keyboard_tab Digital Service Act 2022/2065 MT
BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf
- 1 Artikolu 37 Awditu indipendenti
- 1 Artikolu 51 Setgħat tal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali
- 1 Artikolu 69 Setgħat biex jitwettqu spezzjonijiet
- 1 Artikolu 78 Perjodi ta' preskrizzjoni għall-infurzar ta' penali
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
KAPITOLU II
RESPONSABBILTÀ TAL-FORNITURI TAS-SERVIZZI INTERMEDJARJI
KAPITOLU III
OBBLIGI TAD-DILIĠENZA DOVUTA GĦAL AMBJENT ONLINE TRASPARENTI U SIKUR
TAQSIMA 1
Dispożizzjonijiet applikabbli għall-fornituri kollha ta' servizzi intermedjarji
TAQSIMA 2
Dispożizzjonijiet addizzjonali applikabbli għall-fornituri ta' servizzi ta' hosting, inklużi l- pjattaformi online
TAQSIMA 3
Dispożizzjonijiet addizzjonali applikabbli għal fornituri ta' pjattaformi online
TAQSIMA 4
Dispożizzjonijiet addizzjonali applikabbli għall-fornituri ta' pjattaformi online li jippermettu lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma' kummerċjanti
TAQSIMA 5
Obbligi addizzjonali fuq il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għall-ġestjoni tar-riskji sistemiċi
TAQSIMA 6
Dispożizzjonijiet oħra dwar l-obbligi ta' diliġenza dovuta
KAPITOLU IV
IMPLIMENTAZZJONI, KOOPERAZZJONI, PENALI U INFURZAR
TAQSIMA 1
Awtoritajiet kompetenti u Koordinaturi nazzjonali tas-Servizzi Diġitali
TAQSIMA 2
Kompetenzi, investigazzjoni koordinata u mekkaniżmi ta' konsistenza
TAQSIMA 3
Bord Ewropew għas-Servizzi Diġitali
TAQSIMA 4
Superviżjoni, investigazzjoni, infurzar u monitoraġġ fir-rigward tal-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta' magni tat-tiftix online kbar ħafna
TAQSIMA 5
Dispożizzjonijiet komuni dwar l-infurzar
TAQSIMA 6
Atti delegati u atti ta’ implimentazzjoni
KAPITOLU V
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
- online 39
- ħafna 38
- kbira 25
- għal 24
- dawk 24
- biex 23
- membru 23
- tas-servizzi 23
- skont 22
- għandhom 22
- oħra 22
- tagħhom 20
- diġitali 19
- tat-tiftix 19
- ta’ 16
- minn 14
- meta 14
- għandha 13
- kwalunkwe 13
- ġudizzjarja 13
- konformità 13
- għandu 13
- kbar 13
- tkun 12
- tal-istat 12
- tal-awditu 12
- nazzjonali 11
- msemmija 11
- l-oħra 11
- dwar 11
- l-ispezzjoni 11
- tal-magna 11
- tal-pjattaforma 11
- is-setgħa 10
- l-artikolu 10
- meħtieġa 10
- jitolbu 10
- mill-kummissjoni 9
- intermedjarji 9
- ir-regolament 9
- persuni 8
- jkun 8
- fir-rigward 8
- kkonċernata 8
- informazzjoni 8
- tal-kummissjoni 8
- ksur 8
- tal-fornitur 8
- kull 8
- kkonċernat 8
Artikolu 37
Awditu indipendenti
1. Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom ikunu soġġetti, bi spejjeż tagħhom stess u mill-inqas darba fis-sena, għal awditi indipendenti biex jivvalutaw il-konformità ma' dawn li ġejjin:
(a) | l-obbligi stabbiliti fil-Kapitolu III; |
(b) | kull impenn meħud skont il-kodiċijiet ta' kondotta msemmija fl-Artikoli 45 u 46 u l-protokolli ta' kriżi msemmija fl-Artikolu 48. |
2. Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jipprovdu l-kooperazzjoni u l-assistenza meħtieġa lill-organizzazzjonijiet li jwettqu l-awditi skont dan l-Artikolu biex ikunu jistgħu jwettqu dawk l-awditi b'mod effettiv, effiċjenti u fil-ħin, inkluż billi jagħtuhom aċċess għad-data u l-bini rilevanti kollha u billi jwieġbu mistoqsijiet orali jew bil-miktub. Ma għandhomx ifixklu, jinfluwenzaw bla bżonn jew jimminaw it-twettiq tal-awditu.
