search


keyboard_tab Digital Service Act 2022/2065 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2022/2065 MT cercato: 'tal-koordinaturi' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index tal-koordinaturi:

    KAPITOLU I
    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    KAPITOLU II
    RESPONSABBILTÀ TAL-FORNITURI TAS-SERVIZZI INTERMEDJARJI

    KAPITOLU III
    OBBLIGI TAD-DILIĠENZA DOVUTA GĦAL AMBJENT ONLINE TRASPARENTI U SIKUR

    TAQSIMA 1
    Dispożizzjonijiet applikabbli għall-fornituri kollha ta' servizzi intermedjarji

    TAQSIMA 2
    Dispożizzjonijiet addizzjonali applikabbli għall-fornituri ta' servizzi ta' hosting, inklużi l- pjattaformi online

    TAQSIMA 3
    Dispożizzjonijiet addizzjonali applikabbli għal fornituri ta' pjattaformi online

    TAQSIMA 4
    Dispożizzjonijiet addizzjonali applikabbli għall-fornituri ta' pjattaformi online li jippermettu lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma' kummerċjanti

    TAQSIMA 5
    Obbligi addizzjonali fuq il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għall-ġestjoni tar-riskji sistemiċi

    TAQSIMA 6
    Dispożizzjonijiet oħra dwar l-obbligi ta' diliġenza dovuta

    KAPITOLU IV
    IMPLIMENTAZZJONI, KOOPERAZZJONI, PENALI U INFURZAR

    TAQSIMA 1
    Awtoritajiet kompetenti u Koordinaturi nazzjonali tas-Servizzi Diġitali

    TAQSIMA 2
    Kompetenzi, investigazzjoni koordinata u mekkaniżmi ta' konsistenza

    TAQSIMA 3
    Bord Ewropew għas-Servizzi Diġitali

    TAQSIMA 4
    Superviżjoni, investigazzjoni, infurzar u monitoraġġ fir-rigward tal-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta' magni tat-tiftix online kbar ħafna

    TAQSIMA 5
    Dispożizzjonijiet komuni dwar l-infurzar

    TAQSIMA 6
    Atti delegati u atti ta’ implimentazzjoni

    KAPITOLU V
    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI


whereas tal-koordinaturi:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 1141

 

Artikolu 21

Soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti

1.   Ir-riċevituri tas-servizz, inklużi individwi jew entitajiet li jkunu ssottomettew avviżi, indirizzati bid-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 20(1), għandhom ikunu intitolati li jagħżlu kwalunkwe korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti li jkun ġie ċċertifikat f'konformità mal-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu sabiex isolvu tilwim relatat ma' dawk id-deċiżjonijiet, inkluż ilmenti li ma ssolvewx bis-sistema interna tat-trattament tal-ilmenti msemmija f'dak l-Artikolu.

Il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom jiżguraw li l-informazzjoni dwar il-possibbiltà tar-riċevituri tas-servizz li jkollhom aċċess għal soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti, kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu, tkun aċċessibbli faċilment fuq l-interfaċċa online tagħhom, ċara u faċli biex tintuża.

L-ewwel subparagrafu huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt tar-riċevitur tas-servizz ikkonċernat li jiftaħ proċedimenti biex jikkontesta d-deċiżjonijiet tal-fornituri ta' pjattaformi online quddiem qorti f'konformità mal-liġi applikabbli.

2.   Iż-żewġ partijiet għandhom jiddjalogaw, in bona fide, mal-korp ċertifikat magħżul għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti bil-għan li tissolva t-tilwima.

Il-fornituri ta’ pjattaformi online jistgħu jirrifjutaw li jiġu involuti ma’ tali korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti jekk t-tilwima li tikkonċerna l-istess informazzjoni u l-istess raġunijiet ta' illegalità jew inkompatibbiltà allegata tal-kontenut tkun diġà ġiet solvuta.

Il-korp iċċertifikat għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti ma għandux ikollu s-setgħa li jimponi soluzzjoni tat-tilwim vinkolanti fuq il-partijiet.

3.   Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat Membru fejn huwa stabbilit il-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti għandu, għal perjodu massimu ta' ħames snin li jista' jiġġedded, jiċċertifika l-korp, fuq talba tiegħu, meta l-korp ikun wera li jissodisfa l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

ikun imparzjali u indipendenti, inkluż finanzjarjament indipendenti, mill-fornituri ta' pjattaformi online u mir-riċevituri tas-servizz ipprovdut mill-fornituri ta' pjattaformi online, inkluż minn individwi jew entitajiet li jkunu ssottomettew avviżi;

(b)

ikollu l-għarfien espert meħtieġ rigward il-kwistjonijiet li jinqalgħu f'qasam partikolari wieħed jew aktar ta' kontenut illegali, jew b'rabta mal-applikazzjoni u l-infurzar tat-termini u l-kondizzjonijiet ta' tip wieħed jew aktar ta' pjattaformi online, li jippermettu lill-korp jikkontribwixxi b'mod effettiv għas-soluzzjoni ta' tilwima;

