search


keyboard_tab Digital Market Act 2022/1925 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2022/1925 MT cercato: 'trasparenti' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index trasparenti:


whereas trasparenti:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 394

 

Artikolu 6

Obbligi għall-gwardjani li huma suxxettibbli li jiġu speċifikati aktar skont l-Artikolu 8

1.   Il-gwardjan għandu jikkonforma mal-obbligi kollha stabbilti f’dan l-Artikolu fir-rigward ta’ kull wieħed mis-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tiegħu elenkati fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni skont l-Artikolu 3(9).

2.   Il-gwardjan ma għandux juża, f’kompetizzjoni mal-utenti kummerċjali, kwalunkwe data li ma tkunx disponibbli għall-pubbliku li tiġi ġġenerata jew ipprovduta minn dawk l-utenti kummerċjali fil-kuntest tal-użu tagħhom tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma rilevanti jew tas-servizzi pprovduti flimkien mas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma rilevanti jew b’appoġġ għalihom, inkluż data ġġenerata jew ipprovduta mill-konsumaturi ta’ dawk l-utenti kummerċjali.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, id-data li mhijiex disponibbli pubblikament għandha tinkludi kwalunkwe data aggregata u mhux aggregata ġġenerata mill-utenti kummerċjali li tista’ tiġi dedotta mill-attivitajiet kummerċjali tal-utenti kummerċjali jew tal-konsumaturi tagħhom jew miġbura permezz tagħhom, inkluż data dwar il-klikks, it-tiftix, il-viżjonijiet u l-vuċi, dwar is-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma rilevanti jew dwar servizzi pprovduti flimkien ma’, jew b’appoġġ għas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma rilevanti tal-gwardjan.

3.   Il-gwardjan għandu jippermetti u jagħmel possibbli b’mod tekniku li l-utenti finali jneħħu faċilment kwalunkwe applikazzjoni tas-software fis-sistema operattiva tal-gwardjan, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li dak il-gwardjan jillimita din id-diżinstallazzjoni b’rabta ma’ applikazzjonijiet tas-software li huma essenzjali għall-funzjonament tas-sistema operattiva jew tal-apparat u li ma jistgħux teknikament jiġu offruti waħedhom minn partijiet terzi.

Il-gwardjan għandu jippermetti u jagħmel possibbli b’mod tekniku li l-utenti finali jibdlu faċilment is-settings prestabbiliti fis-sistema operattiva, l-assistent virtwali u l-web browser tal-gwardjan li jidderieġu jew imexxu lill-utenti finali lejn prodotti jew servizzi pprovduti mill-gwardjan. Dan jinkludi t-tħeġġiġ tal-utenti finali, fil-mument tal-ewwel użu mill-utenti finali ta’ magna tat-tiftix online, assistent virtwali jew web browser tal-gwardjan elenkati fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni skont l-Artikolu 3(9), biex jagħżlu, minn lista tal-fornituri tas-servizzi ewlenin disponibbli, il-magna tat-tiftix online, l-assistent virtwali jew il-web browser li s-sistema operattiva tal-gwardjan tidderieġi jew tmexxi lill-utenti b’mod awtomatiku, u l-magna tat-tiftix online li l-assistent virtwali u l-web browser tal-gwardjan jidderieġu jew imexxu lill-utenti b’mod prestabbilit.

4.   Il-gwardjan għandu jippermetti u jagħmel possibbli b’mod tekniku l-installazzjoni u l-użu effettiv ta’ applikazzjonijiet tas-software jew ħwienet ta’ applikazzjonijiet tas-software ta’ partijiet terzi li jużaw, jew li joperaw ma’, sistemi operattivi tiegħu, u jippermetti li dawk l-applikazzjonijiet tas-software jew il-ħwienet ta’ applikazzjonijiet tas-software jiġu aċċessati b’mezzi oħra għajr is-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma rilevanti ta’ dak il-gwardjan. Fejn applikabbli, il-gwardjan ma għandux iwaqqaf l-applikazzjonijiet tas-software jew il-ħwienet ta’ applikazzjonijiet tas-software ta’ parti terza li jkunu niżżlu milli jħeġġu lill-utenti finali jiddeċiedu jekk iridux jissettjawhom bħala prestabbiliti. Il-gwardjan għandu jagħmilha possibbli b’mod tekniku li l-utenti finali li jiddeċiedu li jissettjaw dik l-applikazzjoni tas-software jew il-ħanut ta’ applikazzjonijiet tas-software li jkunu niżżlu bħala prestabbiliti biex iwettqu dik il-bidla faċilment.

