search


keyboard_tab Digital Service Act 2022/2065 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2022/2065 MT cercato: 'l-prinċipji' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index l-prinċipji:

    KAPITOLU I
    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    KAPITOLU II
    RESPONSABBILTÀ TAL-FORNITURI TAS-SERVIZZI INTERMEDJARJI
  • 1 Artikolu 9 Ordnijiet għal azzjoni kontra kontenut illegali

  • KAPITOLU III
    OBBLIGI TAD-DILIĠENZA DOVUTA GĦAL AMBJENT ONLINE TRASPARENTI U SIKUR

    TAQSIMA 1
    Dispożizzjonijiet applikabbli għall-fornituri kollha ta' servizzi intermedjarji

    TAQSIMA 2
    Dispożizzjonijiet addizzjonali applikabbli għall-fornituri ta' servizzi ta' hosting, inklużi l- pjattaformi online

    TAQSIMA 3
    Dispożizzjonijiet addizzjonali applikabbli għal fornituri ta' pjattaformi online

    TAQSIMA 4
    Dispożizzjonijiet addizzjonali applikabbli għall-fornituri ta' pjattaformi online li jippermettu lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma' kummerċjanti

    TAQSIMA 5
    Obbligi addizzjonali fuq il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għall-ġestjoni tar-riskji sistemiċi

    TAQSIMA 6
    Dispożizzjonijiet oħra dwar l-obbligi ta' diliġenza dovuta
  • 3 Artikolu 43 Tariffa superviżorja

  • KAPITOLU IV
    IMPLIMENTAZZJONI, KOOPERAZZJONI, PENALI U INFURZAR

    TAQSIMA 1
    Awtoritajiet kompetenti u Koordinaturi nazzjonali tas-Servizzi Diġitali
  • 1 Artikolu 51 Setgħat tal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali

  • TAQSIMA 2
    Kompetenzi, investigazzjoni koordinata u mekkaniżmi ta' konsistenza

    TAQSIMA 3
    Bord Ewropew għas-Servizzi Diġitali

    TAQSIMA 4
    Superviżjoni, investigazzjoni, infurzar u monitoraġġ fir-rigward tal-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta' magni tat-tiftix online kbar ħafna

    TAQSIMA 5
    Dispożizzjonijiet komuni dwar l-infurzar

    TAQSIMA 6
    Atti delegati u atti ta’ implimentazzjoni
  • 1 Artikolu 87 Eżerċizzju tad-delega

  • KAPITOLU V
    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI


whereas l-prinċipji:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 1006

 

Artikolu 9

Ordnijiet għal azzjoni kontra kontenut illegali

1.   Malli jirċievu ordni biex jaġixxu kontra oġġett speċifiku wieħed jew aktar ta' kontenut illegali, maħruġa mill-awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi nazzjonali rilevanti, abbażi tal-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali applikabbli, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni, jinformaw lill-awtorità li toħroġ l-ordni jew lil kwalunkwe awtorità oħra speċifikata fl-ordni dwar kwalunkwe effett mogħti lill-ordni, mingħajr dewmien żejjed, u jispeċifikaw jekk u meta ngħata effett lill-ordni.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta ordni msemmija fil-paragrafu 1 tiġi trażmessa lill-fornitur, din tkun tissodisfa mill-inqas il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

dik l-ordni jkun fiha l-elementi li ġejjin:

(i)

referenza għall-bażi legali skont il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali għall-ordni;

(ii)

dikjarazzjoni tar-raġunijiet li tispjega għalfejn l-informazzjoni hija kontenut illegali, b'referenza għal dispożizzjoni speċifika waħda jew aktar tal-liġi tal-Unjoni jew tal-liġi nazzjonali f'konformità mal-liġi tal-Unjoni;

(iii)

informazzjoni dwar identifikazzjoni tal-awtorità emittenti;

