keyboard_tab Digital Service Act 2022/2065 MT
BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf
- 2 Artikolu 36 Mekkaniżmu ta' rispons għall-kriżijiet
- 1 Artikolu 43 Tariffa superviżorja
- 5 Artikolu 91 Reviżjoni
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
KAPITOLU II
RESPONSABBILTÀ TAL-FORNITURI TAS-SERVIZZI INTERMEDJARJI
KAPITOLU III
OBBLIGI TAD-DILIĠENZA DOVUTA GĦAL AMBJENT ONLINE TRASPARENTI U SIKUR
TAQSIMA 1
Dispożizzjonijiet applikabbli għall-fornituri kollha ta' servizzi intermedjarji
TAQSIMA 2
Dispożizzjonijiet addizzjonali applikabbli għall-fornituri ta' servizzi ta' hosting, inklużi l- pjattaformi online
TAQSIMA 3
Dispożizzjonijiet addizzjonali applikabbli għal fornituri ta' pjattaformi online
TAQSIMA 4
Dispożizzjonijiet addizzjonali applikabbli għall-fornituri ta' pjattaformi online li jippermettu lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma' kummerċjanti
TAQSIMA 5
Obbligi addizzjonali fuq il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għall-ġestjoni tar-riskji sistemiċi
TAQSIMA 6
Dispożizzjonijiet oħra dwar l-obbligi ta' diliġenza dovuta
KAPITOLU IV
IMPLIMENTAZZJONI, KOOPERAZZJONI, PENALI U INFURZAR
TAQSIMA 1
Awtoritajiet kompetenti u Koordinaturi nazzjonali tas-Servizzi Diġitali
TAQSIMA 2
Kompetenzi, investigazzjoni koordinata u mekkaniżmi ta' konsistenza
TAQSIMA 3
Bord Ewropew għas-Servizzi Diġitali
TAQSIMA 4
Superviżjoni, investigazzjoni, infurzar u monitoraġġ fir-rigward tal-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta' magni tat-tiftix online kbar ħafna
TAQSIMA 5
Dispożizzjonijiet komuni dwar l-infurzar
TAQSIMA 6
Atti delegati u atti ta’ implimentazzjoni
KAPITOLU V
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
- skont 26
- għandha 25
- fil-paragrafu 18
- il-kummissjoni 16
- msemmija 14
- online 14
- l-artikolu 13
- annwali 13
- ħafna 13
- ewropew 12
- dwar 10
- l-artikolu 10
- kbar 9
- speċifiċi 9
- partikolari 9
- ir-regolament 9
- dawk 9
- tirrapporta 7
- l-applikazzjoni 7
- tat-tiftix 7
- kull 7
- superviżorja 7
- għandhom 7
- il-kummissjoni 7
- għal 7
- superviżorji 6
- kwalunkwe 6
- l-miżuri 6
- lill-parlament 6
- tal-miżuri 6
- meta 6
- punt b 6
- lill-kunsill 6
- il-miżuri 6
- tqis 6
- ta’ 6
- tadotta 6
- lill-bord 5
- xieraq 5
- tal-bord 5
- il-paragrafu 5
- tista 5
- serja 5
- biex 5
- oħra 5
- ekonomiku 5
- kbira 5
- fir-rigward 4
- implimentazzjoni 4
- globali 4
Artikolu 36
Mekkaniżmu ta' rispons għall-kriżijiet
1. Meta sseħħ kriżi, il-Kummissjoni, fuq rakkomandazzjoni tal-Bord, tista' tadotta deċiżjoni li fiha tirrikjedi li fornitur wieħed jew aktar ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna jieħdu waħda jew aktar mill-azzjonijiet li ġejjin:
(a) | jivvalutaw jekk, u jekk ikun il-każ, sa liema punt u kif, il-funzjonament u l-użu tas-servizzi tagħhom jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għal theddida serja kif imsemmi fil-paragrafu 2, jew x'aktarx jikkontribwixxu għaliha; |
(b) | jidentifikaw u japplikaw miżuri speċifiċi, effettivi u proporzjonati, bħal kwalunkwe waħda minn dawk previsti fl-Artikolu 35(1) jew l-Artikolu 48(2), biex jipprevjenu, jeliminaw jew jillimitaw kwalunkwe tali kontribuzzjoni għat-theddida serja identifikata skont il-punt (a) ta' dan il-paragrafu; |
(c) | jirrapportaw lill-Kummissjoni, sa ċerta data jew f'intervalli regolari speċifikati fid-deċiżjoni, dwar il-valutazzjonijiet imsemmija fil-punt (a), dwar il-kontenut preċiż, l-implimentazzjoni u l-impatt kwalitattiv u kwantitattiv tal-miżuri speċifiċi meħuda skont il-punt (b) u dwar kwalunkwe kwistjoni oħra relatata ma' dawk il-valutazzjonijiet jew dawk il-miżuri, kif speċifikat fid-deċiżjoni. |
Fl-identifikazzjoni u l-applikazzjoni ta' miżuri skont il-punt (b) ta' dan il-paragrafu, il-fornituri tas-servizz għandhom iqisu kif xieraq il-gravità tat-theddida serja msemmija fil-paragrafu 2, l-urġenza tal-miżuri u l-implikazzjonijiet attwali jew potenzjali għad-drittijiet u l-interessi leġittimi tal-partijiet kollha kkonċernati, inkluża l-possibbiltà li l-miżuri jonqsu milli jirrispettaw id-drittijiet fundamentali minquxa fil-Karta.