Il-gwardjan ma għandux jitwaqqaf milli jieħu, sa fejn huma strettament meħtieġa u proporzjonati, miżuri biex jiżgura li applikazzjonijiet tas-software jew ħwienet ta’ applikazzjonijiet tas-software ta’ partijiet terzi ma jipperikolawx l-integrità tal-hardware jew tas-sistema operattiva pprovduta mill-gwardjan, dment li tali miżuri jkunu debitament ġustifikati mill-gwardjan.

Barra minn hekk, il-gwardjan ma għandux jitwaqqaf milli japplika, sa fejn huma strettament meħtieġa u proporzjonati, miżuri u settings għajr settings prestabbiliti, li jippermettu lill-utenti finali jipproteġu b’mod effettiv is-sigurtà fir-rigward ta’ applikazzjonijiet tas-software jew ħwienet ta’ applikazzjonijiet tas-software ta’ partijiet terzi, dment li tali miżuri u settings għajr settings prestabbiliti jkunu debitament ġustifikati mill-gwardjan.

5.   Il-gwardjan ma għandux jittratta b’mod aktar favorevoli, fil-klassifikazzjoni u fl-indiċjar u l-crawling relatati, servizzi u prodotti offruti mill-gwardjan innifsu meta mqabbla ma’ servizzi jew prodotti simili ta’ parti terza. Il-gwardjan għandu japplika kondizzjonijiet trasparenti, ġusti u mhux diskriminatorji għal tali klassifikazzjoni.

6.   Il-gwardjan ma għandux jillimita teknikament jew b’xi mod ieħor l-abbiltà tal-utenti finali li jaqilbu bejn, u jabbonaw ma’, applikazzjonijiet tas-software u servizzi differenti li jiġu aċċessati bl-użu tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tal-gwardjan, inkluż fir-rigward tal-għażla ta’ servizzi ta’ aċċess għall-internet għall-utenti finali.

7.   Il-gwardjan għandu jippermetti lill-fornituri ta’ servizzi u lill-fornituri ta’ hardware, mingħajr ħlas, interoperabbiltà effettiva ma’, u aċċess għall-finijiet ta’ interoperabbiltà għall-istess karatteristiċi tal-hardware u tas-software aċċessati jew ikkontrollati permezz tas-sistema operattiva jew l-assistent virtwali elenkat fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni skont l-Artikolu 3(9) li jkunu disponibbli għas-servizzi jew il-hardware ipprovduti mill-gwardjan. Barra minn hekk, il-gwardjan għandu jippermetti lill-utenti kummerċjali u lill-fornituri alternattivi ta’ servizzi pprovduti flimkien ma’ servizzi ewlenin ta’ pjattaforma, jew b’appoġġ għalihom, mingħajr ħlas, interoperabbiltà effettiva ma’, u aċċess għall-finijiet ta’ interoperabbiltà għall-istess sistema operattiva, tal-hardware jew tal-karatteristiċi tas-software, irrispettivament minn jekk dawk il-karatteristiċi jkunux parti mis-sistema operattiva, kif ikunu disponibbli jew użati minn dak il-gwardjan meta jipprovdi tali servizzi.

Il-gwardjan ma għandux jitwaqqaf milli jieħu miżuri strettament meħtieġa u proporzjonati biex jiżgura li l-interoperabbiltà ma tikkompromettix l-integrità tas-sistema operattiva, tal-assistent virtwali, tal-karatteristiċi tal-hardware jew tas-software pprovduti mill-gwardjan, dment li tali miżuri jkunu debitament ġustifikati mill-gwardjan.

8.   Il-gwardjan għandu jipprovdi lir-reklamaturi u lill-pubblikaturi, kif ukoll lil partijiet terzi awtorizzati minn reklamaturi u pubblikaturi, fuq talba tagħhom u mingħajr ħlas, aċċess għall-għodod tal-kejl tal-prestazzjoni tal-gwardjan u għad-data meħtieġa biex ir-reklamaturi u l-pubblikaturi jwettqu l-verifika indipendenti tagħhom stess tal-inventarju tar-reklami, inkluż data aggregata u mhux aggregata. Tali data għandha tiġi pprovduta b’mod li jippermetti lir-reklamaturi u lill-pubblikaturi jħaddmu l-għodod ta’ verifika u ta’ kejl tagħhom stess biex jivvalutaw il-prestazzjoni tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma pprovduti mill-gwardjani.