(iv)

informazzjoni ċara li tippermetti lill-fornitur tas-servizzi intermedjarji jidentifika u jillokalizza l-kontenut illegali kkonċernat, bħal URL preċiż wieħed jew aktar u, fejn meħtieġ, informazzjoni addizzjonali;

(v)

informazzjoni dwar mekkaniżmi ta' rimedju disponibbli għall-fornitur tas-servizzi intermedjarji u għar-riċevitur tas-servizz li pprovda l-kontenut;

(vi)

fejn applikabbli, informazzjoni dwar liema awtorità tirċievi l-informazzjoni dwar l-effett mogħti lill-ordnijiet;

(b)

il-kamp ta' applikazzjoni territorjali ta’ dik l-ordni, abbażi tar-regoli applikabbli tal-liġi tal-Unjoni u nazzjonali, inkluża l-Karta, u, meta rilevanti, il-prinċipji ġenerali tal-liġi internazzjonali, ikun limitat għal dak meħtieġ strettament biex jintlaħaq l-objettiv tiegħu;

(c)

dik l-ordni tiġi trażmessa b'waħda mil-lingwi ddikjarati mill-fornitur ta’ servizzi intermedjarji skont l-Artikolu 11(3) jew b'lingwa uffiċjali oħra tal-Istati Membri, maqbula bejn l-awtorità li toħroġ l-ordni u dak l-fornitur, u tintbagħat lill-punt ta' kuntatt elettroniku, iddeżinjat minn dak il-fornitur, f'konformità mal-Artikolu 11; meta l-ordni ma tkunx abbozzata bil-lingwa ddikjarata mill-fornitur ta’ servizzi intermedjarji jew b'lingwa oħra maqbula bilateralment, l-ordni tista' tiġi trażmessa bil-lingwa tal-awtorità li toħroġ l-ordni, diment li tkun akkumpanjata minn traduzzjoni f’tali lingwa ddikjarata jew maqbula bilateralment ta' mill-inqas l-elementi stipulati fil-punti (a) u (b) ta' dan il-paragrafu.

3.   L-awtorità li toħroġ l-ordni jew, fejn applikabbli, l-awtorità speċifikata fl-ordni, għandha tittrażmetti dik l-ordni, flimkien ma’ kwalunkwe informazzjoni riċevuta mill-fornitur tas-servizzi intermedjarji dwar l-effett mogħti lil dik l-ordni lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali mill-Istat Membru tal-awtorità emittenti.

4.   Wara li jirċievi l-ordni mill-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat Membru kkonċernat għandu, mingħajr dewmien żejjed, jibgħat kopja tal-ordni imsemmija fil-paragrafu 1 lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali l-oħra kollha permezz tas-sistema stabbilita f'konformità mal-Artikolu 85.

5.   Sa mhux aktar tard minn meta jingħata effett lill-ordni jew, fejn applikabbli, fil-ħin stipulat mill-awtorità emittenti fl-ordni tagħha, il-fornituri ta' servizzi intermedjarji għandhom jinfurmaw lir-riċevitur tas-servizz ikkonċernat dwar l-ordni riċevuta u l-effett mogħti lilha. Tali informazzjoni provduta lir-riċevitur tas-servizz għandha tinkludi dikjarazzjoni tar-raġunijiet, il-possibbiltajiet ta' rimedju li jeżistu, u deskrizzjoni tal-kamp ta' applikazzjoni territorjali tal-ordni, f’konformità mal-paragrafu 2.

6.   Il-kondizzjonijiet u r-rekwiżiti stabbiliti f'dan l-Artikolu għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għal-liġi proċedurali ċivili u kriminali nazzjonali.

Artikolu 43

Tariffa superviżorja

1.   Il-Kummissjoni għandha timponi tariffa superviżorja annwali fuq il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħadna u magni tat-tiftix online kbar ħafna mad-deżinjazzjoni tagħhom skont l-Artikolu 33.

