search


keyboard_tab Digital Service Act 2022/2065 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2022/2065 MT cercato: 'l-ebda' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index l-ebda:


whereas l-ebda:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 863

 

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għas-servizzi intermedjarji offruti lir-riċevituri tas-servizz li jkollhom il-post ta' stabbiliment tagħhom jew ikunu jinsabu fl-Unjoni, irrispettivament minn fejn il-fornituri ta' dawk is-servizzi intermedjarji jkollhom il-post ta' stabbiliment tagħhom.

2.   Dan ir-Regolament ma għandu japplika għall-ebda servizz li ma jkunx servizz intermedjarju u għall-ebda rekwiżit impost fir-rigward ta' tali servizz, irrispettivament minn jekk is-servizz jiġix ipprovdut permezz tal-użu ta' servizz intermedjarju.

3.   Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa l-applikazzjoni tad-Direttiva 2000/31/KE.

4.   Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għar-regoli stipulati minn atti legali oħra tal-Unjoni li jirregolaw aspetti oħra tal-forniment ta' servizzi intermedjarji fis-suq intern jew li jispeċifikaw u jikkomplementaw dan ir-Regolament, b'mod partikolari, dawn li ġejjin:

(a)

id-Direttiva 2010/13/UE;

(b)

il-liġi tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati;

(c)

ir-Regolament (UE) 2021/784;

(d)

ir-Regolament (UE) 2019/1148;

(e)

ir-Regolament (UE) 2019/1150;

(f)

il-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur u s-sikurezza tal-prodotti, inklużi r-Regolamenti (UE) 2017/2394 u (UE) 2019/1020 u d-Direttivi 2001/95/KE u 2013/11/UE;

(g)

il-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali, b'mod partikolari r-Regolament (UE) 2016/679 u d-Direttiva 2002/58/KE;

(h)

il-liġi tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili, b'mod partikolari r-Regolament (UE) Nru 1215/2012 jew kwalunkwe att legali tal-Unjoni li jistabbilixxi regoli dwar il-liġi applikabbli għal obbligi kuntrattwali u mhux kuntrattwali;

(i)

il-liġi tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali, b'mod partikolari r-Regolament dwar l-Ordnijiet ta' Produzzjoni u ta' Preservazzjoni Ewropej għall-evidenza elettronika f'materji kriminali;

(j)

Direttiva li tistabbilixxi regoli armonizzati dwar il-ħatra ta' rappreżentanti legali għall-finijiet tal-ġbir tal-evidenza fi proċeduri kriminali.

Artikolu 8

l-ebda obbligu ta' monitoraġġ ġenerali jew ta' tiftix attiv tal-fatti

Fuq dawk il-fornituri ma għandu jiġi impost l-ebda obbligu ta' monitoraġġ tal-informazzjoni li jittrażmettu jew jaħżnu l-fornituri tas-servizzi intermedjarji, jew ta' tiftix attiv tal-fatti jew ta' ċirkostanzi li jindikaw attività illegali.

Artikolu 37

Awditu indipendenti

1.   Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom ikunu soġġetti, bi spejjeż tagħhom stess u mill-inqas darba fis-sena, għal awditi indipendenti biex jivvalutaw il-konformità ma' dawn li ġejjin:

(a)

l-obbligi stabbiliti fil-Kapitolu III;

(b)

kull impenn meħud skont il-kodiċijiet ta' kondotta msemmija fl-Artikoli 45 u 46 u l-protokolli ta' kriżi msemmija fl-Artikolu 48.

2.   Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jipprovdu l-kooperazzjoni u l-assistenza meħtieġa lill-organizzazzjonijiet li jwettqu l-awditi skont dan l-Artikolu biex ikunu jistgħu jwettqu dawk l-awditi b'mod effettiv, effiċjenti u fil-ħin, inkluż billi jagħtuhom aċċess għad-data u l-bini rilevanti kollha u billi jwieġbu mistoqsijiet orali jew bil-miktub. Ma għandhomx ifixklu, jinfluwenzaw bla bżonn jew jimminaw it-twettiq tal-awditu.