9.   Il-gwardjan għandu jipprovdi lill-utenti finali u lil partijiet terzi awtorizzati minn utent finali, fuq talba tagħhom u mingħajr ħlas, portabbiltà effettiva tad-data pprovduta mill-utent finali jew iġġenerata permezz tal-attività tal-utent finali fil-kuntest tal-użu tas-servizz ewlieni ta’ pjattaforma rilevanti, inkluż billi jipprovdi, mingħajr ħlas, għodod biex jiffaċilita l-eżerċizzju effettiv ta’ tali portabbiltà tad-data, u inkluż bil-forniment ta’ aċċess kontinwu u f’ħin reali għal tali data.

10.   Il-gwardjan għandu jipprovdi lill-utenti kummerċjali u lil partijiet terzi awtorizzati minn utent kummerċjali, fuq talba tagħhom, mingħajr ħlas, b’aċċess u użu effettiv, ta’ kwalità għolja, kontinwu u f’ħin reali, tad-data aggregata u mhux aggregata, inkluż data personali, li tkun ipprovduta jew iġġenerata fil-kuntest tal-użu tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma rilevanti jew tas-servizzi pprovduti flimkien mas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma rilevanti, jew b’appoġġ għalihom, mill-utenti kummerċjali u mill-utenti finali li jinteraġixxu mal-prodotti jew is-servizzi pprovduti minn dawk l-utenti kummerċjali. Fir-rigward tad-data personali, il-gwardjan għandu jipprovdi għal tali aċċess għal data personali u użu tagħha biss meta d-data tkun konnessa direttament mal-użu li jkun sar mill-utenti finali fir-rigward tal-prodotti jew is-servizzi offruti mill-utent kummerċjali rilevanti permezz tas-servizz ewlieni ta’ pjattaforma rilevanti, u meta l-utenti finali jaċċettaw din il-kondiviżjoni billi jagħtu l-kunsens tagħhom.

11.   Il-gwardjan għandu jipprovdi lil kwalunkwe impriża terza li tipprovdi magni tat-tiftix online, fuq talba tagħha, b’termini ġusti, raġonevoli u nondiskriminatorji, b’aċċess għal data dwar il-klassifikazzjoni, il-mistoqsijiet, il-klikks u l-għadd ta’ dehriet fir-rigward ta’ tiftix mingħajr ħlas u bi ħlas iġġenerati mill-utenti finali fuq il-magni tat-tiftix online tiegħu. Kwalunkwe data bħal din dwar il-mistoqsijiet, il-klikks u l-viżjonijiet li tikkostitwixxi data personali għandha tiġi anonimizzata.

12.   Il-gwardjan għandu japplika kondizzjonijiet ġenerali tal-aċċess ġusti, raġonevoli u nondiskriminatorji għall-utenti kummerċjali għall-ħwienet ta’ applikazzjonijiet tas-software, għall-magni tat-tiftix online u għas-servizzi ta’ networking soċjali online tiegħu elenkati fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni skont l-Artikolu 3(9).

Għal dak il-għan, il-gwardjan għandu jippubblika l-kondizzjonijiet ġenerali tal-aċċess, inkluż mekkaniżmu alternattiv għas-soluzzjoni tat-tilwim.

Il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk il-kondizzjonijiet ġenerali tal-aċċess ippubblikati jikkonformawx ma’ dan il-paragrafu.

13.   Il-gwardjan ma għandux ikollu kondizzjonijiet ġenerali għat-terminazzjoni tal-forniment ta’ servizz ewlieni tal-pjattaforma li jkunu sproporzjonati. Il-gwardjan għandu jiżgura li l-kondizzjonijiet ta’ terminazzjoni jkunu jistgħu jiġu eżerċitati mingħajr diffikultà żejda.

Artikolu 11

Rappurtar

1.   Fi żmien sitt xhur wara d-deżinjazzjoni tiegħu skont l-Artikolu 3, u skont l-Artikolu 3(10), il-gwardjan għandu jipprovdi lill-Kummissjoni b’rapport li jiddeskrivi b’mod dettaljat u trasparenti l-miżuri li jkun implimenta biex jiżgura l-konformità mal-obbligi stipulati fl-Artikoli 5, 6 u 7.

2.   Sal-iskadenza msemmija fil-paragrafu 1, il-gwardjan għandu jippubblika u jipprovdi lill-Kummissjoni sommarju mhux kunfidenzjali ta’ dak ir-rapport.

Il-gwardjan għandu jaġġorna dak ir-rapport u dak is-sommarju mhux kunfidenzjali mill-inqas darba fis-sena.

Il-Kummissjoni għandha tagħmel link għal dak is-sommarju mhux kunfidenzjali disponibbli fuq is-sit web tagħha.


whereas









keyboard_arrow_down