2.   L-ammont globali tat-tariffi superviżorji annwali għandu jkopri l-ispejjeż stmati li l-Kummissjoni ġġarrab fir-rigward tal-kompiti superviżorji tagħha skont dan ir-Regolament, b'mod partikolari l-ispejjeż relatati man-nomina skont l-Artikolu 33, l-istabbiliment, il-manutenzjoni u l-operat tal-bażi tad-data skont l-Artikolu 24(5) u s-sistema ta' kondiviżjoni tal-informazzjoni skont l-Artikolu 85, ir-riferimenti skont l-Artikolu 59, l-appoġġ lill-Bord skont l-Artikolu 62 u l-kompiti superviżorji skont l-Artikolu 56 u t-Taqsima 4 tal-Kapitolu IV.

3.   Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jintalbu jħallsu tariffa superviżorja annwali għal kull servizz li għalih ikunu ġew deżinjati skont l-Artikolu 33.

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu l-ammont tat-tariffa superviżorja annwali fir-rigward ta' kull fornitur ta' pjattaformi online kbira ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna. Meta tadotta dawk l-atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tapplika l-metodoloġija stabbilita fl-att delegat msemmi fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu u għandha tirrispetta l-prinċipji stabbiliti fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 88.

4.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati, f’konformità mal-Artikolu 87, li jistabbilixxu l-metodoloġija dettaljata u l-proċeduri għal:

(a)

id-determinazzjoni tal-ispejjeż imsemmija fil-paragrafu 2;

(b)

id-determinazzjoni tat-tariffi superviżorji annwali individwali msemmija fil-paragrafu 5, punti (b) u (c);

(c)

id-determinazzjoni tal-limitu globali massimu definit fil-paragrafu 5, punt (c); u

(d)

l-arranġamenti dettaljati neċessarji biex isiru l-pagamenti.

Meta tadotta dawk l-atti delegati, il-Kummissjoni għandha tirrispetta l-prinċipji stabbiliti fil-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu.

5.   L-att ta' implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 3 u l-att delegat imsemmi fil-paragrafu 4 għandhom jirrispettaw il-prinċipji li ġejjin:

(a)

l-istima tal-ammont kumplessiv tat-tariffa superviżorja annwali tqis l-ispejjeż imġarrba fis-sena preċedenti;

(b)

it-tariffa superviżorja annwali hija proporzjonata għall-medja fix-xahar ta' riċevituri attivi fl-Unjoni ta' kull pjattaforma online kbira ħafna jew kull magna tat-tiftix online kbira ħafna iddeżinjati skont l-Artikolu 33;

(c)

l-ammont totali tat-tariffa superviżorja annwali imposta fuq fornitur partikolari ta' pjattaforma online kbira ħafna jew magna tat-tiftix online kbira ħafna ma għandu, fl-ebda każ, jaqbeż iż-0,05 % tal-introjtu nett annwali globali tiegħu fis-sena finanzjarja preċedenti.

6.   It-tariffi superviżorji annwali individwali mħallsa skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandhom jikkostitwixxu dħul assenjat estern skont l-Artikolu 21(5) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (41).

7.   Il-Kummissjoni għandha tirrapporta kull sena lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-ammont globali tal-ispejjeż imġarrba għat-twettiq tal-kompiti skont dan ir-Regolament u l-ammont totali tat-tariffi superviżorji annwali individwali imposti fis-sena preċedenti.

TAQSIMA 6

Dispożizzjonijiet oħra dwar l-obbligi ta' diliġenza dovuta

Artikolu 51

Setgħat tal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali

1.   Meta meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tagħhom fl-ambitu ta' dan ir-Regolament, il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għandu jkollhom is-setgħat ta' investigazzjoni li ġejjin, fir-rigward tal-kondotta minn fornituri tas-servizzi intermedjarji li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istat Membru tagħhom:

(a)

is-setgħa li jitolbu li dawk il-fornituri, u kull persuna oħra li taġixxi għal finijiet relatati mal-kummerċ, man-negozju, mas-sengħa jew mal-professjoni tagħhom li jaf b'mod raġonevoli jkollha konoxxenza ta' informazzjoni relatata ma' suspettat ksur ta' dan ir-Regolament, inkluż organizzazzjonijiet li jwettqu l-awditi msemmija fl-Artikoli 37 u l-Artikolu 75(2), biex jipprovdu din l-informazzjoni mingħajr dewmien żejjed;

(b)

is-setgħa li jwettqu, jew li jitolbu awtorità ġudizzjarja fl-Istat Membru tagħhom biex tordna, spezzjonijiet fuq il-post ta' xi stabbiliment li jintuża minn dawk il-fornituri jew minn dawk il-persuni għal finijiet relatati mal-kummerċ, man-negozju, mas-sengħa jew mal-professjoni tagħhom, jew li jitolbu lil awtoritajiet pubbliċi oħra biex jagħmlu dan, biex jeżaminaw, jikkonfiskaw, jieħdu jew jiksbu kopji ta' informazzjoni relatata ma' suspettat ksur ta' xi forma, irrispettivament mill-mezz tal-ħżin;

(c)

is-setgħa li jitolbu lil xi membru tal-persunal jew rappreżentant ta' dawk il-fornituri jew dawk il-persuni biex jagħtu spjegazzjonijiet dwar xi informazzjoni relatata ma' suspettat ksur u biex jirreġistraw it-tweġibiet bil-kunsens tagħhom bi kwalunkwe mezz tekniku.

2.   Meta meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tagħhom fl-ambitu ta' dan ir-Regolament, il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għandu jkollhom is-setgħat ta' infurzar li ġejjin, fir-rigward tal-fornituri ta' servizzi intermedjarji li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istat Membru tagħhom:

(a)

is-setgħa li jaċċettaw l-impenji offruti minn dawk il-fornituri b'rabta mal-konformità tagħhom ma' dan ir-Regolament u li jagħmlu dawk l-impenji vinkolanti;

(b)

is-setgħa li jordnaw il-waqfien ta' ksur u, meta xieraq, li jimponu rimedji proporzjonati għall-ksur u meħtieġa biex itemmu l-ksur b'mod effettiv, jew li jitolbu awtorità ġudizzjarja fl-Istat Membru tagħhom biex tagħmel dan;

(c)

is-setgħa li jimponu multi, jew li jitolbu awtorità ġudizzjarja fl-Istat Membru tagħhom tagħmel dan, f'konformità mal-Artikolu 52 għal nuqqas ta' konformità ma' dan ir-Regolament, inkluż ma' xi ordni investigattiva maħruġa skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu;

(d)

is-setgħa li jimponu pagament perjodiku ta' penali, jew li jitolbu awtorità ġudizzjarja fl-Istat Membru tagħhom tagħmel dan, f'konformità mal-Artikolu 52 biex jiżguraw li ksur jintemm f'konformità ma' ordni maħruġa skont il-punt (b) ta' dan is-subparagrafu jew għal nuqqas ta' konformità ma' xi ordni investigattiva maħruġa skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu;

(e)

is-setgħa li jadottaw miżuri interim, jew li jitolbu awtorità ġudizzjarja fl-Istat Membru tagħhom tagħmel dan, biex ikun evitat ir-riskju ta' ħsara serja.

Fir-rigward tal-punti (c) u (d) tal-ewwel subparagrafu, il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għandu jkollhom ukoll is-setgħat ta' infurzar stabbiliti f'dawk il-punti fir-rigward tal-persuni l-oħra msemmija fil-paragrafu 1 għal nuqqas ta' konformità ma' xi ordni maħruġa lilhom skont dak il-paragrafu. Dawn għandhom jeżerċitaw dawk is-setgħat ta' infurzar biss wara li jkunu pprovdew lil dawk il-persuni l-oħra fi żmien xieraq l-informazzjoni rilevanti kollha relatata ma' dawn l-ordnijiet, inkluż il-perjodu applikabbli, il-multi jew il-pagamenti perjodiċi li jistgħu jiġu imposti għal nuqqas ta' konformità, u l-possibbiltajiet ta' rimedju.

