search


keyboard_tab Digital Service Act 2022/2065 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2022/2065 MT cercato: 'lill-koordinaturi' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index lill-koordinaturi:

    KAPITOLU I
    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    KAPITOLU II
    RESPONSABBILTÀ TAL-FORNITURI TAS-SERVIZZI INTERMEDJARJI

    KAPITOLU III
    OBBLIGI TAD-DILIĠENZA DOVUTA GĦAL AMBJENT ONLINE TRASPARENTI U SIKUR

    TAQSIMA 1
    Dispożizzjonijiet applikabbli għall-fornituri kollha ta' servizzi intermedjarji

    TAQSIMA 2
    Dispożizzjonijiet addizzjonali applikabbli għall-fornituri ta' servizzi ta' hosting, inklużi l- pjattaformi online

    TAQSIMA 3
    Dispożizzjonijiet addizzjonali applikabbli għal fornituri ta' pjattaformi online

    TAQSIMA 4
    Dispożizzjonijiet addizzjonali applikabbli għall-fornituri ta' pjattaformi online li jippermettu lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma' kummerċjanti

    TAQSIMA 5
    Obbligi addizzjonali fuq il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għall-ġestjoni tar-riskji sistemiċi

    TAQSIMA 6
    Dispożizzjonijiet oħra dwar l-obbligi ta' diliġenza dovuta

    KAPITOLU IV
    IMPLIMENTAZZJONI, KOOPERAZZJONI, PENALI U INFURZAR

    TAQSIMA 1
    Awtoritajiet kompetenti u Koordinaturi nazzjonali tas-Servizzi Diġitali

    TAQSIMA 2
    Kompetenzi, investigazzjoni koordinata u mekkaniżmi ta' konsistenza

    TAQSIMA 3
    Bord Ewropew għas-Servizzi Diġitali

    TAQSIMA 4
    Superviżjoni, investigazzjoni, infurzar u monitoraġġ fir-rigward tal-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta' magni tat-tiftix online kbar ħafna

    TAQSIMA 5
    Dispożizzjonijiet komuni dwar l-infurzar

    TAQSIMA 6
    Atti delegati u atti ta’ implimentazzjoni

    KAPITOLU V
    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI


whereas lill-koordinaturi:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 1073

 

Artikolu 9

Ordnijiet għal azzjoni kontra kontenut illegali

1.   Malli jirċievu ordni biex jaġixxu kontra oġġett speċifiku wieħed jew aktar ta' kontenut illegali, maħruġa mill-awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi nazzjonali rilevanti, abbażi tal-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali applikabbli, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni, jinformaw lill-awtorità li toħroġ l-ordni jew lil kwalunkwe awtorità oħra speċifikata fl-ordni dwar kwalunkwe effett mogħti lill-ordni, mingħajr dewmien żejjed, u jispeċifikaw jekk u meta ngħata effett lill-ordni.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta ordni msemmija fil-paragrafu 1 tiġi trażmessa lill-fornitur, din tkun tissodisfa mill-inqas il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

dik l-ordni jkun fiha l-elementi li ġejjin:

(i)

referenza għall-bażi legali skont il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali għall-ordni;

(ii)

dikjarazzjoni tar-raġunijiet li tispjega għalfejn l-informazzjoni hija kontenut illegali, b'referenza għal dispożizzjoni speċifika waħda jew aktar tal-liġi tal-Unjoni jew tal-liġi nazzjonali f'konformità mal-liġi tal-Unjoni;

(iii)

informazzjoni dwar identifikazzjoni tal-awtorità emittenti;

(iv)

informazzjoni ċara li tippermetti lill-fornitur tas-servizzi intermedjarji jidentifika u jillokalizza l-kontenut illegali kkonċernat, bħal URL preċiż wieħed jew aktar u, fejn meħtieġ, informazzjoni addizzjonali;

(v)

informazzjoni dwar mekkaniżmi ta' rimedju disponibbli għall-fornitur tas-servizzi intermedjarji u għar-riċevitur tas-servizz li pprovda l-kontenut;

(vi)

fejn applikabbli, informazzjoni dwar liema awtorità tirċievi l-informazzjoni dwar l-effett mogħti lill-ordnijiet;

(b)

il-kamp ta' applikazzjoni territorjali ta’ dik l-ordni, abbażi tar-regoli applikabbli tal-liġi tal-Unjoni u nazzjonali, inkluża l-Karta, u, meta rilevanti, il-prinċipji ġenerali tal-liġi internazzjonali, ikun limitat għal dak meħtieġ strettament biex jintlaħaq l-objettiv tiegħu;

(c)

dik l-ordni tiġi trażmessa b'waħda mil-lingwi ddikjarati mill-fornitur ta’ servizzi intermedjarji skont l-Artikolu 11(3) jew b'lingwa uffiċjali oħra tal-Istati Membri, maqbula bejn l-awtorità li toħroġ l-ordni u dak l-fornitur, u tintbagħat lill-punt ta' kuntatt elettroniku, iddeżinjat minn dak il-fornitur, f'konformità mal-Artikolu 11; meta l-ordni ma tkunx abbozzata bil-lingwa ddikjarata mill-fornitur ta’ servizzi intermedjarji jew b'lingwa oħra maqbula bilateralment, l-ordni tista' tiġi trażmessa bil-lingwa tal-awtorità li toħroġ l-ordni, diment li tkun akkumpanjata minn traduzzjoni f’tali lingwa ddikjarata jew maqbula bilateralment ta' mill-inqas l-elementi stipulati fil-punti (a) u (b) ta' dan il-paragrafu.

3.   L-awtorità li toħroġ l-ordni jew, fejn applikabbli, l-awtorità speċifikata fl-ordni, għandha tittrażmetti dik l-ordni, flimkien ma’ kwalunkwe informazzjoni riċevuta mill-fornitur tas-servizzi intermedjarji dwar l-effett mogħti lil dik l-ordni lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali mill-Istat Membru tal-awtorità emittenti.

