search


keyboard_tab EIDAS 2014/0910 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2014/0910 MT cercato: 'sabiex' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


just index sabiex:


whereas sabiex:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 600

 

Artikolu 7

Eliġibbilità għan-notifika tal-iskemi ta’ identifikazzjoni elettronika

Skema ta’ identifikazzjoni elettronika għandha tkun eliġibbli għal notifika skont l-Artikolu 9(1) dment li jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

il-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika taħt l-iskema ta’ identifikazzjoni elettronika jinħarġu:

(i)

mill-Istat Membru li jinnotifika;

(ii)

skont mandat mill-Istat Membru li jinnotifika; jew

(iii)

b’mod indipendenti mill-Istat Membru li jinnotifika u jiġu rikonoxxuti minn dak l-Istat Membru;

(b)

il-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika taħt l-iskema ta’ identifikazzjoni elettronika jistgħu jintużaw biex għall-inqas jinkiseb aċċess għal servizz wieħed ipprovdut minn korp tas-settur pubbliku u li jkun jeħtieġ identifikazzjoni elettronika fl-Istat Membru li jinnotifika;

(c)

l-iskema ta’ identifikazzjoni elettronika u l-mezz ta’ identifikazzjoni elettronika maħruġa skontha jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ mill-inqas wieħed mil-livelli ta’ assigurazzjoni stabbiliti mill-att ta’ implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 8(3);

(d)

‘l-Istat Membru li jinnotifika jiżgura li d-data tal-identifikazzjoni tal-persuna li tirrappreżenta b’mod esklussiv il-persuna inkwistjoni tkun attribwita f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, l-istandards u l-proċeduri għal-livell ta’ assigurazzjoni rilevanti stabbilit fl-att ta’ implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 8(3), lill-persuna fiżika jew ġuridika msemmija fil-punt 1 tal-Artikolu 3 fil-ħin tal-ħruġ tal-mezz ta’ identifikazzjoni elettronika taħt dik l-iskema;

(e)

il-parti li toħroġ il-mezz ta’ identifikazzjoni elettronika skont dik l-iskema tiżgura li l-mezz ta’ identifikazzjoni elettronika jiġi attribwit lill-persuna msemmija fil-punt (d) ta’ dan l-Artikolu f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, l-istandards u l-proċeduri għal-livell ta’ assigurazzjoni rilevanti stabbilit fl-att ta’ implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 8(3);

(f)

l-Istat Membru li jinnotifika jiżgura d-disponibbiltà ta’ awtentikazzjoni online, sabiex kwalunkwe parti dipendenti stabbilita fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor tkun tista’ tikkonferma d-data ta’ identifikazzjoni tal-persuna li kienet riċevuta f’forma elettronika.

Għal partijiet dipendenti li mhumiex korpi tas-settur pubbliku l-Istat Membru notifikanti jista’ jiddefinixxi t-termini ta’ aċċess għal dik l-awtentikazzjoni. L-awtentikazzjonijiet transkonfinali għandhom jingħataw mingħajr ħlas meta jitwettqu fir-rigward ta’ servizz online pprovdut minn korp tas-settur pubbliku.

L-Istati Membri ma għandhom jimponu ebda rekwiżit tekniku speċifiku sproporzjonat fuq partijiet dipendenti li bi ħsiebhom iwettqu tali awtentikazzjoni, fejn tali rekwiżiti jipprevjenu jew jimpedixxu b’mod sinifikanti l-interoperabilità tal-iskemi ta’ identifikazzjoni elettroniċi nnotifikati;

(g)

mill-inqas sitt xhur qabel in-notifika skont l-Artikolu 9(1), l-Istat Membru notifikanti jipprovdi lill-Istati Membri l-oħra għall-finijiet tal-obbligu skont l-Artikolu 12(5), deskrizzjoni ta’ dik l-iskema f’konformità mal-arranġamenti proċedurali stabbiliti bl-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 12(7);

(h)

l-iskema ta’ identifikazzjoni elettronika tissodisfa r-rekwiżiti tal-att ta’ implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 12(8).

