search


keyboard_tab EIDAS 2014/0910 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2014/0910 MT cercato: 'ksur' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


just index ksur:


whereas ksur:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 439

 

Artikolu 10

ksur tas-sigurtà

1.   Fejn ikun hemm ksur jew tiġi kompromessa parzjalment l-iskema ta’ identifikazzjoni elettronika notifikata skont l-Artikolu 9(1) jew l-awtentikazzjoni msemmija fil-punt (f) tal-Artikolu 7 b’mod li jaffettwa l-affidabbiltà tal-awtentikazzjoni transkonfinali ta’ dik l-iskema, l-Istat Membru li jinnotifika għandu mingħajr dewmien, jissospendi jew jirrevoka dik l-awtentikazzjoni transkonfinali jew il-partijiet kompromessi konċernati, u għandu jinforma b’dan lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni.

2.   Meta jinstab rimedju għall-ksur jew il-kompromess imsemmi fil-paragrafu 1, l-Istat Membru li jinnotifika għandu jerġa’ jistabbilixxi l-awtentikazzjoni transkonfinali u għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni mingħajr dewmien żejjed.

3.   Jekk il-ksur jew il-kompromess imsemmi fil-paragrafu 1 ma jkunx rimedjat fi żmien tliet xhur mis-sospensjoni jew mir-revoka, l-Istat Membru li jinnotifika għandu jinnotifika lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar l-irtirar tal-iskema ta’ identifikazzjoni elettronika.

Il-Kummissjoni għandha tippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-emendi korrispondenti għal-lista msemmija fl-Artikolu 9(2) mingħajr dewmien żejjed.

Artikolu 16

Pieni

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-pieni applikabbli għall-ksur ta’ dan ir-Regolament. Il-pieni previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u diżważivi.

TAQSIMA 2

Superviżjoni

Artikolu 17

Bord superviżorju

1.   L-Istati Membri għandhom jinnominaw korp superviżorju stabbilit fit-territorju tagħhom jew, bi ftehim reċiproku ma’ Stat Membru ieħor, korp superviżorju stabbilit f’dak l-Istat Membru l-ieħor. Dak il-korp għandu jkun responsabbli għall-kompiti superviżorji fl-Istat Membru li jinnomina.

Il-korpi superviżorji għandhom jingħataw is-setgħat neċessarji u riżorsi adegwati għat-twettiq tal-kompiti tagħhom.

2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-ismijiet u l-indirizzi tal-korpi superviżorji nominati rispettivi tagħhom.

3.   Ir-rwol tal-korp superviżorju għandu jkun dan li ġej:

(a)

li jwettaq superviżjoni tal-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati stabbiliti fit-territorju tal-Istat Membru li jinnomina biex jiżgura, permezz ta’ attivitajiet superviżorji ex ante u ex post, li dawk il-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati u s-servizzi fiduċjarji kwalifikati li huma jipprovdu jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament;

(b)

li jieħu azzjoni, jekk ikun meħtieġ, fir-rigward ta’ fornituri ta’ servizzi fiduċjarji mhux kwalifikati stabbiliti fit-territorju tal-Istat Membru li jinnomina, permezz ta’ attivitajiet superviżorji ex post, meta jiġi informat li dawk il-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati jew is-servizzi fiduċjarji li huma jipprovdu allegatament ma jissodisfawx ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament.

4.   Għall-finijiet tal-paragrafu 3 u soġġett għal-limitazzjonijiet previsti fih, il-kompiti tal-korp superviżorju, għandhom jinkludu b’mod partikolari:

(a)

li jikkoopera ma’ korpi superviżorji oħra u jipprovdi assistenza lil dawk il-korpi f’konformità mal-Artikolu 18;

(b)

li janalizza r-rapporti dwar il-valutazzjoni tal-konformità msemmija fl-Artikolu 20(1) u 21(1);

(c)

li jinforma lill-korpi superviżorji oħra u lill-pubbliku dwar ksur ta’ sigurtà jew nuqqas ta’ integrità f’konformità mal-Artikolu 19(2);