4.   Wara li jirċievi l-ordni mill-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat Membru kkonċernat għandu, mingħajr dewmien żejjed, jibgħat kopja tal-ordni imsemmija fil-paragrafu 1 lill-koordinaturi tas-Servizzi Diġitali l-oħra kollha permezz tas-sistema stabbilita f'konformità mal-Artikolu 85.

5.   Sa mhux aktar tard minn meta jingħata effett lill-ordni jew, fejn applikabbli, fil-ħin stipulat mill-awtorità emittenti fl-ordni tagħha, il-fornituri ta' servizzi intermedjarji għandhom jinfurmaw lir-riċevitur tas-servizz ikkonċernat dwar l-ordni riċevuta u l-effett mogħti lilha. Tali informazzjoni provduta lir-riċevitur tas-servizz għandha tinkludi dikjarazzjoni tar-raġunijiet, il-possibbiltajiet ta' rimedju li jeżistu, u deskrizzjoni tal-kamp ta' applikazzjoni territorjali tal-ordni, f’konformità mal-paragrafu 2.

6.   Il-kondizzjonijiet u r-rekwiżiti stabbiliti f'dan l-Artikolu għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għal-liġi proċedurali ċivili u kriminali nazzjonali.

Artikolu 10

Ordnijiet għall-għoti ta' informazzjoni

1.   Malli jirċievu ordni biex jipprovdu informazzjoni speċifika dwar riċevitur individwali speċifiku wieħed jew aktar tas-servizz, maħruġa mill-awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi nazzjonali rilevanti, abbażi tal-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali applikabbli, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni, il-fornituri ta' servizzi intermedjarji għandhom jinformaw, mingħajr dewmien żejjed, lill-awtorità li toħroġ l-ordni jew lil kwalunkwe awtorità oħra speċifikata fl-ordni, bil-wasla tagħha u bl-effett mogħti lill-ordni, filwaqt li jispeċifikaw jekk u meta jingħata effett lill-ordni.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta ordni imsemmija fil-paragrafu 1 hija trażmessa lill-fornitur, din tissodisfa mill-inqas il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

dik l-ordni jkun fiha l-elementi li ġejjin:

(i)

referenza għall-bażi legali skont il-liġi nazzjonali jew tal-Unjoni għall-ordni;

(ii)

informazzjoni dwar identifikazzjoni tal-awtorità emittenti;

(iii)

informazzjoni ċara li tippermetti lill-fornitur tas-servizzi intermedjarji jidentifika r-riċevitur jew ir-riċevituri speċifiċi li dwarhom tintalab l-informazzjoni, bħal isem tal-kont wieħed jew aktar jew identifikaturi uniċi;

(iv)

dikjarazzjoni tar-raġunijiet li tispjega l-objettiv għalfejn hemm bżonn l-informazzjoni u għalfejn ir-rekwiżit li tiġi pprovduta l-informazzjoni huwa meħtieġ u proporzjonat biex tiġi determinata l-konformità tar-riċevituri tas-servizzi intermedjarji mal-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali applikabbli f'konformità mal-liġi tal-Unjoni, sakemm din id-dikjarazzjoni ma tkunx tista' tiġi pprovduta għal raġunijiet relatati mal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, id-detezzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali;

(v)

informazzjoni dwar mekkaniżmi ta' rimedju disponibbli għall-fornitur u għar-riċevitur tas-servizz ikkonċernat;

(vi)

fejn applikabbli, informazzjoni dwar liema awtorità għandha tirċievi ntbagħat l-informazzjoni dwar l-effett mogħti lill-ordnijiet;

(b)

dik l-ordni teżiġi biss li l-fornitur jipprovdi informazzjoni diġà miġbura għall-finijiet tal-forniment tas-servizz u li hija fil-kontroll tiegħu;

(c)

dik l-ordni tiġi trażmessa b'waħda mil-lingwi ddikjarati mill-fornitur tas-servizzi intermedjarji skont l-Artikolu 11(3) jew b'lingwa uffiċjali oħra tal-Istati Membri, maqbula bejn l-awtorità li toħroġ l-ordni u l-fornitur, u tintbagħat lill-punt ta' kuntatt elettroniku, iddeżinjat minn dak il-fornitur, f'konformità mal-Artikolu 11; meta l-ordni ma tkunx abbozzata bil-lingwa ddikjarata mill-fornitur tas-servizzi intermedjarji jew b'lingwa oħra maqbula bilateralment, l-ordni tista' tiġi trażmessa bil-lingwa tal-awtorità li toħroġ l-ordni, diment li tkun akkumpanjata minn traduzzjoni f’tali lingwa ddikjarata jew maqbula bilateralment ta' mill-inqas l-elementi stipulati fil-punti (a) u (b) ta' dan il-paragrafu.

3.   L-awtorità li toħroġ l-ordni jew, fejn applikabbli, l-awtorità speċifikata fl-ordni, għandha tittrażmetti l-ordni, flimkien ma’ kwalunkwe informazzjoni riċevuta mill-fornitur tas-servizzi intermedjarji dwar l-effett mogħti lil dik l-ordni lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali mill-Istat Membru tal-awtorità emittenti.

4.   Wara li jirċievi l-ordni mill-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat Membru kkonċernat għandu, mingħajr dewmien żejjed, jibgħat kopja tal-ordni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu lill-koordinaturi tas-Servizzi Diġitali kollha permezz tas-sistema stabbilita f'konformità mal-Artikolu 85.

5.   Sa mhux aktar tard minn meta jingħata effett lill-ordni jew, fejn applikabbli, fil-ħin stipulat mill-awtorità emittenti fl-ordni tagħha, il-fornituri tas-servizzi intermedjarji għandhom jinfurmaw lir-riċevitur tas-servizz ikkonċernat dwar l-ordni riċevuta u l-effett mogħti lilha. Tali informazzjoni provduta lir-riċevitur tas-servizz għandha tinkludi dikjarazzjoni tar-raġunijiet u l-possibbiltajiet ta' rimedju li jeżistu, f’konformità mal-paragrafu 2.