(c)

il-membri tiegħu jitħallsu b'mod li ma jkunx marbut mal-eżitu tal-proċedura;

(d)

is-soluzzjoni għat-tilwim barra mill-qorti tkun aċċessibbli faċilment permezz tat-teknoloġija tal-komunikazzjoni elettronika u tipprevedi l-possibbiltà li t-talba ta' soluzzjoni għat-tilwim u d-dokumenti ta' sostenn meħtieġa jitressqu online;

(e)

ikun kapaċi jsolvi t-tilwim b'mod rapidu, effiċjenti u kosteffettiv u b'mill-inqas waħda mil-lingwi uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni;

(f)

is-soluzzjoni għat-tilwim barra mill-qorti ssir f'konformità ma' regoli ta' proċedura ċari u ġusti li jkunu aċċessibbli faċilment u pubblikament, u li jikkonformaw mal-liġi applikabbli, inkluż dan l-Artikolu.

Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali għandu, meta applikabbli, jispeċifika fiċ-ċertifikat:

(a)

il-kwistjonijiet partikolari li magħhom jirrelata l-għarfien espert tal-korp, kif imsemmi fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu; u

(b)

il-lingwa jew il-lingwi uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li bihom il-korp kapaċi jsolvi t-tilwim, kif imsemmi fil-punt (e) tal-ewwel subparagrafu.

4.   Korpi ċċertifikati għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti għandhom jirrapportaw lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li jkun iċċertifikahom, fuq bażi annwali, dwar il-funzjonament tagħhom, filwaqt li jispeċifikaw mill-inqas l-għadd ta' tilwimiet li jkunu rċevew, informazzjoni dwar l-eżiti ta' dak it-tilwim, il-medja ta' żmien meħuda biex jissolvew u kwalunkwe nuqqas jew diffikultà li jkunu sabu. Huma għandhom jipprovdu informazzjoni addizzjonali fuq talba ta' dak il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali.

Kull sentejn, il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għandhom ifasslu rapport dwar il-funzjonament tal-korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti ċċertifikati minnhom. Dak ir-rapport għandu, b'mod partikolari:

(a)

jelenka l-għadd ta' tilwimiet li kull korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti ċċertifikat ikun irċieva kull sena;

(b)

tindika r-riżultati tal-proċeduri miġjuba quddiem dawk il-korpi u l-medja ta' żmien meħud biex jissolva t-tilwim;

(c)

jidentifika u jispjega kwalunkwe nuqqas jew diffikultà li jkunu sabu mil-lat sistematiku jew settorjali fir-rigward tal-funzjonament ta' dawk il-korpi;

(d)

jidentifika l-aħjar prattiki li jikkonċernaw dak il-funzjonament;

(e)

jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar kif jista' jittejjeb dak il-funzjonament, fejn xieraq.

Korpi ċċertifikati għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti għandhom iqiegħdu d-deċiżjonijiet tagħhom għad-dispożizzjoni tal-partijiet f'perjodu raġonevoli u mhux aktar tard minn 90 jum tal-kalendarju wara l-wasla tal-ilment. Fil-każ ta' tilwimiet kumplessi ħafna, il-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti ċċertifikat jista', fid-diskrezzjoni tiegħu, jestendi l-perjodu ta' 90 jum tal-kalendarju, għal perjodu addizzjonali li ma għandu jeċċedi 90 jum, li jirriżulta f’ massimu ta' 180 jum.

5.   Jekk il-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti jiddeċiedi t-tilwima favur ir-riċevitur tas-servizz, inkluż favur l-individwu jew l-entità li jkunu ssottomettew avviż, il-fornitur ta’ pjattaforma online għandu jħallas it-tariffi kollha mitluba mill-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti, u jirrimborża lil dak ir-riċevitur, inkluż l-individwu jew l-entità, għal kwalunkwe spiża raġonevoli oħra li jkun ħallas b'rabta mas-soluzzjoni tat-tilwim. Jekk il-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti jiddeċiedi t-tilwima favur il-fornitur ta' pjattaforma online, ir-riċevitur tas-servizz, inkluż l-individwu jew l-entità, ma għandux jintalab jirrimborża xi tariffa jew spiża oħra li l-fornitur ta' pjattaforma online ikun ħallas jew għandu jħallas b'rabta mas-soluzzjoni tat-tilwim, sakemm il-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti ma jsibx li dak ir-riċevitur jkun aġixxa manifestament in mala fide.

It-tariffi imposti mill-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti lill-fornituri tal-pjattaformi online għas-soluzzjoni tat-tilwim għandhom ikunu raġonevoli u fi kwalunkwe każ ma għandhomx jaqbżu l-ispejjeż imġarrba mill-korp. Għar-riċevituri tas-servizz, is-soluzzjoni tat-tilwim għandha tkun disponibbli bla ħlas jew b’tariffa nominali.

Il-korpi ċċertifikati għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti għandhom jgħarrfu t-tariffi, jew il-mekkaniżmi użati biex jiddeterminaw it-tariffi, lir-riċevitur tas-servizz, inkluż lill-individwi jew lill-entitajiet li jkunu ssottomettew avviż, u lill-fornitur ta’ pjattaforma online kkonċernata qabel ma jinvolvu ruħhom fis-soluzzjoni tat-tilwim.