(d)

li jirrapporta lill-Kummissjoni dwar l-attivitajiet prinċipali tiegħu f’konformità mal-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu;

(e)

li jwettaq awditi jew jitlob lil korp tal-valutazzjoni tal-konformità biex iwettaq valutazzjoni tal-konformità tal-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati f’konformità mal-Artikolu 20(2);

(f)

li jikkoopera mal-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data, b’mod partikolari, billi jinfurmahom, mingħajr dewmien żejjed, dwar ir-riżultati tal-awditi ta’ fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati, meta jkun jidher li jkun hemm ksur tar-regoli dwar il-protezzjoni ta’ data personali;

(g)

li jagħti l-istatus kwalifikat lill-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji u lis-servizzi li huma jipprovdu u jirtira dan l-istatus f’konformità mal-Artikoli 20 u 21;

(h)

li jinforma lill-korp responsabbli għal-lista affidabbli nazzjonali msemmija fl-Artikolu 22(3) dwar id-deċiżjonijiet tiegħu li jagħti jew jirtira l-istatus kwalifikat, għajr jekk dak il-korp ikun ukoll il-korp superviżorju;

(i)

li jivverifika l-eżistenza u l-applikazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet dwar pjani ta’ terminazzjoni f’każijiet fejn il-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati jwaqqaf l-attivitajiet tiegħu, inkluż kif l-informazzjoni tinżamm aċċessibbli f’konformità mal-punt (h) tal-Artikolu 24(2);

(j)

li jesiġi li l-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji jirrimedjaw kwalunkwe nuqqas milli jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament.

5.   L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li korp superviżorju jistabbilixxi, iżomm u jaġġorna infrastruttura fiduċjarja skont il-kondizzjonijiet stabbiliti taħt il-liġi nazzjonali.

6.   Sal-31 ta’ Marzu ta’ kull sena, kull korp superviżorju għandu jippreżenta lill-Kummissjoni rapport dwar l-attivitajiet prinċipali tas-sena kalendarja preċedenti tiegħu flimkien ma’ sommarju tan-notifiki ta’ ksur irċevuti minn fornituri ta’ servizzi fiduċjarji f’konformità mal-Artikolu 19(2).

7.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel ir-rapport annwali msemmi fil-paragrafu 6 disponibbli għall-Istati Membri.

8.   Il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tiddefinixxi l-formati u l-proċeduri għar-rapport imsemmi fil-paragrafu 6. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

Artikolu 19

Rekwiżiti ta’ sigurtà applikabbli għal fornituri ta’ servizzi fiduċjarji

1.   Il-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati u mhux kwalifikati għandhom jieħdu miżuri tekniċi u organizzattivi adatti biex jimmaniġġaw ir-riskji maħluqin għas-sigurtà tas-servizzi fiduċjarji li huma jipprovdu. B’konsiderazzjoni tal-iżviluppi teknoloġiċi l-aktar reċenti, dawk il-miżuri għandhom jiżguraw li l-livell ta’ sigurtà jkun proporzjonat mal-livell ta’ riskju. B’mod partikolari, għandhom jittieħdu miżuri għall-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-impatt ta’ inċidenti tas-sigurtà u biex dawk interessati jiġu infurmati dwar l-effetti negattivi ta’ kwalunkwe inċident tali.

2.   Il-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati u mhux kwalifikati għandhom, mingħajr dewmien żejjed iżda fi kwalunkwe każ fi żmien 24 siegħa wara li jkunu ġew mgħarrfa, jinnotifikaw lill-korp superviżorju u, fejn applikabbli, lil korpi rilevanti oħra, bħall-korp nazzjonali kompetenti għas-sigurtà tal-informazzjoni jew l-awtorità tal-protezzjoni tad-data, bi kwalunkwe ksur ta’ sigurtà jew nuqqas ta’ integrità li jkollu impatt sinifikanti fuq is-servizz fiduċjarju pprovdut jew fuq id-data personali miżmuma fih.