6.   Il-kondizzjonijiet u r-rekwiżiti stabbiliti f’dan l-Artikolu għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għal-liġi proċedurali ċivili u kriminali nazzjonali.

KAPITOLU III

OBBLIGI TAD-DILIĠENZA DOVUTA GĦAL AMBJENT ONLINE TRASPARENTI U SIKUR

TAQSIMA 1

Dispożizzjonijiet applikabbli għall-fornituri kollha ta' servizzi intermedjarji

Artikolu 22

Sinjalaturi fdati

1.   Il-fornituri ta' pjattaformi online għandhom jieħdu l-miżuri tekniċi u organizzattivi meħtieġa biex jiżguraw li l-avviżi sottomessi minn sinjalaturi fdati, li jaġixxu fil-qasam deżinjat tal-għarfien espert tagħhom, permezz ta’ mekkaniżmi msemmija fl-Artikolu 16, jingħataw prijorità u jiġu pproċessati u deċiżi mingħajr dewmien żejjed.

2.   L-istatus ta' sinjalaturi fdati skont dan ir-Regolament għandu jingħata, wara applikazzjoni minn kwalunkwe entità, mill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit l-applikant, lil applikant li jkun wera li jissodisfa l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

ikollu għarfien espert u kompetenza partikolari għall-finijiet tad-detezzjoni, l-identifikazzjoni u l-avviż ta' kontenut illegali;

(b)

ikun indipendenti minn kwalunkwe fornitur ta' pjattaformi online;

(c)

ikun iwettaq l-attivitajiet tiegħu għall-finijiet ta' sottomissjoni tal-avviżi fil-ħin, b'mod diliġenti, preċiż u oġġettiv.

3.   Is-sinjalaturi fdati għandhom jippubblikaw, mill-inqas darba fis-sena, rapporti dettaljati li jinftiehmu faċilment dwar avviżi sottomessi skont l-Artikolu 16 matul il-perjodu rilevanti. Ir-rapport għandu jelenka mill-inqas l-għadd ta' avviżi kkategorizzati skont:

(a)

l-identità tal-fornitur ta' servizzi ta' hosting,

(b)

it-tip ta' kontenut allegatament illegali nnotifikat,

(c)

l-azzjoni meħuda mill-fornitur.

Dawk ir-rapporti għandhom jinkludu spjegazzjoni tal-proċeduri fis-seħħ biex jiġi żgurat li s-sinjalatur fdat iżomm l-indipendenza tiegħu.

Is-sinjalaturi fdati għandhom jibagħtu dawk ir-rapporti lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li jkun tahom l-istatus u għandhom jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku mis-sinjalaturi fdati. L-informazzjoni f'dawk ir-rapporti ma għandhiex tinkludi data personali.

4.   Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni u lill-Bord l-ismijiet, l-indirizzi u l-indirizzi tal-email tal-entitajiet li lilhom ikunu taw l-istatus ta' sinjalatur fdat f'konformità mal-paragrafu 2 jew li jkunu ssospendew l-istatus ta’ sinjalatur fdat f’konformità mal-paragrafu 6 jew irrevokawh skont il-paragrafu 7.

5.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 4 f'bażi tad-data disponibbli għall-pubbliku, b'format aċċessibbli faċilment u li jinqara mill-magni, u għandha żżommha aġġornata.

6.   Meta fornitur ta' pjattaformi online jkollu informazzjoni li tindika li sinjalatur fdat issottometta għadd sinifikanti ta' avviżi mhux preċiżi biżżejjed, ineżatti jew mhux sostanzjati kif xieraq bil-mekkaniżmi msemmija fl-Artikolu 16, inkluż informazzjoni miġbura b'rabta mal-ipproċessar tal-ilmenti permezz tas-sistemi interni għat-trattament tal-ilmenti msemmija fl-Artikolu 20(4), dan għandu jikkomunika dik l-informazzjoni lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li jkun ta l-istatus ta' sinjalatur fdat lill-entità kkonċernata, filwaqt li jipprovdi l-ispjegazzjonijiet u d-dokumenti ġustifikattivi meħtieġa. Malli jirċievi l-informazzjoni mingħand il-fornitur ta' pjattaformi online u jekk il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jqis li hemm raġunijiet leġittimi biex tinfetaħ investigazzjoni, l-istatus ta' sinjalatur fdat għandu jiġi sospiż matul il-perjodu tal-investigazzjoni. Dik l-investigazzjoni għandha ssir mingħajr dewmien żejjed.

7.   Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li ta l-istatus ta' sinjalatur fdat lil entità għandu jirrevoka dak l-istatus jekk jiddetermina, wara investigazzjoni fuq inizjattiva tiegħu stess jew abbażi ta' informazzjoni riċevuta mingħand partijiet terzi, inkluża informazzjoni pprovduta minn fornitur ta' pjattaformi online skont il-paragrafu 6, li l-entità ma għadhiex tissodisfa l-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 2. Qabel jirrevoka dak l-istatus, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali għandu jagħti l-opportunità lill-entità biex tirreaġixxi għall-konklużjonijiet tal-investigazzjoni tiegħu u l-intenzjoni tiegħu li jirrevoka l-istatus tal-entità bħala sinjalatur fdat.

8.   Il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta lill-Bord, għandha, fejn meħtieġ, toħroġ linji gwida biex tassisti lill-fornituri ta' pjattaformi online u lill-koordinaturi tas-Servizzi Diġitali fl-applikazzjoni tal-paragrafi 2, 6 u 7.