Tali awditi għandhom jiżguraw livell adegwat ta’ kunfidenzjalità u segretezza professjonali fir-rigward tal-informazzjoni miksuba mill-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna u partijiet terzi fil-kuntest tal-awditi, inkluż wara l-għeluq tal-awditi. Madankollu, il-konformità ma' dak ir-rekwiżit ma għandhiex taffettwa b’mod negattiv it-twettiq tal-awditi u dispożizzjonijiet oħra ta' dan ir-Regolament, b'mod partikolari dawk dwar it-trasparenza, is-superviżjoni u l-infurzar. Fejn ikun meħtieġ għall-fini tar-rapportar dwar it-trasparenza skont l-Artikolu 42(4), ir-rapport tal-awditu u r-rapport ta' implimentazzjoni tal-awditu msemmija fil-paragrafi 4 u 6 ta' dan l-Artikolu għandhom jiġu akkumpanjati minn verżjonijiet li ma jkun fihom l-ebda informazzjoni li tista' raġonevolment titqies kunfidenzjali.
3. L-awditi mwettqa skont il-paragrafu 1 għandhom jitwettqu minn organizzazzjonijiet li:
(a) | ikunu indipendenti mill-fornitur ta’ pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna kkonċernat u ma jkollhom l-ebda kunflitt ta' interess miegħu jew ma' kwalunkwe persuna ġuridika konnessa ma' dak il-fornitur; b'mod partikolari:
|
(b) | ikollhom għarfien espert ippruvat fil-qasam tal-ġestjoni tar-riskju, il-kompetenza teknika u l-kapaċitajiet; |
(c) | ikollhom oġġettività ppruvata u etika professjonali, ibbażata b'mod partikolari fuq l-aderenza ma' kodiċijiet ta' prattika jew standards xierqa. |
4. Il-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jiżguraw li l-organizzazzjonijiet li jwettqu l-awditi għandhom jistabbilixxu rapport tal-awditu għal kull awditu. Dak ir-rapport għandu jkun sostanzjat, bil-miktub, u jinkludi mill-inqas dan li ġej:
(a) | l-isem, l-indirizz u l-punt ta' kuntatt tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbar ħafna soġġetta għall-awditu u l-perjodu kopert; |
(b) | l-isem u l-indirizz tal-organizzazzjoni jew l-organizzazzjonijiet inkarigati mit-twettiq tal-awditu; |
(c) | dikjarazzjoni tal-interessi; |
(d) | deskrizzjoni tal-elementi speċifiċi awditjati, u l-metodoloġija applikata; |
(e) | deskrizzjoni u sommarju tal-konklużjonijiet ewlenin misluta mill-awditu; |
(f) | lista tal-partijiet terzi kkonsultati bħala parti mill-awditu; |
(g) | opinjoni tal-awditu dwar jekk il-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna soġġett għall-awditu kkonformax mal-obbligi u mal-impenji msemmija fil-paragrafu 1, jiġifieri opinjoni “pożittiva”, “pożittiva b'xi kummenti” jew “negattiva”; |
(h) | meta l-opinjoni tal-awditu ma tkunx pożittiva, isiru rakkomandazzjonijiet operazzjonali dwar miżuri speċifiċi biex tinkiseb il-konformità u dwar il-kalendarju rrikkmandat għall-kisba tagħha. |
5. Jekk l-organizzazzjoni li twettaq l-awditu ma tkunx setgħet tivverifika ċerti elementi speċifiċi jew tesprimi opinjoni dwar l-awditu abbażi tal-investigazzjonijiet tagħha, ir-rapport tal-awditu għandu jinkludi spjegazzjoni taċ-ċirkostanzi u r-raġunijiet għaliex dawk l-elementi ma jkunux setgħu jiġu awditjati.
6. Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna li jirċievu rapport tal-awditu li ma jkunx “pożittiv” għandhom iqisu r-rakkomandazzjoni operazzjonali indirizzati lilhom bil-ħsieb li jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jimplimentawhom. Fi żmien xahar minn meta jirċievu dawk ir-rakkomandazzjonijiet, għandhom jadottaw rapport ta' implimentazzjoni tal-awditu li jistabbilixxi dawk il-miżuri. Meta ma jimplimentawx ir-rakkomandazzjonijiet operazzjonali, fir-rapport ta' implimentazzjoni tal-awditu, dawn għandhom jiġġustifikaw ir-raġunijiet għalfejn ma għamlux dan u jistabbilixxu kwalunkwe miżura alternattiva li jkunu ħadu biex jindirizzaw kwalunkwe istanza ta' nuqqas ta' konformità identifikata.
7. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 87 biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tistabbilixxi r-regoli meħtieġa għat-twettiq tal-awditi skont dan l-Artikolu, b'mod partikolari fir-rigward tar-regoli meħtieġa dwar il-passi proċedurali, il-metodoloġiji tal-awditjar u l-mudelli tar-rapportar għall-awditi mwettqa skont dan l-Artikolu. Dawk l-atti delegati għandhom iqisu kwalunkwe standard tal-awditjar volontarju msemmi fl-Artikolu 44(1), punt (e).
Artikolu 51
Setgħat tal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali
1. Meta meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tagħhom fl-ambitu ta' dan ir-Regolament, il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għandu jkollhom is-setgħat ta' investigazzjoni li ġejjin, fir-rigward tal-kondotta minn fornituri tas-servizzi intermedjarji li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istat Membru tagħhom:
(a) | is-setgħa li jitolbu li dawk il-fornituri, u kull persuna oħra li taġixxi għal finijiet relatati mal-kummerċ, man-negozju, mas-sengħa jew mal-professjoni tagħhom li jaf b'mod raġonevoli jkollha konoxxenza ta' informazzjoni relatata ma' suspettat ksur ta' dan ir-Regolament, inkluż organizzazzjonijiet li jwettqu l-awditi msemmija fl-Artikoli 37 u l-Artikolu 75(2), biex jipprovdu din l-informazzjoni mingħajr dewmien żejjed; |
(b) | is-setgħa li jwettqu, jew li jitolbu awtorità ġudizzjarja fl-Istat Membru tagħhom biex tordna, spezzjonijiet fuq il-post ta' xi stabbiliment li jintuża minn dawk il-fornituri jew minn dawk il-persuni għal finijiet relatati mal-kummerċ, man-negozju, mas-sengħa jew mal-professjoni tagħhom, jew li jitolbu lil awtoritajiet pubbliċi oħra biex jagħmlu dan, biex jeżaminaw, jikkonfiskaw, jieħdu jew jiksbu kopji ta' informazzjoni relatata ma' suspettat ksur ta' xi forma, irrispettivament mill-mezz tal-ħżin; |
(c) | is-setgħa li jitolbu lil xi membru tal-persunal jew rappreżentant ta' dawk il-fornituri jew dawk il-persuni biex jagħtu spjegazzjonijiet dwar xi informazzjoni relatata ma' suspettat ksur u biex jirreġistraw it-tweġibiet bil-kunsens tagħhom bi kwalunkwe mezz tekniku. |
2. Meta meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tagħhom fl-ambitu ta' dan ir-Regolament, il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għandu jkollhom is-setgħat ta' infurzar li ġejjin, fir-rigward tal-fornituri ta' servizzi intermedjarji li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istat Membru tagħhom:
(a) | is-setgħa li jaċċettaw l-impenji offruti minn dawk il-fornituri b'rabta mal-konformità tagħhom ma' dan ir-Regolament u li jagħmlu dawk l-impenji vinkolanti; |
(b) | is-setgħa li jordnaw il-waqfien ta' ksur u, meta xieraq, li jimponu rimedji proporzjonati għall-ksur u meħtieġa biex itemmu l-ksur b'mod effettiv, jew li jitolbu awtorità ġudizzjarja fl-Istat Membru tagħhom biex tagħmel dan; |
(c) | is-setgħa li jimponu multi, jew li jitolbu awtorità ġudizzjarja fl-Istat Membru tagħhom tagħmel dan, f'konformità mal-Artikolu 52 għal nuqqas ta' konformità ma' dan ir-Regolament, inkluż ma' xi ordni investigattiva maħruġa skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu; |
