search


keyboard_tab EIDAS 2014/0910 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2014/0910 MT cercato: 'ikunu' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


just index ikunu:


whereas ikunu:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 671

 

Artikolu 4

Prinċipju tas-suq intern

1.   Ma għandux ikun hemm restrizzjonijiet fuq il-forniment ta’ servizzi fiduċjarji fit-territorju ta’ Stat Membru minn fornitur ta’ servizzi fiduċjarji stabbilit fi Stat Membru ieħor għal raġunijiet li jaqgħu fl-oqsma koperti minn dan ir-Regolament.

2.   Il-prodotti u s-servizzi fiduċjarji li jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament għandhom ikunu jistgħu jiċċirkolaw liberament fis-suq intern.

Artikolu 12

Kooperazzjoni u interoperabbiltà

1.   L-iskemi ta’ identifikazzjoni elettronika nazzjonali notifikati skont l-Artikolu 9(1) għandhom ikunu interoperabbli.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, għandu jiġi stabbilit qafas ta’ interoperabbiltà.

3.   Il-qafas ta’ interoperabbiltà għandu jissodisfa l-kriterji li ġejjin:

(a)

ikollu l-għan li jkun teknoloġikament newtrali u ma jiddiskriminax bejn kwalunkwe soluzzjoni teknika nazzjonali speċifika għall-identifikazzjoni elettronika fi Stat Membru;

(b)

isegwi standards Ewropej u internazzjonali, fejn possibbli;

(c)

jiffaċilita l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ privatezza fid-disinn; u

(d)

jiżgura li d-data personali tiġi pproċessata f’konformità mad-Direttiva 95/46/KE.

4.   Il-qafas ta’ interoperabbiltà għandu jikkonsisti minn:

(a)

referenza għal rekwiżiti tekniċi minimi marbuta mal-livelli ta’ assigurazzjoni skont l-Artikolu 8;

(b)

deskrizzjoni dettaljata tal-livelli ta’ assigurazzjoni nazzjonali ta’ skemi ta’ identifikazzjoni elettronika notifikati fil-livell ta’ assigurazzjoni skont l-Artikolu 8;

(c)

referenza għar-rekwiżiti tekniċi minimi għall-interoperabbiltà;

(d)

referenza għal sett minimu ta’ data ta’ identifikazzjoni ta’ persuna li tirrappreżenta b’mod uniku persuna fiżika jew legali, li hija disponibbli minn skemi ta’ identifikazzjoni elettronika;

(e)

regoli ta’ proċedura;

(f)

arranġamenti għar-riżoluzzjoni tat-tilwim; u

(g)

standards tas-sigurtà operazzjonali komuni.

5.   L-Istati Membri għandhom jikkooperaw fir-rigward ta’ dan li ġej:

(a)

l-interoperabbiltà tal-iskemi ta’ identifikazzjoni elettronika notifikati skont l-Artikolu 9(1) u l-iskemi ta’ identifikazzjoni elettronika li l-Istati Membri biħsiebhom jinnotifikaw; u

(b)

is-sigurtà tal-iskemi ta’ identifikazzjoni elettronika.

6.   Il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri għandha tkun magħmula minn:

(a)

l-iskambju ta’ informazzjoni, esperjenza u prassi tajba rigward skemi ta’ identifikazzjoni elettronika u, b’mod partikolari rekwiżiti tekniċi marbuta mal-interoperabbiltà u l-livelli ta’ assigurazzjoni;

(b)

l-iskambju ta’ informazzjoni, esperjenza u prassi tajba rigward ħidma b’livelli ta’ assigurazzjoni tal-iskemi ta’ identifikazzjoni elettronika skont l-Artikolu 8;

(c)

reviżjoni bejn il-pari tal-iskemi ta’ identifikazzjoni elettronika li jaqgħu taħt dan ir-Regolament; u

(d)

eżami tal-iżviluppi rilevanti fis-settur tal-identifikazzjoni elettronika.