6.   L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti għall-finijiet tal-paragrafu 1 jew jappoġġaw l-attivitajiet ta' wħud mill-korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti li jkunu ċċertifikaw, jew kollha kemm huma, f'konformità mal-paragrafu 3.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull attività tagħhom imwettqa skont l-ewwel subparagrafu ma taffettwax il-kapaċità tal-koordinaturi tas-Servizzi Diġitali tagħhom li jiċċertifikaw il-korpi kkonċernati f'konformità mal-paragrafu 3.

7.   Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li jkun iċċertifika l-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti għandu jirrevoka dik iċ-ċertifikazzjoni jekk, wara investigazzjoni fuq inizjattiva tiegħu stess jew abbażi ta' informazzjoni mingħand partijiet terzi, jiddetermina li l-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti ma jkunx għadu jissodisfa l-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 3. Qabel jirrevoka dik iċ-ċertifikazzjoni, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali għandu jagħti l-opportunità lil dak il-korp biex jirreaġixxi għall-konklużjonijiet tal-investigazzjoni tiegħu u l-intenzjoni tiegħu li jirrevoka ċ-ċertifikazzjoni tal-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti.

8.   Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti li jkunu ċċertifikaw f'konformità mal-paragrafu 3, inkluż, meta applikabbli, l-ispeċifikazzjonijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu ta' dak il-paragrafu, kif ukoll il-korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti li ċ-ċertifikazzjoni tagħhom tkun ġiet irrevokata. Il-Kummissjoni għandha tippubblika lista ta' dawk il-korpi, inkluż dawk l-ispeċifikazzjonijiet, fuq sit web apposta li jkun faċilment aċċessibbli, u żżommha aġġornata.

9.   Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2013/11/UE u l-proċeduri ta' soluzzjoni alternattiva għat-tilwim u l-entitajiet għall-konsumaturi stabbiliti skont dik id-Direttiva.

Artikolu 50

Rekwiżiti għall-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali tagħhom iwettqu l-kompiti tagħhom skont dan ir-Regolament b'mod imparzjali, trasparenti u fil-ħin. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali tagħhom ikollhom ir-riżorsi kollha meħtieġa biex iwettqu l-kompiti tagħhom, inkluż biżżejjed riżorsi tekniċi, finanzjarji u umani biex jissorveljaw b'mod adegwat il-fornituri kollha tas-servizzi intermedjarji li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħhom. Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tiegħu jkollu biżżejjed awtonomija fil-ġestjoni tal-baġit tiegħu fil-limiti ġenerali tal-baġit, sabiex ma jaffettwax b’mod negattiv l-indipendenza tal-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali.

2.   Meta jwettqu l-kompiti tagħhom u jeżerċitaw is-setgħat tagħhom f'konformità ma' dan ir-Regolament, il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għandhom jaġixxu b'indipendenza sħiħa. Għandhom jibqgħu ħielsa minn kull influwenza esterna, kemm diretta kif ukoll indiretta, u la għandhom ifittxu u lanqas jieħdu struzzjonijiet mingħand xi awtorità pubblika oħra jew mingħand xi parti privata oħra.

3.   Il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għall-kompiti tal-koordinaturi tas-Servizzi Diġitali fis-sistema ta' superviżjoni u infurzar prevista f'dan ir-Regolament u l-kooperazzjoni ma' awtoritajiet kompetenti oħra f'konformità mal-Artikolu 49(2). Il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu ma għandux jipprevjeni l-eżerċizzju tal-istħarriġ ġudizzjarju u għandu japplika wkoll mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti proporzjonati tal-obbligu ta' rendikont fir-rigward tal-attivitajiet ġenerali tal-koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, bħan-nefqa finanzjarja jew ir-rapportar lill-parlamenti nazzjonali, dment li dawk ir-rekwiżiti ma jdgħajfux il-kisba tal-objettivi ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 51

Setgħat tal-koordinaturi tas-Servizzi Diġitali

1.   Meta meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tagħhom fl-ambitu ta' dan ir-Regolament, il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għandu jkollhom is-setgħat ta' investigazzjoni li ġejjin, fir-rigward tal-kondotta minn fornituri tas-servizzi intermedjarji li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istat Membru tagħhom:

(a)

is-setgħa li jitolbu li dawk il-fornituri, u kull persuna oħra li taġixxi għal finijiet relatati mal-kummerċ, man-negozju, mas-sengħa jew mal-professjoni tagħhom li jaf b'mod raġonevoli jkollha konoxxenza ta' informazzjoni relatata ma' suspettat ksur ta' dan ir-Regolament, inkluż organizzazzjonijiet li jwettqu l-awditi msemmija fl-Artikoli 37 u l-Artikolu 75(2), biex jipprovdu din l-informazzjoni mingħajr dewmien żejjed;