(d) | is-setgħa li jimponu pagament perjodiku ta' penali, jew li jitolbu awtorità ġudizzjarja fl-Istat Membru tagħhom tagħmel dan, f'konformità mal-Artikolu 52 biex jiżguraw li ksur jintemm f'konformità ma' ordni maħruġa skont il-punt (b) ta' dan is-subparagrafu jew għal nuqqas ta' konformità ma' xi ordni investigattiva maħruġa skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu; |
(e) | is-setgħa li jadottaw miżuri interim, jew li jitolbu awtorità ġudizzjarja fl-Istat Membru tagħhom tagħmel dan, biex ikun evitat ir-riskju ta' ħsara serja. |
Fir-rigward tal-punti (c) u (d) tal-ewwel subparagrafu, il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għandu jkollhom ukoll is-setgħat ta' infurzar stabbiliti f'dawk il-punti fir-rigward tal-persuni l-oħra msemmija fil-paragrafu 1 għal nuqqas ta' konformità ma' xi ordni maħruġa lilhom skont dak il-paragrafu. Dawn għandhom jeżerċitaw dawk is-setgħat ta' infurzar biss wara li jkunu pprovdew lil dawk il-persuni l-oħra fi żmien xieraq l-informazzjoni rilevanti kollha relatata ma' dawn l-ordnijiet, inkluż il-perjodu applikabbli, il-multi jew il-pagamenti perjodiċi li jistgħu jiġu imposti għal nuqqas ta' konformità, u l-possibbiltajiet ta' rimedju.
3. Meta jkun meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tagħhom fl-ambitu ta' dan ir-Regolament, il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, fir-rigward tal-fornituri tas-servizzi intermedjarji li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istat Membru tagħhom, meta jkunu ġew eżawriti s-setgħat l-oħra kollha skont dan l-Artikolu li jwasslu għall-waqfien ta' ksur u l-ksur ma jkunx ġie rimedjat jew qed ikompli u jkun qed jikkawża ħsara serja li ma tistax tkun evitata bl-eżerċizzju ta' setgħat oħra disponibbli skont il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali, għandu jkollhom ukoll is-setgħa li jieħdu l-miżuri li ġejjin:
(a) | li jeżiġu li l-korp maniġerjali ta' dawk il-fornituri, mingħajr dewmien żejjed, jeżamina s-sitwazzjoni, jadotta u jippreżenta pjan ta' azzjoni li jistabbilixxi l-miżuri meħtieġa biex jintemm il-ksur, jiżgura li l-fornitur jieħu dawk il-miżuri, u jirrapporta dwar il-miżuri meħuda; |
(b) | meta l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jidhirlu li fornitur ta' servizzi intermedjarji ma kkonformax biżżejjed mar-rekwiżiti msemmija fil-punt (a), li l-ksur għadu ma jkunx ġie rimedjat jew qed jitkompla u qed jikkawża ħsara serja, u li dak l-ksur jinvolvi reat kriminali li jinvolvi theddida għall-ħajja jew għas-sigurtà tal-persuni, li jitlob li l-awtorità ġudizzjarja kompetenti tal-Istat Membru tiegħu tordna r-restrizzjoni temporanja tal-aċċess tar-riċevituri għas-servizz ikkonċernat mill-ksur jew, biss meta dan ma jkunx fattibbli teknikament, għall-interfaċċa online tal-fornitur tas-servizzi intermedjarji li fuqhom iseħħ il-ksur. |
Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali għandu, għajr meta jaġixxi skont it-talba tal-Kummissjoni msemmija fl-Artikolu 82, qabel ma jippreżenta t-talba msemmija fl-ewwel subparagrafu, punt (b), ta’ dan il-paragrafu jistieden lill-partijiet interessati biex jissottomettu osservazzjonijiet bil-miktub f'perjodu li ma għandux ikun inqas minn ġimagħtejn, ħalli jiddeskrivu l-miżuri li jkun beħsiebhom jitolbu u jidentifikaw id-destinatarju jew id-destinatarji intenzjonati tagħhom. Il-fornitur ta' servizzi intermedjarji, id-destinatarju jew id-destinatarji maħsuba u kull parti terza oħra li turi interess leġittimu għandhom ikunu intitolati biex jieħdu sehem fil-proċedimenti quddiem l-awtorità ġudizzjarja kompetenti. Kull miżura ordnata għandha tkun proporzjonata man-natura, mal-gravità, mar-rikorrenza u mat-tul tal-ksur, mingħajr ma tillimita bla bżonn l-aċċess għal informazzjoni legali mir-riċevituri tas-servizz ikkonċernat.