Artikolu 18

Assistenza reċiproka

1.   Il-korpi superviżorji għandhom jikkooperaw, bil-għan li jiskambjaw prassi tajba.

Korp superviżorju għandu, fuq ir-riċeviment ta’ talba ġustifikata minn korp superviżorju ieħor, jipprovdi lil dak il-korp assistenza sabiex l-attivitajiet tal-korpi superviżorji jkunu jistgħu jitwettqu b’mod konsistenti. L-assistenza reċiproka tista’ tkopri, b’mod partikolari, talbiet għal informazzjoni u miżuri superviżorji, bħal talbiet biex jitwettqu spezzjonijiet relatati mar-rapporti dwar il-valutazzjoni tal-konformità kif imsemmi fl-Artikoli 20 u 21.

2.   Korp superviżorju li jirċievi talba għal assistenza jista’ jirrifjuta dik it-talba għal kwalunkwe waħda mir-raġunijiet li ġejjin:

(a)

il-korp superviżorju ma jkunx kompetenti biex jipprovdi l-assistenza mitluba;

(b)

l-assistenza mitluba ma tkunx proporzjonata mal-attivitajiet superviżorji tal-korp superviżorju mwettqa f’konformità mal-Artikolu 17;

(c)

l-għoti tal-assistenza mitluba ma jkunx kompatibbli ma’ dan ir-Regolament.

3.   Fejn adatt, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-korpi superviżorji rispettivi tagħhom biex iwettqu investigazzjonijiet konġunti li fihom ikun involut persunal minn korpi superviżorji ta’ Stati Membri oħra. L-arranġamenti u l-proċeduri għal tali azzjonijiet konġunti għandhom jiġu maqbula u stabbiliti mill-Istati Membri kkonċernati f’konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom.

Artikolu 20

Superviżjoni tal-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati

1.   Il-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati għandhom jiġu awditjati, bi spejjeż għalihom tal-inqas kull 24 xahar minn korp tal-valutazzjoni tal-konformità. L-għan tal-awditjar għandu jkun sabiex jiġi kkonfermat li fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati u s-servizzi fiduċjarji kwalifikati li huma jipprovdu minnhom jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament. Il-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati għandhom jippreżentaw ir-rapport dwar il-valutazzjoni tal-konformità li jirriżulta lill-korp superviżorju fi żmien tlett ijiem ta’ xogħol minn meta jirċivuh.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, il-korp superviżorju jista’ fi kwalunkwe ħin iwettaq awditu jew jitlob lil korp tal-valutazzjoni tal-konformità biex iwettaq valutazzjoni tal-konformità tal-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati, bi spejjeż għal dawk il-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji, biex jiġi kkonfermat li huma u s-servizzi fiduċjarji kwalifikati li huma jipprovdu jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament. Fejn ikun jidher li kien hemm ksur tar-regoli tal-protezzjoni ta’ data personali, il-korp superviżorju għandu jinforma lill-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data bir-riżultati tal-awditi tiegħu.

3.   Fejn il-korp superviżorju jesiġi li l-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat biex jirrimedja nuqqas milli jissodisfa r-rekwiżiti skont dan ir-Regolament u fejn dak il-fornitur ma jaġixxix kif adatt, u fejn applikabbli f’limitu ta’ żmien stabbilit mill-korp superviżorju, il-korp superviżorju, filwaqt li jikkunsidra, b’mod partikolari, il-grad, id-durata u l-konsegwenzi ta’ dak in-nuqqas, jista’ jirtira l-istatus kwalifikat ta’ dak il-fornitur jew tas-servizz affettwat li huwa jipprovdi u jinforma lill-korp imsemmi fl-Artikolu 22(3) għall-fini tal-aġġornament tal-listi affidabbli msemmija fl-Artikolu 22(1). Il-korp superviżorju għandu jinforma lill-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat bl-irtirar tal-istatus kwalifikat tiegħu jew tal-istatus kwalifikat tas-servizz konċernat.