Tali awditi għandhom jiżguraw livell adegwat ta’ kunfidenzjalità u segretezza professjonali fir-rigward tal-informazzjoni miksuba mill-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna u partijiet terzi fil-kuntest tal-awditi, inkluż wara l-għeluq tal-awditi. Madankollu, il-konformità ma' dak ir-rekwiżit ma għandhiex taffettwa b’mod negattiv it-twettiq tal-awditi u dispożizzjonijiet oħra ta' dan ir-Regolament, b'mod partikolari dawk dwar it-trasparenza, is-superviżjoni u l-infurzar. Fejn ikun meħtieġ għall-fini tar-rapportar dwar it-trasparenza skont l-Artikolu 42(4), ir-rapport tal-awditu u r-rapport ta' implimentazzjoni tal-awditu msemmija fil-paragrafi 4 u 6 ta' dan l-Artikolu għandhom jiġu akkumpanjati minn verżjonijiet li ma jkun fihom l-ebda informazzjoni li tista' raġonevolment titqies kunfidenzjali.

3.   L-awditi mwettqa skont il-paragrafu 1 għandhom jitwettqu minn organizzazzjonijiet li:

(a)

ikunu indipendenti mill-fornitur ta’ pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna kkonċernat u ma jkollhom l-ebda kunflitt ta' interess miegħu jew ma' kwalunkwe persuna ġuridika konnessa ma' dak il-fornitur; b'mod partikolari:

(i)

ma jkunux ipprovdew servizzi mhux ta' awditjar iżda relatati mal-kwistjonijiet awditjati lill-fornitur ta’ pjattaforma online kbira ħafna jew ta’ magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat u lil kwalunkwe persuna ġuridika konnessa ma' dak il-fornitur fil-perjodu ta' 12-il xahar qabel jibda l-awditu u jkunu impenjaw ruħhom li ma jipprovduhomx b’dawn is-servizzi fil-perjodu ta' 12-il xahar wara li jitlesta l-awditu;

(ii)

ma jkunux ipprovdew servizzi ta' awditjar skont dan l-Artikolu lill-fornitur ta’ pjattaforma online kbira ħafna jew ta’ magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat u lil kwalunkwe persuna ġuridika konnessa ma' dak il-fornitur f'perjodu itwal minn 10 snin konsekuttivi;

(iii)

ma tkunx qed twettaq l-awditu bi ħlas li jkun kontinġenti fuq ir-riżultat tal-awditu;

(b)

ikollhom għarfien espert ippruvat fil-qasam tal-ġestjoni tar-riskju, il-kompetenza teknika u l-kapaċitajiet;

(c)

ikollhom oġġettività ppruvata u etika professjonali, ibbażata b'mod partikolari fuq l-aderenza ma' kodiċijiet ta' prattika jew standards xierqa.

4.   Il-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jiżguraw li l-organizzazzjonijiet li jwettqu l-awditi għandhom jistabbilixxu rapport tal-awditu għal kull awditu. Dak ir-rapport għandu jkun sostanzjat, bil-miktub, u jinkludi mill-inqas dan li ġej:

(a)

l-isem, l-indirizz u l-punt ta' kuntatt tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbar ħafna soġġetta għall-awditu u l-perjodu kopert;

(b)

l-isem u l-indirizz tal-organizzazzjoni jew l-organizzazzjonijiet inkarigati mit-twettiq tal-awditu;

(c)

dikjarazzjoni tal-interessi;

(d)

deskrizzjoni tal-elementi speċifiċi awditjati, u l-metodoloġija applikata;

(e)

deskrizzjoni u sommarju tal-konklużjonijiet ewlenin misluta mill-awditu;

(f)

lista tal-partijiet terzi kkonsultati bħala parti mill-awditu;

(g)

opinjoni tal-awditu dwar jekk il-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna soġġett għall-awditu kkonformax mal-obbligi u mal-impenji msemmija fil-paragrafu 1, jiġifieri opinjoni “pożittiva”, “pożittiva b'xi kummenti” jew “negattiva”;

(h)

meta l-opinjoni tal-awditu ma tkunx pożittiva, isiru rakkomandazzjonijiet operazzjonali dwar miżuri speċifiċi biex tinkiseb il-konformità u dwar il-kalendarju rrikkmandat għall-kisba tagħha.

5.   Jekk l-organizzazzjoni li twettaq l-awditu ma tkunx setgħet tivverifika ċerti elementi speċifiċi jew tesprimi opinjoni dwar l-awditu abbażi tal-investigazzjonijiet tagħha, ir-rapport tal-awditu għandu jinkludi spjegazzjoni taċ-ċirkostanzi u r-raġunijiet għaliex dawk l-elementi ma jkunux setgħu jiġu awditjati.