(b)

is-setgħa li jwettqu, jew li jitolbu awtorità ġudizzjarja fl-Istat Membru tagħhom biex tordna, spezzjonijiet fuq il-post ta' xi stabbiliment li jintuża minn dawk il-fornituri jew minn dawk il-persuni għal finijiet relatati mal-kummerċ, man-negozju, mas-sengħa jew mal-professjoni tagħhom, jew li jitolbu lil awtoritajiet pubbliċi oħra biex jagħmlu dan, biex jeżaminaw, jikkonfiskaw, jieħdu jew jiksbu kopji ta' informazzjoni relatata ma' suspettat ksur ta' xi forma, irrispettivament mill-mezz tal-ħżin;

(c)

is-setgħa li jitolbu lil xi membru tal-persunal jew rappreżentant ta' dawk il-fornituri jew dawk il-persuni biex jagħtu spjegazzjonijiet dwar xi informazzjoni relatata ma' suspettat ksur u biex jirreġistraw it-tweġibiet bil-kunsens tagħhom bi kwalunkwe mezz tekniku.

2.   Meta meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tagħhom fl-ambitu ta' dan ir-Regolament, il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għandu jkollhom is-setgħat ta' infurzar li ġejjin, fir-rigward tal-fornituri ta' servizzi intermedjarji li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istat Membru tagħhom:

(a)

is-setgħa li jaċċettaw l-impenji offruti minn dawk il-fornituri b'rabta mal-konformità tagħhom ma' dan ir-Regolament u li jagħmlu dawk l-impenji vinkolanti;

(b)

is-setgħa li jordnaw il-waqfien ta' ksur u, meta xieraq, li jimponu rimedji proporzjonati għall-ksur u meħtieġa biex itemmu l-ksur b'mod effettiv, jew li jitolbu awtorità ġudizzjarja fl-Istat Membru tagħhom biex tagħmel dan;

(c)

is-setgħa li jimponu multi, jew li jitolbu awtorità ġudizzjarja fl-Istat Membru tagħhom tagħmel dan, f'konformità mal-Artikolu 52 għal nuqqas ta' konformità ma' dan ir-Regolament, inkluż ma' xi ordni investigattiva maħruġa skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu;

(d)

is-setgħa li jimponu pagament perjodiku ta' penali, jew li jitolbu awtorità ġudizzjarja fl-Istat Membru tagħhom tagħmel dan, f'konformità mal-Artikolu 52 biex jiżguraw li ksur jintemm f'konformità ma' ordni maħruġa skont il-punt (b) ta' dan is-subparagrafu jew għal nuqqas ta' konformità ma' xi ordni investigattiva maħruġa skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu;

(e)

is-setgħa li jadottaw miżuri interim, jew li jitolbu awtorità ġudizzjarja fl-Istat Membru tagħhom tagħmel dan, biex ikun evitat ir-riskju ta' ħsara serja.

Fir-rigward tal-punti (c) u (d) tal-ewwel subparagrafu, il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għandu jkollhom ukoll is-setgħat ta' infurzar stabbiliti f'dawk il-punti fir-rigward tal-persuni l-oħra msemmija fil-paragrafu 1 għal nuqqas ta' konformità ma' xi ordni maħruġa lilhom skont dak il-paragrafu. Dawn għandhom jeżerċitaw dawk is-setgħat ta' infurzar biss wara li jkunu pprovdew lil dawk il-persuni l-oħra fi żmien xieraq l-informazzjoni rilevanti kollha relatata ma' dawn l-ordnijiet, inkluż il-perjodu applikabbli, il-multi jew il-pagamenti perjodiċi li jistgħu jiġu imposti għal nuqqas ta' konformità, u l-possibbiltajiet ta' rimedju.

3.   Meta jkun meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tagħhom fl-ambitu ta' dan ir-Regolament, il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, fir-rigward tal-fornituri tas-servizzi intermedjarji li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istat Membru tagħhom, meta jkunu ġew eżawriti s-setgħat l-oħra kollha skont dan l-Artikolu li jwasslu għall-waqfien ta' ksur u l-ksur ma jkunx ġie rimedjat jew qed ikompli u jkun qed jikkawża ħsara serja li ma tistax tkun evitata bl-eżerċizzju ta' setgħat oħra disponibbli skont il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali, għandu jkollhom ukoll is-setgħa li jieħdu l-miżuri li ġejjin:

(a)

li jeżiġu li l-korp maniġerjali ta' dawk il-fornituri, mingħajr dewmien żejjed, jeżamina s-sitwazzjoni, jadotta u jippreżenta pjan ta' azzjoni li jistabbilixxi l-miżuri meħtieġa biex jintemm il-ksur, jiżgura li l-fornitur jieħu dawk il-miżuri, u jirrapporta dwar il-miżuri meħuda;

(b)

meta l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jidhirlu li fornitur ta' servizzi intermedjarji ma kkonformax biżżejjed mar-rekwiżiti msemmija fil-punt (a), li l-ksur għadu ma jkunx ġie rimedjat jew qed jitkompla u qed jikkawża ħsara serja, u li dak l-ksur jinvolvi reat kriminali li jinvolvi theddida għall-ħajja jew għas-sigurtà tal-persuni, li jitlob li l-awtorità ġudizzjarja kompetenti tal-Istat Membru tiegħu tordna r-restrizzjoni temporanja tal-aċċess tar-riċevituri għas-servizz ikkonċernat mill-ksur jew, biss meta dan ma jkunx fattibbli teknikament, għall-interfaċċa online tal-fornitur tas-servizzi intermedjarji li fuqhom iseħħ il-ksur.

Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali għandu, għajr meta jaġixxi skont it-talba tal-Kummissjoni msemmija fl-Artikolu 82, qabel ma jippreżenta t-talba msemmija fl-ewwel subparagrafu, punt (b), ta’ dan il-paragrafu jistieden lill-partijiet interessati biex jissottomettu osservazzjonijiet bil-miktub f'perjodu li ma għandux ikun inqas minn ġimagħtejn, ħalli jiddeskrivu l-miżuri li jkun beħsiebhom jitolbu u jidentifikaw id-destinatarju jew id-destinatarji intenzjonati tagħhom. Il-fornitur ta' servizzi intermedjarji, id-destinatarju jew id-destinatarji maħsuba u kull parti terza oħra li turi interess leġittimu għandhom ikunu intitolati biex jieħdu sehem fil-proċedimenti quddiem l-awtorità ġudizzjarja kompetenti. Kull miżura ordnata għandha tkun proporzjonata man-natura, mal-gravità, mar-rikorrenza u mat-tul tal-ksur, mingħajr ma tillimita bla bżonn l-aċċess għal informazzjoni legali mir-riċevituri tas-servizz ikkonċernat.

Ir-restrizzjoni ta' aċċess għandha tkun għal perjodu ta' erba' ġimgħat, soġġetta għall-possibbiltà li l-awtorità ġudizzjarja kompetenti, fl-ordni tagħha, tippermetti lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jestendi dak il-perjodu għal perijodi oħra tal-istess tul, soġġetti għal għadd massimu ta' estensjonijiet stabbiliti minn dik l-awtorità ġudizzjarja. Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali għandu jestendi biss il-perjodu meta, fid-dawl tad-drittijiet u tal-interessi tal-partijiet kollha affettwati minn dik ir-restrizzjoni u ċ-ċirkostanzi rilevanti kollha, inkluż kull informazzjoni li l-fornitur ta' servizzi intermedjarji, id-destinatarju jew id-destinatarji u kull parti terza oħra li tkun uriet interess leġittimu tista' tipprovdilu, jqis li ġew issodisfati ż-żewġ kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-fornitur ta' servizzi intermedjarji jkun naqas milli jieħu l-miżuri meħtieġa biex itemm il-ksur;

(b)

ir-restrizzjoni temporanja ma tillimitax indebitament l-aċċess għal informazzjoni legali mir-riċevituri tas-servizz, filwaqt li jitqies l-għadd ta' riċevituri affettwati u jekk jeżistux alternattivi adegwati u aċċessibbli faċilment.

Meta l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jidhirlu li l-kondizzjonijiet stabbiliti fit-tielet subparagrafu, punti (a) u (b), dawk iż-żewġ kondizzjonijiet ġew issodisfati iżda ma jkunx jista' jibqa' jestendi l-perjodu skont it-tielet subparagrafu, dan għandu jissottometti talba ġdida lill-awtorità ġudizzjarja kompetenti, kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu, punt (b).

4.   Is-setgħat elenkati fil-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għat-Taqsima 3.

5.   Il-miżuri meħuda mill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom elenkati fil-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom ikunu effettivi, dissważivi u proporzjonati, filwaqt li jqisu, b'mod partikolari, in-natura, il-gravità, ir-rikorrenza u t-tul tal-ksur jew tas-suspettat ksur li miegħu jirrelataw dawk il-miżuri, kif ukoll il-kapaċità ekonomika, teknika u operazzjonali tal-fornitur tas-servizzi intermedjarji kkonċernat, meta rilevanti.

6.   L-Istati Membri għandhom jistipulaw kondizzjonijiet u proċeduri speċifiċi għall-eżerċizzju tas-setgħat skont il-paragrafi 1, 2 u 3 u għandhom jiżguraw li kwalunkwe eżerċizzju ta' dawk is-setgħat ikun soġġett għal salvagwardji adegwati stipulati fil-liġi nazzjonali applikabbli f'konformità mal-Karta u mal-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Unjoni. B'mod partikolari, dawk il-miżuri għandhom jittieħdu biss f'konformità mad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u d-drittijiet tad-difiża, inkluż id-drittijiet ta' smigħ u ta' aċċess għall-fajl, u soġġetti għad-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv tal-partijiet affettwati kollha.

