keyboard_tab Digital Service Act 2022/2065 MT
BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf
- 1 Artikolu 2 Kamp ta' applikazzjoni
- 6 Artikolu 3 Definizzjonijiet
- 1 Artikolu 4 "Sempliċi conduit"
- 1 Artikolu 6 Hosting
- 3 Artikolu 9 Ordnijiet għal azzjoni kontra kontenut illegali
- 6 Artikolu 10 Ordnijiet għall-għoti ta' informazzjoni
- 4 Artikolu 12 Punti ta' kuntatt għar-riċevituri tas-servizzi
- 4 Artikolu 14 Termini u kondizzjonijiet
- 2 Artikolu 15 Obbligi ta' rappurtar ta' trasparenza għall-fornituri tas-servizzi intermedjarji
- 5 Artikolu 17 Dikjarazzjoni tar-raġunijiet
- 6 Artikolu 20 Sistema interna tat-trattament tal-ilmenti
- 10 Artikolu 21 Soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti
- 3 Artikolu 23 Miżuri u protezzjoni kontra l-użu ħażin
- 1 Artikolu 24 Obbligi ta' rappurtar ta' trasparenza għall-fornituri ta’ pjattaformi online
- 4 Artikolu 25 Disinn u organizzazzjoni ta' interfaċċi online
- 6 Artikolu 26 Reklamar fuq pjattaformi online
- 5 Artikolu 27 Trasparenza tas-sistemi ta' rakkomandazzjoni
- 3 Artikolu 28 Protezzjoni tal-minorenni online
- 1 Artikolu 30 Traċċabbiltà tal-kummerċjanti
- 2 Artikolu 35 Mitigazzjoni tar-riskji
- 1 Artikolu 39 Trasparenza addizzjonali fir-reklamar online
- 3 Artikolu 40 Aċċess u skrutinju tad-data
- 2 Artikolu 42 Obbligi ta' rappurtar ta' trasparenza
- 2 Artikolu 44 Standards
- 2 Artikolu 46 Kodiċijiet ta' kondotta għar-reklamar online
- 1 Artikolu 47 Kodiċijiet ta' kondotta għall-aċċessibbiltà
- 3 Artikolu 51 Setgħat tal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali
- 2 Artikolu 53 Dritt li jitressaq ilment
- 1 Artikolu 54 Kumpens
- 2 Artikolu 58 Kooperazzjoni transfruntiera bejn il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali
- 1 Artikolu 60 Investigazzjonijiet konġunti
- 1 Artikolu 65 Infurzar tal-obbligi tal-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u magni tat-tiftix online kbar ħafna
- 1 Artikolu 70 Miżuri interim
- 2 Artikolu 86 Rappreżentanza
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
KAPITOLU II
RESPONSABBILTÀ TAL-FORNITURI TAS-SERVIZZI INTERMEDJARJI
KAPITOLU III
OBBLIGI TAD-DILIĠENZA DOVUTA GĦAL AMBJENT ONLINE TRASPARENTI U SIKUR
TAQSIMA 1
Dispożizzjonijiet applikabbli għall-fornituri kollha ta' servizzi intermedjarji
TAQSIMA 2
Dispożizzjonijiet addizzjonali applikabbli għall-fornituri ta' servizzi ta' hosting, inklużi l- pjattaformi online
TAQSIMA 3
Dispożizzjonijiet addizzjonali applikabbli għal fornituri ta' pjattaformi online
TAQSIMA 4
Dispożizzjonijiet addizzjonali applikabbli għall-fornituri ta' pjattaformi online li jippermettu lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma' kummerċjanti
TAQSIMA 5
Obbligi addizzjonali fuq il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għall-ġestjoni tar-riskji sistemiċi
TAQSIMA 6
Dispożizzjonijiet oħra dwar l-obbligi ta' diliġenza dovuta
KAPITOLU IV
IMPLIMENTAZZJONI, KOOPERAZZJONI, PENALI U INFURZAR
TAQSIMA 1
Awtoritajiet kompetenti u Koordinaturi nazzjonali tas-Servizzi Diġitali
TAQSIMA 2
Kompetenzi, investigazzjoni koordinata u mekkaniżmi ta' konsistenza
TAQSIMA 3
Bord Ewropew għas-Servizzi Diġitali
TAQSIMA 4
Superviżjoni, investigazzjoni, infurzar u monitoraġġ fir-rigward tal-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta' magni tat-tiftix online kbar ħafna
TAQSIMA 5
Dispożizzjonijiet komuni dwar l-infurzar
TAQSIMA 6
Atti delegati u atti ta’ implimentazzjoni
KAPITOLU V
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
- online 178
- tas-servizzi 120
- tas-servizz 117
- għandhom 90
- tagħhom 89
- diġitali 89
- biex 89
- informazzjoni 77
- skont 72
- l-informazzjoni 70
- dwar 69
- ħafna 68
- għal 68
- pjattaformi 67
- meta 62
- ta’ 62
- għandu 62
- minn 60
- tkun 52
- kbar 51
- intermedjarji 51
- konformità 48
- msemmija 46
- dawk 45
- fl-artikolu 42
- ir-regolament 42
- inkluż 42
- għandha 38
- tat-tiftix 38
- oħra 37
- servizzi 36
- applikabbli 35
- fejn 35
- kwalunkwe 34
- tat-tilwim 34
- artikolu 34
- jkun 33
- barra 33
- jkunu 33
- membru 33
- kull 33
- tiegħu 32
- mill-qorti 31
- tal-unjoni 31
- il-fornituri 31
- l-ordni 30
- partikolari 30
- l-artikolu 30
- fil-paragrafu 30
- jekk 30
Artikolu 2
Kamp ta' applikazzjoni
1. Dan ir-Regolament għandu japplika għas-servizzi intermedjarji offruti lir-riċevituri tas-servizz li jkollhom il-post ta' stabbiliment tagħhom jew ikunu jinsabu fl-Unjoni, irrispettivament minn fejn il-fornituri ta' dawk is-servizzi intermedjarji jkollhom il-post ta' stabbiliment tagħhom.
2. Dan ir-Regolament ma għandu japplika għall-ebda servizz li ma jkunx servizz intermedjarju u għall-ebda rekwiżit impost fir-rigward ta' tali servizz, irrispettivament minn jekk is-servizz jiġix ipprovdut permezz tal-użu ta' servizz intermedjarju.
3. Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa l-applikazzjoni tad-Direttiva 2000/31/KE.
4. Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għar-regoli stipulati minn atti legali oħra tal-Unjoni li jirregolaw aspetti oħra tal-forniment ta' servizzi intermedjarji fis-suq intern jew li jispeċifikaw u jikkomplementaw dan ir-Regolament, b'mod partikolari, dawn li ġejjin:
(a) | id-Direttiva 2010/13/UE; |
(b) | il-liġi tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati; |
(c) | ir-Regolament (UE) 2021/784; |
(d) | ir-Regolament (UE) 2019/1148; |
(e) | ir-Regolament (UE) 2019/1150; |
(f) | il-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur u s-sikurezza tal-prodotti, inklużi r-Regolamenti (UE) 2017/2394 u (UE) 2019/1020 u d-Direttivi 2001/95/KE u 2013/11/UE; |
(g) | il-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali, b'mod partikolari r-Regolament (UE) 2016/679 u d-Direttiva 2002/58/KE; |
(h) | il-liġi tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili, b'mod partikolari r-Regolament (UE) Nru 1215/2012 jew kwalunkwe att legali tal-Unjoni li jistabbilixxi regoli dwar il-liġi applikabbli għal obbligi kuntrattwali u mhux kuntrattwali; |
(i) | il-liġi tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali, b'mod partikolari r-Regolament dwar l-Ordnijiet ta' Produzzjoni u ta' Preservazzjoni Ewropej għall-evidenza elettronika f'materji kriminali; |
(j) | Direttiva li tistabbilixxi regoli armonizzati dwar il-ħatra ta' rappreżentanti legali għall-finijiet tal-ġbir tal-evidenza fi proċeduri kriminali. |
Artikolu 3
Definizzjonijiet
Għall-fini ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(a) | "servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni" tfisser servizz kif definit fl-Artikolu 1(1), punt (b) tad-Direttiva (UE) 2015/1535; |
(b) | "riċevitur tas-servizz" tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tuża servizz intermedjarju, b'mod partikolari għall-finijiet ta' tfittix ta' informazzjoni jew biex din issir aċċessibbli; |
(c) | "konsumatur" tfisser kwalunkwe persuna fiżika li taġixxi għal finijiet li huma 'l barra min-negozju, mill-kummerċ, mis-sengħa jew mill-professjoni tagħha; |
(d) | "biex jiġu offruti servizzi fl-Unjoni" tfisser li persuni fiżiċi jew ġuridiċi fi Stat Membru wieħed jew aktar ikunu jistgħu jużaw is-servizzi ta’ fornitur ta' servizzi intermedjarji li jkollu konnessjoni sostanzjali mal-Unjoni; |
(e) | "konnessjoni sostanzjali mal-Unjoni" tfisser konnessjoni ta' fornitur ta' servizzi intermedjarji mal-Unjoni li tirriżulta jew mill-istabbiliment tiegħu fl-Unjoni jew minn kriterji fattwali speċifiċi, bħal:
|
(f) | "kummerċjant" tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, irrispettivament jekk tkunx suġġett pubbliku jew privat, li taġixxi, anki permezz ta' persuna li tkun qed taġixxi f'isimha jew għall-interessi tagħha, għal finijiet relatati mal-kummerċ, man-negozju, mas-sengħa jew mal-professjoni tagħha; |
(g) | "servizz intermedjarju" tfisser wieħed mis-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni li ġejjin:
|
(h) | "kontenut illegali" tfisser kwalunkwe informazzjoni, li, fiha nnifisha jew f'relazzjoni għal attività, inklużi l-bejgħ ta' prodotti jew il-forniment ta' servizzi, mhix konformi mal-liġi tal-Unjoni jew mal-liġi ta' kwalunkwe Stat Membru, irrispettivament mis-suġġett preċiż jew in-natura ta' dik il-liġi; |
(i) | "pjattaforma online" tfisser servizz ta' hosting li, meta jintalab minn riċevitur tas-servizz, jaħżen u jiddissemina informazzjoni lill-pubbliku, sakemm dik l-attività ma tkunx karatteristika minuri u purament anċillari ta' servizz ieħor jew funzjonalità minuri tas-servizz ewlieni u, għal raġunijiet oġġettivi u tekniċi, ma tistax tintuża mingħajr dak is-servizz l-ieħor, u l-integrazzjoni tal-karatteristika jew tal-funzjonalità fis-servizz l-ieħor mhix mezz biex tkun evitata l-applikabbiltà ta' dan ir-Regolament. |
(j) | "magna tat-tiftix online" tfisser servizz intermedju li jippermetti lill-utenti jdaħħlu talbiet biex iwettqu tiftix, fil-prinċipju, tas-siti web kollha, jew tas-siti web kollha b'lingwa partikolari, abbażi ta' talba dwar kwalunkwe suġġett fil-forma ta' keyword, talba bil-vuċi, frażi jew input ieħor, u li tagħti lura riżultati fi kwalunkwe format fejn tista' tinstab informazzjoni relatata mal-kontenut mitlub; |
(k) | "disseminazzjoni lill-pubbliku" tfisser li l-informazzjoni ssir disponibbli, meta jintalab mir-riċevitur tas-servizz li pprovda l-informazzjoni, għal għadd potenzjalment bla limitu ta' partijiet terzi; |
(l) | "kuntratt mill-bogħod" tfisser “kuntratt mill-bogħod” kif definit fl-Artikolu 2, punt (7) tad-Direttiva 2011/83/UE; |
(m) | "interfaċċa online" tfisser kwalunkwe software, inkluż sit web jew parti minnu, u applikazzjonijiet, inklużi applikazzjonijiet mobbli; |
(n) | "Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment" tfisser il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat Membru fejn ikun jinsab l-istabbiliment ewlieni ta' fornitur ta' servizz intermedjarju jew fejn jirrisjedi jew ikun stabbilit ir-rappreżentant legali tiegħu; |
(o) | "Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tad-destinazzjoni" tfisser il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat Membru fejn jiġi pprovdut is-servizz intermedjarju; |
(p) | "riċevitur attiv ta' pjattaforma online" tfisser riċevitur tas-servizz li jkun uża pjattaforma online permezz ta' talba lill-pjattaforma online biex tospita informazzjoni jew billi kien espost għal informazzjoni ospitata mill-pjattaforma online u disseminat permezz tal-interfaċċa online tagħha; |
(q) | "riċevitur attiv ta' magna tat-tiftix" tfisser riċevitur tas-servizz li jkun sottometta talba lil magna tat-tiftix online u kien espost għal informazzjoni indiċjata u ppreżentata fl-interfaċċa online tagħha; |
(r) | "reklam" tfisser informazzjoni mfassla biex tippromwovi l-messaġġ ta' persuna ġuridika jew fiżika, irrispettivament minn jekk biex tilħaq finijiet kummerċjali jew mhux kummerċjali, u ppreżentata minn pjattaforma online fuq l-interfaċċa online tagħha bi ħlas speċifiku għall-promozzjoni ta' dik l-informazzjoni; |
(s) | "sistema ta' rakkomandazzjoni" tfisser sistema kompletament jew parzjalment awtomatizzata użata minn pjattaforma online biex tissuġġerixxi informazzjoni speċifika fl-interfaċċa online tagħha lir-riċevituri tas-servizz jew tagħti prijorità lil dik l-informazzjoni, inkluż bħala riżultat ta' tfittxija mibdija mir-riċevitur tas-servizz jew inkella li tiddetermina l-ordni relattiva jew il-prominenza tal-informazzjoni murija; |
(t) | ''moderazzjoni tal-kontenut'' tfisser l-attivitajiet, awtomatizzati jew le, imwettqa mill-fornituri ta' servizzi intermedjarji maħsuba, b'mod partikolari, biex jiddetettaw, jidentifikaw u jindirizzaw kontenut illegali jew informazzjoni inkompatibbli mat-termini u l-kondizzjonijiet tagħhom, ipprovduti mir-riċevituri tas-servizz, inkluż il-miżuri meħuda li jaffettwaw id-disponibbiltà, il-viżibbiltà, u l-aċċessibbiltà ta' dak il-kontenut illegali jew ta' dik l-informazzjoni, bħad-dimozzjoni, id-demonetizzazzjoni, u d-diżattivazzjoni tal-aċċess għalihom, jew it-tneħħija tagħhom, jew li jaffettwa l-kapaċità tar-riċevituri tas-servizz li jipprovdu dik l-informazzjoni, bħat-terminazzjoni jew is-sospensjoni ta' kont ta' riċevitur; |
(u) | "termini u kondizzjonijiet" tfisser il-klawżoli kollha, irrispettivament mill-isem jew il-forma tagħhom, li jirregolaw ir-relazzjoni kuntrattwali bejn il-fornitur ta' servizzi intermedjarji u r-riċevituri tas-servizz; |
(v) | "persuni b'diżabilità" tfisser ‘persuni b'diżabbiltà’ kif imsemmija fl-Artikolu 3, punt (1), tad-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (38); |
(w) | “komunikazzjoni kummerċjali” tfisser “komunikazzjoni kummerċjali” kif definit fl-Artikolu 2, punt (f), tad-Direttiva 2000/31/KE; |
(x) | "fatturat" tfisser l-ammont derivat minn impriża fit-tifsira tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (39). |
KAPITOLU II
RESPONSABBILTÀ TAL-FORNITURI TAS-SERVIZZI INTERMEDJARJI
Artikolu 4
"Sempliċi conduit"
1. Meta jiġi pprovdut servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni li jkun jikkonsisti fit-trażmissjoni f'network tal-komunikazzjoni ta' informazzjoni pprovduta minn riċevitur tas-servizz, jew fl-għoti ta' aċċess għal network tal-komunikazzjoni, il-fornitur tas-servizz ma għandux ikun responsabbli għall-informazzjoni trażmessa jew aċċessata, diment li l-fornitur:
(a) | ma jkunx beda t-trażmissjoni; |
(b) | ma jkunx għażel ir-riċevitur tat-trażmissjoni; u |
(c) | ma jkunx għażel jew immodifika l-informazzjoni li hemm fit-trażmissjoni. |
2. L-atti tat-trażmissjoni u tal-għoti tal-aċċess imsemmija fil-paragrafu 1 jinkludu l-ħażna awtomatika, intermedjarja u tranżitorja tal-informazzjoni trażmessa, diment li din issir għall-uniku fini li titwettaq it-trażmissjoni fin-network tal-komunikazzjoni, u diment li l-informazzjoni ma tkunx maħżuna għal perjodu itwal milli raġonevolment ikun meħtieġ għat-trażmissjoni.