Fejn il-ksur ta’ sigurtà jew in-nuqqas ta’ integrità jkun x’aktarx ser jaffettwa b’mod negattiv lil persuna fiżika jew ġuridika li lilha jkun ġie pprovdut is-servizz fiduċjarju, il-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji għandu wkoll jinnotifika lill-persuna fiżika jew ġuridika bil-ksur ta’ sigurtà jew bin-nuqqas ta’ integrità mingħajr dewmien żejjed.

Fejn adatt, b’mod partikolari jekk il-ksur ta’ sigurtà jew telf ta’ integrità jikkonċerna żewġ Stati Membri jew iżjed, il-korp superviżorju notifikat għandu jinforma lill-korpi superviżorji fi Stati Membri oħra konċernati u lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Networks u l-Informazzjoni (ENISA).

Il-korp superviżorju notifikat għandu jinforma lill-pubbliku jew jitlob lill-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji biex jagħmel dan, fejn jiddetermina li l-iżvelar tal-ksur ta’ sigurtà jew tan-nuqqas ta’ integrità huwa fl-interess pubbliku.

3.   Il-korp superviżorju għandu jipprovdi lill-ENISA darba fis-sena sommarju ta’ notifiki ta’ ksur ta’ sigurtà jew tan-nuqqas ta’ integrità riċevuti mill-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji.

4.   Il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni,:

(a)

tispeċifika ulterjorment il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1, u

(b)

tiddefinixxi l-formati u l-proċeduri, inklużi l-iskadenzi, applikabbli għall-fini tal-paragrafu 2.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

TAQSIMA 3

Fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati

Artikolu 20

Superviżjoni tal-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati

1.   Il-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati għandhom jiġu awditjati, bi spejjeż għalihom tal-inqas kull 24 xahar minn korp tal-valutazzjoni tal-konformità. L-għan tal-awditjar għandu jkun sabiex jiġi kkonfermat li fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati u s-servizzi fiduċjarji kwalifikati li huma jipprovdu minnhom jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament. Il-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati għandhom jippreżentaw ir-rapport dwar il-valutazzjoni tal-konformità li jirriżulta lill-korp superviżorju fi żmien tlett ijiem ta’ xogħol minn meta jirċivuh.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, il-korp superviżorju jista’ fi kwalunkwe ħin iwettaq awditu jew jitlob lil korp tal-valutazzjoni tal-konformità biex iwettaq valutazzjoni tal-konformità tal-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati, bi spejjeż għal dawk il-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji, biex jiġi kkonfermat li huma u s-servizzi fiduċjarji kwalifikati li huma jipprovdu jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament. Fejn ikun jidher li kien hemm ksur tar-regoli tal-protezzjoni ta’ data personali, il-korp superviżorju għandu jinforma lill-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data bir-riżultati tal-awditi tiegħu.

3.   Fejn il-korp superviżorju jesiġi li l-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat biex jirrimedja nuqqas milli jissodisfa r-rekwiżiti skont dan ir-Regolament u fejn dak il-fornitur ma jaġixxix kif adatt, u fejn applikabbli f’limitu ta’ żmien stabbilit mill-korp superviżorju, il-korp superviżorju, filwaqt li jikkunsidra, b’mod partikolari, il-grad, id-durata u l-konsegwenzi ta’ dak in-nuqqas, jista’ jirtira l-istatus kwalifikat ta’ dak il-fornitur jew tas-servizz affettwat li huwa jipprovdi u jinforma lill-korp imsemmi fl-Artikolu 22(3) għall-fini tal-aġġornament tal-listi affidabbli msemmija fl-Artikolu 22(1). Il-korp superviżorju għandu jinforma lill-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat bl-irtirar tal-istatus kwalifikat tiegħu jew tal-istatus kwalifikat tas-servizz konċernat.

4.   Il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi numri ta’ referenza tal-istandards li ġejjin:

(a)

akkreditament tal-korpi tal-valutazzjoni tal-konformità u għar-rapport dwar il-valutazzjoni tal-konformità msemmija fil-paragrafu 1;

(b)

regoli tal-awditjar li skonthom il-korpi tal-valutazzjoni tal-konformità ser iwettqu l-valutazzjoni tal-konformità tagħhom tal-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati kif imsemmi fil-paragrafu 1.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).


whereas









keyboard_arrow_down