search


keyboard_tab Digital Market Act 2022/1925 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2022/1925 MT cercato: 'tal-investigazzjoni' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index tal-investigazzjoni:


whereas tal-investigazzjoni:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 420

 

Artikolu 16

Ftuħ ta’ investigazzjoni tas-suq

1.   Meta l-Kummissjoni tkun beħsiebha twettaq investigazzjoni tas-suq bil-ħsieb ta’ adozzjoni possibbli ta’ deċiżjonijiet skont l-Artikoli 17, 18 u 19, din għandha tadotta deċiżjoni tal-ftuħ ta’ investigazzjoni tas-suq.

2.   Minkejja l-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista’ teżerċita s-setgħat investigattivi tagħha skont dan ir-Regolament qabel ma tiftaħ investigazzjoni tas-suq skont dak il-paragrafu.

3.   Id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tispeċifika:

(a)

id-data tal-ftuħ ta’ investigazzjoni tas-suq;

(b)

id-deskrizzjoni tal-kwistjoni li dwarha qed issir l-investigazzjoni tas-suq;

(c)

l-iskop tal-investigazzjoni tas-suq.

4.   Il-Kummissjoni tista’ tiftaħ mill-ġdid investigazzjoni tas-suq li tkun għalqet meta:

(a)

tkun saret bidla materjali f’xi wieħed mill-fatti li fuqhom tkun issejset deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 17, 18 jew 19; jew

(b)

id-deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 17, 18 jew 19 tkun issejset fuq informazzjoni mhux kompluta, skorretta jew qarrieqa.

5.   Il-Kummissjoni tista’ titlob lil awtorità kompetenti nazzjonali waħda jew aktar biex tassistiha fl-investigazzjoni tas-suq tagħha.

Artikolu 18

Investigazzjoni tas-suq dwar nonkonformità sistematika

1.   Il-Kummissjoni tista’ twettaq investigazzjoni tas-suq bil-għan li teżamina jekk gwardjan kienx involut f’nonkonformità sistematika. Il-Kummissjoni għandha tikkonkludi dik l-investigazzjoni tas-suq fi żmien 12-il xahar mid-data msemmija fl-Artikolu 16(3), punt (a). Meta l-investigazzjoni tas-suq turi li gwardjan ikun kiser b’mod sistematiku wieħed jew aktar mill-obbligi stipulati fl-Artikoli 5, 6 jew 7 u jkun żamm, saħħaħ jew estenda l-pożizzjoni ta’ gwardjan tiegħu fir-rigward tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 3(1), il-Kummissjoni tista’ tadotta att ta’ implimentazzjoni li jimponi fuq dan il-gwardjan kwalunkwe rimedju komportamentali jew strutturali li jkun proporzjonat u meħtieġ biex tiġi żgurata konformità effettiva ma’ dan ir-Regolament. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 50(2).

2.   Ir-rimedju impost f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jista’ jinkludi, sa fejn tali rimedju jkun proporzjonat u meħtieġ sabiex jinżammu jew jiġu restawrati l-korrettezza u l-kontestabbiltà kif affettwati min-nonkonformità sistematika, il-projbizzjoni, matul perjodu limitat, għall-gwardjan milli jidħol f’konċentrazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 fir-rigward tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma jew is-servizzi l-oħra pprovduti fis-settur diġitali jew li jippermetti l-ġbir ta’ data li hija affettwata min-nonkonformità sistematika.

3.   Gwardjan għandu jitqies li jkun wettaq nonkonformità sistematika mal-obbligi stipulati fl-Artikoli 5, 6 u 7, meta l-Kummissjoni tkun ħarġet mill-inqas tliet deċiżjonijiet ta’ nonkonformità skont l-Artikolu 29 kontra gwardjan b’rabta ma’ xi wieħed mis-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tiegħu fi żmien tmien snin qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-ftuħ ta’ investigazzjoni tas-suq fid-dawl tal-adozzjoni possibbli ta’ deċiżjoni skont dan l-Artikolu.

4.   Il-Kummissjoni għandha tikkomunika s-sejbiet preliminari tagħha lill-gwardjan ikkonċernat fi żmien sitt xhur mid-data msemmija fl-Artikolu 16(3), punt (a). Fis-sejbiet preliminari tagħha, il-Kummissjoni għandha tispjega jekk preliminarjament tqisx li l-kondizzjonijiet tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu huma ssodisfati u liema rimedju/i tqis preliminarjament li huma meħtieġa u proporzjonati.

5.   Sabiex il-partijiet terzi interessati jkunu jistgħu jipprovdu kummenti b’mod effettiv, il-Kummissjoni għandha, fl-istess ħin li tikkomunika s-sejbiet preliminari tagħha lill-gwardjan skont il-paragrafu 4 jew malajr kemm jista’ jkun wara dan, tippubblika sommarju mhux kunfidenzjali tal-każ u r-rimedji li tkun qed tqis li timponi. Il-Kummissjoni għandha tispeċifika perjodu ta’ żmien raġonevoli li fih għandhom jiġu pprovduti tali kummenti.