6.   Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna li jirċievu rapport tal-awditu li ma jkunx “pożittiv” għandhom iqisu r-rakkomandazzjoni operazzjonali indirizzati lilhom bil-ħsieb li jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jimplimentawhom. Fi żmien xahar minn meta jirċievu dawk ir-rakkomandazzjonijiet, għandhom jadottaw rapport ta' implimentazzjoni tal-awditu li jistabbilixxi dawk il-miżuri. Meta ma jimplimentawx ir-rakkomandazzjonijiet operazzjonali, fir-rapport ta' implimentazzjoni tal-awditu, dawn għandhom jiġġustifikaw ir-raġunijiet għalfejn ma għamlux dan u jistabbilixxu kwalunkwe miżura alternattiva li jkunu ħadu biex jindirizzaw kwalunkwe istanza ta' nuqqas ta' konformità identifikata.

7.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 87 biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tistabbilixxi r-regoli meħtieġa għat-twettiq tal-awditi skont dan l-Artikolu, b'mod partikolari fir-rigward tar-regoli meħtieġa dwar il-passi proċedurali, il-metodoloġiji tal-awditjar u l-mudelli tar-rapportar għall-awditi mwettqa skont dan l-Artikolu. Dawk l-atti delegati għandhom iqisu kwalunkwe standard tal-awditjar volontarju msemmi fl-Artikolu 44(1), punt (e).

Artikolu 39

Trasparenza addizzjonali fir-reklamar online

1.   Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna li jippreżentaw reklamar fuq l-interfaċċi online tagħhom għandhom jikkompilaw u jagħmlu disponibbli għall-pubbliku f'taqsima speċifika tal-interfaċċa online tagħhom, permezz ta' għodda konsultabbli u affidabbli li tippermetti tfittxijiet b'diversi kriterji, u permezz tal-interfaċċi tal-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet, repożitorju li jkun fih l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, għall-perjodu sħiħ li fih jippreżentaw reklam u sa sena wara li r-reklam ikun ġie ppreżentat għall-aħħar darba fuq l-interfaċċi online tagħhom. Għandhom jiżguraw li r-repożitorju ma jkun fih l-ebda data personali tar-riċevituri tas-servizz li lilhom ikun ġie ppreżentat jew seta' ġie ppreżentat ir-reklam, u għandhom jagħmlu sforzi raġonevoli biex jiżguraw li l-informazzjoni tkun eżatta u kompluta.

2.   Ir-repożitorju għandu jinkludi mill-inqas l-informazzjoni kollha li ġejja:

(a)

il-kontenut tar-reklam, inkluż l-isem tal-prodott, is-servizz jew il-marka u s-suġġett tar-reklam;

(b)

il-persuna fiżika jew ġuridika li f'isimha jkun qed jiġi ppreżentat ir-reklam;

(c)

il-persuna fiżika jew ġuridika li tkun ħallset għar-reklam, jekk dik il-persuna tkun differenti mill-persuna msemmija fil-punt (b);

(d)

il-perjodu li matulu jkun ġie ppreżentat ir-reklam;

(e)

jekk ir-reklam kienx maħsub biex jiġi ppreżentat speċifikament lil grupp wieħed jew aktar ta' riċevituri tas-servizz u, jekk iva, il-parametri ewlenin użati għal dak il-għan, fosthom, fejn applikabbli, il-parametri ewlenin użati għall-esklużjoni ta' wieħed jew aktar minn dawn il-gruppi partikolari;

(f)

il-komunikazzjonijiet kummerċjali ppubblikati fuq il-pjattaformi online kbar ħafna u identifikati skont l-Artikolu 26(2);

(g)

l-għadd totali ta' riċevituri tas-servizz milħuq u, meta applikabbli, numri aggregati mqassmin għal kull Stat Membru għall-grupp jew għall-gruppi ta' riċevituri li għalihom kien immirat speċifikament ir-reklam.

3.   Fir-rigward tal-paragrafu 2, punti (a), (b) u (c), meta fornitur ta' pjattaforma online kbira ħafna u ta’ magna tat-tiftix online kbira ħafna jkun neħħa jew iddiżattiva l-aċċess għal reklam speċifiku abbażi tal-allegata illegalità jew inkompatibbiltà mat-termini u l-kondizzjonijiet tiegħu, ir-repożitorju ma għandux jinkludi l-informazzjoni msemmija f'dawk il-punti. F'dak il-każ, ir-repożitorju għandu jinkludi, għar-reklam speċifiku kkonċernat, l-informazzjoni msemmija, fl-Artikolu 17(3), punti (a) sa (e), jew fl-Artikolu 9(2), punt (a)(i), kif applikabbli.