3.   Meta jkun meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tagħhom fl-ambitu ta' dan ir-Regolament, il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, fir-rigward tal-fornituri tas-servizzi intermedjarji li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istat Membru tagħhom, meta jkunu ġew eżawriti s-setgħat l-oħra kollha skont dan l-Artikolu li jwasslu għall-waqfien ta' ksur u l-ksur ma jkunx ġie rimedjat jew qed ikompli u jkun qed jikkawża ħsara serja li ma tistax tkun evitata bl-eżerċizzju ta' setgħat oħra disponibbli skont il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali, għandu jkollhom ukoll is-setgħa li jieħdu l-miżuri li ġejjin:

(a)

li jeżiġu li l-korp maniġerjali ta' dawk il-fornituri, mingħajr dewmien żejjed, jeżamina s-sitwazzjoni, jadotta u jippreżenta pjan ta' azzjoni li jistabbilixxi l-miżuri meħtieġa biex jintemm il-ksur, jiżgura li l-fornitur jieħu dawk il-miżuri, u jirrapporta dwar il-miżuri meħuda;

(b)

meta l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jidhirlu li fornitur ta' servizzi intermedjarji ma kkonformax biżżejjed mar-rekwiżiti msemmija fil-punt (a), li l-ksur għadu ma jkunx ġie rimedjat jew qed jitkompla u qed jikkawża ħsara serja, u li dak l-ksur jinvolvi reat kriminali li jinvolvi theddida għall-ħajja jew għas-sigurtà tal-persuni, li jitlob li l-awtorità ġudizzjarja kompetenti tal-Istat Membru tiegħu tordna r-restrizzjoni temporanja tal-aċċess tar-riċevituri għas-servizz ikkonċernat mill-ksur jew, biss meta dan ma jkunx fattibbli teknikament, għall-interfaċċa online tal-fornitur tas-servizzi intermedjarji li fuqhom iseħħ il-ksur.

Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali għandu, għajr meta jaġixxi skont it-talba tal-Kummissjoni msemmija fl-Artikolu 82, qabel ma jippreżenta t-talba msemmija fl-ewwel subparagrafu, punt (b), ta’ dan il-paragrafu jistieden lill-partijiet interessati biex jissottomettu osservazzjonijiet bil-miktub f'perjodu li ma għandux ikun inqas minn ġimagħtejn, ħalli jiddeskrivu l-miżuri li jkun beħsiebhom jitolbu u jidentifikaw id-destinatarju jew id-destinatarji intenzjonati tagħhom. Il-fornitur ta' servizzi intermedjarji, id-destinatarju jew id-destinatarji maħsuba u kull parti terza oħra li turi interess leġittimu għandhom ikunu intitolati biex jieħdu sehem fil-proċedimenti quddiem l-awtorità ġudizzjarja kompetenti. Kull miżura ordnata għandha tkun proporzjonata man-natura, mal-gravità, mar-rikorrenza u mat-tul tal-ksur, mingħajr ma tillimita bla bżonn l-aċċess għal informazzjoni legali mir-riċevituri tas-servizz ikkonċernat.

Ir-restrizzjoni ta' aċċess għandha tkun għal perjodu ta' erba' ġimgħat, soġġetta għall-possibbiltà li l-awtorità ġudizzjarja kompetenti, fl-ordni tagħha, tippermetti lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jestendi dak il-perjodu għal perijodi oħra tal-istess tul, soġġetti għal għadd massimu ta' estensjonijiet stabbiliti minn dik l-awtorità ġudizzjarja. Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali għandu jestendi biss il-perjodu meta, fid-dawl tad-drittijiet u tal-interessi tal-partijiet kollha affettwati minn dik ir-restrizzjoni u ċ-ċirkostanzi rilevanti kollha, inkluż kull informazzjoni li l-fornitur ta' servizzi intermedjarji, id-destinatarju jew id-destinatarji u kull parti terza oħra li tkun uriet interess leġittimu tista' tipprovdilu, jqis li ġew issodisfati ż-żewġ kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-fornitur ta' servizzi intermedjarji jkun naqas milli jieħu l-miżuri meħtieġa biex itemm il-ksur;