Artikolu 45

Kodiċijiet ta' kondotta

1.   Il-Kummissjoni u l-Bord għandhom jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw it-tfassil ta' kodiċijiet ta' kondotta volontarji fil-livell tal-Unjoni biex jikkontribwixxu għall-applikazzjoni xierqa ta' dan ir-Regolament, filwaqt li jitqiesu b'mod partikolari l-isfidi speċifiċi li jiġu indirizzati tipi differenti ta' kontenut illegali u riskji sistemiċi, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni b'mod partikolari dwar il-kompetizzjoni u l-protezzjoni tad-data personali.

2.   Meta jirriżulta riskju sistemiku sinifikanti skont it-tifsira tal-Artikolu 34(1) u dan jikkonċerna diversi pjattaformi online kbar ħafna jew magni tat-tiftix online kbar ħafna, il-Kummissjoni tista' tistieden lill-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna jew il-fornituri ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna kkonċernati, u lil fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna oħra, ta’ fornituri ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna, ta' pjattaformi online u ta' servizzi intermedjarji oħrajn, kif xieraq, kif ukoll lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u partijiet interessati rilevanti oħra, biex jieħdu sehem fit-tfassil ta' kodiċijiet ta' kondotta, inkluż billi jistabbilixxu impenji biex jittieħdu miżuri speċifiċi ta' mitigazzjoni tar-riskju, kif ukoll qafas ta' rappurtar regolari dwar il-miżuri meħuda u l-eżiti tagħhom.

3.   Meta jagħtu effett lill-paragrafi 1 u 2, il-Kummissjoni u l-Bord u, fejn rilevanti, korpi oħra għandu jkollhom l-għan li jiżguraw li l-kodiċijiet ta' kondotta jistabbilixxu l-objettivi speċifiċi tagħhom b'mod ċar, ikun fihom indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni biex ikejlu l-kisba ta' dawk l-objettivi u jqisu kif xieraq il-ħtiġijiet u l-interessi tal-partijiet interessati kollha, u b'mod partikolari ċ-ċittadini, fil-livell tal-Unjoni. Il-Kummissjoni u l-Bord għandu jkollhom l-għan li jiżguraw li l-parteċipanti jirrappurtaw regolarment lill-Kummissjoni u lill-koordinaturi tas-Servizzi Diġitali rispettivi tagħhom dwar il-miżuri meħuda u l-eżiti tagħhom, kif imkejla skont l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni li jkun fihom. L-indikaturi ewlenin ta' prestazzjoni u l-impenji tar-rappurtar għandhom iqisu d-differenzi fid-daqs u fil-kapaċità bejn parteċipanti differenti.

4.   Il-Kummissjoni u l-Bord għandhom jivvalutaw jekk il-kodiċijiet ta' kondotta jissodisfawx l-għanijiet speċifikati fil-paragrafi 1 u 3, u għandhom jimmonitorjaw u jevalwaw b'mod regolari l-kisba tal-objettivi tagħhom, hekk kif iqisu l-indikaturi ewlenin ta' prestazzjoni li jku fihom. Dawn għandhom jippubblikaw il-konklużjonijiet tagħhom.

Il-Kummissjoni u l-Bord għandhom jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw ukoll ir-rieżami u l-adattament regolari tal-Kodiċijiet ta' Kondotta.

Fil-każ ta' nuqqas sistematiku ta' konformità mal-Kodiċijiet ta' Kondotta, il-Kummissjoni u l-Bord jistgħu jistiednu lill-firmatarji għall-kodiċijiet ta' kondotta biex jieħdu l-azzjoni meħtieġa.

Artikolu 56

Kompetenzi

1.   L-Istat Membru li fih jinsab l-istabbiliment ewlieni tal-fornitur ta' servizzi intermedjarji għandu jkollu setgħat esklużivi għas-sorveljanza u l-infurzar dan ir-Regolament, ħlief għas-setgħat previsti fil-paragrafi 2, 3 u 4.

2.   Il-Kummissjoni għandu jkollha setgħat esklużivi ta' superviżjoni u infurzar tat-Taqsima 5 tal-Kapitolu III.

3.   Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħat ta' superviżjoni u infurzar ta’ dan ir-Regolament, għajr dawk stabbiliti fit-Taqsima 5 tal-Kapitolu III tiegħu, kontra fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta' magni tat-tiftix online kbar ħafna.

4.   Fejn il-Kummissjoni ma tkunx bdiet proċedimenti għall-istess ksur, l-Istat Membru li fih jinsab l-istabbiliment ewlieni tal-fornitur ta' pjattaforma online kbira ħafna jew ta' magna tat-tiftix online kbira ħafna għandu jkollu s-setgħat ta' superviżjoni u infurzar tal-obbligi stipulati f’dan ir-Regolament, għajr dawk stabbiliti fit-Taqsima 5 tal-Kapitolu III, fir-rigward ta’ dawk il-fornituri.

5.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jissorveljaw u jinfurzaw id-dispożizzjoni ta' dan ir-Regolament f'kooperazzjoni mill-qrib.

6.   Fejn fornitur tas-servizzi intermedjarji ma jkollux stabbiliment fl-Unjoni, l-Istat Membru fejn jirrisjedi jew ikun stabbilit ir-rappreżentant legali tiegħu jew il-Kummissjoni għandu jkollhom is-setgħat, kif applikabbli, f'konformità mal-paragrafi 1 u 4 ta' dan l-Artikolu, ta' superviżjoni u infurzar tal-obbligi rilevanti stipulati f’dan ir-Regolament.

7.   Meta fornitur tas-servizzi intermedjarji jonqos milli jaħtar rappreżentant legali f'konformità mal-Artikolu 13, l-Istati Membri kollha u, fil-każ ta' fornitur ta' pjattaforma online kbira ħafna jew ta' magna tat-tiftix online kbira ħafna, il-Kummissjoni għandu jkollhom is-setgħat ta' superviżjoni u infurzar f'konformità ma' dan l-Artikolu.