Ir-restrizzjoni ta' aċċess għandha tkun għal perjodu ta' erba' ġimgħat, soġġetta għall-possibbiltà li l-awtorità ġudizzjarja kompetenti, fl-ordni tagħha, tippermetti lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jestendi dak il-perjodu għal perijodi oħra tal-istess tul, soġġetti għal għadd massimu ta' estensjonijiet stabbiliti minn dik l-awtorità ġudizzjarja. Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali għandu jestendi biss il-perjodu meta, fid-dawl tad-drittijiet u tal-interessi tal-partijiet kollha affettwati minn dik ir-restrizzjoni u ċ-ċirkostanzi rilevanti kollha, inkluż kull informazzjoni li l-fornitur ta' servizzi intermedjarji, id-destinatarju jew id-destinatarji u kull parti terza oħra li tkun uriet interess leġittimu tista' tipprovdilu, jqis li ġew issodisfati ż-żewġ kondizzjonijiet li ġejjin:
(a) | il-fornitur ta' servizzi intermedjarji jkun naqas milli jieħu l-miżuri meħtieġa biex itemm il-ksur; |
(b) | ir-restrizzjoni temporanja ma tillimitax indebitament l-aċċess għal informazzjoni legali mir-riċevituri tas-servizz, filwaqt li jitqies l-għadd ta' riċevituri affettwati u jekk jeżistux alternattivi adegwati u aċċessibbli faċilment. |
Meta l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jidhirlu li l-kondizzjonijiet stabbiliti fit-tielet subparagrafu, punti (a) u (b), dawk iż-żewġ kondizzjonijiet ġew issodisfati iżda ma jkunx jista' jibqa' jestendi l-perjodu skont it-tielet subparagrafu, dan għandu jissottometti talba ġdida lill-awtorità ġudizzjarja kompetenti, kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu, punt (b).
4. Is-setgħat elenkati fil-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għat-Taqsima 3.
5. Il-miżuri meħuda mill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom elenkati fil-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom ikunu effettivi, dissważivi u proporzjonati, filwaqt li jqisu, b'mod partikolari, in-natura, il-gravità, ir-rikorrenza u t-tul tal-ksur jew tas-suspettat ksur li miegħu jirrelataw dawk il-miżuri, kif ukoll il-kapaċità ekonomika, teknika u operazzjonali tal-fornitur tas-servizzi intermedjarji kkonċernat, meta rilevanti.
6. L-Istati Membri għandhom jistipulaw kondizzjonijiet u proċeduri speċifiċi għall-eżerċizzju tas-setgħat skont il-paragrafi 1, 2 u 3 u għandhom jiżguraw li kwalunkwe eżerċizzju ta' dawk is-setgħat ikun soġġett għal salvagwardji adegwati stipulati fil-liġi nazzjonali applikabbli f'konformità mal-Karta u mal-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Unjoni. B'mod partikolari, dawk il-miżuri għandhom jittieħdu biss f'konformità mad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u d-drittijiet tad-difiża, inkluż id-drittijiet ta' smigħ u ta' aċċess għall-fajl, u soġġetti għad-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv tal-partijiet affettwati kollha.
Artikolu 69
Setgħat biex jitwettqu spezzjonijiet
1. Sabiex twettaq il-kompiti assenjati lilha taħt din it-Taqsima, il-Kummissjoni tista' twettaq l-ispezzjonijiet kollha meħtieġa fil-post fl-istabbiliment tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat jew persuna oħra msemmija fl-Artikolu 67(1).