(b)

ir-restrizzjoni temporanja ma tillimitax indebitament l-aċċess għal informazzjoni legali mir-riċevituri tas-servizz, filwaqt li jitqies l-għadd ta' riċevituri affettwati u jekk jeżistux alternattivi adegwati u aċċessibbli faċilment.

Meta l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jidhirlu li l-kondizzjonijiet stabbiliti fit-tielet subparagrafu, punti (a) u (b), dawk iż-żewġ kondizzjonijiet ġew issodisfati iżda ma jkunx jista' jibqa' jestendi l-perjodu skont it-tielet subparagrafu, dan għandu jissottometti talba ġdida lill-awtorità ġudizzjarja kompetenti, kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu, punt (b).

4.   Is-setgħat elenkati fil-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għat-Taqsima 3.

5.   Il-miżuri meħuda mill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom elenkati fil-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom ikunu effettivi, dissważivi u proporzjonati, filwaqt li jqisu, b'mod partikolari, in-natura, il-gravità, ir-rikorrenza u t-tul tal-ksur jew tas-suspettat ksur li miegħu jirrelataw dawk il-miżuri, kif ukoll il-kapaċità ekonomika, teknika u operazzjonali tal-fornitur tas-servizzi intermedjarji kkonċernat, meta rilevanti.

6.   L-Istati Membri għandhom jistipulaw kondizzjonijiet u proċeduri speċifiċi għall-eżerċizzju tas-setgħat skont il-paragrafi 1, 2 u 3 u għandhom jiżguraw li kwalunkwe eżerċizzju ta' dawk is-setgħat ikun soġġett għal salvagwardji adegwati stipulati fil-liġi nazzjonali applikabbli f'konformità mal-Karta u mal-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Unjoni. B'mod partikolari, dawk il-miżuri għandhom jittieħdu biss f'konformità mad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u d-drittijiet tad-difiża, inkluż id-drittijiet ta' smigħ u ta' aċċess għall-fajl, u soġġetti għad-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv tal-partijiet affettwati kollha.

Artikolu 87

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikoli 24, 33, 37, 40 u 43 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal ħames snin mis-16 ta’ Novembru 2022. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux aktar tard minn disa' xhur qabel tmiem tal-perjodu ta' ħames snin. Id-delega ta' setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta' żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perjodu.

3.   Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikoli 24, 33, 37, 40 u 43 tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma’ tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikoli 24, 33, 37, 40 u 43 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien tliet xhur min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 93

Dħul fis-seħħ u applikabbiltà

1.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Dan ir-Regolament għandu japplika mis-17 ta’ Frar 2024.

Madankollu, l-Artikolu 24(2), (3) u (6), l-Artikolu 33(3) sa (6), l-Artikolu 37(7), l-Artikolu 40(13), l-Artikolu 43 u t-Taqsimiet 4, 5 u 6 tal-Kapitolu IV għandhom japplikaw mis-16 ta’ Novembru 2022.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, id-19 ta’ Ottubru 2022.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

M. BEK


(1)  ĠU C 286, 16.7.2021, p. 70.

(2)  ĠU C 440, 29.10.2021, p. 67.

(3)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ Lulju 2022 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-4 ta’ Ottubru 2022.

(4)  Id-Direttiva 2000/31/EC tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1).

(5)  Id-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta' informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU L 241, 17.9.2015, p. 1).

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU L 351, 20.12.2012, p. 1).

(7)  Id-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta' servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva) (ĠU L 95, 15.4.2010, p. 1).

(8)  Ir-Regolament (UE) 2019/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu ta' prekursuri tal-isplussivi, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 98/2013 (ĠU L 186, 11.7.2019, p. 1).