Meta Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jkollu l-ħsieb li jeżerċita s-setgħat tiegħu skont dan il-paragrafu, huwa għandu jinnotifika lill-koordinaturi tas-Servizzi Diġitali l-oħra kollha u lill-Kummissjoni, u jiżgura li jiġu rrispettati s-salvagwardji applikabbli mogħtija mill-Karta, b'mod partikolari biex jiġi evitat li l-istess kondotta tiġi sanzjonata aktar minn darba għall-ksur tal-obbligi stabbilit f'dan ir-Regolament. Meta l-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni li teżerċita s-setgħat tagħha skont dan il-paragrafu, hija għandha tinnotifika lill-koordinaturi tas-Servizzi Diġitali l-oħra kollha dwar dik l-intenzjoni. Wara n-notifika fis-sens ta' dan il-paragrafu, l-Istati Membri oħra ma għandhomx jibdew proċedimenti għall-istess ksur bħal dak imniżżel fin-notifika.

Artikolu 57

Assistenza reċiproka

1.   Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali u l-Kummissjoni għandhom jikkooperaw mill-qrib u jipprovdu lil xulxin b'assistenza reċiproka sabiex japplikaw dan ir-Regolament b'mod konsistenti u effiċjenti. L-assistenza reċiproka għandha tinkludi, b'mod partikolari, l-iskambju ta' informazzjoni f'konformità ma' dan l-Artikolu u d-dmir tal-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment li jinforma lill-koordinaturi tas-Servizzi Diġitali tad-destinazzjoni, lill-Bord u lill-Kummissjoni dwar il-ftuħ ta' investigazzjoni u l-intenzjoni li jieħu deċiżjoni finali, inkluż il-valutazzjoni tiegħu, fir-rigward ta' fornitur speċifiku ta' servizzi intermedjarji.

2.   Għall-fini ta' investigazzjoni, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment jista' jitlob lil Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali oħra biex jipprovdu informazzjoni speċifika fil-pussess tagħhom fir-rigward ta' fornitur partikolari ta' servizzi intermedjarji jew biex jeżerċitaw is-setgħat ta’ investigazzjoni tagħhom imsemmija fil-Artikolu 51(1) fir-rigward ta' informazzjoni speċifika li tinsab fl-Istat Membru tagħhom. Meta xieraq, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li jirċievi t-talba jista' jinvolvi awtoritajiet kompetenti oħra jew awtoritajiet pubbliċi oħra tal-Istat Membru inkwistjoni.

3.   Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li jirċievi t-talba skont il-paragrafu 2 għandu jikkonforma ma' din it-talba u jinforma lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment dwar l-azzjoni meħuda, mingħajr dewmien żejjed u mhux aktar tard minn xahrejn wara li jirċeviha, sakemm:

(a)

l-ambitu tas-suġġett tat-talba ma jkunx speċifikat, ġustifikat jew proporzjonat biżżejjed fid-dawl tal-finijiet investigattivi; jew

(b)

la l-Koordinatur tas-Servizz Diġitali mitlub u lanqas awtorità kompetenti jew awtorità pubblika oħra f'dak l-Istat Membru ma jkollhom fil-pussess tagħhom l-informazzjoni mitluba u lanqas ma jkun jista' jkollhom l-aċċess għaliha; jew

(c)

it-talba ma tistax tiġi eżegwita mingħajr ma tinkiser l-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali.

Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li jirċievi t-talba għandu jiġġustifika r-rifjut tiegħu billi jissottometti tweġiba motivata, fil-perjodu stabbilit fl-ewwel subparagrafu.

Artikolu 59

Riferiment lill-Kummissjoni

1.   Fin-nuqqas ta' komunikazzjoni fil-perjodu stabbilit fl-Artikolu 58(5), fil-każ ta' nuqqas ta' qbil tal-Bord mal-valutazzjoni jew il-miżuri meħuda jew previsti skont l-Artikolu 58(5), jew fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 60(3), il-Bord jista' jirreferi l-kwistjoni lill-Kummissjoni, billi jipprovdi l-informazzjoni rilevanti kollha. Dik l-informazzjoni għandha tinkludi mill-inqas it-talba jew ir-rakkomandazzjoni mibgħuta lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment, il-valutazzjoni minn dak il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali, ir-raġunijiet għan-nuqqas ta' qbil u kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li tappoġġa r-riferiment.

2.   Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-kwistjoni fi żmien xahrejn mir-riferiment tal-kwistjoni skont il-paragrafu 1, wara konsultazzjoni mal-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment.

3.   Meta, skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni tqis li l-valutazzjoni jew il-miżuri investigattivi jew ta' infurzar meħuda jew previsti skont l-Artikolu 58(5) jkunu insuffiċjenti biex jiżguraw l-infurzar effettiv jew inkompatibbli b'mod ieħor ma' dan ir-Regolament, din għandha tikkomunika l-fehmiet tagħha lill-koordinaturi tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment u lill-Bord u titlob lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment biex jirrieżamina l-kwistjoni.

Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment għandu jieħu l-miżuri investigattivi jew ta' infurzar meħtieġa biex jiżgura l-konformità ma' dan ir-Regolament, filwaqt li jqis bis-sħiħ il-fehmiet u t-talba għal rieżami mill-Kummissjoni. Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment għandu jinforma lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali rikjedenti jew lill-Bord li jkun ħa azzjoni skont l-Artikolu 58(1) jew (2), dwar il-miżuri meħuda fi żmien xahrejn minn dik it-talba għal rieżami.

Artikolu 60

Investigazzjonijiet konġunti

1.   Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment jista' jniedi u jmexxi investigazzjonijiet konġunti bil-parteċipazzjoni ta' Koordinatur tas-Servizzi Diġitali wieħed jew aktar ikkonċernati:

(a)

fuq l-inizjattiva tiegħu stess, biex jinvestiga ksur allegat ta' dan ir-Regolament minn fornitur partikolari ta' servizzi intermedjarji f'diversi Stati Membri; jew

(b)

fuq rakkomandazzjoni tal-Bord, filwaqt li jaġixxi fuq it-talba ta' mill-inqas tliet Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali b’allegazzjoni, abbażi ta’ suspett raġonevoli, ksur minn fornitur partikolari ta' servizzi intermedjarji li jaffettwa r-riċevituri tas-servizz fl-Istati Membri tagħhom.