Il-Kummissjoni tista', wara konsultazzjoni mal-Bord, ir-riċerkaturi verifikati rilevanti msemmija fl-Artikolu 40 u l-pubbliku, toħroġ linji gwida dwar l-istruttura, l-organizzazzjoni u l-funzjonalitajiet tar-repożitorji msemmija f'dan l-Artikolu.

Artikolu 43

Tariffa superviżorja

1.   Il-Kummissjoni għandha timponi tariffa superviżorja annwali fuq il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħadna u magni tat-tiftix online kbar ħafna mad-deżinjazzjoni tagħhom skont l-Artikolu 33.

2.   L-ammont globali tat-tariffi superviżorji annwali għandu jkopri l-ispejjeż stmati li l-Kummissjoni ġġarrab fir-rigward tal-kompiti superviżorji tagħha skont dan ir-Regolament, b'mod partikolari l-ispejjeż relatati man-nomina skont l-Artikolu 33, l-istabbiliment, il-manutenzjoni u l-operat tal-bażi tad-data skont l-Artikolu 24(5) u s-sistema ta' kondiviżjoni tal-informazzjoni skont l-Artikolu 85, ir-riferimenti skont l-Artikolu 59, l-appoġġ lill-Bord skont l-Artikolu 62 u l-kompiti superviżorji skont l-Artikolu 56 u t-Taqsima 4 tal-Kapitolu IV.

3.   Il-fornituri ta' pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jintalbu jħallsu tariffa superviżorja annwali għal kull servizz li għalih ikunu ġew deżinjati skont l-Artikolu 33.

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu l-ammont tat-tariffa superviżorja annwali fir-rigward ta' kull fornitur ta' pjattaformi online kbira ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna. Meta tadotta dawk l-atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tapplika l-metodoloġija stabbilita fl-att delegat msemmi fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu u għandha tirrispetta l-prinċipji stabbiliti fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 88.

4.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati, f’konformità mal-Artikolu 87, li jistabbilixxu l-metodoloġija dettaljata u l-proċeduri għal:

(a)

id-determinazzjoni tal-ispejjeż imsemmija fil-paragrafu 2;

(b)

id-determinazzjoni tat-tariffi superviżorji annwali individwali msemmija fil-paragrafu 5, punti (b) u (c);

(c)

id-determinazzjoni tal-limitu globali massimu definit fil-paragrafu 5, punt (c); u

(d)

l-arranġamenti dettaljati neċessarji biex isiru l-pagamenti.

Meta tadotta dawk l-atti delegati, il-Kummissjoni għandha tirrispetta l-prinċipji stabbiliti fil-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu.

5.   L-att ta' implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 3 u l-att delegat imsemmi fil-paragrafu 4 għandhom jirrispettaw il-prinċipji li ġejjin:

(a)

l-istima tal-ammont kumplessiv tat-tariffa superviżorja annwali tqis l-ispejjeż imġarrba fis-sena preċedenti;

(b)

it-tariffa superviżorja annwali hija proporzjonata għall-medja fix-xahar ta' riċevituri attivi fl-Unjoni ta' kull pjattaforma online kbira ħafna jew kull magna tat-tiftix online kbira ħafna iddeżinjati skont l-Artikolu 33;

(c)

l-ammont totali tat-tariffa superviżorja annwali imposta fuq fornitur partikolari ta' pjattaforma online kbira ħafna jew magna tat-tiftix online kbira ħafna ma għandu, fl-ebda każ, jaqbeż iż-0,05 % tal-introjtu nett annwali globali tiegħu fis-sena finanzjarja preċedenti.

6.   It-tariffi superviżorji annwali individwali mħallsa skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandhom jikkostitwixxu dħul assenjat estern skont l-Artikolu 21(5) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (41).

7.   Il-Kummissjoni għandha tirrapporta kull sena lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-ammont globali tal-ispejjeż imġarrba għat-twettiq tal-kompiti skont dan ir-Regolament u l-ammont totali tat-tariffi superviżorji annwali individwali imposti fis-sena preċedenti.