(9)  Ir-Regolament (UE) 2019/1150 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar il-promozzjoni tal-korrettezza u tat-trasparenza għall-utenti kummerċjali tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online (ĠU L 186, 11.7.2019, p. 57).

(10)  Ir-Regolament (UE) 2021/784 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2021 dwar l-indirizzar tad-disseminazzjoni ta' kontenut terroristiku online (ĠU L 172, 17.5.2021, p. 79).

(11)  Ir-Regolament (UE) 2021/1232 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Lulju 2021 dwar deroga temporanja minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/58/KE fir-rigward tal-użu ta' teknoloġiji minn fornituri tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri għall-ipproċessar ta' data personali u data oħra għall-iskop tal-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal online (ĠU L 274, 30.7.2021, p. 41).

(12)  Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37).

(13)  Ir-Regolament (UE) 2017/2394 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2017 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (ĠU L 345, 27.12.2017, p. 1).

(14)  Ir-Regolament (UE) 2019/1020 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar is-sorveljanza tas-suq u l-konformità tal-prodotti u li jemenda d-Direttiva 2004/42/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 765/2008 u (UE) Nru 305/2011 (ĠU L 169, 25.6.2019, p. 1).

(15)  Id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' Diċembru 2001 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti (ĠU L 11, 15.1.2002, p. 4).

(16)  Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22).

(17)  Id-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 64).

(18)  Id-Direttiva 2013/11/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim tal-konsumaturi u li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2009/22/KE (ĠU L 165, 18.6.2013, p. 63).

(19)  Id-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta' April 1993 dwar klawżoli inġusti f'kuntratti mal-konsumatur (ĠU L 95, 21.4.1993, p. 29).

(20)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(21)  Id-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerti aspetti ta' drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU L 167, 22.6.2001, p. 10).

(22)  Id-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. (ĠU L 157, 30.4.2004, p. 45).

(23)  Id-Direttiva (UE) 2019/790 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-Suq Uniku Diġitali u li temenda d-Direttivi 96/9/KE u 2001/29/KE (ĠU L 130, 17.5.2019, p. 92).

(24)  Id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ĠU L 321, 17.12.2018, p. 36).

(25)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta' Mejju 2003 rigward id-definizzjoni ta' intrapriżi mikro, żgħar u medji (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).

(26)  Id-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/ĠAI (ĠU L 335, 17.12.2011, p. 1).

(27)  Id-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI (ĠU L 101, 15.4.2011, p. 1).

(28)  Id-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2017 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI u li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI (ĠU L 88, 31.3.2017, p. 6).

(29)  Ir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI (ĠU L 135, 24.5.2016, p. 53).

(30)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2021/514 tat-22 ta' Marzu 2021 li temenda d-Direttiva 2011/16/UE dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni (ĠU L 104, 25.3.2021, p. 1).

(31)  Id-Direttiva 98/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 1998 dwar il-protezzjoni tal-konsumatur fl-indikazzjoni tal-prezzijiet ta' prodotti offruti lill-konsumaturi (ĠU L 80, 18.3.1998, p. 27).

(32)  Id-Direttiva (UE) 2016/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni ta' konoxxenza u ta' informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali (sigrieti kummerċjali) kontra l-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali tagħhom (ĠU L 157, 15.6.2016, p. 1).

(33)  Id-Direttiva (UE) 2020/1828 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2020 dwar azzjonijiet rappreżentattivi għall-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi, u li tħassar id-Direttiva 2009/22/KE (ĠU L 409, 4.12.2020, p. 1).

(34)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(35)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(36)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(37)  ĠU C 149, 27.4.2021, p. 3.

(38)  Id-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 dwar ir-rekwiżiti ta' aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi (ĠU L 151, 7.6.2019, p. 70).

(39)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta' Jannar 2004 dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1).

(40)  Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73).

(41)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).



whereas









keyboard_arrow_down