search


keyboard_tab Digital Service Act 2022/2065 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2022/2065 MT cercato: 'rappreżentanti' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index rappreżentanti:

    KAPITOLU I
    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
  • 1 Artikolu 2 Kamp ta' applikazzjoni

  • KAPITOLU II
    RESPONSABBILTÀ TAL-FORNITURI TAS-SERVIZZI INTERMEDJARJI

    KAPITOLU III
    OBBLIGI TAD-DILIĠENZA DOVUTA GĦAL AMBJENT ONLINE TRASPARENTI U SIKUR

    TAQSIMA 1
    Dispożizzjonijiet applikabbli għall-fornituri kollha ta' servizzi intermedjarji
  • 1 Artikolu 13 rappreżentanti legali

  • TAQSIMA 2
    Dispożizzjonijiet addizzjonali applikabbli għall-fornituri ta' servizzi ta' hosting, inklużi l- pjattaformi online

    TAQSIMA 3
    Dispożizzjonijiet addizzjonali applikabbli għal fornituri ta' pjattaformi online

    TAQSIMA 4
    Dispożizzjonijiet addizzjonali applikabbli għall-fornituri ta' pjattaformi online li jippermettu lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma' kummerċjanti

    TAQSIMA 5
    Obbligi addizzjonali fuq il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għall-ġestjoni tar-riskji sistemiċi

    TAQSIMA 6
    Dispożizzjonijiet oħra dwar l-obbligi ta' diliġenza dovuta

    KAPITOLU IV
    IMPLIMENTAZZJONI, KOOPERAZZJONI, PENALI U INFURZAR

    TAQSIMA 1
    Awtoritajiet kompetenti u Koordinaturi nazzjonali tas-Servizzi Diġitali

    TAQSIMA 2
    Kompetenzi, investigazzjoni koordinata u mekkaniżmi ta' konsistenza

    TAQSIMA 3
    Bord Ewropew għas-Servizzi Diġitali

    TAQSIMA 4
    Superviżjoni, investigazzjoni, infurzar u monitoraġġ fir-rigward tal-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta' magni tat-tiftix online kbar ħafna
  • 1 Artikolu 67 Talbiet għal informazzjoni

  • TAQSIMA 5
    Dispożizzjonijiet komuni dwar l-infurzar

    TAQSIMA 6
    Atti delegati u atti ta’ implimentazzjoni

    KAPITOLU V
    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI


whereas rappreżentanti:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 337

 

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għas-servizzi intermedjarji offruti lir-riċevituri tas-servizz li jkollhom il-post ta' stabbiliment tagħhom jew ikunu jinsabu fl-Unjoni, irrispettivament minn fejn il-fornituri ta' dawk is-servizzi intermedjarji jkollhom il-post ta' stabbiliment tagħhom.

2.   Dan ir-Regolament ma għandu japplika għall-ebda servizz li ma jkunx servizz intermedjarju u għall-ebda rekwiżit impost fir-rigward ta' tali servizz, irrispettivament minn jekk is-servizz jiġix ipprovdut permezz tal-użu ta' servizz intermedjarju.

3.   Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa l-applikazzjoni tad-Direttiva 2000/31/KE.

4.   Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għar-regoli stipulati minn atti legali oħra tal-Unjoni li jirregolaw aspetti oħra tal-forniment ta' servizzi intermedjarji fis-suq intern jew li jispeċifikaw u jikkomplementaw dan ir-Regolament, b'mod partikolari, dawn li ġejjin:

(a)

id-Direttiva 2010/13/UE;

(b)

il-liġi tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati;

(c)

ir-Regolament (UE) 2021/784;

(d)

ir-Regolament (UE) 2019/1148;

(e)

ir-Regolament (UE) 2019/1150;

(f)

il-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur u s-sikurezza tal-prodotti, inklużi r-Regolamenti (UE) 2017/2394 u (UE) 2019/1020 u d-Direttivi 2001/95/KE u 2013/11/UE;

(g)

il-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali, b'mod partikolari r-Regolament (UE) 2016/679 u d-Direttiva 2002/58/KE;

(h)

il-liġi tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili, b'mod partikolari r-Regolament (UE) Nru 1215/2012 jew kwalunkwe att legali tal-Unjoni li jistabbilixxi regoli dwar il-liġi applikabbli għal obbligi kuntrattwali u mhux kuntrattwali;

(i)

il-liġi tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali, b'mod partikolari r-Regolament dwar l-Ordnijiet ta' Produzzjoni u ta' Preservazzjoni Ewropej għall-evidenza elettronika f'materji kriminali;

(j)

Direttiva li tistabbilixxi regoli armonizzati dwar il-ħatra ta' rappreżentanti legali għall-finijiet tal-ġbir tal-evidenza fi proċeduri kriminali.

Artikolu 13

rappreżentanti legali

1.   Il-fornituri tas-servizzi intermedjarji li ma għandhomx stabbiliment fl-Unjoni iżda li joffru servizzi fl-Unjoni jistgħu jiddeżinjaw, bil-miktub, persuna ġuridika jew fiżika biex taġixxi bħala r-rappreżentant legali tagħhom f'wieħed mill-Istati Membri fejn il-fornitur joffri s-servizzi tiegħu.