3. Dan l-Artikolu ma għandux jaffettwa l-possibbiltà li awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva, f'konformità ma’ sistema legali ta’ Stat Membru, teżiġi li l-fornitur tas-servizz jittermina jew jipprevjeni xi ksur.
Artikolu 6
Hosting
1. Meta jkun ipprovdut servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni li jkun jikkonsisti fil-ħażna ta' informazzjoni pprovduta minn riċevitur tas-servizz, il-fornitur tas-servizz ma għandux ikun responsabbli għall-informazzjoni maħżuna li tintalab minn riċevitur tas-servizz, diment li:
(a) | ma jkunx kiseb għarfien effettiv ta' attività illegali jew kontenut illegali u, fir-rigward ta' talba għad-danni, ma jkollux konoxxenza ta' fatti jew ċirkostanzi li minnhom ikunu apparenti l-attività illegali jew il-kontenut illegali; jew |
(b) | malli jikseb dawn l-għarfien jew il-konoxxenza, jaġixxi malajr biex ineħħi jew jiddiżattiva l-aċċess għall-kontenut illegali. |
2. Il-paragrafu 1 ma għandux japplika meta r-riċevitur tas-servizz ikun jaġixxi bl-awtorità jew bil-kontroll tal-fornitur.
3. Il-paragrafu 1 ma għandux japplika fir-rigward tar-responsabbiltà skont il-liġi dwar il-protezzjoni tal-konsumatur ta' pjattaformi online li jippermettu li l-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma' kummerċjanti, meta din il-pjattaforma online tippreżenta l-oġġett speċifiku tal-informazzjoni jew inkella tippermetti t-tranżazzjoni speċifika inkwistjoni b'mod li twassal lil konsumatur medju biex jemmen li l-informazzjoni, jew il-prodott jew is-servizz li huwa l-oġġett tat-tranżazzjoni, hija pprovduta mill-pjattaforma online nnifisha jew minn riċevitur tas-servizz li jkun qed jaġixxi taħt l-awtorità jew il-kontroll tagħha.
4. Dan l-Artikolu ma għandux jaffettwa l-possibbiltà li awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva, f'konformità mas-sistemi legali tal-Istati Membri, teżiġi li l-fornitur tas-servizz jittermina jew jipprevjeni xi ksur.
Artikolu 9
Ordnijiet għal azzjoni kontra kontenut illegali
1. Malli jirċievu ordni biex jaġixxu kontra oġġett speċifiku wieħed jew aktar ta' kontenut illegali, maħruġa mill-awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi nazzjonali rilevanti, abbażi tal-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali applikabbli, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni, jinformaw lill-awtorità li toħroġ l-ordni jew lil kwalunkwe awtorità oħra speċifikata fl-ordni dwar kwalunkwe effett mogħti lill-ordni, mingħajr dewmien żejjed, u jispeċifikaw jekk u meta ngħata effett lill-ordni.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta ordni msemmija fil-paragrafu 1 tiġi trażmessa lill-fornitur, din tkun tissodisfa mill-inqas il-kondizzjonijiet li ġejjin:
(a) | dik l-ordni jkun fiha l-elementi li ġejjin:
|
(b) | il-kamp ta' applikazzjoni territorjali ta’ dik l-ordni, abbażi tar-regoli applikabbli tal-liġi tal-Unjoni u nazzjonali, inkluża l-Karta, u, meta rilevanti, il-prinċipji ġenerali tal-liġi internazzjonali, ikun limitat għal dak meħtieġ strettament biex jintlaħaq l-objettiv tiegħu; |
(c) | dik l-ordni tiġi trażmessa b'waħda mil-lingwi ddikjarati mill-fornitur ta’ servizzi intermedjarji skont l-Artikolu 11(3) jew b'lingwa uffiċjali oħra tal-Istati Membri, maqbula bejn l-awtorità li toħroġ l-ordni u dak l-fornitur, u tintbagħat lill-punt ta' kuntatt elettroniku, iddeżinjat minn dak il-fornitur, f'konformità mal-Artikolu 11; meta l-ordni ma tkunx abbozzata bil-lingwa ddikjarata mill-fornitur ta’ servizzi intermedjarji jew b'lingwa oħra maqbula bilateralment, l-ordni tista' tiġi trażmessa bil-lingwa tal-awtorità li toħroġ l-ordni, diment li tkun akkumpanjata minn traduzzjoni f’tali lingwa ddikjarata jew maqbula bilateralment ta' mill-inqas l-elementi stipulati fil-punti (a) u (b) ta' dan il-paragrafu. |
3. L-awtorità li toħroġ l-ordni jew, fejn applikabbli, l-awtorità speċifikata fl-ordni, għandha tittrażmetti dik l-ordni, flimkien ma’ kwalunkwe informazzjoni riċevuta mill-fornitur tas-servizzi intermedjarji dwar l-effett mogħti lil dik l-ordni lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali mill-Istat Membru tal-awtorità emittenti.
4. Wara li jirċievi l-ordni mill-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat Membru kkonċernat għandu, mingħajr dewmien żejjed, jibgħat kopja tal-ordni imsemmija fil-paragrafu 1 lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali l-oħra kollha permezz tas-sistema stabbilita f'konformità mal-Artikolu 85.
5. Sa mhux aktar tard minn meta jingħata effett lill-ordni jew, fejn applikabbli, fil-ħin stipulat mill-awtorità emittenti fl-ordni tagħha, il-fornituri ta' servizzi intermedjarji għandhom jinfurmaw lir-riċevitur tas-servizz ikkonċernat dwar l-ordni riċevuta u l-effett mogħti lilha. Tali informazzjoni provduta lir-riċevitur tas-servizz għandha tinkludi dikjarazzjoni tar-raġunijiet, il-possibbiltajiet ta' rimedju li jeżistu, u deskrizzjoni tal-kamp ta' applikazzjoni territorjali tal-ordni, f’konformità mal-paragrafu 2.
6. Il-kondizzjonijiet u r-rekwiżiti stabbiliti f'dan l-Artikolu għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għal-liġi proċedurali ċivili u kriminali nazzjonali.
Artikolu 10
Ordnijiet għall-għoti ta' informazzjoni
1. Malli jirċievu ordni biex jipprovdu informazzjoni speċifika dwar riċevitur individwali speċifiku wieħed jew aktar tas-servizz, maħruġa mill-awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi nazzjonali rilevanti, abbażi tal-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali applikabbli, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni, il-fornituri ta' servizzi intermedjarji għandhom jinformaw, mingħajr dewmien żejjed, lill-awtorità li toħroġ l-ordni jew lil kwalunkwe awtorità oħra speċifikata fl-ordni, bil-wasla tagħha u bl-effett mogħti lill-ordni, filwaqt li jispeċifikaw jekk u meta jingħata effett lill-ordni.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta ordni imsemmija fil-paragrafu 1 hija trażmessa lill-fornitur, din tissodisfa mill-inqas il-kondizzjonijiet li ġejjin:
(a) | dik l-ordni jkun fiha l-elementi li ġejjin:
|
(b) | dik l-ordni teżiġi biss li l-fornitur jipprovdi informazzjoni diġà miġbura għall-finijiet tal-forniment tas-servizz u li hija fil-kontroll tiegħu; |
(c) | dik l-ordni tiġi trażmessa b'waħda mil-lingwi ddikjarati mill-fornitur tas-servizzi intermedjarji skont l-Artikolu 11(3) jew b'lingwa uffiċjali oħra tal-Istati Membri, maqbula bejn l-awtorità li toħroġ l-ordni u l-fornitur, u tintbagħat lill-punt ta' kuntatt elettroniku, iddeżinjat minn dak il-fornitur, f'konformità mal-Artikolu 11; meta l-ordni ma tkunx abbozzata bil-lingwa ddikjarata mill-fornitur tas-servizzi intermedjarji jew b'lingwa oħra maqbula bilateralment, l-ordni tista' tiġi trażmessa bil-lingwa tal-awtorità li toħroġ l-ordni, diment li tkun akkumpanjata minn traduzzjoni f’tali lingwa ddikjarata jew maqbula bilateralment ta' mill-inqas l-elementi stipulati fil-punti (a) u (b) ta' dan il-paragrafu. |
3. L-awtorità li toħroġ l-ordni jew, fejn applikabbli, l-awtorità speċifikata fl-ordni, għandha tittrażmetti l-ordni, flimkien ma’ kwalunkwe informazzjoni riċevuta mill-fornitur tas-servizzi intermedjarji dwar l-effett mogħti lil dik l-ordni lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali mill-Istat Membru tal-awtorità emittenti.
4. Wara li jirċievi l-ordni mill-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat Membru kkonċernat għandu, mingħajr dewmien żejjed, jibgħat kopja tal-ordni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali kollha permezz tas-sistema stabbilita f'konformità mal-Artikolu 85.
5. Sa mhux aktar tard minn meta jingħata effett lill-ordni jew, fejn applikabbli, fil-ħin stipulat mill-awtorità emittenti fl-ordni tagħha, il-fornituri tas-servizzi intermedjarji għandhom jinfurmaw lir-riċevitur tas-servizz ikkonċernat dwar l-ordni riċevuta u l-effett mogħti lilha. Tali informazzjoni provduta lir-riċevitur tas-servizz għandha tinkludi dikjarazzjoni tar-raġunijiet u l-possibbiltajiet ta' rimedju li jeżistu, f’konformità mal-paragrafu 2.
6. Il-kondizzjonijiet u r-rekwiżiti stabbiliti f’dan l-Artikolu għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għal-liġi proċedurali ċivili u kriminali nazzjonali.
KAPITOLU III
OBBLIGI TAD-DILIĠENZA DOVUTA GĦAL AMBJENT ONLINE TRASPARENTI U SIKUR
TAQSIMA 1
Dispożizzjonijiet applikabbli għall-fornituri kollha ta' servizzi intermedjarji
Artikolu 12
Punti ta' kuntatt għar-riċevituri tas-servizzi
1. Il-fornituri tas-servizzi intermedjarji għandhom jiddeżinjaw punt uniku ta' kuntatt li jippermetti lir-riċevituri tas-servizz jikkomunika direttament u malajr magħhom, b'mezzi elettroniċi u b'mod faċli għall-utent, inkluż billi jippermetti lir-riċevituri tas-servizz jagħżlu l-mezzi ta' komunikazzjoni, li ma għandhomx jiddependu biss fuq għodod awtomatizzati.
2. Minnbarra l-obbligi previsti skont id-Direttiva 2000/31/KE, il-fornituri tas-servizzi intermedjarji għandhom jippubblikaw l-informazzjoni meħtieġa biex ir-riċevituri tas-servizz jidentifikaw u jikkomunikaw faċilment mal-punti uniċi ta' kuntatt tagħhom. Dik l-informazzjoni għandha tkun faċilment aċċessibbli, u għandha tinżamm aġġornata.
Artikolu 14
Termini u kondizzjonijiet
1. Il-fornituri tas-servizzi intermedjarji għandhom jinkludu informazzjoni, fit-termini u l-kundizzjonijiet tagħhom, dwar kull restrizzjoni li jimponu b'rabta mal-użu tas-servizz tagħhom fir-rigward tal-informazzjoni pprovduta mir-riċevituri tas-servizz. Dik l-informazzjoni għandha tinkludi informazzjoni dwar kull prassi, proċedura, miżura u għodda li tintuża għall-fini ta' moderazzjoni tal-kontenut, inkluż it-teħid algoritikmu tad-deċiżjonijiet u r-rieżami mill-bniedem, kif ukoll ir-regoli ta' proċedura tas-sistema interna tat-trattament tal-ilmenti. Din għandha tiġi ppreżentata b'lingwaġġ ċar, sempliċi, li jinftiehem, faċli u mhux ambigwu u għandha tkun disponibbli għall-pubbliku f'format aċċessibbli faċilment u li jinqara mill-magni.
2. Il-fornituri tas-servizzi intermedjarji għandhom jinfurmaw lir-riċevituri tas-servizz bi kwalunkwe bidla sinifikanti fit-termini u l-kondizzjonijiet.
3. Meta servizz intermedjarju jkun primarjament immirat lejn il-minorenni jew jintuża l-aktar minnhom, il-fornitur ta' dak is-servizz intermedjarju għandu jispjega l-kondizzjonijiet għal, u kwalunkwe restrizzjoniji fuq, l-użu tas-servizz b'mod li jinftiehem mill-minorenni.
4. Il-fornituri tas-servizzi intermedjarji għandhom jaġixxu b'mod diliġenti, oġġettiv u proporzjonat fl-applikazzjoni u fl-infurzar tar-restrizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, b'kunsiderazzjoni xierqa għal-liġi nazzjonali u tal-Unjoni, għad-drittijiet u għall-interessi leġittimi tal-partijiet kollha involuti, inklużi d-drittijiet fundamentali tar-riċevituri tas-servizz, bħal-libertà tal-espressjoni, il-libertà u l-pluraliżmu tal-midja kif ukoll drittijiet u libertajiet fundamentali oħra kif minqux fil-Karta.
5. Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jipprovdu lir-riċevituri tas-servizzi sommarju konċiż, faċilment aċċessibbli u li jinqara mill-magni tat-termini u l-kundizzjonijiet, inklużi r-rimedji u l-mekkaniżmi ta' rimedju disponibbli, b'lingwaġġ ċar u mhux ambigwu.
6. Pjattaformi online kbar ħafna u magni tat-tiftix online kbar ħafna fit-tifsira tal-Artikolu 33 għandhom jippubblikaw it-termini u l-kondizzjonijiet tagħhom bil-lingwi uffiċjali tal-Istati Membri kollha fejn joffru s-servizzi tagħhom.