6.   Meta l-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni li tadotta deċiżjoni skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu billi tagħmel vinkolanti l-impenji offruti mill-gwardjan skont l-Artikolu 25, hija għandha tippubblika sommarju mhux kunfidenzjali tal-każ u l-kontenut ewlieni tal-impenji. Il-partijiet terzi interessati jistgħu jressqu l-kummenti tagħhom f’perjodu ta’ żmien raġonevoli li għandu jiġi stabbilit mill-Kummissjoni.

7.   Matul l-investigazzjoni tas-suq, il-Kummissjoni tista’ testendi t-tul ta’ żmien tal-investigazzjoni meta tali estensjoni tkun iġġustifikata għal raġunijiet oġġettivi u proporzjonati. L-estensjoni tista’ tapplika għall-iskadenza sa meta l-Kummissjoni jkollha tippreżenta s-sejbiet preliminari tagħha, jew għall-iskadenza tal-adozzjoni tad-deċiżjoni finali. It-tul ta’ żmien totali ta’ kwalunkwe estensjoni jew estensjonijiet skont dan il-paragrafu ma għandux jaqbeż is-sitt xhur.

8.   Sabiex jiġi żgurat li l-gwardjan jikkonforma b’mod effettiv mal-obbligi tiegħu stabbiliti fl-Artikoli 5, 6 u 7, il-Kummissjoni għandha regolarment tirrieżamina r-rimedji li timponi f’konformità mal-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu. Il-Kummissjoni għandha tkun intitolata li timmodifika dawk ir-rimedji jekk, wara investigazzjoni ġdida tas-suq, issib li mhumiex effettivi.

Artikolu 40

Il-grupp ta’ livell għoli

1.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi grupp ta’ livell għoli għall-Att dwar is-Swieq Diġitali (“il-grupp ta’ livell għoli”).

2.   Il-grupp ta’ livell għoli għandu jkun magħmul mill-korpi u n-networks Ewropej li ġejjin:

(a)

il-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi,

(b)

il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u l-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data,

(c)

in-Network Ewropew għall-Kompetizzjoni,

(d)

in-Network ta’ Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur, u

(e)

il-Grupp Regolatorju Ewropew ta’ Regolaturi tal-Media Awdjoviżiva.

3.   Il-korpi u n-networks Ewropej imsemmija fil-paragrafu 2 għandu jkollhom għadd ugwali ta’ rappreżentanti fil-grupp ta’ livell għoli. L-għadd massimu ta’ membri tal-grupp ta’ livell għoli ma għandux jaqbeż 30.

4.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi servizzi ta’ segretarjat lill-grupp ta’ livell għoli sabiex tiffaċilita l-ħidma tiegħu. Il-grupp ta’ livell għoli għandu jkun ippresedut mill-Kummissjoni, li għandha tipparteċipa fil-laqgħat tiegħu. Il-grupp ta’ livell għoli għandu jiltaqa’ fuq talba tal-Kummissjoni mill-inqas darba kull sena kalendarja. Il-Kummissjoni għandha ssejjaħ ukoll laqgħa tal-grupp meta tintalab tagħmel dan mill-maġġoranza tal-membri li jiffurmaw il-grupp sabiex tiġi indirizzata kwistjoni speċifika.

5.   Il-grupp ta’ livell għoli jista’ jipprovdi lill-Kummissjoni b’pariri u għarfien espert fl-oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenzi tal-membri tiegħu, inkluż:

(a)

pariri u rakkomandazzjonijiet li jaqgħu taħt l-għarfien espert tagħhom rilevanti għal kwalunkwe kwistjoni ġenerali ta’ implimentazzjoni jew ta’ infurzar ta’ dan ir-Regolament; jew

(b)

pariri u għarfien espert li jippromwovu approċċ regolatorju konsistenti fi strumenti regolatorji differenti.

6.   Il-grupp ta’ livell għoli jista’, b’mod partikolari, jidentifika u jivvaluta l-interazzjonijiet attwali u potenzjali bejn dan ir-Regolament u r-regoli speċifiċi għas-setturi applikati mill-awtoritajiet nazzjonali li jiffurmaw il-korpi u n-networks Ewropej imsemmija fil-paragrafu 2 u jippreżenta rapport annwali lill-Kummissjoni li jippreżenta tali valutazzjoni u jidentifika kwistjonijiet transregolatorji potenzjali. Tali rapport jista’ jkun akkumpanjat minn rakkomandazzjonijiet li għandhom l-għan li jikkonverġu lejn approċċi transdixxiplinari konsistenti u sinerġiji bejn l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u regolamenti settorjali oħra. Ir-rapport għandu jiġi komunikat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

7.   Fil-kuntest tal-investigazzjonijiet tas-suq f’servizzi ġodda u prattiki ġodda, il-grupp ta’ livell għoli jista’ jipprovdi għarfien espert lill-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li jiġu emendati, miżjuda jew imneħħija regoli f’dan ir-Regolament, biex jiġi żgurat li s-swieq diġitali madwar l-Unjoni jkunu kontestabbli u ġusti.


whereas









keyboard_arrow_down