2. Għall-fini ta' dan l-Artikolu, kriżi għandha titqies li tkun seħħet meta ċirkostanzi straordinarji jwasslu għal theddida serja għas-sigurtà jew is-saħħa pubblika fl-Unjoni jew f'partijiet sinifikanti tagħha.
3. Fit-teħid tad-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tiżgura li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti kollha li ġejjin:
(a) | l-azzjonijiet mitluba mid-deċiżjoni jkunu strettament neċessarji, ġustifikati u proporzjonati, b'attenzjoni partikolari għall-gravità tat-theddida serja msemmija fil-paragrafu 2, l-urġenza tal-miżuri u l-implikazzjonijiet attwali jew potenzjali għad-drittijiet u l-interessi leġittimi tal-partijiet kollha kkonċernati, inkluża l-possibbiltà li l-miżuri jonqsu milli jirrispettaw id-drittijiet fundamentali minquxa fil-Karta; |
(b) | id-deċiżjoni tispeċifika perjodu raġonevoli li fih ikunu jridu jittieħdu l-miżuri speċifiċi msemmija fil-paragrafu 1, punt (b), b'attenzjoni partikolari għall-urġenza ta' dawk il-miżuri u ż-żmien meħtieġ biex jitħejjew u jiġu implimentati; |
(c) | l-azzjonijiet meħtieġa mid-deċiżjoni jkunu limitati għal perjodu li ma jaqbiżx it-tliet xhur. |
4. Wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien żejjed, tieħu l-passi li ġejjin:
(a) | tinnotifika d-deċiżjoni lill-fornituri li lilhom tkun indirizzata d-deċiżjoni; |
(b) | tqiegħed id-deċiżjoni għad-dispożizzjoni tal-pubbliku; u |
(c) | tinforma lill-Bord bid-deċiżjoni, tistiednu jissottometti l-fehmiet tiegħu dwarha, u żżommu infurmat bi kwalunkwe żvilupp sussegwenti relatat mad-deċiżjoni. |
5. L-għażla ta' miżuri speċifiċi li jkunu jridu jittieħdu skont il-paragrafu 1, punt (b), u l-paragrafu 7, it-tieni subparagrafu, għandha tibqa' f'idejn il-fornituri indirizzati bid-deċiżjoni tal-Kummissjoni.
6. Il-Kummissjoni tista', fuq inizjattiva tagħha jew fuq talba tal-fornitur, tidħol fi djalogu mal-fornitur biex tiddetermina jekk, fid-dawl taċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-fornitur, il-miżuri maħsuba jew implimentati msemmija fil-paragrafu 1, punt (b), humiex effettivi u proporzjonati biex jintlaħqu l-objettivi mixtieqa. B'mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-miżuri meħuda mill-fornitur tas-servizzi skont il-paragrafu 1, punt (b) jissodisfaw ir-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 3, punti (a) u (c).
7. Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-applikazzjoni tal-miżuri speċifiċi meħuda skont id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, abbażi tar-rapporti msemmija fil-punt (c) ta' dak il-paragrafu u kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra, inkluża l-informazzjoni li tista' titlob skont l-Artikolu 40 jew 67, b'kont meħud tal-evoluzzjoni tal-kriżi. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta regolarment lill-Bord dwar dak il-monitoraġġ, mill-inqas ta' kull xahar.
Jekk il-Kummissjoni tqis li l-miżuri speċifiċi maħsuba jew implimentati skont il-paragrafu 1, punt (b) ma jkunux effettivi jew proporzjonati, hija tista', wara konsultazzjoni mal-Bord, tadotta deċiżjoni li teħtieġ lill-fornitur jirrieżamina l-identifikazzjoni jew l-applikazzjoni ta' dawk il-miżuri speċifiċi.
