(11) Dan ir-Regolament għandu jiġi applikat f’konformità sħiħa mal-prinċipju relatati mal-protezzjoni tad-data personali prevista mid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).
F’dan ir-rigward, b’kunsiderazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku stabbilit b’dan ir-Regolament, l-awtentikazzjoni ta’ servizz online għandha tirrigwarda biss l-ipproċessar ta’ dik id-data ta’ identifikazzjoni li hija adegwata, rilevanti u mhux eċċessiva biex tagħti aċċess għal dak is-servizz online.
barra minn hekk, ir-rekwiżiti skont id-Direttiva 95/46/KE dwar il-kunfidenzjalità u s-sigurtà tal-ipproċessar għandhom jiġu rrispettati mill-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji u l-korpi superviżorji.
- = -
(15) L-obbligu tar-rikonoxximent tal-mezzi tal-identifikazzjoni elettronika għandha jirrigwarda biss dawk il-mezzi li l-livell ta’ assigurazzjoni tal-identità tagħhom jikkorrispondi għall-istess livell jew ogħla mil-livell meħtieġ għas-servizz online inkwistjoni.
barra minn hekk, dak l-obbligu għandu japplika biss meta l-korp tas-settur pubbliku inkwistjoni juża l-livell ta’ assigurazzjoni “sostanzjali” jew “għoli” fir-rigward tal-aċċess online għal dak is-servizz.
L-Istati Membri għandhom jibqgħu liberi, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, li jirrikonoxxu l-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika li għandhom livelli ta’ assigurazzjoni ta’ identità aktar baxxi.
- = -
(17) L-Istati Membri għandhom iħeġġu lis-settur privat biex volontarjament juża l-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika skont skema notifikata għal finijiet ta’ identifikazzjoni meta meħtieġa għal servizzi online jew transazzjonijiet elettroniċi.
Il-possibbiltà tal-użu ta’ tali mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika għandha tippermetti li s-settur privat jiddependi fuq l-identifikazzjoni u l-awtentikazzjoni elettroniċi li diġà jintużaw ħafna f’bosta Stati Membri għall-inqas għas-servizzi pubbliċi u biex tagħmilha iktar faċli għan-negozji u ċ-ċittadini li jkollhom aċċess għas-servizzi online tagħhom b’mod transkonfinali.
Sabiex jiġi ffaċilitat l-użu transkonfinali ta’ tali mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika għas-settur privat, il-possibbiltà ta’ awtentikazzjoni provduta minn kwalunkwe Stat Membru għandha tkun disponibbli għall-partijiet dipendenti tas-settur privat stabbiliti ‘l barra mit-territorju ta’ dak l-Istati Membru skont l-istess kondizzjonijiet kif applikati għall-partijiet dipendenti tas-settur privat stabbiliti f’dak l-Istati Membru.
Konsegwentement, fir-rigward tal-partijiet dipendenti tas-settur privat, l-Istat Membru notifikanti jista’ jiddefinixxi t-termini ta’ aċċess għall-mezzi ta’ awtentikazzjoni.
It-tali termini ta’ aċċess jistgħu jinformaw jekk il-mezzi ta’ awtentikazzjoni marbuta mal-iskema notifikata humiex attwalment disponibbli għall-partijiet dipendenti tas-settur privat.
- = -
(19) Is-sigurtà tal-iskemi ta’ identifikazzjoni elettronika hija fundamentali għar-rikonoxximent reċiproku transkonfinali affidabbli tal-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika.
F’dan il-kuntest, l-Istati Membri għandhom jikkooperaw fir-rigward tas-sigurtà u l-interoperabbiltà tal-iskemi ta’ identifikazzjoni elettronika fil-livell tal-Unjoni.
Kull meta l-iskemi ta’ identifikazzjoni elettronika jesiġu li jintuża hardware jew software speċifiku mill-partijiet dipendenti fil-livell nazzjonali, l-interoperabbiltà transkonfinali teħtieġ li dawk l-Istati Membri ma jimponux tali rekwiżiti u l-ispejjeż relatati fuq il-partijiet dipendenti stabbiliti ‘l barra mit-territorju tagħhom.
F’dak il-każ għandhom jiġi diskussi u żviluppati soluzzjonijiet xierqa fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-qafas tal-interoperabbiltà.
Madankollu r-rekwiżiti tekniċi li joħorġu mill-ispeċifikazzjonijiet inerenti tal-mezzi nazzjonali ta’ identifikazzjoni elettronika u li x’aktarx għandhom jaffettwaw lid-detenturi ta’ tali mezzi elettroniċi, (pereżempju smartcards) huma inevitabbli.
- = -
(21) Dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi wkoll qafas legali ġenerali għall-użu ta’ servizzi fiduċjarji.
Madankollu, ma għandux joħloq obbligu ġenerali li jintużaw jew li jiġi installat punt ta’ aċċess għas-servizzi fiduċjarji eżistenti kollha.
B’mod partikolari, dan ma għandux ikopri l-forniment ta’ servizzi li jintuża esklużivament f’sistemi magħluqa bejn grupp definit ta’ parteċipanti, b’ebda effett fuq partijiet terzi.
