search


keyboard_tab Digital Service Act 2022/2065 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2022/2065 MT cercato: 'tal-entità' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index tal-entità:

    KAPITOLU I
    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    KAPITOLU II
    RESPONSABBILTÀ TAL-FORNITURI TAS-SERVIZZI INTERMEDJARJI

    KAPITOLU III
    OBBLIGI TAD-DILIĠENZA DOVUTA GĦAL AMBJENT ONLINE TRASPARENTI U SIKUR

    TAQSIMA 1
    Dispożizzjonijiet applikabbli għall-fornituri kollha ta' servizzi intermedjarji

    TAQSIMA 2
    Dispożizzjonijiet addizzjonali applikabbli għall-fornituri ta' servizzi ta' hosting, inklużi l- pjattaformi online
  • 3 Artikolu 16 Mekkaniżmi ta' avviż u azzjoni

  • TAQSIMA 3
    Dispożizzjonijiet addizzjonali applikabbli għal fornituri ta' pjattaformi online
  • 1 Artikolu 22 Sinjalaturi fdati
  • 1 Artikolu 23 Miżuri u protezzjoni kontra l-użu ħażin

  • TAQSIMA 4
    Dispożizzjonijiet addizzjonali applikabbli għall-fornituri ta' pjattaformi online li jippermettu lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma' kummerċjanti

    TAQSIMA 5
    Obbligi addizzjonali fuq il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għall-ġestjoni tar-riskji sistemiċi

    TAQSIMA 6
    Dispożizzjonijiet oħra dwar l-obbligi ta' diliġenza dovuta

    KAPITOLU IV
    IMPLIMENTAZZJONI, KOOPERAZZJONI, PENALI U INFURZAR

    TAQSIMA 1
    Awtoritajiet kompetenti u Koordinaturi nazzjonali tas-Servizzi Diġitali

    TAQSIMA 2
    Kompetenzi, investigazzjoni koordinata u mekkaniżmi ta' konsistenza

    TAQSIMA 3
    Bord Ewropew għas-Servizzi Diġitali

    TAQSIMA 4
    Superviżjoni, investigazzjoni, infurzar u monitoraġġ fir-rigward tal-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta' magni tat-tiftix online kbar ħafna

    TAQSIMA 5
    Dispożizzjonijiet komuni dwar l-infurzar

    TAQSIMA 6
    Atti delegati u atti ta’ implimentazzjoni

    KAPITOLU V
    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI


whereas tal-entità:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 444

 

Artikolu 16

Mekkaniżmi ta' avviż u azzjoni

1.   Il-fornituri ta' servizzi ta' hosting għandhom jistabbilixxu mekkaniżmi biex bihom individwu jew entità tkun tista' tinnotifikahom bil-preżenza fis-servizz tagħhom ta' elementi speċifiċi ta' informazzjoni li l-individwu jew l-entità tqishom bħala kontenut illegali. Dawk il-mekkaniżmi għandhom ikunu aċċessibbli faċilment u jkunu faċli biex jintużaw, u għandhom jkunu jippermettu s-sottomissjoni ta' avviżi esklussivament b'mezzi elettroniċi.

2.   Il-mekkaniżmi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu tali li jiffaċilitaw is-sottomissjoni ta' avviżi preċiżi biżżejjed u sostanzjati kif xieraq. Għal dak il-għan, il-fornituri ta' servizzi ta' hosting għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jippermettu u jiffaċilitaw is-sottomissjoni ta' avviżi li jkun fihom l-elementi kollha li ġejjin:

(a)

spjegazzjoni sostanzjata biżżejjed tar-raġunijiet għalfejn l-individwu jew l-entità tallega li l-informazzjoni inkwistjoni hija kontenut illegali;

(b)

indikazzjoni ċara tal-post elettroniku eżatt ta' dik l-informazzjoni, pereżempju l-URL jew il-URLs eżatti u, meta meħtieġ, informazzjoni addizzjonali li tippermetti l-identifikazzjoni tal-kontenut illegali kif adattat għat-tip ta' kontenut u għat-tip speċifiku ta' servizz ta' hosting;

(c)

l-isem u l-indirizz tal-email tal-individwu jew tal-entità li tissottometti l-avviż, għajr meta l-informazzjoni tkun meqjusa li tinvolvi wieħed mir-reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 7 tad-Direttiva 2011/93/UE;

(d)

dikjarazzjoni li tikkonferma t-twemmin bona fide tal-individwu jew tal-entità li tissottometti l-avviż li l-informazzjoni u l-allegazzjonijiet li hemm fih huma preċiżi u kompluti.