Artikolu 60

Investigazzjonijiet konġunti

1.   Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment jista' jniedi u jmexxi investigazzjonijiet konġunti bil-parteċipazzjoni ta' Koordinatur tas-Servizzi Diġitali wieħed jew aktar ikkonċernati:

(a)

fuq l-inizjattiva tiegħu stess, biex jinvestiga ksur allegat ta' dan ir-Regolament minn fornitur partikolari ta' servizzi intermedjarji f'diversi Stati Membri; jew

(b)

fuq rakkomandazzjoni tal-Bord, filwaqt li jaġixxi fuq it-talba ta' mill-inqas tliet Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali b’allegazzjoni, abbażi ta’ suspett raġonevoli, ksur minn fornitur partikolari ta' servizzi intermedjarji li jaffettwa r-riċevituri tas-servizz fl-Istati Membri tagħhom.

2.   Kwalunkwe Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li jagħti prova li għandu interess leġittimu li jipparteċipa f'investigazzjoni konġunta skont il-paragrafu 1 jista' jitlob li jagħmel dan. L-investigazzjoni konġunta għandha tiġi konkluża fi żmien tliet xhur minn meta titnieda, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor fost il-parteċipanti.

Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment għandu jikkomunika l-pożizzjoni preliminari tiegħu dwar l-allegat ksur mhux aktar tard minn xahar wara tmiem l-iskadenza msemmija fl-ewwel subparagrafu lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali kollha, lill-Kummissjoni u lill-Bord. Il-pożizzjoni preliminari għandha tqis il-fehmiet tal-koordinaturi tas-Servizzi Diġitali l-oħra kollha li jipparteċipaw fl-investigazzjoni konġunta. Fejn applikabbli, din il-pożizzjoni preliminari għandha tistipula wkoll il-miżuri ta' infurzar previsti.

3.   Il-Bord jista' jirreferi l-kwistjoni lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 59, meta:

(a)

il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment naqas li jikkomunika l-pożizzjoni preliminari tiegħu sal-iskadenza stabbilita fil-paragrafu 2;

(b)

il-Bord ma jaqbilx b'mod sostanzjali mal-pożizzjoni preliminari kkomunikata mill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment; jew

(c)

il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment naqas li jniedi l-investigazzjoni konġunta minnufih wara r-rakkomandazzjoni mill-Bord skont il-paragrafu 1, punt (b).

4.   Fit-twettiq tal-investigazzjoni konġunta, il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali parteċipanti għandhom jikkooperaw in bona fide ma' xulxin, filwaqt li jqisu, fejn applikabbli, l-indikazzjonijiet tal-Koordinatur tas-Servizz Diġitali tal-istabbiliment u r-rakkomandazzjoni tal-Bord. Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali tad-destinazzjoni li jipparteċipaw fl-investigazzjoni konġunta għandhom ikunu intitolati, fuq talba tal-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment jew wara li jkunu kkonsultawh, li jeżerċitaw is-setgħat ta’ investigazzjoni tagħhom imsemmija fl-Artikolu 51(1) fir-rigward tal-fornituri tas-servizzi intermedjarji kkonċernati mill-allegat ksur, fir-rigward tal-informazzjoni u l-bini li jinsab fit-territorju tagħhom.

TAQSIMA 3

Bord Ewropew għas-Servizzi Diġitali

Artikolu 61

Bord Ewropew għas-Servizzi Diġitali

1.   Huwa stabbilit grupp konsultattiv indipendenti ta' Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali dwar is-superviżjoni tal-fornituri tas-servizzi intermedjarji msejjaħ "Bord Ewropew għas-Servizzi Diġitali" (il-"Bord").

2.   Il-Bord għandu jagħti pariri lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali u lill-Kummissjoni f'konformità ma' dan ir-Regolament biex jintlaħqu l-objettivi li ġejjin:

(a)

kontribut għall-applikazzjoni konsistenti ta' dan ir-Regolament u għal kooperazzjoni effettiva bejn il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali u l-Kummissjoni rigward kwistjonijiet koperti minn dan ir-Regolament;

(b)

koordinazzjoni u kontribut għal linji gwida u analiżi tal-Kummissjoni u tal-koordinaturi tas-Servizzi Diġitali u ta' awtoritajiet kompetenti oħra dwar kwistjonijiet emerġenti fis-suq intern rigward kwistjonijiet koperti minn dan ir-Regolament;

(c)

assistenza lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali u lill-Kummissjoni fis-superviżjoni tal-pjattaformi online kbar ħafna.

Artikolu 64

Żvilupp tal-għarfien espert u l-kapaċitajiet

1.   Il-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali u l-Bord, għandha tiżviluppa għarfien espert u kapaċitajiet tal-Unjoni, inkluż, fejn xieraq, permezz tas-sekondar ta' persunal tal-Istati Membri.

2.   Barra minn hekk, il-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali u l-Bord, għandha tikkoordina l-valutazzjoni ta' kwistjonijiet sistemiċi u emerġenti madwar l-Unjoni fir-rigward ta' pjattaformi online kbar ħafna jew magni tat-tiftix online kbar ħafna fir-rigward ta’ kwistjonijiet koperti minn dan ir-Regolament.

3.   Il-Kummissjoni tista' titlob lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, lill-Bord u lil korpi, uffiċji u aġenziji oħra tal-Unjoni b'għarfien espert rilevanti biex jappoġġaw il-valutazzjoni tagħhom ta' kwistjonijiet sistemiċi u emerġenti madwar l-Unjoni skont dan ir-Regolament.