2. L-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom li huma awtorizzati mill-Kummissjoni biex iwettqu spezzjoni, għandhom jingħataw is-setgħa li:
(a) | jidħlu fi kwalunkwe bini, art u mezz tat-trasport tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat jew tal-persuna l-oħra kkonċernata; |
(b) | jeżaminaw il-kotba u rekords oħra relatati mal-forniment tas-servizz ikkonċernat, irrispettivament mill-mezz li fuqu jkunu maħżuna; |
(c) | jieħdu jew jiksbu fi kwalunkwe forma kopji ta' jew siltiet minn tali kotba jew rekords oħra; |
(d) | jesiġu li l-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna jew tal-persuna l-oħra kkonċernata jipprovdu aċċess għall-organizzazzjoni, il-funzjonament, is-sistema tal-IT, l-algoritmi, it-trattament tad-data u l-prattiki kummerċjali tagħhom u spjegazzjonijiet dwarhom u jirreġistraw jew jiddokumentaw l-ispjegazzjonijiet mogħtija; |
(e) | jissiġillaw kwalunkwe bini użat għal skopijiet relatati mal-kummerċ, man-negozju, mas-sengħa jew mal-professjoni tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna jew tal-persuna l-oħra kkonċernata, kif ukoll kotba jew rekords oħra, għall-perjodu u sa fejn ikun meħtieġ għall-ispezzjoni; |
(f) | jitolbu lil kwalunkwe rappreżentant jew membru tal-persunal tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna jew tal-persuna l-oħra kkonċernata għal spjegazzjonijiet dwar fatti jew dokumenti relatati mas-suġġett u l-iskop tal-ispezzjoni u jirreġistraw it-tweġibiet; |
(g) | jindirizzaw mistoqsijiet lil kwalunkwe rappreżentant jew membru tal-persunal fir-rigward tas-suġġett u tal-iskop tal-ispezzjoni u jirreġistraw it-tweġibiet. |
3. L-ispezzjonijiet jistgħu jsiru bl-assistenza ta' awdituri jew esperti maħtura mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 72(2), kif ukoll mal-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jew awtoritajiet nazzjonali kompetenti oħra tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha titwettaq l-ispezzjoni.
4. Fejn il-preżentazzjoni tal-kotba u r-rekords l-oħra meħtieġa relatati mal-għoti tas-servizz ma tkunx kompluta jew meta t-tweġibiet għall-mistoqsijiet mitluba skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu jkunu skorretti, mhux kompluti jew qarrieqa, l-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni biex iwettqu spezzjoni għandhom jeżerċitaw is-setgħat tagħhom mal-preżentazzjoni ta' awtorizzazzjoni bil-miktub li tispeċifika s-suġġett u l-għan tal-ispezzjoni u l-penali previsti fl-Artikoli 74 u 76. F'ħin debitu qabel l-ispezzjoni, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha titwettaq l-ispezzjoni dwarha.
5. Waqt l-ispezzjonijiet, l-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni, l-awdituri u l-esperti maħtura mill-Kummissjoni, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jew l-awtoritajiet kompetenti l-oħra tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu titwettaq l-ispezzjoni jistgħu jirrikjedu li l-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna jew ta' persuna oħra kkonċernata jipprovdu spjegazzjonijiet dwar l-organizzazzjoni, il-funzjonament, is-sistema tal-IT, l-algoritmi, it-trattament tad-data u l-imġiba kummerċjali tagħha, u jistgħu jindirizzaw mistoqsijiet lill-persunal ewlieni tagħhom.
6. Il-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna jew persuna fiżika jew ġuridika oħra kkonċernata għandhom jissottomettu ruħhom għal spezzjoni ordnata b'deċiżjoni tal-Kummissjoni. Id-deċiżjoni għandha tispeċifika s-suġġett u l-fini tal-ispezzjoni, tistabbilixxi d-data tal-bidu u tindika l-penali previsti fl-Artikoli 74 u 76 u d-dritt għal rieżami tad-deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun se ssir l-ispezzjoni qabel ma tittieħed dik id-deċiżjoni.