7.   Sat-18 ta’ Marzu 2015, il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi l-arranġamenti proċedurali meħtieġa biex tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri msemmija fil-paragrafi 5 u 6 bil-ħsieb li trawwem livell għoli ta’ fiduċja u sigurtà xierqa għall-grad ta’ riskju.

8.   Sat-18 ta’ Settembru 2015, għall-fini li jiġu stabbiliti kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-rekwiżit skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha, soġġett għall-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 3 u filwaqt li jiġu kkunsidrati r-riżultati tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, tadotta atti ta’ implimentazzjoni dwar il-qafas ta’ interoperabbiltà kif stipulat fil-paragrafu 4.

9.   L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafi 7 u 8 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

KAPITOLU III

SERVIZZI FIDUĊJARJI

TAQSIMA 1

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 13

Responsabbiltà u oneru tal-provi

1.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, il-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji għandhom ikunu responsabbli għal ħsara kkawżata intenzjonalment jew b’negliġenza lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika minħabba nuqqas ta’ konformità mal-obbligi taħt dan ir-Regolament.

L-oneru tal-provi ta’ intenzjoni jew negliġenza ta’ fornitur ta’ servizzi fiduċjarji mhux kwalifikat għandu jkun fir-responsabbiltà tal-persuna fiżika jew ġuridika li tiddikjara l-ħsara msemmija fl-ewwel subaragrafu.

L-intenzjoni jew in-negliġenza ta’ fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat għandha tkun preżunta għajr jekk dak il-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat jagħti prova li l-ħsara msemmija fl-ewwel subparagrafu saret mingħajr l-intenzjoni jew in-negliġenza ta’ dak il-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat.

2.   Fejn il-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji jinformaw kif dovut lill-klijenti tagħhom minn qabel dwar il-limitazzjonijiet tal-użu tas-servizzi li huma jipprovdu u fejn dawk il-limitazzjonijiet ikunu rikonoxxibbli għall-partijiet terzi, il-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji ma għandhomx ikunu responsabbli għall-ħsarat li jirriżultaw mill-użu ta’ servizzi li jaqbżu l-limitazzjonijiet indikati.

3.   Il-paragrafi 1 u 2 għandhom japplikaw f’konformità mar-regoli nazzjonali dwar ir-responsabbiltà.

Artikolu 14

Aspetti internazzjonali

1.   Servizzi fiduċjarji pprovduti minn fornituri ta’ servizzi fiduċjarji stabbiliti f’pajjiż terz għandhom ikunu rikonoxxuti bħala legalment ekwivalenti għal servizzi fiduċjarji kwalifikati pprovduti minn fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati stabbiliti fl-Unjoni fejn is-servizzi fiduċjarji li joriġinaw mill-pajjiż terz ikunu rikonoxxuti skont ftehim konkluż bejn l-Unjoni u l-pajjiż terz inkwistjoni jew organizzazzjoni internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 218 TFUE.

2.   Il-ftehimiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiżguraw, b’mod partikolari, li:

(a)

ir-rekwiżiti applikabbli għal fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati stabbiliti fl-Unjoni u s-servizzi fiduċjarji kwalifikati li huma jipprovdu jkunu sodisfatti mill-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji fil-pajjiż terz jew fl-organizzazzjonijiet internazzjonali li magħhom ikun konkluż il-ftehim, u mis-servizzi fiduċjarji li huma jipprovdu;

(b)

is-servizzi fiduċjarji kwalifikati pprovduti minn fornitur ta’ servizz fiduċjarju kwalifikat stabbilit fl-Unjoni jkunu rikonoxxuti bħala legalment ekwivalenti għal servizzi fiduċjarji pprovduti minn fornituri ta’ servizzi fiduċjarji fil-pajjiż terz jew fl-organizzazzjoni internazzjonali li magħha jkun konkluż il-ftehim.

Artikolu 15

Aċċessibbiltà għal persuni b’diżabbiltà

Fejn ikun vijabbli, is-servizzi fiduċjarji pprovduti u l-prodotti ta’ utenti aħħarin użati fil-forniment ta’ dawk is-servizzi għandhom ikunu aċċessibbli għal persuni b’diżabbiltà.