3.   Avviżi msemmija f’dan l-Artikolu għandhom jitqiesu li jwasslu għal għarfien jew konoxxenza effettivi għall-finijiet tal-Artikolu 6 dwar l-oġġett speċifiku tal-informazzjoni kkonċernat meta jippermettu lil fornitur ta' servizzi ta' hosting diliġenti jidentifika l-illegalità tal-attività jew l-informazzjoni rilevanti mingħajr eżami legali dettaljat.

4.   Meta l-avviż ikun fih l-informazzjoni ta' kuntatt elettronika tal-individwu jew tal-entità li jkunu ssottomettewh, il-fornitur ta' servizzi ta' hosting għandu jibgħat, mingħajr dewmien żejjed, konferma tal-wasla tal-avviż lil dak l-individwu jew l-entità.

5.   Il-fornitur għandu wkoll, mingħajr dewmien żejjed, javża lil dak l-individwu jew l-entità bid-deċiżjoni tiegħu rigward l-informazzjoni li l-avviż jirrelata magħha, u jipprovdi informazzjoni dwar il-possibbiltajiet ta' rimedju rigward dik id-deċiżjoni.

6.   Il-fornituri ta' servizzi ta' hosting għandhom jipproċessaw kull avviż li jirċievu bil-mekkaniżmi msemmija fil-paragrafu 1 u jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom rigward l-informazzjoni relatata mal-avviżi, fil-ħin, b'mod diliġenti, mhux arbitrarju u oġġettiv. Meta jużaw mezzi awtomatizzati għal dak l-ipproċessar jew it-teħid tad-deċiżjonijiet, dawn għandhom jinkludu informazzjoni dwar dan l-użu fl-avviż imsemmi fil-paragrafu 5.

Artikolu 22

Sinjalaturi fdati

1.   Il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom jieħdu l-miżuri tekniċi u organizzattivi meħtieġa biex jiżguraw li l-avviżi sottomessi minn sinjalaturi fdati, li jaġixxu fil-qasam deżinjat tal-għarfien espert tagħhom, permezz ta’ mekkaniżmi msemmija fl-Artikolu 16, jingħataw prijorità u jiġu pproċessati u deċiżi mingħajr dewmien żejjed.

2.   L-istatus ta' sinjalaturi fdati skont dan ir-Regolament għandu jingħata, wara applikazzjoni minn kwalunkwe entità, mill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit l-applikant, lil applikant li jkun wera li jissodisfa l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

ikollu għarfien espert u kompetenza partikolari għall-finijiet tad-detezzjoni, l-identifikazzjoni u l-avviż ta' kontenut illegali;

(b)

ikun indipendenti minn kwalunkwe fornitur ta' pjattaformi online;

(c)

ikun iwettaq l-attivitajiet tiegħu għall-finijiet ta' sottomissjoni tal-avviżi fil-ħin, b'mod diliġenti, preċiż u oġġettiv.

3.   Is-sinjalaturi fdati għandhom jippubblikaw, mill-inqas darba fis-sena, rapporti dettaljati li jinftiehmu faċilment dwar avviżi sottomessi skont l-Artikolu 16 matul il-perjodu rilevanti. Ir-rapport għandu jelenka mill-inqas l-għadd ta' avviżi kkategorizzati skont:

(a)

l-identità tal-fornitur ta' servizzi ta' hosting,

(b)

it-tip ta' kontenut allegatament illegali nnotifikat,

(c)

l-azzjoni meħuda mill-fornitur.

Dawk ir-rapporti għandhom jinkludu spjegazzjoni tal-proċeduri fis-seħħ biex jiġi żgurat li s-sinjalatur fdat iżomm l-indipendenza tiegħu.

Is-sinjalaturi fdati għandhom jibagħtu dawk ir-rapporti lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li jkun tahom l-istatus u għandhom jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku mis-sinjalaturi fdati. L-informazzjoni f'dawk ir-rapporti ma għandhiex tinkludi data personali.

4.   Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni u lill-Bord l-ismijiet, l-indirizzi u l-indirizzi tal-email tal-entitajiet li lilhom ikunu taw l-istatus ta' sinjalatur fdat f'konformità mal-paragrafu 2 jew li jkunu ssospendew l-istatus ta’ sinjalatur fdat f’konformità mal-paragrafu 6 jew irrevokawh skont il-paragrafu 7.

5.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 4 f'bażi tad-data disponibbli għall-pubbliku, b'format aċċessibbli faċilment u li jinqara mill-magni, u għandha żżommha aġġornata.