4.   L-Istati Membri għandhom jikkooperaw mal-Kummissjoni, b’mod partikolari permezz tal-koordinaturi tas-Servizzi Diġitali rispettivi tagħhom u awtoritajiet kompetenti oħra, fejn applikabbli, inkluż billi jagħmlu disponibbli l-għarfien espert u l-kapaċitajiet tagħhom.

Artikolu 69

Setgħat biex jitwettqu spezzjonijiet

1.   Sabiex twettaq il-kompiti assenjati lilha taħt din it-Taqsima, il-Kummissjoni tista' twettaq l-ispezzjonijiet kollha meħtieġa fil-post fl-istabbiliment tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat jew persuna oħra msemmija fl-Artikolu 67(1).

2.   L-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom li huma awtorizzati mill-Kummissjoni biex iwettqu spezzjoni, għandhom jingħataw is-setgħa li:

(a)

jidħlu fi kwalunkwe bini, art u mezz tat-trasport tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat jew tal-persuna l-oħra kkonċernata;

(b)

jeżaminaw il-kotba u rekords oħra relatati mal-forniment tas-servizz ikkonċernat, irrispettivament mill-mezz li fuqu jkunu maħżuna;

(c)

jieħdu jew jiksbu fi kwalunkwe forma kopji ta' jew siltiet minn tali kotba jew rekords oħra;

(d)

jesiġu li l-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna jew tal-persuna l-oħra kkonċernata jipprovdu aċċess għall-organizzazzjoni, il-funzjonament, is-sistema tal-IT, l-algoritmi, it-trattament tad-data u l-prattiki kummerċjali tagħhom u spjegazzjonijiet dwarhom u jirreġistraw jew jiddokumentaw l-ispjegazzjonijiet mogħtija;

(e)

jissiġillaw kwalunkwe bini użat għal skopijiet relatati mal-kummerċ, man-negozju, mas-sengħa jew mal-professjoni tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna jew tal-persuna l-oħra kkonċernata, kif ukoll kotba jew rekords oħra, għall-perjodu u sa fejn ikun meħtieġ għall-ispezzjoni;

(f)

jitolbu lil kwalunkwe rappreżentant jew membru tal-persunal tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna jew tal-persuna l-oħra kkonċernata għal spjegazzjonijiet dwar fatti jew dokumenti relatati mas-suġġett u l-iskop tal-ispezzjoni u jirreġistraw it-tweġibiet;

(g)

jindirizzaw mistoqsijiet lil kwalunkwe rappreżentant jew membru tal-persunal fir-rigward tas-suġġett u tal-iskop tal-ispezzjoni u jirreġistraw it-tweġibiet.

3.   L-ispezzjonijiet jistgħu jsiru bl-assistenza ta' awdituri jew esperti maħtura mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 72(2), kif ukoll mal-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jew awtoritajiet nazzjonali kompetenti oħra tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha titwettaq l-ispezzjoni.

4.   Fejn il-preżentazzjoni tal-kotba u r-rekords l-oħra meħtieġa relatati mal-għoti tas-servizz ma tkunx kompluta jew meta t-tweġibiet għall-mistoqsijiet mitluba skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu jkunu skorretti, mhux kompluti jew qarrieqa, l-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni biex iwettqu spezzjoni għandhom jeżerċitaw is-setgħat tagħhom mal-preżentazzjoni ta' awtorizzazzjoni bil-miktub li tispeċifika s-suġġett u l-għan tal-ispezzjoni u l-penali previsti fl-Artikoli 74 u 76. F'ħin debitu qabel l-ispezzjoni, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha titwettaq l-ispezzjoni dwarha.

5.   Waqt l-ispezzjonijiet, l-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni, l-awdituri u l-esperti maħtura mill-Kummissjoni, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jew l-awtoritajiet kompetenti l-oħra tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu titwettaq l-ispezzjoni jistgħu jirrikjedu li l-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna jew ta' persuna oħra kkonċernata jipprovdu spjegazzjonijiet dwar l-organizzazzjoni, il-funzjonament, is-sistema tal-IT, l-algoritmi, it-trattament tad-data u l-imġiba kummerċjali tagħha, u jistgħu jindirizzaw mistoqsijiet lill-persunal ewlieni tagħhom.

6.   Il-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna jew persuna fiżika jew ġuridika oħra kkonċernata għandhom jissottomettu ruħhom għal spezzjoni ordnata b'deċiżjoni tal-Kummissjoni. Id-deċiżjoni għandha tispeċifika s-suġġett u l-fini tal-ispezzjoni, tistabbilixxi d-data tal-bidu u tindika l-penali previsti fl-Artikoli 74 u 76 u d-dritt għal rieżami tad-deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun se ssir l-ispezzjoni qabel ma tittieħed dik id-deċiżjoni.