8. Fejn xieraq, fid-dawl tal-evoluzzjoni tal-kriżi, il-Kummissjoni, fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Bord, tista' temenda d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 jew fil-paragrafu 7, it-tieni subparagrafu, billi:
(a) | tirrevoka d-deċiżjoni u, fejn xieraq, ir-rekwiżit li l-pjattaformi online kbar ħafna jew il-magni tat-tiftix online kbar ħafna jieqfu japplikaw il-miżuri identifikati u implimentati skont il-paragrafu 1, punt (b), jew it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 7, b'mod partikolari meta r-raġunijiet għal dawn il-miżuri ma jkunux għadhom jeżistu; |
(b) | testendi l-perjodu msemmi fil-paragrafu 3, punt (c), b'perjodu ta' mhux aktar minn tliet xhur; |
(c) | tqis l-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni tal-miżuri, b'mod partikolari l-possibbiltà li l-miżuri jonqsu milli jirrispettaw id-drittijiet fundamentali minquxa fil-Karta. |
9. Ir-rekwiżiti tal-paragrafi 1 sa 6 għandhom japplikaw għad-deċiżjoni u għall-emenda tagħha msemmija f'dan l-Artikolu.
10. Il-Kummissjoni għandha tqis bis-sħiħ ir-rakkomandazzjoni maħruġa mill-Bord skont dan l-Artikolu.
11. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fuq bażi annwali wara l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet skont dan l-Artikolu, u, fi kwalunkwe każ, tliet xhur wara t-tmiem tal-kriżi, dwar l-applikazzjoni tal-miżuri speċifiċi meħuda skont dawk id-deċiżjonijiet.
Artikolu 43
Tariffa superviżorja
1. Il-Kummissjoni għandha timponi tariffa superviżorja annwali fuq il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħadna u magni tat-tiftix online kbar ħafna mad-deżinjazzjoni tagħhom skont l-Artikolu 33.
2. L-ammont globali tat-tariffi superviżorji annwali għandu jkopri l-ispejjeż stmati li l-Kummissjoni ġġarrab fir-rigward tal-kompiti superviżorji tagħha skont dan ir-Regolament, b'mod partikolari l-ispejjeż relatati man-nomina skont l-Artikolu 33, l-istabbiliment, il-manutenzjoni u l-operat tal-bażi tad-data skont l-Artikolu 24(5) u s-sistema ta' kondiviżjoni tal-informazzjoni skont l-Artikolu 85, ir-riferimenti skont l-Artikolu 59, l-appoġġ lill-Bord skont l-Artikolu 62 u l-kompiti superviżorji skont l-Artikolu 56 u t-Taqsima 4 tal-Kapitolu IV.
3. Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jintalbu jħallsu tariffa superviżorja annwali għal kull servizz li għalih ikunu ġew deżinjati skont l-Artikolu 33.
Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu l-ammont tat-tariffa superviżorja annwali fir-rigward ta' kull fornitur ta' pjattaformi online kbira ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna. Meta tadotta dawk l-atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tapplika l-metodoloġija stabbilita fl-att delegat msemmi fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu u għandha tirrispetta l-prinċipji stabbiliti fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 88.
4. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati, f’konformità mal-Artikolu 87, li jistabbilixxu l-metodoloġija dettaljata u l-proċeduri għal:
(a) | id-determinazzjoni tal-ispejjeż imsemmija fil-paragrafu 2; |
(b) | id-determinazzjoni tat-tariffi superviżorji annwali individwali msemmija fil-paragrafu 5, punti (b) u (c); |
(c) | id-determinazzjoni tal-limitu globali massimu definit fil-paragrafu 5, punt (c); u |
(d) | l-arranġamenti dettaljati neċessarji biex isiru l-pagamenti. |
Meta tadotta dawk l-atti delegati, il-Kummissjoni għandha tirrispetta l-prinċipji stabbiliti fil-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu.