Pereżempju, is-sistemi stabbiliti f’negozji jew f’amministrazzjonijiet pubbliċi għall-ġestjoni tal-proċeduri interni li jużaw is-servizzi fiduċjarji ma għandhomx ikunu soġġetti għar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.
Is-servizzi fiduċjarji provduti lill-pubbliku li jkollhom effetti fuq partijiet terzi biss għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati fir-Regolament.
Dan ir-Regolament lanqas ma għandu jkopri aspetti relatati mal-konklużjoni u l-validità tal-kuntratti jew obbligi legali oħra fejn ikun hemm rekwiżiti rigward il-forma stipulata mil-liġi nazzjonali jew tal-Unjoni.
barra minn dan, lanqas ma għandu jaffettwa r-rekwiżiti tal-formoli nazzjonali li jappartjenu għar-reġistri pubbliċi, b’mod partikolari r-reġistri kummerċjali u tal-artijiet.
- = -
(42) Sabiex tiġi ffaċilitata s-superviżjoni tal-fornituri tas-servizzi fiduċjarji kwalifikati, pereżempju, meta fornitur ikun qed jipprovdi s-servizzi tiegħu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor u ma jkunx soġġett għal superviżjoni hemmhekk, jew meta l-kompjuters ta’ fornitur ikunu jinsabu fit-territorju ta’ Stat Membru minbarra dak li mhuwiex fejn ikun ġie stabbilit, għandha tiġi stabbilita sistema ta’ assistenza reċiproka bejn il-korpi ta’ superviżjoni fl-Istati Membri.
- = -
(57) Biex tiġi żgurata ċertezza legali fir-rigward tal-validità tal-firma, huwa essenzjali li jiġu speċifikati l-komponenti ta’ firma elettronika kwalifikata li għandhom jiġu vvalutati mill-parti dipendenti li twettaq il-validazzjoni.
barra minn hekk, l-ispeċifikazzjoni tar-rekwiżit ta’ fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati li jistgħu jipprovdu servizz ta’ validazzjoni kwalifikat lil partijiet dipendenti li mhumiex lesti jew li ma jistgħux iwettqu l-validazzjoni huma stess ta’ firem elettroniċi kwalifikati, għandha tistimula lis-settur privat u pubbliku biex jinvesti f’tali servizzi.
Iż-żewġ elementi għandhom jagħmlu l-validazzjoni ta’ firma elettronika kwalifikata faċli u konvenjenti għall-partijiet kollha fil-livell tal-Unjoni.
- = -
(65) Minbarra l-awtentikazzjoni tad-dokument maħruġ minn persuna ġuridika, is-siġilli elettroniċi jistgħu jintużaw biex jawtentikaw kwalunkwe assi diġitali tal-persuna ġuridika, bħal kodiċi ta’ software jew servers.
- = -
(67) Is-servizzi ta’ awtentikazzjoni ta’ siti elettroniċi jipprovdu mezz li bih persuna li tidħol f’sit elettroniku tista’ tkun żgurata li wara s-sit elettroniku hemm entità ġenwina u leġittima.
Dawk is-servizzi jikkontribwixxu biex tinbena l-fiduċja u l-kunfidenza fit-twettiq tan-negozju online, billi l-utenti jkollhom fiduċja f’sit elettroniku li tkun ġiet awtentikata.
Il-forniment u l-użu ta’ servizzi ta’ awtentikazzjoni ta’ siti elettroniċi huma kompletament volontarji.
Madankollu, sabiex l-awtentikazzjoni ta’ siti elettroniċi ssir mezz biex tittejjeb il-fiduċja, li tipprovdi esperjenza aħjar għall-utent u tkattar it-tkabbir fis-suq intern, dan ir-Regolament għandu jistipula l-obbligi minimi ta’ sigurtà u responsabbiltà għall-fornituri u s-servizzi tagħhom.
Għal dak l-għan, ittieħed kont tar-riżultati tal-inizjattivi eżistenti mmexxijin mill-industrija, per eżempju l-Awtoritajiet ta’ Ċertifikazzjoni/Browsers Forum - Forum CA/B.
barra minn hekk, dan ir-Regolament ma għandux jimpedixxi l-użu ta’ mezzi jew metodi oħra biex jawtentikaw siti elettroniċi li ma taqax taħt dan ir-Regolament u lanqas m’għandu jostakola fornituri ta’ servizzi ta’ awtentikazzjoni ta’ siti elettroniċi ta’ pajjiżi terzi milli jipprovdu s-servizzi tagħhom lill-klijenti fl-Unjoni.
Madankollu, is-servizzi ta’ awtentikazzjoni ta’ siti elettroniċi ta’ fornitur ta’ pajjiż terz għandhom ikunu rikonoxxuti bħala kwalifikati, skont dan ir-Regolament, biss jekk ikun ġie konkluż ftehim internazzjonali bejn l-Unjoni u l-pajjiż ta’ stabbiliment tal-fornitur.
- = -