4.   Il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi numri ta’ referenza tal-istandards li ġejjin:

(a)

akkreditament tal-korpi tal-valutazzjoni tal-konformità u għar-rapport dwar il-valutazzjoni tal-konformità msemmija fil-paragrafu 1;

(b)

regoli tal-awditjar li skonthom il-korpi tal-valutazzjoni tal-konformità ser iwettqu l-valutazzjoni tal-konformità tagħhom tal-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati kif imsemmi fil-paragrafu 1.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

Artikolu 24

Rekwiżiti għall-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati

1.   Meta joħroġ ċertifikat kwalifikat għal servizz fiduċjarju, il-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat għandu jivverifika, b’mezzi adatti u f’konformità mal-liġi nazzjonali, l-identità u, jekk applikabbli, kwalunkwe karatteristika speċifika tal-persuna fiżika jew ġuridika li lilha jinħareġ iċ-ċertifikat kwalifikat.

L-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tiġi vverifikata mill-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat direttament jew billi jafda f’parti terza f’konformità mal-liġi nazzjonali:

(a)

permezz tal-preżenza fiżika tal-persuna fiżika jew ta’ rappreżentant awtorizzat tal-persuna ġuridika, jew

(b)

mill-bogħod, bl-użu ta’ mezzi ta’ identifikazzjoni elettroniċi, li għalihom qabel il-ħruġ ta’ ċertifikat kwalifikat, tkun ġiet żgurata l-preżenza fiżika tal-persuna fiżika jew ta’ rappreżentant awtorizzat tal-persuna ġuridika u li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 8 fir-rigward tal-livelli ta’ assigurazzjoni ‘sostanzjali’ jew ‘għolja’, jew

(c)

permezz ta’ ċertifikat ta’ firma elettronika kwalifikata jew ta’ siġill elettroniku kwalifikat maħruġ f’konformità mal-punt (a) jew (b), jew

(d)

bl-użu ta’ metodi oħra ta’ identifikazzjoni rikonoxxuti fil-livell nazzjonali li jipprovdu assigurazzjoni ekwivalenti f’termini ta’ affidabbiltà għal preżenza fiżika. L-assigurazzjoni ekwivalenti għandha tiġi kkonfermata minn korp tal-valutazzjoni tal-konformità.

2.   Fornitur ta’ servizzi fiduċjarju kwalifikat li jipprovdi servizzi fiduċjarji kwalifikati għandu:

(a)

jinforma lill-korp superviżorju bi kwalunkwe bidla fil-forniment tas-servizzi fiduċjarji kwalifikati tiegħu u intenzjoni li jwaqqaf dawk l-attivitajiet;

(b)

jimpjega persunal u, jekk applikabbli, subkuntratturi li jkollhom il-kompetenza esperta, l-affidabbiltà, l-esperjenza, u l-kwalifiki meħtieġa u li jkunu rċevew taħriġ adatt rigward ir-regoli dwar is-sigurtà u l-protezzjoni ta’ data personali u għandu japplika proċeduri amministrattivi u ta’ ġestjoni, li jikkorrispondu ma’ standards Ewropej jew internazzjonali;

(c)

fir-rigward tar-riskju ta’ responsabbiltà għal ħsara f’konformità mal-Artikolu 13, iżomm riżorsi finanzjarji suffiċjenti u/jew jikseb assigurazzjoni adatta fuq ir-responsabbiltà, f’konformità mal-liġi nazzjonali;

(d)

qabel jidħol f’relazzjoni kuntrattwali, jinforma, b’mod ċar u komprensiv, lil kwalunkwe persuna li tkun qed tfittex li tuża servizz fiduċjarju kwalifikat dwar it-termini u l-kondizzjonijiet preċiżi rigward l-użu ta’ dak is-servizz, inkluża kwalunkwe limitazzjoni fuq l-użu tiegħu;