7.   L-uffiċjali, u persuni oħra awtorizzati jew maħtura, mill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun se ssir l-ispezzjoni għandhom,fuq talba ta’ dak il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jew tal-Kummissjoni, jgħinu b'mod attiv lill-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni għal dak li jikkonċerna l-ispezzjoni. Għal dan il-għan, għandhom jingħataw is-setgħat elenkati fil-paragrafu 2.

8.   Meta l-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni jikkonstataw li l-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna jew il-persuna l-oħra kkonċernata jopponu spezzjoni ordnata skont dan l-Artikolu, l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun se ssir l-ispezzjoni għandu, fuq talba ta' dawk l-uffiċjali jew persuni oħra li jakkumpanjawhom u f'konformità mal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru, jagħtihom l-assistenza meħtieġa, inkluż, fejn xieraq skont il-liġi nazzjonali, fil-forma ta’ miżuri koerċittivi meħuda minn awtorità kompetenti tal-infurzar tal-liġi, sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-ispezzjoni.

9.   Jekk l-assistenza prevista fil-paragrafu 8 tkun teħtieġ awtorizzazzjoni minn awtorità ġudizzjarja nazzjonali f'konformità mal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, din l-awtorizzazzjoni għandha tintalab mill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali ta' dak l-Istat Membru fuq talba tal-uffiċjali u ta' persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni. Tali awtorizzazzjoni tista' wkoll tintalab bħala miżura ta' prekawzjoni.

10.   Meta tkun intalbet l-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 9, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali adita mill-kawża għandha tivverifika li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tordna l-ispezzjoni tkun awtentika u li l-miżuri koerċittivi previsti la jkunu arbitrarji u lanqas eċċessivi wara li jkun tqies is-suġġett tal-investigazzjonijiet. Meta twettaq din il-verifika, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali tista' titlob lill-Kummissjoni, direttament jew permezz tal-koordinaturi tas-Servizzi Diġitali tal-Istat Membru kkonċernat, għal spjegazzjonijiet dettaljati, b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw ir-raġunijiet li abbażi tagħhom il-Kummissjoni tissuspetta ksur ta' dan ir-Regolament, li jikkonċernaw is-serjetà tal-ksur suspettat u li jikkonċernaw in-natura tal-involviment tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna jew tal-persuna l-oħra kkonċernata. Madankollu, l-awtorità ġuridika nazzjonali ma għandhiex tidħol fil-mertu tal-ħtieġa li ssir l-ispezzjoni u lanqas ma tista' titlob informazzjoni mill-fajl tal-każ tal-Kummissjoni. Il-legalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha tkun soġġetta għal rieżami mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea biss.

Artikolu 79

Dritt ta' smigħ u ta' aċċess għall-fajl

1.   Qabel ma tadotta deċiżjoni skont l-Artikoli 73(1), l-Artikolu 74 jew 76, il-Kummissjoni għandha tagħti l-opportunità lill-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat jew persuna oħra msemmija fl-Artikolu 67(1) biex jinstemgħu dwar:

(a)

sejbiet preliminari tal-Kummissjoni, inkluż dwar xi kwistjoni li l-Kummissjoni tkun oġġezzjonat għaliha; u

(b)

miżuri li l-Kummissjoni jista' jkun beħsiebha tieħu fid-dawl tas-sejbiet preliminari msemmija fil-punt (a).

2.   Il-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat jew persuna oħra msemmija fl-Artikolu 67(1) jistgħu jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar is-sejbiet preliminari tal-Kummissjoni f'perjodu raġonevoli stabbilit mill-Kummissjoni fis-sejbiet preliminari tagħha, li ma jistax ikun inqas minn 14-il jum.

3.   Il-Kummissjoni għandha tibbaża d-deċiżjonijiet tagħha biss fuq oġġezzjonijiet li l-partijiet konċernati setgħu jikkummentaw dwarhom.

4.   Id-drittijiet ta' difiża tal-partijiet konċernati għandhom jiġu rispettati bis-sħiħ fil-proċedimenti. Dawn għandhom ikunu intitolati għal aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni skont it-termini ta' divulgazzjoni negozjata, soġġett għall-interess leġittimu tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna jew persuna oħra kkonċernata mill-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom. Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta deċiżjonijiet li jistipulaw tali termini ta' divulgazzjoni f'każ ta' nuqqas ta' qbil bejn il-partijiet. Id-dritt ta' aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni ma għandux jestendi għall-informazzjoni kunfidenzjali u d-dokumenti interni tal-Kummissjoni, tal-Bord, tal-koordinaturi tas-Servizz Diġitali, ta' awtoritajiet kompetenti jew ta' awtoritajiet pubbliċi oħra tal-Istati Membri. B'mod partikolari, id-dritt ta' aċċess ma għandux jestendi għall-korrispondenza bejn il-Kummissjoni u dawk l-awtoritajiet. Xejn f'dan il-paragrafu ma għandu jipprevjeni lill-Kummissjoni milli tikxef u tuża l-informazzjoni meħtieġa biex tipprova xi ksur.

5.   L-informazzjoni miġbura skont l-Artikoli 67, 68 u 69 għandha tintuża biss għall-fini ta' dan ir-Regolament.


whereas









keyboard_arrow_down