6.   Meta fornitur ta' pjattaformi online jkollu informazzjoni li tindika li sinjalatur fdat issottometta għadd sinifikanti ta' avviżi mhux preċiżi biżżejjed, ineżatti jew mhux sostanzjati kif xieraq bil-mekkaniżmi msemmija fl-Artikolu 16, inkluż informazzjoni miġbura b'rabta mal-ipproċessar tal-ilmenti permezz tas-sistemi interni għat-trattament tal-ilmenti msemmija fl-Artikolu 20(4), dan għandu jikkomunika dik l-informazzjoni lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li jkun ta l-istatus ta' sinjalatur fdat lill-entità kkonċernata, filwaqt li jipprovdi l-ispjegazzjonijiet u d-dokumenti ġustifikattivi meħtieġa. Malli jirċievi l-informazzjoni mingħand il-fornitur ta' pjattaformi online u jekk il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jqis li hemm raġunijiet leġittimi biex tinfetaħ investigazzjoni, l-istatus ta' sinjalatur fdat għandu jiġi sospiż matul il-perjodu tal-investigazzjoni. Dik l-investigazzjoni għandha ssir mingħajr dewmien żejjed.

7.   Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li ta l-istatus ta' sinjalatur fdat lil entità għandu jirrevoka dak l-istatus jekk jiddetermina, wara investigazzjoni fuq inizjattiva tiegħu stess jew abbażi ta' informazzjoni riċevuta mingħand partijiet terzi, inkluża informazzjoni pprovduta minn fornitur ta' pjattaformi online skont il-paragrafu 6, li l-entità ma għadhiex tissodisfa l-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 2. Qabel jirrevoka dak l-istatus, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali għandu jagħti l-opportunità lill-entità biex tirreaġixxi għall-konklużjonijiet tal-investigazzjoni tiegħu u l-intenzjoni tiegħu li jirrevoka l-istatus tal-entità bħala sinjalatur fdat.

8.   Il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta lill-Bord, għandha, fejn meħtieġ, toħroġ linji gwida biex tassisti lill-fornituri ta' pjattaformi online u lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali fl-applikazzjoni tal-paragrafi 2, 6 u 7.

Artikolu 23

Miżuri u protezzjoni kontra l-użu ħażin

1.   Il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom jissospendu, għal perjodu ta' żmien raġonevoli u wara li jkunu ħarġu twissija minn qabel, il-forniment tas-servizzi tagħhom lir-riċevituri tas-servizz li spiss jipprovdu kontenut manifestament illegali.

2.   Il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom jissospendu, għal perjodu ta' żmien raġonevoli u wara li jkunu ħarġu twissija minn qabel, l-ipproċessar ta' avviżi u lmenti sottomessi bil-mekkaniżmi ta' avviż u azzjoni u bis-sistemi interni għall-immaniġġjar tal-ilmenti msemmija fl-Artikoli 16 u 20, rispettivament, minn individwi jew entitajiet jew minn ilmentaturi li spiss jissottomettu avviżi jew ilmenti li jkunu manifestament infondati.

3.   Meta jiddeċiedu dwar is-sospensjoni, il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom jivvalutaw, abbażi ta' każ b'każ u fil-ħin, b'mod diliġenti u b'mod oġġettiv, jekk ir-riċevitur tas-servizz, l-individwu, l-entità jew l-ilmentatur hux involut fl-użu ħażin imsemmi fil-paragrafi 1 u 2, filwaqt li jitqiesu l-fatti u ċ-ċirkostanzi rilevanti kollha li jirriżultaw mill-informazzjoni disponibbli għall-fornitur ta’ pjattaformi online. Dawk iċ-ċirkostanzi għandhom jinkludu mill-inqas dan li ġej:

(a)

l-għadd assolut ta' elementi ta' kontenut manifestament illegali jew avviżi jew ilmenti manifestament infondati, sottomessi f'perjodu partikolari;

(b)

il-proporzjon relattiv tagħhom f'relazzjoni mal-għadd totali ta' elementi ta' informazzjoni pprovduti jew avviżi sottomessi f'perjodu partikolari;

(c)

il-gravità tal-użu ħażin, inkluż in-natura tal-kontenut illegali, u tal-konsegwenzi tiegħu;

(d)

meta tkun tista' tiġi identifikata, l-intenzjoni tar-riċevitur tas-servizz, tal-individwu, tal-entità jew tal-ilmentatur.

4.   Il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom jistabbilixxu, b'mod ċar u dettaljat, fit-termini u l-kondizzjonijiet tagħhom, il-prassi tagħhom fir-rigward tal-użu ħażin imsemmi fil-paragrafi 1 u 2, u għandhom jagħtu eżempji tal-fatti u ċ-ċirkostanzi li jqisu meta jivvalutaw jekk ċerta mġiba tikkostitwixxix użu ħażin u t-tul ta' żmien tas-sospensjoni.


whereas









keyboard_arrow_down