2.   Kwalunkwe Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li jagħti prova li għandu interess leġittimu li jipparteċipa f'investigazzjoni konġunta skont il-paragrafu 1 jista' jitlob li jagħmel dan. L-investigazzjoni konġunta għandha tiġi konkluża fi żmien tliet xhur minn meta titnieda, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor fost il-parteċipanti.

Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment għandu jikkomunika l-pożizzjoni preliminari tiegħu dwar l-allegat ksur mhux aktar tard minn xahar wara tmiem l-iskadenza msemmija fl-ewwel subparagrafu lill-koordinaturi tas-Servizzi Diġitali kollha, lill-Kummissjoni u lill-Bord. Il-pożizzjoni preliminari għandha tqis il-fehmiet tal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali l-oħra kollha li jipparteċipaw fl-investigazzjoni konġunta. Fejn applikabbli, din il-pożizzjoni preliminari għandha tistipula wkoll il-miżuri ta' infurzar previsti.

3.   Il-Bord jista' jirreferi l-kwistjoni lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 59, meta:

(a)

il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment naqas li jikkomunika l-pożizzjoni preliminari tiegħu sal-iskadenza stabbilita fil-paragrafu 2;

(b)

il-Bord ma jaqbilx b'mod sostanzjali mal-pożizzjoni preliminari kkomunikata mill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment; jew

(c)

il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment naqas li jniedi l-investigazzjoni konġunta minnufih wara r-rakkomandazzjoni mill-Bord skont il-paragrafu 1, punt (b).

4.   Fit-twettiq tal-investigazzjoni konġunta, il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali parteċipanti għandhom jikkooperaw in bona fide ma' xulxin, filwaqt li jqisu, fejn applikabbli, l-indikazzjonijiet tal-Koordinatur tas-Servizz Diġitali tal-istabbiliment u r-rakkomandazzjoni tal-Bord. Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali tad-destinazzjoni li jipparteċipaw fl-investigazzjoni konġunta għandhom ikunu intitolati, fuq talba tal-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment jew wara li jkunu kkonsultawh, li jeżerċitaw is-setgħat ta’ investigazzjoni tagħhom imsemmija fl-Artikolu 51(1) fir-rigward tal-fornituri tas-servizzi intermedjarji kkonċernati mill-allegat ksur, fir-rigward tal-informazzjoni u l-bini li jinsab fit-territorju tagħhom.

TAQSIMA 3

Bord Ewropew għas-Servizzi Diġitali

Artikolu 61

Bord Ewropew għas-Servizzi Diġitali

1.   Huwa stabbilit grupp konsultattiv indipendenti ta' Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali dwar is-superviżjoni tal-fornituri tas-servizzi intermedjarji msejjaħ "Bord Ewropew għas-Servizzi Diġitali" (il-"Bord").

2.   Il-Bord għandu jagħti pariri lill-koordinaturi tas-Servizzi Diġitali u lill-Kummissjoni f'konformità ma' dan ir-Regolament biex jintlaħqu l-objettivi li ġejjin:

(a)

kontribut għall-applikazzjoni konsistenti ta' dan ir-Regolament u għal kooperazzjoni effettiva bejn il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali u l-Kummissjoni rigward kwistjonijiet koperti minn dan ir-Regolament;

(b)

koordinazzjoni u kontribut għal linji gwida u analiżi tal-Kummissjoni u tal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali u ta' awtoritajiet kompetenti oħra dwar kwistjonijiet emerġenti fis-suq intern rigward kwistjonijiet koperti minn dan ir-Regolament;

(c)

assistenza lill-koordinaturi tas-Servizzi Diġitali u lill-Kummissjoni fis-superviżjoni tal-pjattaformi online kbar ħafna.

Artikolu 63

Kompiti tal-Bord

1.   Meta meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 61(2), il-Bord għandu b'mod partikolari:

(a)

jappoġġa l-koordinazzjoni ta' investigazzjonijiet konġunti;

(b)

jappoġġa lill-awtoritajiet kompetenti fl-analiżi tar-rapporti u r-riżultati tal-awditi ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta' magni tat-tiftix online kbar ħafna li jridu jiġu trażmessi skont dan ir-Regolament;

(c)

jagħti opinjonijiet, rakkomandazzjonijiet jew pariri lill-koordinaturi tas-Servizzi Diġitali f'konformità ma' dan ir-Regolament, filwaqt li jqis, b'mod partikolari, l-libertà li jiġu pprovduti servizzi tal-fornituri tas-servizzi intermedjarji;

(d)

jagħti parir lill-Kummissjoni dwar il-miżuri msemmija fl-Artikolu 66 u, jadotta opinjonijiet li jikkonċernaw pjattaformi online kbar ħafna jew magni tat-tiftix online kbar ħafna f'konformità ma' dan ir-Regolament;

(e)

jappoġġja u jippromwovi l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' standards, linji gwida, rapporti, mudelli u kodiċi ta' kondotta Ewropej f'kollaborazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kif previst f'dan ir-Regolament, inkluż billi joħroġ opinjonijiet, rakkomandazzjonijiet jew pariri dwar kwistjonijiet relatati mal-Artikolu 44, kif ukoll l-identifikazzjoni ta' kwistjonijiet emerġenti, fir-rigward ta' kwistjonijiet koperti minn dan ir-Regolament.

2.   Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali u, fejn applikabbli, awtoritajiet kompetenti oħra li ma jimxux mal-opinjonijiet, mat-talbiet jew mar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lilhom adottati mill-Bord għandhom jipprovdu r-raġunijiet għal din l-għażla, flimkien ma' spjegazzjoni dwar l-investigazzjonijiet, l-azzjonijiet u l-miżuri li jkunu implimentaw, meta jirrapportaw skont dan ir-Regolament jew meta jadottaw id-deċiżjonijiet rilevanti tagħhom, kif xieraq.