2.   Il-fornituri tas-servizzi intermedjarji għandhom jagħtu mandat lir-rappreżentanti legali tagħhom biex jiġu indirizzati flimkien ma’ dawk il-fornituri jew minflokhom, min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, tal-Kummissjoni u tal-Bord, fejn jidħlu l-kwistjonijiet kollha meħtieġa għall-wasla, għall-konformità jew għall-infurzar tad-deċiżjonijiet maħruġa fir-rigward ta' dan ir-Regolament. Il-fornituri tas-servizzi intermedjarji għandhom jipprovdu s-setgħat meħtieġa u biżżejjed riżorsi lir-rappreżentant legali tagħhom biex jiggarantixxu kooperazzjoni effiċjenti u fil-ħin mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, mal-Kummissjoni u mal-Bord u biex jikkonformaw ma' dawk id-deċiżjonijiet.

3.   Għandu jkun possibbli li r-rappreżentant legali deżinjat jinżamm responsabbli għal nuqqas ta' konformità mal-obbligi skont dan ir-Regolament, mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà u għal azzjonijiet legali li jistgħu jinbdew kontra l-fornitur tas-servizzi intermedjarji.

4.   Il-fornituri tas-servizzi intermedjarji għandhom jinnotifikaw l-isem, l-indirizz tal-posta, l-indirizz tal-email u n-numru tat-telefown tar-rappreżentant legali tagħhom lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali fl-Istat Membru fejn jirrisjedi jew ikun stabbilit dak ir-rappreżentant legali. Dawn għandhom jiżguraw li dik l-informazzjoni tkun disponibbli għall-pubbliku, faċilment aċċessibbli, preċiża u aġġornata.

5.   Id-deżinjazzjoni ta' rappreżentant legali fl-Unjoni skont il-paragrafu 1 ma għandhiex tikkostitwixxi stabbiliment fl-Unjoni.

Artikolu 67

Talbiet għal informazzjoni

1.   Biex twettaq il-kompiti assenjati lilha skont din it-Taqsima, il-Kummissjoni tista', b'talba sempliċi jew b'deċiżjoni, titlob lill-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat, kif ukoll kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika oħra, li jaġixxu għal finijiet relatati mal-kummerċ, man-negozju, mas-sengħa jew mal-professjoni tagħhom u li jaf b'mod raġonevoli li jkollhom konoxxenza ta' informazzjoni relatata mal-ksur suspettat inkluż l-organizzazzjonijiet li jwettqu l-awditi msemmija fl-Artikolu 37 u l-Artikolu 75(2), biex jipprovdu tali informazzjoni f’perjodu raġonevoli.

2.   Meta tibgħat talba sempliċi għall-informazzjoni lill-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat jew persuna oħra msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tindika l-bażi ġuridika u l-fini tat-talba, tispeċifika liema informazzjoni hija meħtieġa u tistabbilixxi l-perjodu li fih għandha tingħata l-informazzjoni, u l-multi previsti fl-Artikolu 74 għall-għoti ta' informazzjoni skorretta, mhux kompluta jew qarrieqa.

3.   Meta l-Kummissjoni titlob lill-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat jew persuna oħra msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jagħtu l-informazzjoni permezz ta' deċiżjoni, din għandha tindika l-bażi ġuridika u l-fini tat-talba, tispeċifika liema informazzjoni hija meħtieġa u tistabbilixxi l-perjodu li matulu trid tingħata. Għandha tindika wkoll il-multi previsti fl-Artikolu 74 u tindika jew timponi l-pagamenti perjodiċi tal-penali previsti fl-Artikolu 76. Għandha tindika wkoll id-dritt għal rieżami tad-deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

4.   Il-fornituri tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernati jew persuna oħra msemmija fil-paragrafu 1 jew ir-rappreżentanti tagħhom u, fil-każ ta' persuni ġuridiċi, kumpanniji jew ditti, jew meta ma jkollhom ebda personalità ġuridika, il-persuni awtorizzati biex jirrappreżentawhom bil-liġi jew bil-kostituzzjoni tagħhom għandhom jipprovdu l-informazzjoni mitluba f'isem il-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat jew persuna oħra msemmija fil-paragrafu 1. L-avukati awtorizzati debitament biex jaġixxu jistgħu jipprovdu l-informazzjoni f'isem il-klijenti tagħhom. Dawn tal-aħħar għandhom jibqgħu responsabbli għalkollox jekk l-informazzjoni mogħtija tkun mhux kompluta, skorretta jew qarrieqa.

5.   Meta jintalbu mill-Kummissjoni, il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali u awtoritajiet kompetenti oħra għandhom jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa lill-Kummissjoni biex twettaq il-kompiti assenjati lilha skont din it-Taqsima.

6.   Il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien żejjed wara li tkun bagħtet it-talba sempliċi jew id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, tibgħat kopja tagħha lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, permezz tas-sistema ta' kondiviżjoni tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 85.


whereas









keyboard_arrow_down