5. L-att ta' implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 3 u l-att delegat imsemmi fil-paragrafu 4 għandhom jirrispettaw il-prinċipji li ġejjin:
(a) | l-istima tal-ammont kumplessiv tat-tariffa superviżorja annwali tqis l-ispejjeż imġarrba fis-sena preċedenti; |
(b) | it-tariffa superviżorja annwali hija proporzjonata għall-medja fix-xahar ta' riċevituri attivi fl-Unjoni ta' kull pjattaforma online kbira ħafna jew kull magna tat-tiftix online kbira ħafna iddeżinjati skont l-Artikolu 33; |
(c) | l-ammont totali tat-tariffa superviżorja annwali imposta fuq fornitur partikolari ta' pjattaforma online kbira ħafna jew magna tat-tiftix online kbira ħafna ma għandu, fl-ebda każ, jaqbeż iż-0,05 % tal-introjtu nett annwali globali tiegħu fis-sena finanzjarja preċedenti. |
6. It-tariffi superviżorji annwali individwali mħallsa skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandhom jikkostitwixxu dħul assenjat estern skont l-Artikolu 21(5) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (41).
7. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta kull sena lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-ammont globali tal-ispejjeż imġarrba għat-twettiq tal-kompiti skont dan ir-Regolament u l-ammont totali tat-tariffi superviżorji annwali individwali imposti fis-sena preċedenti.
TAQSIMA 6
Dispożizzjonijiet oħra dwar l-obbligi ta' diliġenza dovuta
Artikolu 91
Reviżjoni
1. Sat-18 ta’ Frar 2027, il-Kummissjoni għandha tevalwa u tirrapporta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-effett potenzjali ta' dan ir-Regolament fuq l-iżvilupp u t-tkabbir ekonomiku ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju.
Sas-17 ta’ Novembru 2025 il-Kummissjoni għandha tevalwa u tirrapporta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar.
(a) | l-applikazzjoni tal-Artikolu 33, inkluż il-kamp ta' applikazzjoni tal-fornituri tas-servizzi intermedjarji koperti mill-obbligi stabbiliti fit-Taqsima 5 tal-Kapitolu III ta' dan ir-Regolament; |
(b) | il-mod kif dan ir-Regolament jinteraġixxi ma' atti legali oħra, b'mod partikolari l-atti msemmija fl-Artikolu 2(3) u (4). |
2. Sas-17 ta’ Novembru 2027 u kull ħames snin minn hemm 'il quddiem, il-Kummissjoni għandha tevalwa dan ir-Regolament, u tirrapporta dwaru lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.
Dan ir-rapport għandu jindirizza b'mod partikolari:
(a) | l-applikazzjoni tal-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu, punti (a) u (b) |
(b) | il-kontribut ta' dan ir-Regolament għall-approfondiment u l-funzjonament effiċjenti tas-suq intern għas-servizzi intermedjarji, b'mod partikolari fir-rigward tal-forniment transfruntier ta' servizzi diġitali; |
(c) | l-applikazzjoni tal-Artikoli 13, 16, 20, 21, 45 u 46; |
(d) | il-kamp ta' applikazzjoni tal-obbligi fuq l-intrapriżi żgħar u mikro; |
(e) | l-effettività tal-mekkaniżmi ta' superviżjoni u infurzar; |
(f) | l-impatt fuq ir-rispett għad-dritt tal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni. |
3. Fejn ikun xieraq, ir-rapport imsemmi fil-paragrafi 1 u 2 għandu jkun akkumpanjat minn proposta għal emenda ta' dan ir-Regolament.
4. Fir-rapport imsemmi fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha wkoll tevalwa u tirrapporta dwar ir-rapporti annwali fuq l-attivitajiet tagħhom mill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali pprovduti lill-Kummissjoni u lill-Bord skont l-Artikolu 55(1).
5. Għall-fini tal-paragrafu 2, l-Istati Membri u l-Bord għandhom jibagħtu l-informazzjoni meta jintalbu mill-Kummissjoni.
6. Fit-twettiq tal-evalwazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tqis il-pożizzjonijiet u s-sejbiet tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill, u ta' korpi jew sorsi rilevanti oħra, u għandha tagħti attenzjoni speċifika lill-intrapriżi żgħar u medji u lill-pożizzjoni tal-kompetituri l-ġodda.
7. Sa mhux aktar tard mit-18 ta’ Frar 2027, il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta lill-Bord, għandha twettaq valutazzjoni tal-funzjonament tal-Bord u tal-applikazzjoni tal-Artikolu 43, u għandha tirrapportaha lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, filwaqt li tqis l-ewwel snin tal-applikazzjoni tar-Regolament. Abbażi tas-sejbiet u filwaqt li titqies bis-sħiħ l-opinjoni tal-Bord, ma' dak ir-rapport għandha, meta xieraq, tinhemeż proposta għal emenda ta' dan ir-Regolament fir-rigward tal-istruttura tal-Bord.
whereas