Artikolu 15
Obbligi ta' rappurtar ta' trasparenza għall-fornituri tas-servizzi intermedjarji
1. Il-fornituri tas-servizzi intermedjarji għandhom jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, f'format li jinqara mill-magni u b'mod faċilment aċċessibbli, mill-inqas darba fis-sena, rapporti ċari, li jinftiehmu faċilment dwar kull moderazzjoni tal-kontenut li tkun saret tul il-perjodu rilevanti. Dawk ir-rapporti għandhom jinkludu, b'mod partikolari, informazzjoni dwar dan li ġej, kif applikabbli:
(a) | għall-fornituri ta' servizzi intermedjarji, l-għadd ta' ordnijiet riċevuti mill-awtoritajiet tal-Istati Membri, inkluż l-ordnijiet maħruġa f'konformità mal-Artikoli 9 u 10, ikkategorizzati skont it-tip ta' kontenut illegali kkonċernat, l-Istat Membru li joħroġ l-ordni, u ż-żmien medjan meħtieġ biex jinforma lill-awtorità li toħroġ l-ordni, jew kwalunkwe awtorità oħra speċifikata fl-ordni, bir-riċevuta tiegħu u biex jagħti effett lill-ordni; |
(b) | għall-fornituri ta' servizzi ta' hosting, l-għadd ta' notifiki sottomessi f'konformità mal-Artikolu 16, ikkategorizzati skont it-tip ta' kontenut illegali allegat ikkonċernat, l-għadd ta' notifiki sottomessi minn sinjalaturi fdati, kull azzjoni meħuda skont in-notifiki billi ssir distinzjoni bejn l-azzjonijiet meħuda abbażi tal-liġi u l-azzjonijiet meħuda abbażi tat-termini u l-kondizzjonijiet tal-fornitur, l-għadd ta' notifiki pproċessati esklużivament bl-użu ta' mezzi awtomatizzati u ż-żmien medjan meħtieġ biex tittieħed l-azzjoni; |
(c) | għall-fornituri ta' servizzi intermedjarji, informazzjoni sinifikanti u komprensibbli dwar il-moderazzjoni tal-kontenut li ssir bl-inizjattiva proprja tal-fornitur, inkluż l-użu ta' għodod awtomatizzati, il-miżuri meħuda biex jipprovdu taħriġ u assistenza lill-persuni inkarigati mill-moderazzjoni tal-kontenut, l-għadd u t-tip ta' miżuri meħuda li jaffettwaw id-disponibbiltà, il-viżibbiltà u l-aċċessibbiltà tal-informazzjoni pprovduta mir-riċevituri tas-servizz u l-kapaċità tar-riċevituri li jipprovdu informazzjoni permezz tas-servizz, u restrizzjonijiet relatati oħra tas-servizz; l-informazzjoni rrapportata għandha tiġi kkategorizzata skont it-tip ta' kontenut illegali jew ksur tat-termini u l-kondizzjonijiet tal-fornitur ta' servizz, skont il-metodu ta' detezzjoni u skont it-tip ta' restrizzjoni applikata; |
(d) | għall-fornituri ta' servizzi intermedjarji, l-għadd ta' lmenti riċevuti permezz tas-sistemi interni tat-trattament tal-ilmenti f'konformità mat-termini u l-kondizzjonijiet tal-fornitur, kif ukoll, għall-fornituri ta' pjattaformi online, f'konformità mal-Artikolu 20 ukoll, il-bażi għal dawk l-ilmenti, id-deċiżjonijiet meħuda fir-rigward ta' dawk l-ilmenti, iż-żmien medjan meħtieġ għat-teħid ta' dawk id-deċiżjonijiet u l-għadd ta' każijiet fejn dawk id-deċiżjonijiet ikunu nqalbu; |
(e) | kull użu li jsir minn mezzi awtomatizzati għall-fini ta' moderazzjoni tal-kontenut, inklużi deskrizzjoni kwalitattiva, speċifikazzjoni tal-finijiet preċiżi, indikaturi tal-eżattezza u r-rata ta' żball possibbli tal-mezzi awtomatizzati fit-twettiq ta' dawk il-finijiet u kull salvagwardja applikata. |
2. Il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu ma għandux japplika għal fornituri ta' servizzi intermedjarji li jikkwalifikaw bħala intrapriżi mikro jew żgħar kif definit fir-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE u li ma jkunux pjattaformi online kbar ħafna fit-tifsira tal-Artikolu 33 ta' dan ir-Regolament.
3. Il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni biex tistabbilixxi mudelli dwar il-forma, il-kontenut u dettalji oħra tar-rapporti skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, inkluż perjodi ta' rappurtar armonizzati. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' konsulenza msemmija fl-Artikolu 88.
TAQSIMA 2
Dispożizzjonijiet addizzjonali applikabbli għall-fornituri ta' servizzi ta' hosting, inklużi l- pjattaformi online
Artikolu 17
Dikjarazzjoni tar-raġunijiet
1. Il-fornituri ta' servizzi ta' hosting għandhom jipprovdu dikjarazzjoni ċara u speċifika tar-raġunijiet lil kwalunkwe riċevitur tas-servizz affettwat minn xi waħda mir-restrizzjonijiet li ġejjin imposti għal raġuni li l-informazzjoni provduta mir-riċevitur tas-servizz tikkostitwixxi kontenut illegali jew tkun inkompatibbli mat-termini u l-kondizzjonijiet tagħhom:
(a) | kwalunkwe restrizzjoni tal-viżibbiltà ta' punti ta' informazzjoni speċifiċi pprovduti mir-riċevitur tas-servizz, inkluż it-tneħħija tal-kontenut, id-diżattivazzjoni tal-aċċess għalih jew id-dimozzjoni tiegħu; |
(b) | is-sospensjoni, it-terminazzjoni jew restrizzjonijiet oħra f'termini ta' pagamenti monetarji; |
(c) | is-sospensjoni jew it-terminazzjoni tal-forniment tas-servizz kollu jew parti minnu; |
(d) | is-sospensjoni jew l-għeluq tal-kont tar-riċevitur tas-servizz. |
2. Il-paragrafu 1 għandu japplika biss meta d-dettalji ta' kuntatt elettroniċi rilevanti jkunu magħrufa mill-fornitur. Għandu japplika mhux aktar tard mid-data meta tiġi imposta r-restrizzjoni, u irrispettivament mir-raġuni għaliha jew mill-mod kif tkun ġiet imposta.
Il-paragrafu 1 ma għandux japplika meta l-informazzjoni tkun ta' kontenut kummerċjali ta' volum għoli qarrieqi.
3. Id-dikjarazzjoni tar-raġunijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandu jkun fiha mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:
(a) | informazzjoni dwar jekk id-deċiżjoni tinvolvix it-tneħħija tal-informazzjoni, id-diżattivazzjoni tal-aċċess għall-informazzjoni, id-dimozzjoni tagħha jew ir-restrizzjoni tal-viżibbiltà tagħha jew inkella s-sospensjoni jew it-terminazzjoni ta' pagamenti monetarji relatati ma' dik l-informazzjoni jew timponix miżuri oħra msemmija fil-paragrafu 1 fir-rigward tal-informazzjoni u, meta rilevanti, il-kamp ta' applikazzjoni territorjali tad-deċiżjoni u t-tul tagħha; |
(b) | il-fatti u ċ-ċirkostanzi invokati fit-teħid tad-deċiżjoni, inkluż, meta rilevanti, informazzjoni dwar jekk id-deċiżjoni tteħditx skont avviż sottomess f'konformità mal-Artikolu 16 jew abbażi ta' investigazzjoni volontarja fuq inizjattiva proprja u, fejn strettament neċessarju, l-identità tan-notifikant; |
(c) | meta applikabbli, informazzjoni dwar l-użu li sar minn mezzi awtomatizzati fit-teħid tad-deċiżjoni, inkluż informazzjoni dwar jekk id-deċiżjoni ttieħdet rigward kontenut detettat jew identifikat bl-użu ta' mezzi awtomatizzati; |
(d) | meta d-deċiżjoni tkun tikkonċerna kontenut allegatament illegali, referenza għall-bażi legali invokata u spjegazzjonijiet dwar għalfejn l-informazzjoni titqies bħala kontenut illegali fuq dik il-bażi; |
(e) | meta d-deċiżjoni tkun ibbażata fuq l-allegata inkompatibbiltà tal-informazzjoni mat-termini u l-kondizzjonijiet tal-fornitur ta' servizzi ta' hosting, referenza għar-raġuni kuntrattwali invokata u spjegazzjonijiet għalfejn l-informazzjoni titqies inkompatibbli ma' dik ir-raġuni; |
(f) | informazzjoni ċara u faċli biex tintuża dwar il-possibbiltajiet ta' rimedju disponibbli għar-riċevitur tas-servizz fir-rigward tal-azzjoni, b'mod partikolari, fejn applikabbli, bil-mekkaniżmi interni tat-trattament tal-ilmenti, b'soluzzjoni alternattiva għat-tilwim barra mill-qorti u b'rimedju ġudizzjarju. |
4. L-informazzjoni pprovduta mill-fornituri ta' servizzi ta' hosting f'konformità ma' dan l-Artikolu għandha tkun ċara u tinftiehem faċilment, u tkun preċiża u speċifika kemm jista' jkun possibbli b'mod raġonevoli fiċ-ċirkostanzi partikolari. L-informazzjoni għandha, b'mod partikolari, tkun tippermetti b'mod raġonevoli li r-riċevitur tas-servizz ikkonċernat jeżerċita b'mod effettiv il-possibbiltajiet ta' rimedju msemmija fil-paragrafu 3, punt (f).
5. Dan l-Artikolu ma għandux japplika għal ordnijiet imsemmija fl-Artikolu 9.
Artikolu 20
Sistema interna tat-trattament tal-ilmenti
1. Il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom jipprovdu lir-riċevituri tas-servizz, inklużi individwi jew entitajiet li jkunu ppreżentaw avviż, għal perjodu ta' mill-inqas sitt xhur wara d-deċiżjoni msemmija f'dan il-paragrafu, bl-aċċess għal sistema interna effettiva tat-trattament tal-ilmenti, li tippermettilhom jissottomettu ilmenti, b’mod elettroniku u mingħajr ħlas, kontra d-deċiżjoni meħuda mill-fornitur ta’ pjattaforma online li ma jaġixxix mal-wasla ta' avviż jew kontra d-deċiżjonijiet li ġejjin meħuda mill-fornitur ta’ pjattaforma online għar-raġuni li l-informazzjoni pprovduta mir-riċevituri tikkostitwixxi kontenut illegali jew tkun inkompatibbli mat-termini u l-kondizzjonijiet tagħha.
(a) | deċiżjonijiet dwar jekk titneħħiex l-informazzjoni, jiġix diżattivat l-aċċess jew tiġix ristretta l-viżibbiltà tal-informazzjoni; |
(b) | deċiżjonijiet dwar jekk jiġix sospiż jew terminat il-forniment tas-servizz, kollu jew parti minnu, lir-riċevituri; |
(c) | deċiżjonijiet dwar jekk jiġix sospiż jew terminat il-kont tar-riċevituri; |
(d) | deċiżjonijiet dwar jekk tiġix sospiża, terminata jew b'xi mod ieħor ristretta l-kapaċità ta' monetizzazzjoni tal-informazzjoni pprovduta mir-riċevituri. |
2. Il-perjodu ta' mill-inqas sitt xhur imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jibda fil-jum li fih ir-riċevitur tas-servizz jiġi infurmat bid-deċiżjoni f'konformità mal-Artikolu 16(5) jew l-Artikolu 17.
3. Il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom jiżguraw li s-sistemi interni tagħhom għall-immaniġġjar tal-ilmenti jkunu jistgħu jiġu aċċessati faċilment, ikunu faċli għall-utent, u jkunu jippermettu u jiffaċilitaw is-sottomissjoni ta' lmenti preċiżi biżżejjed u sostanzjati kif xieraq.
4. Il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom jittrattaw l-ilmenti sottomessi mis-sistema interna tagħhom għall-immaniġġjar tal-ilmenti fil-ħin, b'mod nondiskriminatorju, diliġenti u mhux arbitrarju. Meta lment ikun fih biżżejjed raġunijiet biex il-fornitur ta' pjattaforma online iqis li d-deċiżjoni li ma titteħidx azzjoni fuq l-avviż tkun infondata jew li l-informazzjoni li magħha jirrelata l-ilment ma tkunx illegali u ma tkunx inkompatibbli mat-termini u l-kondizzjonijiet tagħha, jew ikun fiha informazzjoni li tindika li l-imġiba tal-ilmentatur ma tiġġustifikax il-miżura meħuda, din għandha treġġa' lura d-deċiżjoni tagħha msemmija fil-paragrafu 1 mingħajr dewmien żejjed.
5. Il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom jinfurmaw lill-ilmentaturi mingħajr dewmien żejjed dwar id-deċiżjoni motivata li jkunu ħadu rigward l-informazzjoni li magħha jirrelata l-ilment u bil-possibbiltà ta' soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti prevista fl-Artikolu 21 u possibbiltajiet oħra ta' rimedju disponibbli.
6. Il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom jiżguraw li d-deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafu 5 jittieħdu taħt is-superviżjoni ta' persunal kwalifikat kif xieraq u mhux unikament abbażi ta' mezzi awtomatizzati.
Artikolu 21
Soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti
1. Ir-riċevituri tas-servizz, inklużi individwi jew entitajiet li jkunu ssottomettew avviżi, indirizzati bid-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 20(1), għandhom ikunu intitolati li jagħżlu kwalunkwe korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti li jkun ġie ċċertifikat f'konformità mal-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu sabiex isolvu tilwim relatat ma' dawk id-deċiżjonijiet, inkluż ilmenti li ma ssolvewx bis-sistema interna tat-trattament tal-ilmenti msemmija f'dak l-Artikolu.
Il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom jiżguraw li l-informazzjoni dwar il-possibbiltà tar-riċevituri tas-servizz li jkollhom aċċess għal soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti, kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu, tkun aċċessibbli faċilment fuq l-interfaċċa online tagħhom, ċara u faċli biex tintuża.
L-ewwel subparagrafu huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt tar-riċevitur tas-servizz ikkonċernat li jiftaħ proċedimenti biex jikkontesta d-deċiżjonijiet tal-fornituri ta' pjattaformi online quddiem qorti f'konformità mal-liġi applikabbli.
2. Iż-żewġ partijiet għandhom jiddjalogaw, in bona fide, mal-korp ċertifikat magħżul għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti bil-għan li tissolva t-tilwima.
Il-fornituri ta’ pjattaformi online jistgħu jirrifjutaw li jiġu involuti ma’ tali korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti jekk t-tilwima li tikkonċerna l-istess informazzjoni u l-istess raġunijiet ta' illegalità jew inkompatibbiltà allegata tal-kontenut tkun diġà ġiet solvuta.
Il-korp iċċertifikat għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti ma għandux ikollu s-setgħa li jimponi soluzzjoni tat-tilwim vinkolanti fuq il-partijiet.
3. Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat Membru fejn huwa stabbilit il-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti għandu, għal perjodu massimu ta' ħames snin li jista' jiġġedded, jiċċertifika l-korp, fuq talba tiegħu, meta l-korp ikun wera li jissodisfa l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:
(a) | ikun imparzjali u indipendenti, inkluż finanzjarjament indipendenti, mill-fornituri ta' pjattaformi online u mir-riċevituri tas-servizz ipprovdut mill-fornituri ta' pjattaformi online, inkluż minn individwi jew entitajiet li jkunu ssottomettew avviżi; |
(b) | ikollu l-għarfien espert meħtieġ rigward il-kwistjonijiet li jinqalgħu f'qasam partikolari wieħed jew aktar ta' kontenut illegali, jew b'rabta mal-applikazzjoni u l-infurzar tat-termini u l-kondizzjonijiet ta' tip wieħed jew aktar ta' pjattaformi online, li jippermettu lill-korp jikkontribwixxi b'mod effettiv għas-soluzzjoni ta' tilwima; |
(c) | il-membri tiegħu jitħallsu b'mod li ma jkunx marbut mal-eżitu tal-proċedura; |
(d) | is-soluzzjoni għat-tilwim barra mill-qorti tkun aċċessibbli faċilment permezz tat-teknoloġija tal-komunikazzjoni elettronika u tipprevedi l-possibbiltà li t-talba ta' soluzzjoni għat-tilwim u d-dokumenti ta' sostenn meħtieġa jitressqu online; |
(e) | ikun kapaċi jsolvi t-tilwim b'mod rapidu, effiċjenti u kosteffettiv u b'mill-inqas waħda mil-lingwi uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni; |
(f) | is-soluzzjoni għat-tilwim barra mill-qorti ssir f'konformità ma' regoli ta' proċedura ċari u ġusti li jkunu aċċessibbli faċilment u pubblikament, u li jikkonformaw mal-liġi applikabbli, inkluż dan l-Artikolu. |
Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali għandu, meta applikabbli, jispeċifika fiċ-ċertifikat:
(a) | il-kwistjonijiet partikolari li magħhom jirrelata l-għarfien espert tal-korp, kif imsemmi fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu; u |
(b) | il-lingwa jew il-lingwi uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li bihom il-korp kapaċi jsolvi t-tilwim, kif imsemmi fil-punt (e) tal-ewwel subparagrafu. |
4. Korpi ċċertifikati għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti għandhom jirrapportaw lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li jkun iċċertifikahom, fuq bażi annwali, dwar il-funzjonament tagħhom, filwaqt li jispeċifikaw mill-inqas l-għadd ta' tilwimiet li jkunu rċevew, informazzjoni dwar l-eżiti ta' dak it-tilwim, il-medja ta' żmien meħuda biex jissolvew u kwalunkwe nuqqas jew diffikultà li jkunu sabu. Huma għandhom jipprovdu informazzjoni addizzjonali fuq talba ta' dak il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali.
Kull sentejn, il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għandhom ifasslu rapport dwar il-funzjonament tal-korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti ċċertifikati minnhom. Dak ir-rapport għandu, b'mod partikolari:
(a) | jelenka l-għadd ta' tilwimiet li kull korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti ċċertifikat ikun irċieva kull sena; |
(b) | tindika r-riżultati tal-proċeduri miġjuba quddiem dawk il-korpi u l-medja ta' żmien meħud biex jissolva t-tilwim; |
(c) | jidentifika u jispjega kwalunkwe nuqqas jew diffikultà li jkunu sabu mil-lat sistematiku jew settorjali fir-rigward tal-funzjonament ta' dawk il-korpi; |
(d) | jidentifika l-aħjar prattiki li jikkonċernaw dak il-funzjonament; |
(e) | jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar kif jista' jittejjeb dak il-funzjonament, fejn xieraq. |
Korpi ċċertifikati għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti għandhom iqiegħdu d-deċiżjonijiet tagħhom għad-dispożizzjoni tal-partijiet f'perjodu raġonevoli u mhux aktar tard minn 90 jum tal-kalendarju wara l-wasla tal-ilment. Fil-każ ta' tilwimiet kumplessi ħafna, il-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti ċċertifikat jista', fid-diskrezzjoni tiegħu, jestendi l-perjodu ta' 90 jum tal-kalendarju, għal perjodu addizzjonali li ma għandu jeċċedi 90 jum, li jirriżulta f’ massimu ta' 180 jum.
5. Jekk il-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti jiddeċiedi t-tilwima favur ir-riċevitur tas-servizz, inkluż favur l-individwu jew l-entità li jkunu ssottomettew avviż, il-fornitur ta’ pjattaforma online għandu jħallas it-tariffi kollha mitluba mill-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti, u jirrimborża lil dak ir-riċevitur, inkluż l-individwu jew l-entità, għal kwalunkwe spiża raġonevoli oħra li jkun ħallas b'rabta mas-soluzzjoni tat-tilwim. Jekk il-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti jiddeċiedi t-tilwima favur il-fornitur ta' pjattaforma online, ir-riċevitur tas-servizz, inkluż l-individwu jew l-entità, ma għandux jintalab jirrimborża xi tariffa jew spiża oħra li l-fornitur ta' pjattaforma online ikun ħallas jew għandu jħallas b'rabta mas-soluzzjoni tat-tilwim, sakemm il-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti ma jsibx li dak ir-riċevitur jkun aġixxa manifestament in mala fide.
It-tariffi imposti mill-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti lill-fornituri tal-pjattaformi online għas-soluzzjoni tat-tilwim għandhom ikunu raġonevoli u fi kwalunkwe każ ma għandhomx jaqbżu l-ispejjeż imġarrba mill-korp. Għar-riċevituri tas-servizz, is-soluzzjoni tat-tilwim għandha tkun disponibbli bla ħlas jew b’tariffa nominali.
Il-korpi ċċertifikati għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti għandhom jgħarrfu t-tariffi, jew il-mekkaniżmi użati biex jiddeterminaw it-tariffi, lir-riċevitur tas-servizz, inkluż lill-individwi jew lill-entitajiet li jkunu ssottomettew avviż, u lill-fornitur ta’ pjattaforma online kkonċernata qabel ma jinvolvu ruħhom fis-soluzzjoni tat-tilwim.
6. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti għall-finijiet tal-paragrafu 1 jew jappoġġaw l-attivitajiet ta' wħud mill-korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti li jkunu ċċertifikaw, jew kollha kemm huma, f'konformità mal-paragrafu 3.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull attività tagħhom imwettqa skont l-ewwel subparagrafu ma taffettwax il-kapaċità tal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali tagħhom li jiċċertifikaw il-korpi kkonċernati f'konformità mal-paragrafu 3.
7. Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li jkun iċċertifika l-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti għandu jirrevoka dik iċ-ċertifikazzjoni jekk, wara investigazzjoni fuq inizjattiva tiegħu stess jew abbażi ta' informazzjoni mingħand partijiet terzi, jiddetermina li l-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti ma jkunx għadu jissodisfa l-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 3. Qabel jirrevoka dik iċ-ċertifikazzjoni, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali għandu jagħti l-opportunità lil dak il-korp biex jirreaġixxi għall-konklużjonijiet tal-investigazzjoni tiegħu u l-intenzjoni tiegħu li jirrevoka ċ-ċertifikazzjoni tal-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti.
8. Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti li jkunu ċċertifikaw f'konformità mal-paragrafu 3, inkluż, meta applikabbli, l-ispeċifikazzjonijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu ta' dak il-paragrafu, kif ukoll il-korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti li ċ-ċertifikazzjoni tagħhom tkun ġiet irrevokata. Il-Kummissjoni għandha tippubblika lista ta' dawk il-korpi, inkluż dawk l-ispeċifikazzjonijiet, fuq sit web apposta li jkun faċilment aċċessibbli, u żżommha aġġornata.
9. Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2013/11/UE u l-proċeduri ta' soluzzjoni alternattiva għat-tilwim u l-entitajiet għall-konsumaturi stabbiliti skont dik id-Direttiva.
Artikolu 23
Miżuri u protezzjoni kontra l-użu ħażin
1. Il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom jissospendu, għal perjodu ta' żmien raġonevoli u wara li jkunu ħarġu twissija minn qabel, il-forniment tas-servizzi tagħhom lir-riċevituri tas-servizz li spiss jipprovdu kontenut manifestament illegali.
2. Il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom jissospendu, għal perjodu ta' żmien raġonevoli u wara li jkunu ħarġu twissija minn qabel, l-ipproċessar ta' avviżi u lmenti sottomessi bil-mekkaniżmi ta' avviż u azzjoni u bis-sistemi interni għall-immaniġġjar tal-ilmenti msemmija fl-Artikoli 16 u 20, rispettivament, minn individwi jew entitajiet jew minn ilmentaturi li spiss jissottomettu avviżi jew ilmenti li jkunu manifestament infondati.
3. Meta jiddeċiedu dwar is-sospensjoni, il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom jivvalutaw, abbażi ta' każ b'każ u fil-ħin, b'mod diliġenti u b'mod oġġettiv, jekk ir-riċevitur tas-servizz, l-individwu, l-entità jew l-ilmentatur hux involut fl-użu ħażin imsemmi fil-paragrafi 1 u 2, filwaqt li jitqiesu l-fatti u ċ-ċirkostanzi rilevanti kollha li jirriżultaw mill-informazzjoni disponibbli għall-fornitur ta’ pjattaformi online. Dawk iċ-ċirkostanzi għandhom jinkludu mill-inqas dan li ġej:
(a) | l-għadd assolut ta' elementi ta' kontenut manifestament illegali jew avviżi jew ilmenti manifestament infondati, sottomessi f'perjodu partikolari; |
(b) | il-proporzjon relattiv tagħhom f'relazzjoni mal-għadd totali ta' elementi ta' informazzjoni pprovduti jew avviżi sottomessi f'perjodu partikolari; |
(c) | il-gravità tal-użu ħażin, inkluż in-natura tal-kontenut illegali, u tal-konsegwenzi tiegħu; |
(d) | meta tkun tista' tiġi identifikata, l-intenzjoni tar-riċevitur tas-servizz, tal-individwu, tal-entità jew tal-ilmentatur. |
4. Il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom jistabbilixxu, b'mod ċar u dettaljat, fit-termini u l-kondizzjonijiet tagħhom, il-prassi tagħhom fir-rigward tal-użu ħażin imsemmi fil-paragrafi 1 u 2, u għandhom jagħtu eżempji tal-fatti u ċ-ċirkostanzi li jqisu meta jivvalutaw jekk ċerta mġiba tikkostitwixxix użu ħażin u t-tul ta' żmien tas-sospensjoni.
Artikolu 24
Obbligi ta' rappurtar ta' trasparenza għall-fornituri ta’ pjattaformi online
1. Minbarra l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 15, il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom jinkludu, fir-rapporti msemmija f'dak l-Artikolu, informazzjoni dwar dan li ġej:
(a) | l-għadd ta' tilwimiet sottomessi lill-korpi għas-soluzzjoni barra mill-qorti għat-tilwim imsemmija fl-Artikolu 21, l-eżiti tas-soluzzjoni għat-tilwim, iż-żmien medjan meħtieġ għat-tlestija tal-proċeduri għas-soluzzjoni tat-tilwim, kif ukoll il-proporzjon ta' tilwimiet fejn il-pjattaforma tkun implimentat id-deċiżjonijiet tal-korp; |
(b) | l-għadd ta' sospensjonijiet imposti skont l-Artikolu 23, li jiddistingwu bejn sospensjonijiet promulgati għall-forniment ta' kontenut manifestament illegali, is-sottomissjoni ta' avviżi manifestament infondati u s-sottomissjoni ta' lmenti manifestament infondati; |
2. Sas-17 ta’ Frar 2023 u mill-inqas darba kull sitt xhur minn hemm 'il quddiem, il-fornituri għandhom jippubblikaw għal kull pjattaforma online jew magna tat-tiftix online, f'taqsima tal-interfaċċa online tagħhom disponibbli għall-pubbliku, informazzjoni dwar ir-riċevituri attivi medji fix-xahar tas-servizz fl-Unjoni, ikkalkulata bħala medja matul il-perjodu tal-aħħar sitt xhur u, f'konformità mal-metodoloġija stipulata fl-atti delegati msemmija fl-Artikolu 33(3), fejn dawk l-atti delegati ġew adottati.
3. Il-fornituri ta' pjattaformi online jew ta’ magni tat-tiftix online għandhom jikkomunikaw lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment u lill-Kummissjoni, fuq talba tagħhom u mingħajr dewmien żejjed, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, aġġornata sal-mument ta' din it-talba. Dak il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jew il-Kummissjoni jistgħu jitolbu lill-fornitur ta’ pjattaforma online jew tal-magna tat-tiftix online jipprovdi informazzjoni addizzjonali rigward il-kalkolu msemmi f'dak il-paragrafu, inklużi spjegazzjonijiet u sostanzjar fir-rigward tad-data użata. Dik l-informazzjoni ma għandhiex tinkludi data personali.
4. Meta l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment jkollu raġunijiet biex jikkunsidra, abbażi tal-informazzjoni li tkun waslitlu skont il-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu, li fornitur ta' pjattaformi online jew ta’ magni tat-tiftix online jissodisfa l-livell limitu ta' riċevituri medji attivi fix-xahar tas-servizz fl-Unjoni, stabbilit fl-Artikolu 33(1), għandu jinforma lill-Kummissjoni b'dan.
5. Il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom, mingħajr dewmien żejjed, jippreżentaw lill-Kummissjoni d-deċiżjonijiet u d-dikjarazzjonijiet tar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 17(1) sabiex jiġu inklużi f'bażi ta' data aċċessibbli pubblikament u ġestita mill-Kummissjoni. Il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom jiżguraw li l-informazzjoni ppreżentata ma jkunx fiha data personali.
6. Il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni biex tistipula mudelli dwar il-forma, il-kontenut u dettalji oħra tar-rapporti skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' konsulenza msemmija fl-Artikolu 88.
Artikolu 25
Disinn u organizzazzjoni ta' interfaċċi online
1. Il-fornituri ta’ pjattaformi online ma għandhomx ifasslu, jorganizzaw jew joperaw l-interfaċċi online tagħhom b'mod li jqarraq jew jimmanipula r-riċevituri tas-servizz tagħhom jew b’mod li b'xi mod ieħor ifixkel materjalment il-kapaċità tar-riċevituri tas-servizz tagħhom li jieħdu deċiżjonijiet ħielsa u infurmati.
2. Il-projbizzjoni fil-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika għal prattiki koperti mid-Direttiva 2005/29/KE jew mir-Regolament (UE) 2016/679.
3. Il-Kummissjoni tista' toħroġ linji gwida dwar kif il-paragrafu 1 japplika għal prattiki speċifiċi, b'mod partikolari:
(a) | l-għoti ta' aktar prominenza lil ċerti għażliet meta jitolbu deċiżjoni mingħand ir-riċevitur tas-servizz; |
(b) | talbiet ripetuti lir-riċevitur tas-servizz biex jagħmel għażla meta tali għażla tkun diġà saret, speċjalment bil-preżentazzjoni ta' pop-ups li jinterferixxu mal-esperjenza tal-utent; |
(c) | proċedura tat-terminazzjoni ta' servizz li tkun aktar diffiċli mis-sottoskrizzjoni tiegħu. |
Artikolu 26
Reklamar fuq pjattaformi online
1. Il-fornituri ta' pjattaformi online li jippreżentaw reklami fuq l-interfaċċi online tagħhom għandhom jiżguraw li, għal kull reklam speċifiku ppreżentat lil kull riċevitur individwali, ir-riċevituri tas-servizz ikunu jistgħu jidentifikaw, b'mod ċar, konċiż u mhux ambigwu u f'ħin reali, dawn li ġejjin:
(a) | li l-informazzjoni hija reklam, inkluż permezz ta' marki prominenti, li jistgħu jsegwu standards skont l-Artikolu 44; |
(b) | il-persuna fiżika jew ġuridika li f'isimha jkun qed jiġi ppreżentat ir-reklam; |
(c) | il-persuna fiżika jew ġuridika li tkun ħallset għar-reklam jekk dik il-persuna tkun differenti mill-persuna fiżika jew ġuridika msemmija fil-punt (b); |
(d) | informazzjoni sinifikanti aċċessibbli direttament u faċilment mir-reklam dwar il-parametri ewlenin użati biex jiġi ddeterminat ir-riċevitur li lilu qed jiġi ppreżentat ir-reklam u, fejn applikabbli, kif jistgħu jinbidlu dawk il-parametri.. |
2. Il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom jipprovdu lir-riċevituri tas-servizz b'funzjonalità biex jiddikjaraw jekk il-kontenut li jipprovdu huwiex jew fihx komunikazzjonijiet kummerċjali.
