-settur tal-kummerċ iżda mhux lill-konsumaturi, u dwar reklamar komparattiv.
Barra minn hekk, din id-Direttiva ma tolqotx prattiċi aċċettati ta’ reklamar u ta’ kummerċjalizzazzjoni, bħall-pjazzament ta’ prodotti, id-differenzazzjoni bejn marki jew l-offerta ta’ inċentivi li huma leġittimi u li jistgħu jolqtu leġittimament il-perċezzjonijiet tal-konsumaturi dwar prodotti u jinfluwenzaw l-imġieba tagħhom mingħajr ma jnaqqsu l-kapaċità tal-konsumatur li jagħmel deċiżjoni informata.
- = -
(23) Billi l-għanijiet ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li jiġu eliminati l-ostakli għall-funzjonament tas-suq intern preżentati mil-liġijiet nazzjonali dwar il-prattiċi kummerċjali żleali u li jiġi provdut livell komuni għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur, permezz ta’ l-approssimazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar il-prattiċi kummerċjali żleali, ma jistgħux suffiċentement jintlaħqu mill-Istati Membri u għalhekk jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skond il-prinċipju ta’ sussidjarità stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat.
Skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jiġu eliminati l-ostakli għas-suq intern u sabiex jiġi milħuq livell komuni għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur.
- = -