Artikolu 16

Pieni

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-pieni applikabbli għall-ksur ta’ dan ir-Regolament. Il-pieni previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u diżważivi.

TAQSIMA 2

Superviżjoni

Artikolu 24

Rekwiżiti għall-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati

1.   Meta joħroġ ċertifikat kwalifikat għal servizz fiduċjarju, il-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat għandu jivverifika, b’mezzi adatti u f’konformità mal-liġi nazzjonali, l-identità u, jekk applikabbli, kwalunkwe karatteristika speċifika tal-persuna fiżika jew ġuridika li lilha jinħareġ iċ-ċertifikat kwalifikat.

L-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tiġi vverifikata mill-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat direttament jew billi jafda f’parti terza f’konformità mal-liġi nazzjonali:

(a)

permezz tal-preżenza fiżika tal-persuna fiżika jew ta’ rappreżentant awtorizzat tal-persuna ġuridika, jew

(b)

mill-bogħod, bl-użu ta’ mezzi ta’ identifikazzjoni elettroniċi, li għalihom qabel il-ħruġ ta’ ċertifikat kwalifikat, tkun ġiet żgurata l-preżenza fiżika tal-persuna fiżika jew ta’ rappreżentant awtorizzat tal-persuna ġuridika u li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 8 fir-rigward tal-livelli ta’ assigurazzjoni ‘sostanzjali’ jew ‘għolja’, jew

(c)

permezz ta’ ċertifikat ta’ firma elettronika kwalifikata jew ta’ siġill elettroniku kwalifikat maħruġ f’konformità mal-punt (a) jew (b), jew

(d)

bl-użu ta’ metodi oħra ta’ identifikazzjoni rikonoxxuti fil-livell nazzjonali li jipprovdu assigurazzjoni ekwivalenti f’termini ta’ affidabbiltà għal preżenza fiżika. L-assigurazzjoni ekwivalenti għandha tiġi kkonfermata minn korp tal-valutazzjoni tal-konformità.

2.   Fornitur ta’ servizzi fiduċjarju kwalifikat li jipprovdi servizzi fiduċjarji kwalifikati għandu:

(a)

jinforma lill-korp superviżorju bi kwalunkwe bidla fil-forniment tas-servizzi fiduċjarji kwalifikati tiegħu u intenzjoni li jwaqqaf dawk l-attivitajiet;

(b)

jimpjega persunal u, jekk applikabbli, subkuntratturi li jkollhom il-kompetenza esperta, l-affidabbiltà, l-esperjenza, u l-kwalifiki meħtieġa u li jkunu rċevew taħriġ adatt rigward ir-regoli dwar is-sigurtà u l-protezzjoni ta’ data personali u għandu japplika proċeduri amministrattivi u ta’ ġestjoni, li jikkorrispondu ma’ standards Ewropej jew internazzjonali;

(c)

fir-rigward tar-riskju ta’ responsabbiltà għal ħsara f’konformità mal-Artikolu 13, iżomm riżorsi finanzjarji suffiċjenti u/jew jikseb assigurazzjoni adatta fuq ir-responsabbiltà, f’konformità mal-liġi nazzjonali;

(d)

qabel jidħol f’relazzjoni kuntrattwali, jinforma, b’mod ċar u komprensiv, lil kwalunkwe persuna li tkun qed tfittex li tuża servizz fiduċjarju kwalifikat dwar it-termini u l-kondizzjonijiet preċiżi rigward l-użu ta’ dak is-servizz, inkluża kwalunkwe limitazzjoni fuq l-użu tiegħu;

(e)

juża sistemi u prodotti affidabbli li jkunu protetti kontra modifiki u jiżgura s-sigurtà teknika u l-affidabbiltà tal-proċessi appoġġati minnhom;

(f)

juża sistemi affidabbli biex jaħżen d-data mogħtija lilu, f’forma verifikabbli sabiex:

(i)

din tkun disponibbli pubblikament għal irkupru biss fejn ikun inkiseb il-kunsens tal-persuna li dik id-data tkun relatata magħha,

(ii)

il-persuni awtorizzati biss ikunu jistgħu jdaħħlu entrati u bidliet fid-data maħżuna,

(iii)

id-data tkun tista’ tiġi vverifikata għall-awtentiċità;

(g)

jieħu miżuri adatti kontra l-falsifikazzjoni u s-serq ta’ data;

(h)

iżomm reġistru u jżomm aċċessibbli għal perijodu ta’ żmien adatt, inkluż wara li l-attivitajiet tal-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat ikunu waqfu, kull informazzjoni rilevanti dwar data maħruġa u riċevuta mill-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat, b’mod partikolari għall-fini li tiġi pprovduta evidenza fi proċedimenti legali u għall-fini li tiġi żgurata l-kontinwità tas-servizz. Reġistrazzjoni bħal din tista’ ssir b’mod elettroniku;

(i)

ikollu pjan ta’ terminazzjoni aġġornat sabiex jiżguraw il-kontinwità tas-servizz f’konformità mad-dispożizzjonijiet ivverifikati mill-korp superviżorju skont il-punt (i) tal-Artikolu 17(4);

(j)

jiżguraw ipproċessar legali ta’ data personali f’konformità mad-Direttiva 95/46/KE;

(k)

fil-każ ta’ fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati li joħorġu ċertifikati kwalifikati, jistabbilixxu u jżommu aġġornata bażi ta’ data taċ-ċertifikati.

3.   Jekk fornitur ta’ servizz fiduċjarju kwalifikat li joħroġ ċertifikati kwalifikati jiddeċiedi li jirrevoka ċertifikat, huwa għandu jirreġistra tali revoka fil-bażi ta’ data taċ-ċertifikati tiegħu u jippubblikaw l-istatus ta’ revoka taċ-ċertifikat mingħajr dewmien, u fi kwalunkwe każ fi żmien 24 siegħa wara l-wasla tat-talba. Ir-revoka għandha ssir effettiva immedjatament mal-pubblikazzjoni tagħha.

4.   Fir-rigward tal-paragrafu 3, il-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati li joħorġu ċertifikati kwalifikati għandhom jipprovdu lil kwalunkwe parti dipendenti informazzjoni dwar l-istatus ta’ validità jew ta’ revoka ta’ ċertifikati kwalifikati maħruġa minnhom. Din l-informazzjoni għandha tkun disponibbli tal-anqas fuq bażi ta’ ċertifikat fi kwalunkwe ħin u wara l-perijodu ta’ validità taċ-ċertifikat b’mod awtomatizzat li jkun affidabbli, mingħajr ħlas u effiċjenti.

5.   Il-Kummissjoni, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tista’ tistabbilixxi numri ta’ referenza ta’ standards għal sistemi u prodotti affidabbli, li jikkonformaw mar-rekwiżiti skont il-punti (e) u (f) tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. Għandu jitqies li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan l-Artikolu meta sistemi u prodotti affidabbli jkunu jissodisfaw dawk l-istandards. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

TAQSIMA 4

Firem elettroniċi

Artikolu 28

Ċertifikati kwalifikati għal firem elettroniċi

1.   Iċ-ċertifikati kwalifikati għal firem elettroniċi għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness I.

2.   Iċ-ċertifikati kwalifikati għal firem elettroniċi ma għandhom ikunu soġġetti għall-ebda rekwiżit obbligatorju li jeċċedi r-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness I.

3.   Ċertifikati kwalifikati għal firem elettroniċi jistgħu jinkludu attributi speċifiċi addizzjonali mhux obbligatorji. Dawk l-attributi ma għandhomx jaffettwaw l-interoperabbiltà u r-rikonoxximent tal-firem elettroniċi kwalifikati.