Meta r-riċevitur tas-servizz jissottometti dikjarazzjoni skont dan il-paragrafu, il-fornitur ta’ pjattaformi online għandu jiżgura li riċevituri oħra tas-servizz ikunu jistgħu jidentifikaw b'mod ċar u mhux ambigwu u f'ħin reali, inkluż permezz ta' marki prominenti, li jistgħu jsegwu standards skont l-Artikolu 44, li l-kontenut ipprovdut mir-riċevitur tas-servizz huwa jew fih komunikazzjonijiet kummerċjali, kif deskritt f’dik id-dikjarazzjoni.
3. Il-fornituri ta’ pjattaformi online ma għandhomx jippreżentaw reklami lir-riċevituri tas-servizzi bbażati fuq it-tfassil tal-profili kif definit fl-Artikolu 4, punt (4), tar-Regolament (UE) 2016/679, bl-użu ta' kategoriji speċjali ta' data personali msemmija fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) 2016/679.
Artikolu 27
Trasparenza tas-sistemi ta' rakkomandazzjoni
1. Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna li jużaw sistemi ta' rakkomandazzjoni għandhom jistabbilixxu fit-termini u l-kondizzjonijiet tagħhom, b'mod ċar u li jinftiehem, il-parametri ewlenin użati fis-sistemi ta' rakkomandazzjoni tagħhom, kif ukoll kull alternattiva għar-riċevituri tas-servizz biex jimmodifikaw jew jinfluwenzaw dawk il-parametri ewlenin.
2. Il-parametri ewlenin imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jispjegaw għaliex ċerta informazzjoni hija ssuġġerita lir-riċevitur tas-servizz. Dawn għandhom jinkludu, mill-inqas:
(a) | il-kriterji li huma l-aktar sinifikanti fid-determinazzjoni tal-informazzjoni ssuġġerita lir-riċevitur tas-servizz; |
(b) | ir-raġunijiet għall-importanza relattiva ta' dawk il-parametri. |
3. Meta jkunu disponibbli diversi għażliet skont il-paragrafu 1 għas-sistemi ta' rakkomandazzjoni li jiddeterminaw l-ordni relattiva tal-informazzjoni ppreżentata lir-riċevituri tas-servizz, il-fornituri ta’ pjattaformi online għandhom ukoll jagħmlu disponibbli funzjonalità li tippermetti lir-riċevituri tas-servizz jagħżlu u jimmodifikaw fi kwalunkwe mument l-għażla ppreferuta tagħhom. Dik il-funzjonalità għandha tkun aċċessibbli direttament u faċilment mit-taqsima speċifika tal-interfaċċa online tal-pjattaforma fejn l-informazzjoni tkun qed tingħata prijorità –.
Artikolu 28
Protezzjoni tal-minorenni online
1. Il-fornituri ta’ pjattaformi online aċċessibbli għall-minorenni għandhom jistabbilixxu miżuri xierqa u proporzjonati biex jiżguraw li s-servizzi tagħhom ikollhom livell għoli ta' privatezza, sikurezza u sigurtà fir-rigward tal-minorenni.
2. Fuq l-interfaċċa tagħhom, il-fornituri ta' pjattaformi online ma għandhomx jippreżentaw reklami bbażat fuq it-tfassil tal-profili kif definit fl-Artikolu 4, punt (4), tar-Regolament (UE) 2016/679 bl-użu ta' data personali tar-riċevitur tas-servizz meta jkunu konxji b'ċertezza raġonevoli li r-riċevitur tas-servizz ikun minorenni.
3. Il-konformità mal-obbligi stabbiliti f'dan l-Artikolu ma għandhiex tobbliga lill-fornituri ta’ pjattaformi online jipproċessaw data personali addizzjonali sabiex jivvalutaw jekk ir-riċevitur tas-servizz ikunx minorenni.
4. Il-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-Bord, tista' toħroġ linji gwida biex tassisti lill-fornituri ta' pjattaformi online fl-applikazzjoni tal-paragrafu 1.
TAQSIMA 4
Dispożizzjonijiet addizzjonali applikabbli għall-fornituri ta' pjattaformi online li jippermettu lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma' kummerċjanti
Artikolu 30
Traċċabbiltà tal-kummerċjanti
1. Il-fornituri ta’ pjattaformi online li jippermettu lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma' kummerċjanti għandhom jiżguraw li l-kummerċjanti jkunu jistgħu jużaw dawk il-pjattaformi online biex jippromwovu messaġġi dwar prodotti jew servizzi jew biex joffru prodotti jew servizzi lill-konsumaturi li jinsabu fl-Unjoni jekk, qabel l-użu tas-servizzi tagħhom għal dawk l-iskopijiet, huma jkunu kisbu l-informazzjoni li ġejja, fejn applikabbli lill-kummerċjant:
(a) | l-isem, l-indirizz, in-numru tat-telefown u l-indirizz tal-email tal-kummerċjant; |
(b) | kopja tad-dokument tal-identifikazzjoni tal-kummerċjant jew xi identifikazzjoni elettronika oħra kif definit fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (40); |
(c) | id-dettalji tal-kont tal-ħlas tal-kummerċjant; |
(d) | meta l-kummerċjant ikun irreġistrat f'reġistru tal-kummerċ jew f'reġistru pubbliku simili, ir-reġistru tal-kummerċ li fih ikun irreġistrat il-kummerċjant u n-numru tar-reġistrazzjoni tiegħu, jew mezzi ekwivalenti ta' identifikazzjoni f'dak ir-reġistru; |
(e) | awtoċertifikazzjoni mill-kummerċjant li jimpenja ruħu li joffri biss prodotti jew servizzi li jikkonformaw mar-regoli applikabbli tal-liġi tal-Unjoni. |
2. Malli jirċievi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, u qabel ma jippermetti lill-kummerċjant ikkonċernat juża s-servizzi tiegħu, il-fornitur ta’ pjattaforma online li tippermetti lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma' kummerċjanti għandu, permezz tal-użu ta' xi bażi tad-data online uffiċjali aċċessibbli mingħajr ħlas jew interfaċċa online li ssir disponibbli minn Stat Membru jew mill-Unjoni jew permezz ta' talbiet lill-kummerċjant biex jipprovdi dokumenti ġustifikattivi mingħand sorsi affidabbli, jagħmel l-almu tiegħu biex jivvaluta jekk l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, punti (a) sa (e), hix affidabbli u kompluta. Għall-fini ta' dan ir-Regolament, il-kummerċjanti għandhom jinżammu responsabbli għall-eżattezza tal-informazzjoni pprovduta.
Fir-rigward tal-kummerċjanti li diġà jużaw is-servizzi tal-fornituri ta’ pjattaformi online li jippermettu lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma' kummerċjanti għall-finijiet imsemmija fil-paragrafu 1 fis-17 ta’ Frar 2024, il-fornituri għandhom jagħmlu l-almu tagħhom biex jiksbu l-informazzjoni elenkata mingħand il-kummerċjanti kkonċernati fi żmien 12-il xahar. Meta kummerċjanti jonqsu milli jipprovdu l-informazzjoni sa dik l-iskadenza, il-fornituri għandhom jissospendu l-forniment tas-servizzi tagħhom lil dawk il-kummerċjanti sakemm jipprovdu l-informazzjoni kollha.
3. Meta l-fornitur tal- pjattaformai online li tippermetti lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma’ kummerċjanti jikseb biżżejjed indikazzjonijiet jew ikollu raġuni biex jemmen li xi element tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 miksub mingħand il-kummerċjant ikkonċernat ma jkunx preċiż, ikun inkomplut jew ma jkunx aġġornat, dak il-fornitur għandu jitlob lil dak il-kummerċjant jirrimedja dik is-sitwazzjoni mingħajr dewmien jew fil-perjodu ta' żmien stabbilit mil-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali.
Meta l-kummerċjant jonqos milli jikkoreġi jew jikkompleta dik l-informazzjoni, il-fornitur tal-pjattaforma online li tippermetti lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma’ kummerċjanti għandu jissospendi malajr il-forniment tas-servizz tiegħu lil dak il-kummerċjant fir-rigward tal-offerta ta' prodotti jew servizzi lill-konsumaturi li jinsabu fl-Unjoni sakemm it-talba tkun ġiet issodisfata bis-sħiħ.
4. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2019/1150, jekk fornitur ta' pjattaforma online li jippermetti lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma' kummerċjanti jirrifjuta li jippermetti lil kummerċjant li juża s-servizz skont il-paragrafu 1, jew jissospendi l-forniment tas-servizz tiegħu skont il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, il-kummerċjant ikkonċernat għandu jkollu d-dritt li jressaq ilment kif previst fl-Artikoli 20 u 21 ta' dan ir-Regolament.
5. Il-fornitur tal-pjattaforma online li jippermetti lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma' kummerċjanti għandu jaħżen l-informazzjoni miksuba skont il-paragrafi 1 u 2 b'mod sigur għal perjodu ta’ sitt xhur wara t-tmiem tar-relazzjoni kuntrattwali mal-kummerċjant ikkonċernat. Dawn għandhom sussegwentement iħassru l-informazzjoni.
6. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, il-fornitur ta’ pjattaforma online għandu jiżvela biss l-informazzjoni lil partijiet terzi meta jkun meħtieġ f'konformità mal-liġi applikabbli, inkluż l-ordnijiet imsemmija fl-Artikolu 10 kwalunkwe ordni maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jew mill-Kummissjoni għat-twettiq tal-kompiti tagħhom skont dan ir-Regolament.
7. Il-fornitur tal-pjattaforma online li jippermetti lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma' kummerċjanti għandu jagħmel l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, punti (a), (d) u (e) disponibbli fuq il-pjattaforma online tiegħu għar-riċevituri tas-servizz b'mod ċar, aċċessibbli faċilment u komprensibbli. Dik l-informazzjoni għandha tkun disponibbli mill-inqas fuq l-interfaċċa online tal-pjattaforma online meta l-informazzjoni dwar il-prodott jew is-servizz tiġi ppreżentata.
Artikolu 35
Mitigazzjoni tar-riskji
1. Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom idaħħlu fis-seħħ miżuri ta' mitigazzjoni raġonevoli, proporzjonati u effettivi, imfassla għar-riskji sistemiċi speċifiċi identifikati skont l-Artikolu 34, b'kunsiderazzjoni partikolari għall-impatti ta' tali miżuri fuq id-drittijiet fundamentali. Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu, meta applikabbli:
(a) | l-adattament tad-disinn, il-karatteristiċi jew il-funzjonament tas-servizzi tagħhom, inklużi l-interfaċċi online tagħhom; |
(b) | l-adattament tat-termini u l-kondizzjonijiet u l-infurzar tagħhom; |
(c) | l-adattament tal-proċessi tal-moderazzjoni tal-kontenut, inkluż il-ħeffa u l-kwalità tal-avviżi tal-ipproċessar relatati ma' tipi speċifiċi ta' kontenut illegali u, fejn xieraq, it-tneħħija rapida tal-kontenut notifikat jew id-diżattivazzjoni tal-aċċess għalih, b'mod partikolari fir-rigward ta’ diskors ta' mibegħda illegali jew vjolenza ċibernetika; kif ukoll l-adattament ta' kwalunkwe proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet rilevanti u riżorsi ddedikati għall-moderazzjoni tal-kontenut; |
(d) | l-ittestjar u l-adattament tas-sistemi algoritmiċi tagħhom, inklużi s-sistemi ta' rakkomandazzjoni tagħhom; |
(e) | l-adattament tas-sistemi ta' reklamar tagħhom u l-adozzjoni ta' miżuri mmirati bil-għan li jillimitaw jew jaġġustaw il-preżentazzjoni tar-reklami flimkien mas-servizz li jipprovdu; |
(f) | it-tisħiħ tal-proċessi interni, ir-riżorsi, l-ittestjar, id-dokumentazzjoni jew is-superviżjoni ta' kull waħda mill-attivitajiet tagħhom b'mod partikolari fir-rigward tad-detezzjoni ta' riskju sistemiku; |
(g) | il-bidu jew l-aġġustament tal-kooperazzjoni ma' sinjalaturi fdati f'konformità mal-Artikolu 22 u l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet ta' korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti skont l-Artikolu 21; |
(h) | il-bidu jew l-aġġustament tal-kooperazzjoni ma' fornituri ta' pjattaformi online jew ta’ magni tat-tiftix online oħra permezz tal-kodiċijiet ta' kondotta u l-protokolli ta' kriżi msemmija fl-Artikoli 45 u 48 rispettivament; |
(i) | it-teħid ta' miżuri ta' sensibilizzazzjoni u l-adattament tal-interfaċċa online tagħhom biex ir-riċevituri tas-servizz jingħataw aktar informazzjoni; |
(j) | it-teħid ta' miżuri mmirati għall-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal, inkluż għodod ta' verifika tal-età u ta' kontroll min-naħa tal-ġenituri, jew għodod immirati biex jgħinu lill-minorenni jissinjalaw abbuż jew isibu għajnuna, skont il-każ; |
(k) | garanzija li element ta' informazzjoni, sew jekk jikkostitwixxi immaġni, awdjo jew vidjo ġġenerat jew immanipulat li jixbah apprezzabbilment persuni, oġġetti, postijiet, entitajiet jew avvenimenti oħra ta' veru u li f'għajnejn persuna jidher awtentiku jew veritier meta ma jkunx, ikun distingwibbli permezz ta' mmarkar prominenti meta ppreżentat fuq l-interfaċċi online tagħhom,; u, barra minn hekk, id-disponibbiltà ta' funzjonalità li tkun faċli biex tintuża u li tippermetti lir-riċevituri tas-servizz jindikaw informazzjoni bħal din. |
2. Il-Bord, b'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, għandu jippubblika rapporti komprensivi, darba fis-sena. Ir-rapporti għandhom jinkludu dan li ġej:
(a) | l-identifikazzjoni u l-valutazzjoni tal-aktar riskji sistemiċi prominenti u rikorrenti rrapportati mill-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna jew identifikati permezz ta' sorsi oħra ta' informazzjoni, b'mod partikolari dawk ipprovduti f'konformità mal-Artikoli 39, 40 u 42; |
(b) | l-aqwa prattiki għall-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna biex jittaffu r-riskji sistemiċi identifikati. |
Dawk ir-rapporti għandhom jippreżentaw ir-riskji sistemiċi mqassmin għal kull Stat Membru fejn ikunu seħħew u fl-Unjoni kollha kemm hi, kif applikabbli.
3. Il-Kummissjoni, b'kooperazzjoni mal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, tista' toħroġ linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-paragrafu 1 fir-rigward ta' riskji speċifiċi, b'mod partikolari biex tippreżenta l-aqwa prattiki u tirrakkomanda miżuri possibbli, b'kunsiderazzjoni xierqa tal-konsegwenzi possibbli tal-miżuri fuq id-drittijiet fundamentali minquxa fil-Karta tal-partijiet kollha involuti. Meta tħejji dawk il-linji gwida, il-Kummissjoni għandha torganizza konsultazzjonijiet pubbliċi.