7. L-uffiċjali, u persuni oħra awtorizzati jew maħtura, mill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun se ssir l-ispezzjoni għandhom,fuq talba ta’ dak il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jew tal-Kummissjoni, jgħinu b'mod attiv lill-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni għal dak li jikkonċerna l-ispezzjoni. Għal dan il-għan, għandhom jingħataw is-setgħat elenkati fil-paragrafu 2.
8. Meta l-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni jikkonstataw li l-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna jew il-persuna l-oħra kkonċernata jopponu spezzjoni ordnata skont dan l-Artikolu, l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun se ssir l-ispezzjoni għandu, fuq talba ta' dawk l-uffiċjali jew persuni oħra li jakkumpanjawhom u f'konformità mal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru, jagħtihom l-assistenza meħtieġa, inkluż, fejn xieraq skont il-liġi nazzjonali, fil-forma ta’ miżuri koerċittivi meħuda minn awtorità kompetenti tal-infurzar tal-liġi, sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-ispezzjoni.
9. Jekk l-assistenza prevista fil-paragrafu 8 tkun teħtieġ awtorizzazzjoni minn awtorità ġudizzjarja nazzjonali f'konformità mal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, din l-awtorizzazzjoni għandha tintalab mill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali ta' dak l-Istat Membru fuq talba tal-uffiċjali u ta' persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni. Tali awtorizzazzjoni tista' wkoll tintalab bħala miżura ta' prekawzjoni.
10. Meta tkun intalbet l-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 9, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali adita mill-kawża għandha tivverifika li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tordna l-ispezzjoni tkun awtentika u li l-miżuri koerċittivi previsti la jkunu arbitrarji u lanqas eċċessivi wara li jkun tqies is-suġġett tal-investigazzjonijiet. Meta twettaq din il-verifika, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali tista' titlob lill-Kummissjoni, direttament jew permezz tal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali tal-Istat Membru kkonċernat, għal spjegazzjonijiet dettaljati, b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw ir-raġunijiet li abbażi tagħhom il-Kummissjoni tissuspetta ksur ta' dan ir-Regolament, li jikkonċernaw is-serjetà tal-ksur suspettat u li jikkonċernaw in-natura tal-involviment tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna jew tal-persuna l-oħra kkonċernata. Madankollu, l-awtorità ġuridika nazzjonali ma għandhiex tidħol fil-mertu tal-ħtieġa li ssir l-ispezzjoni u lanqas ma tista' titlob informazzjoni mill-fajl tal-każ tal-Kummissjoni. Il-legalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha tkun soġġetta għal rieżami mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea biss.
Artikolu 78
Perjodi ta' preskrizzjoni għall-infurzar ta' penali
1. Is-setgħa tal-Kummissjoni li tinforza deċiżjonijiet meħuda skont l-Artikoli 74 u 76 għandha tkun soġġetta għal perjodu ta' preskrizzjoni ta' ħames snin.
2. Iż-żmien għandu jibda jiddekorri fil-jum meta d-deċiżjoni ssir finali.
3. Il-perjodu ta' preskrizzjoni għall-infurzar ta' penali għandu jiġi interrott:
(a) | b'notifika ta' deċiżjoni li tvarja l-ammont oriġinali tal-multa jew tal-pagament perjodiku ta' penali jew li tirrifjuta applikazzjoni għall-varjazzjoni; |
(b) | b'xi azzjoni tal-Kummissjoni, jew ta' Stat Membru li jaġixxi kif mitlub mill-Kummissjoni, imfassla biex tinforza pagament tal-multa jew pagament perjodiku ta' penali. |
4. Ma' kull interruzzjoni, id-dekorrenza ta' żmien għandha terġa' tibda mill-bidu.
5. Il-perjodu ta' preskrizzjoni għall-infurzar ta' penali għandu jiġi sospiż sakemm:
(a) | jingħata l-ħin għall-pagament; |
(b) | jiġi sospiż l-infurzar ta' pagament skont deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jew deċiżjoni ta' qorti nazzjonali. |
whereas