TAQSIMA 6

Dispożizzjonijiet oħra dwar l-obbligi ta' diliġenza dovuta

Artikolu 71

Impenji

1.   Jekk, waqt il-proċedimenti skont din it-Taqsima, il-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat joffri impenji biex jiżgura l-konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista' b'deċiżjoni tagħmel dawk l-impenji vinkolanti fuq il-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernata u tiddikjara li ma hemm l-ebda raġuni oħra għal azzjoni.

2.   Meta tintalab jew b'inizjattiva tagħha stess, il-Kummissjoni tista' tiftaħ mill-ġdid il-proċedimenti meta:

(a)

kien hemm bidla materjali f'xi wieħed mill-fatti li fuqhom ġiet ibbażata d-deċiżjoni;

(b)

meta l-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat jaġixxi kontra l-impenji tiegħu; jew

(c)

meta d-deċiżjoni tkun ġiet ibbażata fuq informazzjoni mhux kompluta, skorretta jew qarrieqa pprovduta mill-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat jew persuna oħra msemmija fl-Artikolu 67(1).

3.   Meta l-Kummissjoni jidhrilha li l-impenji offruti mill-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat ma jkunux jistgħu jiżguraw konformità effettiva mad-dispożizzjonijiet rilevanti ta' dan ir-Regolament, din għandha tirrifjuta dawk l-impenji f'deċiżjoni motivata meta tikkonkludi l-proċedimenti.

Artikolu 82

Talbiet għal restrizzjonijiet tal-aċċess u kooperazzjoni mal-qrati nazzjonali

1.   Meta jkunu ġew eżawriti s-setgħat kollha skont din it-Taqsima biex jitwaqqaf ksur ta' dan ir-Regolament, u l-ksur jippersisti u jikkawża ħsara serja li ma tistax tkun evitata bl-eżerċizzju ta' setgħat oħra disponibbli skont il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali, il-Kummissjoni tista' titlob lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna kkonċernat biex jaġixxi skont l-Artikolu 51(3).

Qabel ma tagħmel din it-talba lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali, il-Kummissjoni għandha tistieden lill-partijiet interessati biex jissottomettu osservazzjonijiet bil-miktub fi żmien li ma għandux ikun inqas minn erbatax-il jum ta' xogħol, u jiddeskrivu l-miżuri li jkun beħsiebhom jitolbu u jidentifikaw id-destinatarju jew id-destinatarji intenzjonati tagħhom.

2.   Meta l-applikazzjoni koerenti ta' dan ir-Regolament tkun teżiġi dan, il-Kummissjoni, waqt li taġixxi b'inizjattiva tagħha stess, tista' tissottometti osservazzjonijiet bil-miktub lill-awtorità ġudizzjarja kompetenti msemmija fl-Artikolu 51(3). Bil-permess tal-awtorità ġudizzjarja inkwistjoni, din tista' tagħmel ukoll osservazzjonijiet orali.

Għall-fini tat-tħejjija tal-osservazzjonijiet tagħha biss, il-Kummissjoni tista' titlob lil dik l-awtorità ġudizzjarja biex tittrażmettilha jew tiżgura t-trażmissjoni lilha ta' kull dokument meħtieġ għall-valutazzjoni tal-każ.

3.   Meta qorti nazzjonali tiddeċiedi dwar kwistjoni li hija diġà s-suġġett ta' deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni skont dan ir-Regolament, dik il-qorti nazzjonali ma għandha tieħu l-ebda deċiżjoni li tmur kontra dik id-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Il-qrati nazzjonali għandhom jevitaw li jieħdu deċiżjonijiet li huma f'kunflitt ma deċiżjoni li beħsiebha tieħu l-Kummissjoni fi proċedimenti li tkun bdiet fl-ambitu ta' dan ir-Regolament. Għal dak il-għan, qorti nazzjonali tista' tivvaluta jekk huwiex neċessarju li tissospendi l-proċedimenti tagħha. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 267 tat-TFUE.

Artikolu 87

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikoli 24, 33, 37, 40 u 43 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal ħames snin mis-16 ta’ Novembru 2022. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux aktar tard minn disa' xhur qabel tmiem tal-perjodu ta' ħames snin. Id-delega ta' setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta' żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perjodu.

3.   Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikoli 24, 33, 37, 40 u 43 tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma’ tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikoli 24, 33, 37, 40 u 43 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien tliet xhur min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.


whereas









keyboard_arrow_down