(e)

juża sistemi u prodotti affidabbli li jkunu protetti kontra modifiki u jiżgura s-sigurtà teknika u l-affidabbiltà tal-proċessi appoġġati minnhom;

(f)

juża sistemi affidabbli biex jaħżen d-data mogħtija lilu, f’forma verifikabbli sabiex:

(i)

din tkun disponibbli pubblikament għal irkupru biss fejn ikun inkiseb il-kunsens tal-persuna li dik id-data tkun relatata magħha,

(ii)

il-persuni awtorizzati biss ikunu jistgħu jdaħħlu entrati u bidliet fid-data maħżuna,

(iii)

id-data tkun tista’ tiġi vverifikata għall-awtentiċità;

(g)

jieħu miżuri adatti kontra l-falsifikazzjoni u s-serq ta’ data;

(h)

iżomm reġistru u jżomm aċċessibbli għal perijodu ta’ żmien adatt, inkluż wara li l-attivitajiet tal-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat ikunu waqfu, kull informazzjoni rilevanti dwar data maħruġa u riċevuta mill-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat, b’mod partikolari għall-fini li tiġi pprovduta evidenza fi proċedimenti legali u għall-fini li tiġi żgurata l-kontinwità tas-servizz. Reġistrazzjoni bħal din tista’ ssir b’mod elettroniku;

(i)

ikollu pjan ta’ terminazzjoni aġġornat sabiex jiżguraw il-kontinwità tas-servizz f’konformità mad-dispożizzjonijiet ivverifikati mill-korp superviżorju skont il-punt (i) tal-Artikolu 17(4);

(j)

jiżguraw ipproċessar legali ta’ data personali f’konformità mad-Direttiva 95/46/KE;

(k)

fil-każ ta’ fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati li joħorġu ċertifikati kwalifikati, jistabbilixxu u jżommu aġġornata bażi ta’ data taċ-ċertifikati.

3.   Jekk fornitur ta’ servizz fiduċjarju kwalifikat li joħroġ ċertifikati kwalifikati jiddeċiedi li jirrevoka ċertifikat, huwa għandu jirreġistra tali revoka fil-bażi ta’ data taċ-ċertifikati tiegħu u jippubblikaw l-istatus ta’ revoka taċ-ċertifikat mingħajr dewmien, u fi kwalunkwe każ fi żmien 24 siegħa wara l-wasla tat-talba. Ir-revoka għandha ssir effettiva immedjatament mal-pubblikazzjoni tagħha.

4.   Fir-rigward tal-paragrafu 3, il-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati li joħorġu ċertifikati kwalifikati għandhom jipprovdu lil kwalunkwe parti dipendenti informazzjoni dwar l-istatus ta’ validità jew ta’ revoka ta’ ċertifikati kwalifikati maħruġa minnhom. Din l-informazzjoni għandha tkun disponibbli tal-anqas fuq bażi ta’ ċertifikat fi kwalunkwe ħin u wara l-perijodu ta’ validità taċ-ċertifikat b’mod awtomatizzat li jkun affidabbli, mingħajr ħlas u effiċjenti.

5.   Il-Kummissjoni, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tista’ tistabbilixxi numri ta’ referenza ta’ standards għal sistemi u prodotti affidabbli, li jikkonformaw mar-rekwiżiti skont il-punti (e) u (f) tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. Għandu jitqies li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan l-Artikolu meta sistemi u prodotti affidabbli jkunu jissodisfaw dawk l-istandards. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

TAQSIMA 4

Firem elettroniċi

Artikolu 27

Firem elettroniċi f’servizzi pubbliċi

1.   Jekk Stat Membru ikun jeħtieġ firma elettronika avvanzata sabiex jintuża servizz online offrut minn, jew f’isem, korp tas-settur pubbliku, dak l-Istat Membru għandu jirrikonoxxi l-firem elettroniċi avvanzati, il-firem elettroniċi avvanzati abbażi ta’ ċertifikat kwalifikat għal firem elettroniċi u firem elettroniċi kwalifikati tal-inqas fil-formati jew bl-użu tal-metodi definiti fl-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 5.