4.   Jekk ċertifikat kwalifikat għal firem elettroniċi jkun ġie revokat wara l-attivazzjoni inizjali, huwa għandu jitlef il-validità tiegħu mill-mument tar-revoka tiegħu, u l-istatus tiegħu ma għandu jitreġġa’ lura fl-ebda ċirkostanza.

5.   Soġġett għall-kondizzjonijiet li ġejjin, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu regoli nazzjonali dwar is-sospensjoni temporanja ta’ ċertifikat kwalifikat għal firma elettronika:

(a)

jekk ċertifikat kwalifikat għal firma elettronika jkun ġie sospiż temporanjament, dak iċ-ċertifikat għandu jitlef il-validità tiegħu għall-perijodu ta’ sospensjoni.

(b)

il-perijodu ta’ sospensjoni għandu jiġi indikat b’mod ċar fil-bażi tad-data taċ-ċertifikati u l-istatus ta’ sospensjoni għandu jkun viżibbli, matul il-perijodu ta’ sospensjoni, mis-servizz li jipprovdi l-informazzjoni dwar l-istatus taċ-ċertifikat.

6.   Il-Kummissjoni, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tista’ tistabbilixxi numri ta’ referenza ta’ standards għal ċertifikati kwalifikati għall-firem elettroniċi. Għandu jitqies li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness I meta ċertifikat kwalifikat għal firma elettronika jkun jissodisfa dawk l-istandards. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

Artikolu 38

Ċertifikati kwalifikati għas-siġilli elettroniċi

1.   Iċ-ċertifikati kwalifikati għas-siġilli elettroniċi għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness III.

2.   Iċ-ċertifikati kwalifikati għas-siġilli elettroniċi ma għandhom ikunu soġġetti għall-ebda rekwiżit obbligatorju li jeċċedi r-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness III.

3.   Iċ-ċertifikati kwalifikati għas-siġilli elettroniċi jistgħu jinkludu attributi speċifiċi addizzjonali mhux obbligatorji. Dawk l-attributi ma għandhomx jaffettwaw l-interoperabbiltà u r-rikonoxximent tas-siġilli elettroniċi kwalifikati.

4.   Jekk ċertifikat kwalifikat għal siġill elettroniku jkun ġie revokat wara l-attivazzjoni inizjali, dan għandu jitlef il-validità tiegħu mill-mument tar-revoka tiegħu, u l-istatus tiegħu fl-ebda ċirkostanza ma għandu jitreġġa’ lura.

5.   Soġġetti għall-kondizzjonijiet li ġejjin l-Istati Membri jistgħu jistipulaw regoli nazzjonali dwar is-sospensjoni temporanja ta’ ċertifikat kwalifikat għas-siġilli elettroniċi:

(a)

jekk ċertifikat kwalifikat għas-siġill elettroniku jkun ġie sospiż temporanjament, dak iċ-ċertifikat għandu jitlef il-validità tiegħu għall-perijodu ta’ sospensjoni;

(b)

il-perijodu ta’ sospensjoni għandu jiġi indikat b’mod ċar fil-bażi tad-data taċ-ċertifikati u l-istatus ta’ sospensjoni għandu jkun viżibbli, matul il-perijodu ta’ sospensjoni, mis-servizz li jipprovdi l-informazzjoni dwar l-istatus taċ-ċertifikat.

6.   Il-Kummissjoni, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tista’ tistabbilixxi numri ta’ referenza ta’ standards għal ċertifikati kwalifikati għal siġilli elettroniċi. Għandu jitqies li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness III meta ċertifikat kwalifikat għal siġill elettroniku jissodisfa dawk l-istandards. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

Artikolu 47

Eżerċizzju tad-delega

1.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa li tadotta l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 30(4) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perijodu indeterminat li jibda mis-17 ta’ Settembru 2014.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 30(4) tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Din ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att delegat adottat f’konformità mal-Artikolu 30(4) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun saret l-ebda oġġezzjoni jew mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk qabel l-iskadenza ta’ dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. Il-perijodu għandu jkun estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.


whereas









keyboard_arrow_down