TAQSIMA 4

Superviżjoni, investigazzjoni, infurzar u monitoraġġ fir-rigward tal-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta' magni tat-tiftix online kbar ħafna

Artikolu 64

Żvilupp tal-għarfien espert u l-kapaċitajiet

1.   Il-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali u l-Bord, għandha tiżviluppa għarfien espert u kapaċitajiet tal-Unjoni, inkluż, fejn xieraq, permezz tas-sekondar ta' persunal tal-Istati Membri.

2.   Barra minn hekk, il-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali u l-Bord, għandha tikkoordina l-valutazzjoni ta' kwistjonijiet sistemiċi u emerġenti madwar l-Unjoni fir-rigward ta' pjattaformi online kbar ħafna jew magni tat-tiftix online kbar ħafna fir-rigward ta’ kwistjonijiet koperti minn dan ir-Regolament.

3.   Il-Kummissjoni tista' titlob lill-koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, lill-Bord u lil korpi, uffiċji u aġenziji oħra tal-Unjoni b'għarfien espert rilevanti biex jappoġġaw il-valutazzjoni tagħhom ta' kwistjonijiet sistemiċi u emerġenti madwar l-Unjoni skont dan ir-Regolament.

4.   L-Istati Membri għandhom jikkooperaw mal-Kummissjoni, b’mod partikolari permezz tal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali rispettivi tagħhom u awtoritajiet kompetenti oħra, fejn applikabbli, inkluż billi jagħmlu disponibbli l-għarfien espert u l-kapaċitajiet tagħhom.

Artikolu 66

Bidu ta' proċedimenti mill-Kummissjoni u kooperazzjoni fl-investigazzjonijiet

1.   Il-Kummissjoni tista' tibda proċedimenti bil-ħsieb tal-adozzjoni possibbli ta' deċiżjonijiet skont l-Artikoli 73 u 74 fir-rigward tal-kondotta rilevanti mill-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna li fil-konfront tiegħu l-Kummissjoni tissuspetta li kiser xi waħda mid-dispożizzjonijiet stipulati f'dan ir-Regolament.

2.   Meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li tibda proċedimenti skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, din għandha tinnotifika lill-koordinaturi tas-Servizzi Diġitali kollha u lill-Bord permezz tas-sistema ta' kondiviżjoni tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 85, kif ukoll lill-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat.

Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għandhom, mingħajr dewmien żejjed wara li jkunu ġew infurmati dwar il-bidu tal-proċedimenti, jibagħtu lill-Kummissjoni kwalunkwe informazzjoni li jkollhom dwar il-ksur inkwistjoni.

Il-bidu ta' proċedimenti skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu mill-Kummissjoni għandha teħles lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali, jew kwalunkwe awtorità kompetenti fejn applikabbli, mis-setgħat ta’ superviżjoni u infurzar previsti f'dan ir-Regolament skont l-Artikolu 56(4).

3.   Fl-eżerċizzju tas-setgħat ta' investigazzjoni tagħha skont dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista' titlob l-appoġġ individwali jew konġunt ta' kwalunkwe Koordinatur tas-Servizzi Diġitali kkonċernat mill-ksur suspettat, inkluż il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment. Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali li jkunu rċevew tali talba, u, meta jkunu involuti mill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali, kwalunkwe awtorità kompetenti oħra, għandhom jikkooperaw b'mod sinċier u fil-ħin mal-Kummissjoni u għandhom ikunu intitolati jeżerċitaw is-setgħat ta’ investigazzjoni tagħhom msemmija fl-Artikolu 51(1) fir-rigward tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna inkwistjoni, għal dak li jikkonċerna l-informazzjoni, il-persuni u l-bini li jinsabu fit-territorju tal-Istat Membru tagħhom u f'konformità mat-talba.

4.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment u lill-Bord informazzjoni rilevanti kollha dwar l-eżerċizzju tas-setgħat imsemmija fl-Artikoli 67 sa 72 u dwar is-sejbiet preliminari tagħha imsemmija l-Artikolu 79(1). Il-Bord għandu jissottometti l-fehmiet tiegħu dwar dawk is-sejbiet preliminari lill-Kummissjoni fil-perjodu stipulat skont l-Artikolu 79(2). Il-Kummissjoni għandha tqis bis-sħiħ kwalunkwe fehma tal-Bord fid-deċiżjoni tagħha.

Artikolu 67

Talbiet għal informazzjoni

1.   Biex twettaq il-kompiti assenjati lilha skont din it-Taqsima, il-Kummissjoni tista', b'talba sempliċi jew b'deċiżjoni, titlob lill-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat, kif ukoll kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika oħra, li jaġixxu għal finijiet relatati mal-kummerċ, man-negozju, mas-sengħa jew mal-professjoni tagħhom u li jaf b'mod raġonevoli li jkollhom konoxxenza ta' informazzjoni relatata mal-ksur suspettat inkluż l-organizzazzjonijiet li jwettqu l-awditi msemmija fl-Artikolu 37 u l-Artikolu 75(2), biex jipprovdu tali informazzjoni f’perjodu raġonevoli.

2.   Meta tibgħat talba sempliċi għall-informazzjoni lill-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat jew persuna oħra msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tindika l-bażi ġuridika u l-fini tat-talba, tispeċifika liema informazzjoni hija meħtieġa u tistabbilixxi l-perjodu li fih għandha tingħata l-informazzjoni, u l-multi previsti fl-Artikolu 74 għall-għoti ta' informazzjoni skorretta, mhux kompluta jew qarrieqa.