2.   Jekk Stat Membru jesiġi firma elettronika avvanzata abbażi ta’ ċertifikat kwalifikat sabiex juża servizz online offrut minn, jew f’isem, korp tas-settur pubbliku, dak l-Istat Membru għandu jirrikonoxxi l-firem elettroniċi avvanzati abbażi ta’ ċertifikat kwalifikat u firem elettroniċi kwalifikati tal-inqas fil-formati jew billi juża l-metodi definiti fl-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 5.

3.   L-Istati Membri ma għandhomx jesiġu l-użu transkonfinali, f’servizz online offrut minn korp tas-settur pubbliku, ta’ firma elettronika f’livell ogħla ta’ sigurtà mill-firma elettronika kwalifikata.

4.   Il-Kummissjoni, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tista’ tistabbilixxi numri ta’ referenza ta’ standards għal firem elettroniċi avvanzati. Għandu jitqies li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti għall-firem elettroniċi avvanzati msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu u fl-Artikolu 26 meta firma elettronika avvanzata tissodisfa dawk l-istandards. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

5.   Sat-18 ta’ Settembru 2015, u filwaqt li tikkunsidra l-prattiki, l-istandards u atti legali tal-Unjoni eżistenti, il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tiddefinixxi formati ta’ referenza ta’ firem elettroniċi avvanzati jew metodi ta’ referenza fejn jintużaw formati alternattivi. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

Artikolu 37

Siġilli elettroniċi f’servizzi pubbliċi

1.   Jekk Stat Membru jesiġi siġill elettroniku avvanzat sabiex juża servizz online offrut minn, jew f’isem, korp tas-settur pubbliku, dak l-Istat Membru għandu jirrikonoxxi s-siġilli elettroniċi avvanzati, is-siġilli elettroniċi avvanzati abbażi ta’ ċertifikat kwalifikat għal siġilli elettroniċi u siġilli elettroniċi kwalifikati tal-inqas fil-formati jew billi juża l-metodi definiti fl-atti ta’ implementazzjoni msemmija fil-paragrafu 5.

2.   Jekk Stat Membru jesiġi siġill elettroniku avvanzat abbażi ta’ ċertifikati kwalifikat sabiex juża servizz online offrut minn, jew f’isem, korp tas-settur pubbliku, dak l-Istat Membru għandu jirrikonoxxi s-siġilli elettroniċi avvanzati abbażi ta’ ċertifikat kwalifikat u siġill elettroniku kwalifikat tal-inqas fil-formati jew billi juża l-metodi definiti fl-atti ta’ implementazzjoni msemmija fil-paragrafu 5.

3.   L-Istati Membri ma għandhomx jesiġu l-użu transkonfinali, f’servizz online offrut minn korp tas-settur pubbliku, ta’ siġill elettroniku f’livell ogħla ta’ sigurtà mis-siġill elettroniku kwalifikat.

4.   Il-Kummissjoni, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tista’ tistabbilixxi numri ta’ referenza ta’ standards għal siġilli elettroniċi avvanzati. Għandu jitqies li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti għal siġilli elettroniċi avvanzati msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu u l-Artikolu 36 meta siġill elettroniku avvanzat jissodisfa dawk l-istandards. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

5.   Sat-18 ta’ Settembru 2015, u filwaqt li tikkunsidra l-prattiki, l-istandards u atti legali tal-Unjoni eżistenti, il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tiddefinixxi l-formati ta’ referenza ta’ siġilli elettroniċi avvanzati jew metodi ta’ referenza fejn jintużaw formati alternattivi. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).


whereas









keyboard_arrow_down