Artikolu 39
Trasparenza addizzjonali fir-reklamar online
1. Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna li jippreżentaw reklamar fuq l-interfaċċi online tagħhom għandhom jikkompilaw u jagħmlu disponibbli għall-pubbliku f'taqsima speċifika tal-interfaċċa online tagħhom, permezz ta' għodda konsultabbli u affidabbli li tippermetti tfittxijiet b'diversi kriterji, u permezz tal-interfaċċi tal-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet, repożitorju li jkun fih l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, għall-perjodu sħiħ li fih jippreżentaw reklam u sa sena wara li r-reklam ikun ġie ppreżentat għall-aħħar darba fuq l-interfaċċi online tagħhom. Għandhom jiżguraw li r-repożitorju ma jkun fih l-ebda data personali tar-riċevituri tas-servizz li lilhom ikun ġie ppreżentat jew seta' ġie ppreżentat ir-reklam, u għandhom jagħmlu sforzi raġonevoli biex jiżguraw li l-informazzjoni tkun eżatta u kompluta.
2. Ir-repożitorju għandu jinkludi mill-inqas l-informazzjoni kollha li ġejja:
(a) | il-kontenut tar-reklam, inkluż l-isem tal-prodott, is-servizz jew il-marka u s-suġġett tar-reklam; |
(b) | il-persuna fiżika jew ġuridika li f'isimha jkun qed jiġi ppreżentat ir-reklam; |
(c) | il-persuna fiżika jew ġuridika li tkun ħallset għar-reklam, jekk dik il-persuna tkun differenti mill-persuna msemmija fil-punt (b); |
(d) | il-perjodu li matulu jkun ġie ppreżentat ir-reklam; |
(e) | jekk ir-reklam kienx maħsub biex jiġi ppreżentat speċifikament lil grupp wieħed jew aktar ta' riċevituri tas-servizz u, jekk iva, il-parametri ewlenin użati għal dak il-għan, fosthom, fejn applikabbli, il-parametri ewlenin użati għall-esklużjoni ta' wieħed jew aktar minn dawn il-gruppi partikolari; |
(f) | il-komunikazzjonijiet kummerċjali ppubblikati fuq il-pjattaformi online kbar ħafna u identifikati skont l-Artikolu 26(2); |
(g) | l-għadd totali ta' riċevituri tas-servizz milħuq u, meta applikabbli, numri aggregati mqassmin għal kull Stat Membru għall-grupp jew għall-gruppi ta' riċevituri li għalihom kien immirat speċifikament ir-reklam. |
3. Fir-rigward tal-paragrafu 2, punti (a), (b) u (c), meta fornitur ta' pjattaforma online kbira ħafna u ta’ magna tat-tiftix online kbira ħafna jkun neħħa jew iddiżattiva l-aċċess għal reklam speċifiku abbażi tal-allegata illegalità jew inkompatibbiltà mat-termini u l-kondizzjonijiet tiegħu, ir-repożitorju ma għandux jinkludi l-informazzjoni msemmija f'dawk il-punti. F'dak il-każ, ir-repożitorju għandu jinkludi, għar-reklam speċifiku kkonċernat, l-informazzjoni msemmija, fl-Artikolu 17(3), punti (a) sa (e), jew fl-Artikolu 9(2), punt (a)(i), kif applikabbli.
Il-Kummissjoni tista', wara konsultazzjoni mal-Bord, ir-riċerkaturi verifikati rilevanti msemmija fl-Artikolu 40 u l-pubbliku, toħroġ linji gwida dwar l-istruttura, l-organizzazzjoni u l-funzjonalitajiet tar-repożitorji msemmija f'dan l-Artikolu.
Artikolu 40
Aċċess u skrutinju tad-data
1. Fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jipprovdu lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment jew lill-Kummissjoni, fuq talba motivata tagħhom u fi żmien raġonevoli, kif speċifikat f’dik it-talba, aċċess għad-data meħtieġa għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-konformità ma' dan ir-Regolament.
2. Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment u l-Kummissjoni għandhom jużaw id-data aċċessata skont il-paragrafu 1 biss għall-fini tal-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-konformità ma' dan ir-Regolament u għandhom iqisu kif xieraq id-drittijiet u l-interessi tal-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna u r-riċevituri tas-servizz ikkonċernati, inkluż il-protezzjoni tad-data personali, il-protezzjoni ta' informazzjoni kunfidenzjali, b'mod partikolari s-sigrieti kummerċjali, u ż-żamma tas-sigurtà tas-servizz tagħhom.
3. Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom, fuq talba tal-Koordinatur tas-Servizz Diġitali tal-istabbiliment jew tal-Kummissjoni, jispjegaw id-disinn, il-loġika, il-funzjonament u l-ittestjar tas-sistemi algoritmiċi tagħhom, inklużi s-sistemi ta' rakkomandazzjoni tagħhom.
4. Fuq talba motivata mill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment jew mill-Kummissjoni, il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom, fi żmien raġonevoli, kif speċifikat fit-talba, jipprovdu aċċess għad-data lir-riċerkaturi verifikati li jkunu jissodisfaw ir-rekwiżiti fil-paragrafu 8 ta' dan l-Artikolu, għall-uniku fini biex titwettaq riċerka li tikkontribwixxi għad-detezzjoni, l-identifikazzjoni u l-fehim tar-riskji sistemiċi fl-Unjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 34(1), u għall-valutazzjoni tal-adegwatezza, l-effiċjenza u l-impatti tal-miżuri ta' mitigazzjoni tar-riskju skont l-Artikolu 35.
5. Fi żmien 15-il jum mill-wasla ta' talba kif imsemmi fil-paragrafu 4, il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna jistgħu jitolbu lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment, biex it-talba tiġi emendata, meta jqisu li ma jkunux jistgħu jagħtu aċċess għad-data mitluba minħabba xi waħda miż-żewġ raġunijiet li ġejjin:
(a) | ma jkollhomx aċċess għad-data; |
(b) | l-għoti ta' aċċess għad-data jkun se jwassal għal vulnerabbiltajiet sinifikanti fis-sigurtà tas-servizz tagħhom jew għall-protezzjoni ta' informazzjoni kunfidenzjali, b'mod partikolari s-sigrieti kummerċjali. |
6. It-talbiet għal emenda skont il-paragrafu 5 għandu jkun fihom proposti għal mezz alternattiv wieħed jew aktar li permezz tagħhom ikun jista' jingħata aċċess għad-data mitluba jew għal data oħra li tkun xierqa u suffiċjenti għall-fini tat-talba.
Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment għandu jiddeċiedi dwar it-talba għal emenda fi żmien 15-il jum u jikkomunika d-deċiżjoni lill-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna u, meta rilevanti, it-talba emendata u l-iskadenza l-ġdida għall-konformità mat-talba.
7. Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jiffaċilitaw u jipprovdu aċċess għad-data skont il-paragrafi 1 u 4 permezz ta' interfaċċi xierqa speċifikati fit-talba, inklużi bażijiet tad-data online jew interfaċċi għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet.
8. Fuq applikazzjoni sostanzjata kif xieraq mir-riċerkaturi, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment għandu jagħti lil tali riċerkaturi għal riċerka speċifika l-istatus ta’ “riċerkaturi verifikati” għar-riċerka speċifika msemmija fl-applikazzjoni u joħroġ talba motivata għall-aċċess tad-data lil fornitur ta’ pjattaforma online kbira ħafna jew ta’ magna tat-tiftix online kbira ħafna skont il-paragrafu 4, fejn ir-riċerkaturi juru li jissodisfaw il-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:
(a) | ikunu affiljati ma' organizzazzjoni tar-riċerka kif definita fl-Artikolu 2, punt (1) tad-Direttiva (UE) 2019/790; |
(b) | ikunu indipendenti minn interessi kummerċjali; |
(c) | l-applikazzjoni tagħhom tiżvela kif se tiġi ffinanzjata r-riċerka; |
(d) | ikunu kapaċi li jissodifaw ir-rekwiżiti speċifiċi tas-sigurtà u l-kunfidenzjalità tad-data li jikkorrispondu għal kull talba u li jipproteġu d-data personali, u fit-talba tagħhom jiddeskrivu l-miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa li jkunu implimentaw għal dan il-għan; |
(e) | l-applikazzjoni tagħhom turi li l-aċċess għad-data u l-iskadenzi mitluba huma neċessarji u proporzjonati għall-finijiet tar-riċerka tagħhom u li r-riżultati mistennija ta’ dik ir-riċerka se jikkontribwixxu għall-finijiet stipulati fil-paragrafu 4; |
(f) | l-attivitajiet ta' riċerka ppjanati jkunu se jitwettqu għall-finijiet stabbiliti fil-paragrafu 4; |
(g) | ikunu jimpenjaw ruħhom li jqiegħdu r-riżultati tar-riċerka tagħhom għad-dispożizzjoni tal-pubbliku mingħajr ħlas, fi żmien raġonevoli wara t-tlestija tar-riċerka suġġett għad-drittijiet u l-interessi tar-riċevituri tas-servizz ikkonċernat, f'konformità mar-Regolament (UE) 2016/679. |
Mal-wasla tal-applikazzjoni skont dan il-paragrafu, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment għandu jinforma u lill-Kummissjoni u lill-Bord.
9. Ir-riċerkaturi jistgħu wkoll jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat Membru tal-organizzazzjoni tar-riċerka li jkunu affiljati magħha. Malli jirċievi l-applikazzjoni skont dan il-paragrafu, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali għandu jwettaq valutazzjoni inizjali dwar jekk ir-riċerkaturi rispettivi jissodisfawx il-kondizzjonijiet kollha stabbiliti fil-paragrafu 8. Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali rispettiv għandu sussegwentement jibgħat l-applikazzjoni, flimkien mad-dokumenti ġustifikattivi ppreżentati mir-riċerkaturi rispettivi u l-valutazzjoni inizjali, lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment. Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment għandu jieħu deċiżjoni dwar l-għoti tal-istatus ta “riċerkatur verifikat” lil riċerkatur mingħajr dewmien żejjed.
Filwaqt li titqies il-valutazzjoni inizjali pprovduta, id-deċiżjoni finali li r-riċerkatur jingħata l-istatus ta' riċerkatur verifikat hija kompetenza tal-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment, skont il-paragrafu 8.
10. Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li jkun ta l-istatus ta' riċerkatur verifikat u ħareġ it-talba motivata għall-aċċess għad-data lill-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna favur riċerkatur verifikat għandu joħroġ deċiżjoni li tittermina l-aċċess jekk, wara investigazzjoni fuq inizjattiva tiegħu jew abbażi ta' informazzjoni li tkun waslet mingħand partijiet terzi, jiddetermina li r-riċerkatur verifikat ma jkunx għadu jissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 8, u għandu jinforma lill-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat bid-deċiżjoni. Qabel jagħlaq l-aċċess, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali għandu jippermetti lir-riċerkatur verifikat jirreaġixxi għall-konklużjonijiet tal-investigazzjoni u għall-intenzjoni tiegħu li jagħlaq l-aċċess.
11. Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment għandhom jikkomunikaw lill-Bord l-ismijiet u l-informazzjoni ta' kuntatt tal-persuni fiżiċi jew l-entitajiet li lilhom ikunu taw l-istatus ta' “riċerkatur verifikat” f’konformità mal-paragrafu 8, kif ukoll il-fini tar-riċerka li rigward tagħha tkun saret l-applikazzjoni jew, fejn jkunu tterminaw l-aċċess għad-data skont il-paragrafu 10, jikkomunikaw dik l-informazzjoni lill-Bord.
12. Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jagħtu aċċess mingħajr dewmien żejjed għad-data, fejn ikun teknikament possibbli, f'ħin reali, dment li d-data tkun aċċessibbli għall-pubbliku fl-interfaċċa online tagħhom mir-riċerkaturi, inklużi dawk affiljati ma' korpi, organizzazzjonijiet u assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ, li jirrispettaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 8, punti (b), (c), (d) u (e) u li jużaw id-data esklużivament biex iwettqu riċerka li tikkontribwixxi għad-detezzjoni, l-identifikazzjoni u l-fehim tar-riskji sistemiċi fl-Unjoni skont l-Artikolu 34(1).
13. Il-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta lill-Bord, tadotta atti delegati li jissupplimentaw dan ir-Regolament billi jistabbilixxu l-kondizzjonijiet tekniċi li skonthom il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jikkondividu d-data skont il-paragrafi 1 u 4 u l-iskopijiet li għalihom tista' tintuża d-data. Dawk l-atti delegati għandhom jistipulaw il-kondizzjonijiet speċifiċi li abbażi tagħhom ssir il-kondiviżjoni tad-data mar-riċerkaturi f'konformità mar-Regolament (UE) 2016/679, kif ukoll indikaturi oġġettivi rilevanti, proċeduri u, fejn neċessarju, mekkaniżmi ta' konsulenza indipendenti b’appoġġ tal-kondiviżjoni tad-data, filwaqt li jitqiesu d-drittijiet u l-interessi tal-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna u tar-riċevituri tas-servizz ikkonċernati, inkluż il-protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali, b'mod partikolari s-sigrieti kummerċjali, u ż-żamma tas-sigurtà tas-servizz tagħhom.
Artikolu 42
Obbligi ta' rappurtar ta' trasparenza
1. Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jippubblikaw ir-rapporti msemmija fl-Artikolu 15 mhux aktar tard minn fi żmien xahrejn mid-data tal-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 33(6), it-tieni subparagrafu, u mill-inqas kull sitt xhur minn hemm 'il quddiem.
2. Ir-rapporti msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu ppubblikati mill-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna għandhom, minbarra l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 15 u fl-Artikolu 24(1), jispeċifikaw:
(a) | ir-riżorsi umani li l-fornitur ta’ pjattaformi online kbar ħafna jiddedika għall-moderazzjoni tal-kontenut fir-rigward tas-servizz offrut fl-Unjoni, mqassmin għal kull lingwa uffiċjali applikabbli tal-Istati Membri, inkluż għall-konformità mal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 16 u 22, kif ukoll għall-konformità mal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 20; |
(b) | il-kwalifiki u l-kompetenza lingwistika tal-persuni li jwettqu l-attivitajiet imsemmija fil-punt (a), kif ukoll it-taħriġ u l-appoġġ mogħti lil tali persunal; |
(c) | l-indikaturi tal-eżattezza u l-informazzjoni relatata msemmija fl-Artikolu 15(1), punt (e), mqassmin għal kull lingwa uffiċjali tal-Istati Membri. |
Ir-rapporti għandhom jiġu ppubblikati mill-inqas b'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istati Membri.
3. Minbarra l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 24(2), il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jinkludu fir-rapporti msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu l-informazzjoni dwar il-medja ta' riċevituri tas-servizz kull xahar għal kull Stat Membru.
4. Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jittrażmettu lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment u lill-Kummissjoni, mingħajr dewmien żejjed mat-tlestija, u jagħmlu disponibbli għall-pubbliku mhux aktar tard minn fi żmien tliet xhur wara l-wasla ta' kull rapport tal-awditu previst fl-Artikolu 37(4):
(a) | rapport li jistabbilixxi r-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju skont l-Artikolu 34; |
(b) | il-miżuri ta' mitigazzjoni speċifiċi stabbiliti skont l-Artikolu 35(1); |
(c) | ir-rapport tal-awditu previst fl-Artikolu 37(4); |
(d) | ir-rapport ta' implimentazzjoni tal-awditu previst fl-Artikolu 37(6); |
(e) | fejn applikabbli, informazzjoni dwar il-konsultazzjonijiet imwettqa mill-fornitur b'appoġġ għall-valutazzjonijiet tar-riskju u t-tfassil tal-miżuri ta' mitigazzjoni tar-riskju. |
5. Meta fornitur ta' pjattaforma online kbira ħafna jew ta’ magna tat-tiftix online kbira ħafna jqis li l-pubblikazzjoni ta' informazzjoni skont il-paragrafu 4 tista' twassal fid-divulgazzjoni ta' informazzjoni kunfidenzjali ta' dak il-fornitur jew tar-riċevituri tas-servizz, tista' tikkawża vulnerabbiltajiet sinifikanti għas-sigurtà tas-servizz tagħha, timmina s-sigurtà pubblika jew tagħmel ħsara lir-riċevituri, il-fornitur jista' jneħħi din l-informazzjoni mir-rapporti disponibbli pubblikament. F'dak il-każ, il-fornitur għandu jibgħat ir-rapporti kompluti lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment u lill-Kummissjoni, flimkien ma' dikjarazzjoni tar-raġunijiet għat-tneħħija tal-informazzjoni mir-rapporti disponibbli pubblikament.
Artikolu 44
Standards
1. Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta l-Bord, u għandha tappoġġa u tippromwovi l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' standards volontarji stabbiliti minn korpi tal-istandardizzazzjoni Ewropej u internazzjonali rilevanti, tal-anqas fir-rigward ta’ dawn li ġejjin:
(a) | is-sottomissjoni elettronika tal-avviżi skont l-Artikolu 16; |
(b) | mudelli, tfassil u standards ta' pproċessar għall-komunikazzjoni mar-riċevituri tas-servizz b'mod faċli għall-utent dwar restrizzjonijiet li jirriżultaw mit-termini u l-kondizzjonijiet u l-bidliet fihom; |
(c) | is-sottomissjoni elettronika tal-avviżi minn sinjalaturi fdati skont l-Artikolu 22, inkluż minn interfaċċi għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet; |
(d) | interfaċċi speċifiċi, inkluż interfaċċi għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet, biex jiffaċilitaw il-konformità mal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 39 u 40; |
(e) | l-awditjar tal-pjattaformi online kbar ħafna u tal-magni tat-tiftix online kbar ħafna skont l-Artikolu 37; |
(f) | l-interoperabbiltà tar-repożitorji tar-reklami msemmija fl-Artikolu 39(2); |
(g) | it-trażmissjoni tad-data bejn l-intermedjarji tar-reklamar b'appoġġ għall-obbligi ta' trasparenza skont l-Artikolu 26(1), punti (b), (c) u (d); |
(h) | miżuri tekniċi li jippermettu l-konformità mal-obbligi relatati mar-reklamar previsti f'dan ir-Regolament, inklużi l-obbligi relatati ma' mmarkar prominenti għar-reklami u l-komunikazzjonijiet kummerċjali msemmija fl-Artikolu 26; |
(i) | l-interfaċċi tal-għażla u l-preżentazzjoni tal-informazzjoni dwar il-parametri ewlenin tat-tipi differenti ta' sistemi ta' rakkomandazzjoni, skont l-Artikoli 27 u 38; |
(j) | standards għal miżuri mmirati għall-protezzjoni tal-minuri online. |
2. Il-Kummissjoni għandha tappoġġa l-aġġornament tal-istandards fid-dawl ta' żviluppi teknoloġiċi u l-kondotta tar-riċevituri tas-servizzi inkwistjoni. L-informazzjoni rilevanti dwar l-aġġornament tal-istandards għandha tkun disponibbli għall-pubbliku u aċċessibbli faċilment.
Artikolu 46
Kodiċijiet ta' kondotta għar-reklamar online
1. Il-Kummissjoni għandha tħeġġeġ u tiffaċilita t-tfassil ta' kodiċijiet ta' kondotta voluntarji fil-livell tal-Unjoni bejn il-fornituri ta' pjattaformi online u fornituri oħra ta' servizzi rilevanti, bħal fornituri tas-servizzi intermedjarji tar-reklamar online, atturi oħra involuti fil-katina tal-valur tar-reklamar programmatiku, jew organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lir-riċevituri tas-servizz u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jew awtoritajiet rilevanti biex jikkontribwixxu għal aktar trasparenza għall-atturi fil-katina tal-valur tar-reklamar online lil hinn mir-rekwiżiti tal-Artikoli 26 u 39.
2. Il-Kummissjoni għandu jkollha l-għan li tiżgura li l-kodiċijiet ta' kondotta jsegwu trażmissjoni effettiva tal-informazzjoni, b'rispett sħiħ għad-drittijiet u l-interessi tal-partijiet kollha involuti, kif ukoll ambjent kompetittiv, trasparenti u ġust fir-reklamar online, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni u nazzjonali, b'mod partikolari dwar il-kompetizzjoni u l-protezzjoni tal-privatezza u tad-data personali. Il-Kummissjoni għandu jkollha l-għan li tiżgura li l-kodiċijiet ta' kondotta jindirizzaw mill-inqas dawn li ġejjin:
(a) | it-trażmissjoni tal-informazzjoni miżmuma mill-fornituri tal-intermedjarji tar-reklamar online lir-riċevituri tas-servizz fir-rigward tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 26(1), punti (b), (c) u (d); |
(b) | it-trażmissjoni tal-informazzjoni miżmuma mill-fornituri tal-intermedjarji tar-reklamar online lir-repożitorji f'konformità mal-Artikolu 39; |
(c) | informazzjoni sinifikanti dwar il-monetizzazzjoni tad-data. |
3. Il-Kummissjoni għandha tinkoraġġixxi l-iżvilupp tal-kodiċijiet ta' kondotta sat-18 ta’ Frar 2025 u l-applikazzjoni tagħhom sat-18 ta’ Awwissu 2025.
4. Il-Kummissjoni għandha tinkoraġġixxi lill-atturi kollha fil-katina tal-valur tar-reklamar online msemmija fil-paragrafu 1 biex japprovaw l-impenji ddikjarati fil-kodiċijiet ta' kondotta, u jikkonformaw magħhom.
Artikolu 47
Kodiċijiet ta' kondotta għall-aċċessibbiltà
1. Il-Kummissjoni għandha tħeġġeġ u tiffaċilita t-tfassil ta' kodiċijiet ta' kondotta fil-livell tal-Unjoni bl-involviment tal-fornituri ta' pjattaformi online u fornituri oħra ta' servizzi rilevanti, l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lir-riċevituri tas-servizz u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jew l-awtoritajiet rilevanti biex tiġi promossa l-parteċipazzjoni ugwali sħiħa u effettiva billi jittejjeb l-aċċess għas-servizzi online li, permezz tad-disinn inizjali jew l-adattament sussegwenti tagħhom, jindirizzaw il-ħtiġijiet partikolari ta' persuni b'diżabilità.
2. Il-Kummissjoni għandu jkollha l-għan li tiżgura li l-kodiċijiet ta' kondotta jsegwu l-objettiv li jiġi żgurat li dawk is-servizzi jkunu aċċessibbli, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali, sabiex jiġi mmassimizzat l-użu prevedibbli tagħhom minn persuni b'diżabilità. Il-Kummissjoni għandu jkollha l-għan li tiżgura li l-kodiċijiet ta' kondotta jindirizzaw mill-inqas l-objettivi li ġejjin:
(a) | li jfasslu u jadottaw is-servizzi biex isiru aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità billi jagħmluhom perċettibbli, operabbli, komprensibbli u robusti; |
(b) | li jispjegaw kif is-servizzi jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' aċċessibbiltà applikabbli u li jrendu din l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku b'mod aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità; |
(c) | li jrendu l-informazzjoni, il-formoli u l-miżuri pprovduti skont dan ir-Regolament disponibbli b'mod li jkunu faċli biex jinstabu, jinftiehmu faċilment u aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità. |
3. Il-Kummissjoni għandha tinkoraġġixxi l-iżvilupp tal-kodiċijiet ta' kondotta sat-18 ta’ Frar 2025 u l-applikazzjoni tagħhom sat-18 ta’ Awwissu 2025.
Artikolu 51
Setgħat tal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali
1. Meta meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tagħhom fl-ambitu ta' dan ir-Regolament, il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għandu jkollhom is-setgħat ta' investigazzjoni li ġejjin, fir-rigward tal-kondotta minn fornituri tas-servizzi intermedjarji li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istat Membru tagħhom:
(a) | is-setgħa li jitolbu li dawk il-fornituri, u kull persuna oħra li taġixxi għal finijiet relatati mal-kummerċ, man-negozju, mas-sengħa jew mal-professjoni tagħhom li jaf b'mod raġonevoli jkollha konoxxenza ta' informazzjoni relatata ma' suspettat ksur ta' dan ir-Regolament, inkluż organizzazzjonijiet li jwettqu l-awditi msemmija fl-Artikoli 37 u l-Artikolu 75(2), biex jipprovdu din l-informazzjoni mingħajr dewmien żejjed; |
(b) | is-setgħa li jwettqu, jew li jitolbu awtorità ġudizzjarja fl-Istat Membru tagħhom biex tordna, spezzjonijiet fuq il-post ta' xi stabbiliment li jintuża minn dawk il-fornituri jew minn dawk il-persuni għal finijiet relatati mal-kummerċ, man-negozju, mas-sengħa jew mal-professjoni tagħhom, jew li jitolbu lil awtoritajiet pubbliċi oħra biex jagħmlu dan, biex jeżaminaw, jikkonfiskaw, jieħdu jew jiksbu kopji ta' informazzjoni relatata ma' suspettat ksur ta' xi forma, irrispettivament mill-mezz tal-ħżin; |
(c) | is-setgħa li jitolbu lil xi membru tal-persunal jew rappreżentant ta' dawk il-fornituri jew dawk il-persuni biex jagħtu spjegazzjonijiet dwar xi informazzjoni relatata ma' suspettat ksur u biex jirreġistraw it-tweġibiet bil-kunsens tagħhom bi kwalunkwe mezz tekniku. |
2. Meta meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tagħhom fl-ambitu ta' dan ir-Regolament, il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għandu jkollhom is-setgħat ta' infurzar li ġejjin, fir-rigward tal-fornituri ta' servizzi intermedjarji li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istat Membru tagħhom:
(a) | is-setgħa li jaċċettaw l-impenji offruti minn dawk il-fornituri b'rabta mal-konformità tagħhom ma' dan ir-Regolament u li jagħmlu dawk l-impenji vinkolanti; |
(b) | is-setgħa li jordnaw il-waqfien ta' ksur u, meta xieraq, li jimponu rimedji proporzjonati għall-ksur u meħtieġa biex itemmu l-ksur b'mod effettiv, jew li jitolbu awtorità ġudizzjarja fl-Istat Membru tagħhom biex tagħmel dan; |
(c) | is-setgħa li jimponu multi, jew li jitolbu awtorità ġudizzjarja fl-Istat Membru tagħhom tagħmel dan, f'konformità mal-Artikolu 52 għal nuqqas ta' konformità ma' dan ir-Regolament, inkluż ma' xi ordni investigattiva maħruġa skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu; |
(d) | is-setgħa li jimponu pagament perjodiku ta' penali, jew li jitolbu awtorità ġudizzjarja fl-Istat Membru tagħhom tagħmel dan, f'konformità mal-Artikolu 52 biex jiżguraw li ksur jintemm f'konformità ma' ordni maħruġa skont il-punt (b) ta' dan is-subparagrafu jew għal nuqqas ta' konformità ma' xi ordni investigattiva maħruġa skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu; |
(e) | is-setgħa li jadottaw miżuri interim, jew li jitolbu awtorità ġudizzjarja fl-Istat Membru tagħhom tagħmel dan, biex ikun evitat ir-riskju ta' ħsara serja. |
Fir-rigward tal-punti (c) u (d) tal-ewwel subparagrafu, il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għandu jkollhom ukoll is-setgħat ta' infurzar stabbiliti f'dawk il-punti fir-rigward tal-persuni l-oħra msemmija fil-paragrafu 1 għal nuqqas ta' konformità ma' xi ordni maħruġa lilhom skont dak il-paragrafu. Dawn għandhom jeżerċitaw dawk is-setgħat ta' infurzar biss wara li jkunu pprovdew lil dawk il-persuni l-oħra fi żmien xieraq l-informazzjoni rilevanti kollha relatata ma' dawn l-ordnijiet, inkluż il-perjodu applikabbli, il-multi jew il-pagamenti perjodiċi li jistgħu jiġu imposti għal nuqqas ta' konformità, u l-possibbiltajiet ta' rimedju.
3. Meta jkun meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tagħhom fl-ambitu ta' dan ir-Regolament, il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, fir-rigward tal-fornituri tas-servizzi intermedjarji li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istat Membru tagħhom, meta jkunu ġew eżawriti s-setgħat l-oħra kollha skont dan l-Artikolu li jwasslu għall-waqfien ta' ksur u l-ksur ma jkunx ġie rimedjat jew qed ikompli u jkun qed jikkawża ħsara serja li ma tistax tkun evitata bl-eżerċizzju ta' setgħat oħra disponibbli skont il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali, għandu jkollhom ukoll is-setgħa li jieħdu l-miżuri li ġejjin:
(a) | li jeżiġu li l-korp maniġerjali ta' dawk il-fornituri, mingħajr dewmien żejjed, jeżamina s-sitwazzjoni, jadotta u jippreżenta pjan ta' azzjoni li jistabbilixxi l-miżuri meħtieġa biex jintemm il-ksur, jiżgura li l-fornitur jieħu dawk il-miżuri, u jirrapporta dwar il-miżuri meħuda; |
(b) | meta l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jidhirlu li fornitur ta' servizzi intermedjarji ma kkonformax biżżejjed mar-rekwiżiti msemmija fil-punt (a), li l-ksur għadu ma jkunx ġie rimedjat jew qed jitkompla u qed jikkawża ħsara serja, u li dak l-ksur jinvolvi reat kriminali li jinvolvi theddida għall-ħajja jew għas-sigurtà tal-persuni, li jitlob li l-awtorità ġudizzjarja kompetenti tal-Istat Membru tiegħu tordna r-restrizzjoni temporanja tal-aċċess tar-riċevituri għas-servizz ikkonċernat mill-ksur jew, biss meta dan ma jkunx fattibbli teknikament, għall-interfaċċa online tal-fornitur tas-servizzi intermedjarji li fuqhom iseħħ il-ksur. |
Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali għandu, għajr meta jaġixxi skont it-talba tal-Kummissjoni msemmija fl-Artikolu 82, qabel ma jippreżenta t-talba msemmija fl-ewwel subparagrafu, punt (b), ta’ dan il-paragrafu jistieden lill-partijiet interessati biex jissottomettu osservazzjonijiet bil-miktub f'perjodu li ma għandux ikun inqas minn ġimagħtejn, ħalli jiddeskrivu l-miżuri li jkun beħsiebhom jitolbu u jidentifikaw id-destinatarju jew id-destinatarji intenzjonati tagħhom. Il-fornitur ta' servizzi intermedjarji, id-destinatarju jew id-destinatarji maħsuba u kull parti terza oħra li turi interess leġittimu għandhom ikunu intitolati biex jieħdu sehem fil-proċedimenti quddiem l-awtorità ġudizzjarja kompetenti. Kull miżura ordnata għandha tkun proporzjonata man-natura, mal-gravità, mar-rikorrenza u mat-tul tal-ksur, mingħajr ma tillimita bla bżonn l-aċċess għal informazzjoni legali mir-riċevituri tas-servizz ikkonċernat.