3.   Meta l-Kummissjoni titlob lill-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat jew persuna oħra msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jagħtu l-informazzjoni permezz ta' deċiżjoni, din għandha tindika l-bażi ġuridika u l-fini tat-talba, tispeċifika liema informazzjoni hija meħtieġa u tistabbilixxi l-perjodu li matulu trid tingħata. Għandha tindika wkoll il-multi previsti fl-Artikolu 74 u tindika jew timponi l-pagamenti perjodiċi tal-penali previsti fl-Artikolu 76. Għandha tindika wkoll id-dritt għal rieżami tad-deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

4.   Il-fornituri tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernati jew persuna oħra msemmija fil-paragrafu 1 jew ir-rappreżentanti tagħhom u, fil-każ ta' persuni ġuridiċi, kumpanniji jew ditti, jew meta ma jkollhom ebda personalità ġuridika, il-persuni awtorizzati biex jirrappreżentawhom bil-liġi jew bil-kostituzzjoni tagħhom għandhom jipprovdu l-informazzjoni mitluba f'isem il-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat jew persuna oħra msemmija fil-paragrafu 1. L-avukati awtorizzati debitament biex jaġixxu jistgħu jipprovdu l-informazzjoni f'isem il-klijenti tagħhom. Dawn tal-aħħar għandhom jibqgħu responsabbli għalkollox jekk l-informazzjoni mogħtija tkun mhux kompluta, skorretta jew qarrieqa.

5.   Meta jintalbu mill-Kummissjoni, il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali u awtoritajiet kompetenti oħra għandhom jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa lill-Kummissjoni biex twettaq il-kompiti assenjati lilha skont din it-Taqsima.

6.   Il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien żejjed wara li tkun bagħtet it-talba sempliċi jew id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, tibgħat kopja tagħha lill-koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, permezz tas-sistema ta' kondiviżjoni tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 85.

Artikolu 75

Superviżjoni msaħħa ta' rimedji intiżi biex jindirizzaw ksur tal-obbligi previsti fit-Taqsima 5 tal-Kapitolu III

1.   Meta l-Kummissjoni tkun adottat deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 73 relatata ma' ksur minn fornitur ta' pjattaforma online kbira ħafna jew ta' magna tat-tiftix online kbira ħafna ta' xi waħda mid-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 5 tal-Kapitolu III, hija għandha tuża s-sistema ta' superviżjoni msaħħa stipulata f'dan l-Artikolu. Meta tagħmel dan, hija għandha tqis bis-sħiħ kwalunkwe opinjoni tal-Bord skont dan l-Artikolu.

2.   Fid-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 73, il-Kummissjoni għandha titlob lill-fornitur ta' pjattaforma online kbira ħafna jew ta' magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat biex ifassal pjan ta' azzjoni li jistabbilixxi l-miżuri meħtieġa li huma biżżejjed biex jintemm jew jiġi rimedjat il-ksur u jittrażmettih, f’perjodu raġonevoli speċifikat fid-deċiżjoni, lill-koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, lill-Kummissjoni u lill-Bord. Dawk il-miżuri għandhom jinkludu impenn li jitwettaq awditu indipendenti skont l-Artikolu 37(3) u (4) dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri l-oħra, u għandhom jispeċifikaw l-identità tal-awdituri, kif ukoll il-metodoloġija, il-kalendarju u s-segwitu tal-awditu. Il-miżuri jistgħu jinkludu wkoll, fejn xieraq, impenn ta' parteċipazzjoni f'kodiċi ta' kondotta rilevanti, kif previst fl-Artikolu 45.

3.   Fi żmien xahar mill-wasla tal-pjan ta' azzjoni, il-Bord għandu jikkomunika l-opinjoni tiegħu dwar il-pjan ta' azzjoni lill-Kummissjoni. Fi żmien xahar wara li tirċievi dik l-opinjoni, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi jekk il-miżuri stabbiliti fil-pjan ta' azzjoni humiex biżżejjed biex itemmu jew jirrimedjaw il-ksur, u għandha tistabbilixxi perjodu raġonevoli għall-implimentazzjoni tiegħu. L-impenn possibbli ta' aderenza mal-kodiċijiet ta' kondotta rilevanti għandu jitqies f'dik id-deċiżjoni. Il-Kummissjoni għandha sussegwentement tissorvelja l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni. Għal dak il-għan, il-fornitur ta' pjattaforma online kbira ħafna jew ta' magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat għandu jittrażmetti r-rapport tal-awditjar lill-Kummissjoni mingħajr dewmien żejjed wara li jsir disponibbli, u għandu jżomm lill-Kummissjoni aġġornata dwar il-passi meħuda biex jiġi implimentat il-pjan ta’ azzjoni. Meta jkun meħtieġ għal dan il-monitoraġġ, il-Kummissjoni tista' titlob lill-fornitur ta' pjattaforma online kbira ħafna jew ta' magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat biex jipprovdi informazzjoni addizzjonali f'perjodu raġonevoli stabbilit mill-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni għandha żżomm lill-Bord u lill-koordinaturi tas-Servizzi Diġitali infurmati dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni u dwar il-monitoraġġ tiegħu.

4.   Il-Kummissjoni tista' tieħu l-miżuri meħtieġa f'konformità ma' dan ir-Regolament, b'mod partikolari l-Artikolu 76(1), punt (e) u l-Artikolu 82(1), fejn:

(a)

il-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat jonqos milli jipprovdi pjan ta' azzjoni, ir-rapport tal-awditjar, l-aġġornamenti meħtieġa jew kwalunkwe informazzjoni addizzjonali meħtieġa, fil-perjodu applikabbli;

(b)

il-Kummissjoni tirrifjuta l-pjan ta' azzjoni propost minħabba li tqis li l-miżuri stabbiliti fih mhumiex biżżejjed biex itemmu jew jirrimedjaw il-ksur; jew

(c)

il-Kummissjoni tqis abbażi tar-rapport tal-awditjar, kwalunkwe aġġornament jew informazzjoni addizzjonali pprovduta jew kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra disponibbli għaliha, li l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni mhijiex biżżejjed biex ittemm jew tirrimedja l-ksur.


whereas









keyboard_arrow_down