(5) Fin-nuqqas ta’ regoli uniformi fil-livell Komunitarju, l-ostakli għall-moviment liberu transkonfinali tas-servizzi u tal-merkanzija jew għal-libertà ta’ stabbiliment jistgħu jiġu ġġustifikati fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej sakemm dawn ifittxu li jipproteġu l-għanijiet ta’ l-interess pubbliku rikonoxxuti u jkunu proporzjonati għal dawk l-għanijiet.
Fid-dawl ta’ l-għanijiet tal-Komunità, kif stabbiliti fid-dispożizzjonijiet tat-Trattat u fil-liġi Komunitarja sekondarja dwar il-libertà tal-moviment, u skond il-politika tal-Kummissjoni dwar komunikazzjonijiet kummerċjali kif indikata fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Is-segwitu għall-Green Paper dwar Komunikazzjonijiet Kummerċjali fis-Suq Intern”, dawn l-ostakli għandhom jiġu eliminati. Dawn jistgħu jiġu eliminati biss bl-istabbiliment ta’ regoli uniformi fil-livell Komunitarju li jistabbilixxu livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur u billi jiġu ċċarati ċerti kunċetti legali fil-livell Komunitarju safejn ikun meħtieġ għat-tħaddim tajjeb tas-suq intern u sabiex jiġi sodisfatt ir-rekwiżit taċ-ċertezza legali.
- = -
(14) Il-prattiċi kummerċjali li jqarrqu għandhom ikopru dawk il-prattiċi, inkluż ir-reklamar qarrieqi, iżommu l-konsumatur milli jagħmel għażla għaqlija u effiċjenti.
B’konformità mal-liġijiet u l-prattiċi ta’ l-Istati Membri dwar ir-reklamar qarrieqi, din id-Direttiva tikklassifika prattiċi qarrieqa f’azzjonijiet qarrieqa u ommissjonijiet qarrieqa.
Fir-rigward ta’ ommissjonijiet, din id-Direttiva tistabbilixxi numru limitat ta’ elementi ewlenin ta’ tagħrif li l-konsumatur għandu bżonn ikollu sabiex jagħmel deċiżjoni transazzjonali informata.
Dan it-tagħrif m’għandux jiġi mogħti f’kull reklam, iżda biss fejn il-kummerċjant jagħmel stedina għax-xiri, li huwa kunċett definit b’mod ċar f’din id-Direttiva.
L-approċċ ta’ armonizzazzjoni sħiħa adottat f’din id-Direttiva ma jeskludix lil Stati Membri milli jispeċifikaw fil-liġi nazzjonali tagħhom il-karatteristiċi ewlenin ta’ prodotti partikolari bħal, per eżempju, oġġetti ta’ kollezzjoni jew prodotti elettriċi, li l-ommissjoni tagħhom tkun importanti meta tiġi magħmula stedina għax-xiri.
Mhijiex l-intenzjoni ta’ din id-Direttiva li tnaqqas l-għażla tal-konsumatur billi tipprojbixxi l-promozzjoni ta’ prodotti li jixxieħbu ma’ prodotti oħra sakemm din is-similarità ma tfixkilx lill-konsumaturi dwar l-oriġini kummerċjali tal-prodott u b’hekk tkun qarrieqa. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-liġi Komunitarja eżistenti li tagħti espressament lill-Istati Membri l-għażla bejn bosta mezzi regulatorji għall-ħarsien tal-konsumaturi fil-qasam ta’ prattiċi kummerċjali.
B’mod partikolari din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 13(3) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (7).
- = -
(18) Huwa xieraq li l-konsumaturi kollha jiġu protetti minn prattiċi kummerċjali żleali; il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja madankollu sabet li wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 84/450/KEE, meta tiddeċiedi każijiet dwar reklamar, ikun meħtieġ li teżamina l-effett fuq konsumatur ipotetiku tipiku.
Konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, u sabiex tiġi permessa l-applikazzjoni effettiva tal-protezzjonijiet kontenuti fiha, din id-Direttiva tieħu bħala punt ta’ riferiment il-konsumatur medju, li huwa infurmat raġonevolment tajjeb u raġonevolment attent u kawt, billi tieħu kont ta’ fatturi soċjali, kulturali u lingwistiċi, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja iżda tinkludi dispożizzjonijiet li l-għan tagħhom huwa l-prevenzjoni ta’ l-isfruttament tal-konsumaturi li l-karatteristiċi tagħhom jagħmluhom partikolarment vulnerabbli għal prattiċi kummerċjali żleali.
Fejn prattika kummerċjali hija mmirata speċifikament lejn grupp partikolari ta’ konsumaturi, bħat-tfal, huwa mixtieq li l-impatt tal-prattika kummerċjali ikun eżaminat mill-perspettiva tal-membru medju ta’ dak il-grupp.
Huwa għaldaqstant xieraq li tiġi inkluża, fil-lista ta’ prattiċi li huma żleali fiċ-ċirkostanzi kollha, dispożizzjoni li, mingħajr ma timponi projbizzjoni assoluta fuq ir-reklamar dirett lejn it-tfal, jipproteġihom minn tħeġġiġ dirett sabiex jixtru.
L-eżami tal-konsumatur medju mhuwiex eżami statistiku.
Il-qrati u l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jeżerċitaw il-fakultà ta’ ġudizzju tagħhom, filwaqt li jittieħed kont tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiddeterminaw ir-reazzjoni tipika tal-konsumatur medju f’każ determinat.
- = -
(19) Fejn ċerti karatteristiċi bħall-età, il-mard fiżiku jew mentali jew il-kredulità jagħmlu lill-konsumaturi partikolarment suxxettibbli għal xi prattika kummerċjali jew għall-prodott konness magħha u huwa probabbli li l-imġieba ekonomika biss ta’ dawn il-konsumaturi tista’ tiġi distorta mill-prattika b’mod li l-kummerċjant jista’ raġonevolment jipprevedi, huwa xieraq li jiġi żgurat li l-konsumaturi huma adegwatament protetti billi l-prattika tiġi eżaminata mill-perspettiva tal-membru medju ta’ dak il-grupp.
- = -
(23) billi l-għanijiet ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li jiġu eliminati l-ostakli għall-funzjonament tas-suq intern preżentati mil-liġijiet nazzjonali dwar il-prattiċi kummerċjali żleali u li jiġi provdut livell komuni għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur, permezz ta’ l-approssimazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar il-prattiċi kummerċjali żleali, ma jistgħux suffiċentement jintlaħqu mill-Istati Membri u għalhekk jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skond il-prinċipju ta’ sussidjarità stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat.
Skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jiġu eliminati l-ostakli għas-suq intern u sabiex jiġi milħuq livell komuni għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur.
- = -