Ir-restrizzjoni ta' aċċess għandha tkun għal perjodu ta' erba' ġimgħat, soġġetta għall-possibbiltà li l-awtorità ġudizzjarja kompetenti, fl-ordni tagħha, tippermetti lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jestendi dak il-perjodu għal perijodi oħra tal-istess tul, soġġetti għal għadd massimu ta' estensjonijiet stabbiliti minn dik l-awtorità ġudizzjarja. Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali għandu jestendi biss il-perjodu meta, fid-dawl tad-drittijiet u tal-interessi tal-partijiet kollha affettwati minn dik ir-restrizzjoni u ċ-ċirkostanzi rilevanti kollha, inkluż kull informazzjoni li l-fornitur ta' servizzi intermedjarji, id-destinatarju jew id-destinatarji u kull parti terza oħra li tkun uriet interess leġittimu tista' tipprovdilu, jqis li ġew issodisfati ż-żewġ kondizzjonijiet li ġejjin:
(a) | il-fornitur ta' servizzi intermedjarji jkun naqas milli jieħu l-miżuri meħtieġa biex itemm il-ksur; |
(b) | ir-restrizzjoni temporanja ma tillimitax indebitament l-aċċess għal informazzjoni legali mir-riċevituri tas-servizz, filwaqt li jitqies l-għadd ta' riċevituri affettwati u jekk jeżistux alternattivi adegwati u aċċessibbli faċilment. |
Meta l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jidhirlu li l-kondizzjonijiet stabbiliti fit-tielet subparagrafu, punti (a) u (b), dawk iż-żewġ kondizzjonijiet ġew issodisfati iżda ma jkunx jista' jibqa' jestendi l-perjodu skont it-tielet subparagrafu, dan għandu jissottometti talba ġdida lill-awtorità ġudizzjarja kompetenti, kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu, punt (b).
4. Is-setgħat elenkati fil-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għat-Taqsima 3.
5. Il-miżuri meħuda mill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom elenkati fil-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom ikunu effettivi, dissważivi u proporzjonati, filwaqt li jqisu, b'mod partikolari, in-natura, il-gravità, ir-rikorrenza u t-tul tal-ksur jew tas-suspettat ksur li miegħu jirrelataw dawk il-miżuri, kif ukoll il-kapaċità ekonomika, teknika u operazzjonali tal-fornitur tas-servizzi intermedjarji kkonċernat, meta rilevanti.
6. L-Istati Membri għandhom jistipulaw kondizzjonijiet u proċeduri speċifiċi għall-eżerċizzju tas-setgħat skont il-paragrafi 1, 2 u 3 u għandhom jiżguraw li kwalunkwe eżerċizzju ta' dawk is-setgħat ikun soġġett għal salvagwardji adegwati stipulati fil-liġi nazzjonali applikabbli f'konformità mal-Karta u mal-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Unjoni. B'mod partikolari, dawk il-miżuri għandhom jittieħdu biss f'konformità mad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u d-drittijiet tad-difiża, inkluż id-drittijiet ta' smigħ u ta' aċċess għall-fajl, u soġġetti għad-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv tal-partijiet affettwati kollha.
Artikolu 53
Dritt li jitressaq ilment
Ir-riċevituri tas-servizz, u kull korp, organizzazzjoni jew assoċjazzjoni li ngħataw is-setgħa li biex jeżerċitaw id-drittijiet ikkonferiti minn dan ir-Regolament f'isimhom, għandu jkollhom id-dritt li jressqu lment kontra l-fornituri tas-servizzi intermedjarji biex jallegaw ksur ta' dan ir-Regolament mal-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat Membru fejn jinsab jew ikun stabbilit ir-riċevitur tas-servizz. Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali għandu jivvaluta l-ilment u, meta xieraq, jgħaddih lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment, flimkien, meta meqjus xieraq, ma' opinjoni. Meta l-ilment ikun fir-responsabbiltà ta' awtorità kompetenti oħra fl-Istat Membru tiegħu, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li jirċievi l-ilment għandu jgħaddih lil dik l-awtorità. Matul dawn il-proċedimenti, iż-żewġ partijiet għandu jkollhom id-dritt li jinstemgħu u jirċievu informazzjoni xierqa dwar l-istatus tal-ilment, b'mod konformi mal-liġi nazzjonali.
Artikolu 54
Kumpens
Ir-riċevituri tas-servizz għandu jkollhom id-dritt li jitolbu, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni u nazzjonali rilevanti, kumpens mill-fornituri ta' servizzi intermedjarji, fir-rigward ta’ kwalunkwe dannu jew telf dirett imġarrab minħabba ksur minn dawn il-fornaturi tal-obbligi skonti dan ir-Regolament.
Artikolu 58
Kooperazzjoni transfruntiera bejn il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali
1. Sakemm il-Kummissjoni ma tkunx bdiet investigazzjoni għall-istess ksur allegat, meta Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tad-destinazzjoni jkollu raġunijiet biex jissuspetta li fornitur ta' servizz intermedjarju kiser dan ir-Regolament b'mod li jaffettwa negattivament ir-riċevituri tas-servizz fl-Istat Membru ta' dak il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali, huwa jista' jitlob lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment biex jivvaluta l-kwistjoni u biex jieħu l-miżuri investigattivi u ta' infurzar meħtieġa biex jiżgura l-konformità ma' dan ir-Regolament.
2. Sakemm il-Kummissjoni ma tkunx bdiet investigazzjoni għall-istess ksur allegat, u fuq talba ta' mill-inqas tliet Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali tad-destinazzjoni li jkollhom raġuni biex jissuspettaw li fornitur speċifiku ta' servizzi intermedjarji jkun kiser dan ir-Regolament b'mod li jaffettwa negattivament ir-riċevituri fl-Istati Membri tagħhom, il-Bord jista' jitlob lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment biex jivvaluta l-kwistjoni u jieħu l-miżuri investigattivi u ta' infurzar meħtieġa biex jiżgura l-konformità ma' dan ir-Regolament.
3. Talba skont il-paragrafi 1 jew 2 għandha tkun debitament motivata u għandha mill-inqas tindika:
(a) | il-punt ta' kuntatt tal-fornitur tas-servizzi intermedjarji kkonċernati kif previst fl-Artikolu 11; |
(b) | deskrizzjoni tal-fatti rilevanti, id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament ikkonċernati u r-raġunijiet għalfejn il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li bagħat it-talba, jew il-Bord, jissuspetta li l-fornitur kiser dan ir-Regolament, inkluż id-deskrizzjoni tal-effetti negattivi tal-ksur allegat; |
(c) | kull informazzjoni oħra li l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li bagħat it-talba, jew il-Bord, jidhirlu li hija rilevanti, inkluż, meta xieraq, informazzjoni miġbura b'inizjattiva tiegħu stess jew suġġerimenti għal miżuri investigattivi jew ta' infurzar speċifiċi li jridu jittieħdu, inkluż miżuri interim. |
4. Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment għandu jqis it-talba bl-akbar reqqa skont il-paragrafi 1 jew 2 ta' dan l-Artikolu. Meta jidhirlu li ma hemmx biżżejjed informazzjoni biex jaġixxi fuq it-talba u jkollu raġunijiet biex iqis li l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li bagħat it-talba, jew il-Bord, jistgħu jipprovdu informazzjoni addizzjonali, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment jista' jew jitlob din l-informazzjoni f'konformità mal-Artikolu 57 jew, inkella, jista' jniedi investigazzjoni konġunta skont l-Artikolu 60(1) li tinvolvi mill-inqas il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali rikjedenti. Il-perjodu stabbilit fil-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu għandu jiġi sospiż sakemm tiġi tingħata l-informazzjoni addizzjonali jew sakemm tiġi rrifjutata l-istedina għal parteċipazzjoni fl-investigazzjoni konġunta.
5. Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment għandu, mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ sa mhux aktar tard minn xahrejn mill-wasla tat-talba jew tar-rakkomandazzjoni skont il-paragrafu 1 jew 2, jikkomunika lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li bagħat it-talba, u lill-Bord, il-valutazzjoni tal-ksur suspettat u spjegazzjoni ta' kwalunkwe miżura investigattiva jew ta' infurzar meħuda jew prevista b'rabta ma' dan biex tkun żgurata l-konformità ma' dan ir-Regolament.
Artikolu 60
Investigazzjonijiet konġunti
1. Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment jista' jniedi u jmexxi investigazzjonijiet konġunti bil-parteċipazzjoni ta' Koordinatur tas-Servizzi Diġitali wieħed jew aktar ikkonċernati:
(a) | fuq l-inizjattiva tiegħu stess, biex jinvestiga ksur allegat ta' dan ir-Regolament minn fornitur partikolari ta' servizzi intermedjarji f'diversi Stati Membri; jew |
(b) | fuq rakkomandazzjoni tal-Bord, filwaqt li jaġixxi fuq it-talba ta' mill-inqas tliet Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali b’allegazzjoni, abbażi ta’ suspett raġonevoli, ksur minn fornitur partikolari ta' servizzi intermedjarji li jaffettwa r-riċevituri tas-servizz fl-Istati Membri tagħhom. |
2. Kwalunkwe Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li jagħti prova li għandu interess leġittimu li jipparteċipa f'investigazzjoni konġunta skont il-paragrafu 1 jista' jitlob li jagħmel dan. L-investigazzjoni konġunta għandha tiġi konkluża fi żmien tliet xhur minn meta titnieda, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor fost il-parteċipanti.
Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment għandu jikkomunika l-pożizzjoni preliminari tiegħu dwar l-allegat ksur mhux aktar tard minn xahar wara tmiem l-iskadenza msemmija fl-ewwel subparagrafu lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali kollha, lill-Kummissjoni u lill-Bord. Il-pożizzjoni preliminari għandha tqis il-fehmiet tal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali l-oħra kollha li jipparteċipaw fl-investigazzjoni konġunta. Fejn applikabbli, din il-pożizzjoni preliminari għandha tistipula wkoll il-miżuri ta' infurzar previsti.
3. Il-Bord jista' jirreferi l-kwistjoni lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 59, meta:
(a) | il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment naqas li jikkomunika l-pożizzjoni preliminari tiegħu sal-iskadenza stabbilita fil-paragrafu 2; |
(b) | il-Bord ma jaqbilx b'mod sostanzjali mal-pożizzjoni preliminari kkomunikata mill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment; jew |
(c) | il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment naqas li jniedi l-investigazzjoni konġunta minnufih wara r-rakkomandazzjoni mill-Bord skont il-paragrafu 1, punt (b). |
4. Fit-twettiq tal-investigazzjoni konġunta, il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali parteċipanti għandhom jikkooperaw in bona fide ma' xulxin, filwaqt li jqisu, fejn applikabbli, l-indikazzjonijiet tal-Koordinatur tas-Servizz Diġitali tal-istabbiliment u r-rakkomandazzjoni tal-Bord. Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali tad-destinazzjoni li jipparteċipaw fl-investigazzjoni konġunta għandhom ikunu intitolati, fuq talba tal-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment jew wara li jkunu kkonsultawh, li jeżerċitaw is-setgħat ta’ investigazzjoni tagħhom imsemmija fl-Artikolu 51(1) fir-rigward tal-fornituri tas-servizzi intermedjarji kkonċernati mill-allegat ksur, fir-rigward tal-informazzjoni u l-bini li jinsab fit-territorju tagħhom.
TAQSIMA 3
Bord Ewropew għas-Servizzi Diġitali
Artikolu 65
Infurzar tal-obbligi tal-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u magni tat-tiftix online kbar ħafna
1. Għall-finijiet tal-investigazzjoni tal-konformità tal-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta' magni tat-tiftix online kbar ħafna mal-obbligi stabbilitii f'dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista' teżerċita s-setgħat ta’ investigazzjoni stipulati f'din it-Taqsima saħansitra qabel ma' tibda l-proċedimenti skont l-Artikolu 66(2). Hija tista' teżerċita dawn is-setgħat fuq inizjattiva tagħha stess jew wara talba fis-sens tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.
2. Meta Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jkollu raġunijiet biex jissuspetta li fornitur ta' pjattaforma online kbira ħafna jew ta' magna tat-tiftix online kbira ħafna kisret id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 5 tal-Kapitolu III jew b'mod sistematiku xi waħda mid-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament li taffettwa serjament ir-riċevituri tas-servizz fl-Istat Membru tiegħu, jista' jibgħat, permezz tas-sistema ta' kondiviżjoni tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 85, talba lill-Kummissjoni biex tivvaluta l-kwistjoni.
3. Talba skont il-paragrafu 2 għandha tkun debitament motivata u tal-inqas tindika:
(a) | il-punt ta' kuntatt tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat kif previst fl-Artikolu 11; |
(b) | deskrizzjoni tal-fatti rilevanti, id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament ikkonċernati u r-raġunijiet għalfejn il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li bagħat it-talba jissuspetta li l-fornitur tal-pjattaformi online kbar ħafna u ta' magni tat-tiftix online kbar ħafna kiser dan ir-Regolament, flimkien ma' deskrizzjoni tal-fatti li l-ksur suspettat huwa ta' natura sistemika; |
(c) | kwalunkwe informazzjoni oħra li l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li bagħat it-talba jqis rilevanti, inkluż, fejn xieraq, informazzjoni miġbura fuq inizjattiva tiegħu stess. |
Artikolu 70
Miżuri interim
1. Fil-kuntest ta' proċedimenti li jistgħu jwasslu għall-adozzjoni ta' deċiżjoni ta' nuqqas ta' konformità skont l-Artikolu 73(1), meta jkun hemm urġenza minħabba r-riskju ta' ħsara serja għar-riċevituri tas-servizz, il-Kummissjoni tista', b'deċiżjoni, tordna miżuri interim kontra l-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernata abbażi ta' konstatazzjoni prima facie ta' ksur.
2. Deċiżjoni skont il-paragrafu 1 għandha tapplika għal perjodu speċifiku ta' żmien li jista' jiġġedded kif meħtieġ u xieraq.
Artikolu 86
Rappreżentanza
1. Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva (UE) 2020/1828 jew għal kwalunkwe tip ieħor ta' rappreżentanza fil-liġi nazzjonali, ir-riċevituri tas-servizzi intermedjarji għandu jkollhom mill-inqas id-dritt li jagħtu mandat lil korp, organizzazzjoni jew assoċjazzjoni biex jeżerċitaw id-drittijiet ikkonferiti minn dan ir-Regolament f'isimhom, dment li l-korp, l-organizzazzjoni jew l-assoċjazzjoni tkun tissodisfa kull kondizzjoni li ġejja:
(a) | ikunu joperaw mhux għall-profitt; |
(b) | ikunu twaqqfu kif xieraq f'konformità mal-liġi ta' Stat Membru; |
(c) | l-objettivi statutorji tagħhom jkunu jinkludu interess leġittimu li tkun żgurata konformità ma' dan ir-Regolament. |
2. Il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom jieħdu l-miżuri tekniċi u organizzattivi meħtieġa biex jiżguraw li l-ilmenti sottomessi minn korpi, organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, f'isem ir-riċevituri tas-servizz permezz tal-mekkaniżmi msemmija fl-Artikolu 20(1) jiġu pproċessati u deċiżi bi prijorità u mingħajr dewmien żejjed.
TAQSIMA 6
Atti delegati u atti ta’ implimentazzjoni
whereas